Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0257

Ir-Regolament (KE) Nru 257/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2001 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri li jippromwovu żvilupp ekonomiku u soċjali fit-Turkija

ĠU L 39, 9.2.2001, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/257/oj

32001R0257



Official Journal L 039 , 09/02/2001 P. 0001 - 0004


Ir-Regolament (KE) Nru 257/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Jannar 2001

dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri li jippromwovu żvilupp ekonomiku u soċjali fit-Turkija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija huma bbażati prinċipalment fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tat-12 ta' Settembru 1963 [3] u fuq id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbiliti bil-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni.

(2) It-Turkija qed issegwi riformi sostanzjali biex ittejjeb l-ekonomija tagħha, biex tagħmel ristrutturazzjoni u biex iżżid l-effiċjenza tas-settur pubbliku tagħha, timmodernizza l-infrastruttura ekonomika u soċjali tagħha u tiżviluppa s-settur produttiv.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta' Cardiff tal-15 u tas-16 ta' Ġunju 1998 indika l-importanza li hu ta' lill-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea għat-Turkija u talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha, inklużi proposti fuq kwistjonijiet finanzjarji.

(4) Fil-pronvinċji tat-Turkija d-dħul hu mqassam b'mod mhux ugwali u biex taġixxi fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Cardiff, hu xieraq, b'mod partikolari, li dawn id-disparitajiet jiġu rrimedjati billi jkun hemm sostenn għall-iżvilupp tar-reġjuni li qed jibqgħu lura u billi tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

(5) Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 1999 irreferew għal għajnuna finanzjarja għat-Turkija.

(6) Il-Kunsill Ewropew ta' Helsinki ta' l-10 u tal-11 ta' Diċembru 1999 iddikjara li t-Turkija kienet Stat kandidat maħsub biex jissieħeb ma' l-Unjoni skond l-istess kriterji li huma applikati għall-Istati kandidati l-oħra.

(7) Id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma bbażati fuq ir-rispejtt tal-prinċipji demokratiċi, ta' l-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u fuq ir-rispett tal-liġi internazzjonali, li jsaħħu l-politika tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri, u dwar l-obbligi mindija fil-qafas tad-diversi ftehim f'dawn l-oqsma.

(8) Il-Komunità tagħti importanza kbira għall-bżonn li t-Turkija ttejjeb u tippromwovi l-prattika demokratika tagħha u r-rispett għad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, u tinvolvi aktar mill-qrib lis-soċjetà ċivili f'dak il-proċess.

(9) Il-Parlament Ewropew adotta numru ta' riżoluzzjonijiet partikolarment fuq l-importanza tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet mill-qrib bejn dak il-pajjiż u l-Unjoni Ewropea, notevolment dawk tat-13 ta' Diċembru 1995 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, tas-17 ta' Settembru 1998 dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni fuq l-iżviluppi fir-relazzjonijiet mat-Turkija mid-dħul fis-seħħ ta' l-għaqda doganali, tat-3 ta' Diċembru 1998 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi tar-relazzjonijiet mat-Turkija u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill bit-titlu "Strateġija Ewropea għat-Turkija: l-ewwel proposti operattivi tal-Kummissjoni" u tas-6 ta' Ottubru 1999 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea [4].

(10) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(11) Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [6], għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget.

(12) Il-proġetti u l-programmi ffinanzjati b'dan is-sostenn għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-Turkija, jgħinu jippromwovu d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranza tal-pajjiż, u jikkontribwixxu għar-riforma tal-politika tagħha ta' żvilupp u tar-ristrutturar tal-qafas istituzzjonali u ġuridiku tagħha sabiex jiżguraw konformità ma' dawn il-prinċipji.

(13) Il-proġetti u l-programmi ffinanzjati b'dan is-sostenn għandhom ikunu ta' benefiċċju fuq kollox għall-popolazzjoni kollha milquta mid-dewmien fl-iżvilupp tat-Turkija,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tgħin lit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tikseb żvilupp ekonomiku u soċjali.

Artikolu 2

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu 2000-2002 hu hawnhekk stabbilit għal 135 miljun EUR. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 3

1. Il-benefiċjarji tal-proġetti u ta' l-operazzjonijiet ta' koperazzjoni jistgħu jinkludu mhux biss lill-istati u r-reġjuni tat-Turkija imma wkoll lill-awtoritjiet lokali, organizzazzjonijiet reġjonali, korpi u dipartimenti pubbliċi, inkluż l-amministrazzjoni doganali, komunitajiet lokali jew tradizzjonali, organizzazzjonijiet li jappoġġjaw il-kummerċ, koperattivi u soċjetà ċivili, b'mod partikolari assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet mhux tal-gvern.

2. Fejn element essenzali għall-kontinwazzjoni ta' l-għajnuna għat-Turkija hi nieqsa, b'mod partikolari fil-każ ta' vjolazzjoni tal-prinċipji demokratiċi, ta' l-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali, u tal-liġi internazzjonali, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi dwar miżuri approprijati.

3. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi informazzjoni dwar il-programm indikattiv tagħha lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 ("Kumitat MED") u lill-kumitat parlamentari konġunt u lill-kumitat konġunt ekonomiku u soċjali UE-Turkija.

Artikolu 4

1. Il-proġetti u l-azzjonijiet ta' koperazzjoni jistgħu jkunu ffinanzjati fis-setturi ndikattivi li ġejjin:

(a) modernizzazzjoni tas-sistema produttiva, titjib tal-kapaċità istituzzjonali u ta' l-infrastruttura, partikolarment f'setturi ta' l-ambjent, ta' l-enerġija u tat-trasport, eskluż l-iżvilupp ta' l-enerġija nukleari, speċjalment f'żoni siżmiċi;

(b) promozzjoni tal-koperazzjoni industrijali li ssostni b'mod partikolari d-diversifikazzjoni industrijali u l-ħolqien ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(ċ) koperazzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni, ta' l-infrastruttura, ta' l-iżvilupp rurali u tas-servizzi soċjali;

(d) inkoraġġiment tal-kapaċità ta' l-ekonomija Torka, fost ħwejjeġ oħra, permezz ta' miżuri li jinkoraġixxu r-ristrutturar tas-settur pubbliku tal-pajjiż u l-inizjattiva privata;

(e) koperazzjoni fil-protezzjoni tas-saħħa;

(f) koperazzjoni fis-settur ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(g) koperazzjoni reġjonali u intrakonfini;

(h) kwalunkwe forma ta' koperazzjoni li tgħin biex tiddefendi u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranza u l-protezzjoni u r-rikonoxximent ta' l-identità kulturali tagħhom, u s-sostenn għal miżuri li huma favur it-tneħħija tal-piena kapitali;

(i) kwalunkwe forma ta' koperazzjoni li tfittex li ssolvi l-kwistjoni Kurda;

(j) koperazzjoni fuq kwistjonijiet umanitarji;

(k) miżuri li jippromwovu l-iżvilupp ta' djalogu soċjali fit-Turkija u bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea;

(l) il-metodi kollha ta' għajnuna mmirati biex jippromwovu l-iżvilupp ta' relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija;

(m) promozzjoni tal-koperazzjoni bejn l-amministrazzjoni pubblika taż-żewġ partijiet bil-għan li jkun hemm approssimazzjoni tal-leġislazzjoni u t-taħriġ tal-persunal, inkluż l-uffiċjali doganali.

2. Fejn xieraq, jistgħu jittieħdu miżuri ta' sostenn għal programm ta' aġġustament strutturali fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a) il-programmi ta' sostenn għandhom ikunu adattati, kemm jista' jkun possibli, għaċ-ċirkostanzi partikolari tat-Turkija u jieħdu f'konsiderazzjoni l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali;

(b) il-programmi ta' sostenn għandhom jinkludu miżuri biex inaqqsu kwalunkwe impatt negattiv tal-proċess ta' aġġustament strutturali f'termini soċjali u ta' impjieg, b'mod partikolari għall-aktar setturi żvantaġġati tal-populazzjoni;

(ċ) għandha tingħata konsiderazzjoni lis-sitwazzjoni ekonomika tat-Turkija, u b'mod partikolari l-iżbilanċi ekonomiċi fuq livell reġjonali, il-livell tagħha ta' obbligu morali u ta' ħlasijiet tas-servizz tad-dejn, is-sitwazzjoni tal-bilanċ ta' pagamenti u tad-disponibbiltà ta' munita barranija, is-sitwazzjoni monetarja, il-prodott gross domestiku għal kull bniedem u l-livell ta' qagħad.

Artikolu 5

1. Is-sostenn finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandu jingħata f'forma ta' sussidju.

2. L-istrumenti li għandhom jintużaw fil-kors ta' l-azzjonijiet koperti b'dan ir-Regolament għandhom jinkludu, fil-limiti stabbiliti mill-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali ta' budget, assistenza teknika, taħriġ jew servizzi oħra, fornitura u xogħolijiet, flimkien ma' kontrolli u missjonijiet ta' evalwazzjonijiet u kontroll.

3. Il-finanzjament komunitarju jista' jkopri investiment, bl-eċċezzjoni tax-xiri ta' bini, u spejjeż rikorrenti (inkluż spejjeż ta' amministrazzjoni, ta' manteniment u ta' operazzjoni), waqt li jkun ikkunsidrat il-fatt li l-proġett għandu l-għan li jkollu l-ispejjeż rikorrenti meħuda mill-benefiċjarji.

4. Għandu jitfittex kontribut finanzjarju mis-soċji mfissra fl-Artikolu 3 għal kull azzjoni ta' koperazzjoni. Il-kontribut mitlub għandu jkun fis-sens tas-soċji kkonċernati u għandu jiddependi min-natura ta' l-azzjoni. F'każijiet speċifiċi fejn is-soċju mhux organizzazzjoni tal-gvern jew hu organizzazzjoni bbażata fil-komunità, jista' jsir kontribut fin-natura.

5. Jistgħu jitfittxu opportunitajiet għal kofinanzjament ma' finanzjaturi oħra ta' fondi, speċjalment Stati Membri.

6. Il-miżuri neċessarji għandhom jittieħdu biex jenfasizzaw il-karattru komunitarju ta' l-għajnuna pprovduta skond dan ir-Regolament.

7. Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' koerenza u komplementarjetà msemmija fit-Trattat, u bil-għan li tkun garantita effiċjenza ottima għal dawn l-azzjonijiet bħala totali, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri ta' kordinazzjoni kollha neċessarji, notevolment:

(a) l-istabbiliment ta' sistemà għal skambju sistematiku u analiżi ta' informazzjoni fuq l-ippjanar ta' l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu, l-approvazzjoni ta' kull azzjoni individwali liema finanzjament hu taħt konsiderazzjoni mill-Komunità u mill-Istati Membri, u l-iżvilupp ta' l-azzjonijiet diġà approvati;

(b) kordinazzjoni fuq il-post ta' dawn l-azzjonijiet permezz ta' laqgħat regolari u skambju ta' informazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri fil-pajjiż benefiċjarju.

8. Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva neċessarja biex tkun żgurata kordinazzjoni proprja mal-finanzjaturi oħra tal-fondi nvoluti.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina, tapprova u tamministra l-azzjonijiet koperti b'dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget fis-seħħ, u b'mod partikolari skond dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [7].

2. Fil-valutazzjoni tal-proġetti u tal-programmi għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin:

(a) l-effikaċja u il-vijabilità ekonomika ta' l-azzjonijiet;

(b) l-aspetti kulturali, soċjali u dawk relattivi ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(ċ) il-konservazzjoni u l-protezzjoni ta' l-ambjent skond il-bażi tal-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli;

(d) l-iżvilupp istituzzjonali neċessarju għall-kisba ta' l-għanijiet tal-proġetti;

(e) l-esperjenza miskuba mill-azzjoni simili.

3. Deċiżjonijiet relatati ma' sussidji ta' aktar minn 2 miljun EUR għal azzjonijiet individwali ffinanzjati skond dan ir-Regolament għandhom jittieħdu taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat MED b'mod konċiż dwar kwalunkwe deċiżjonijiet finanzjarji li hi beħsiebha tieħu fir-rigward ta' proġetti u programmi b'valur ugwali għal, jew inqas minn, 2 miljuni EUR. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli minn ta' l-inqas ġimgħa qabel tittieħed id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tiffaċilita t-teħid ta' sussidju minn organizzazzjonijiet żgħar mhux tal-gvern mingħajr skop ta' profitt.

4. Meta l-qabża jew il-ħtieġa addizzjonali hi ugwali għal, jew inqas minn, 20 % tar-rabta inizjali ffisata mid-deċiżjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tapprova, mingħajr ma tfittex l-opinjoni tal-Kumitat MED, kwalunkwe rbiet addizzjonali meħtieġ biex ikopru l-ispejjeż maqbuża mistennija jew reali fir-rigward ta' l-operazzjonijiet.

Fejn ir-rabta addizzjonali msemmija fis-sottoparagrafu preċedenti hi inqas minn 4 miljun EUR, il-Kumitat MED għandu jkun informat bid-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni. Fejn din ir-rabta addizzjonali hi aktar minn 4 miljun EUR imma inqas minn 20 %, hi meħtieġa l-opinjoni tal-Kumitat.

5. Il-ftehim jew il-kuntratti kollha ta' finanzjament taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu biex il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jwettqu kontrolli fuq il-post skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni skond ir-regoli fis-seħħ, u b'mod partikolari skond dawk tar-Regolament Finanzjarju.

6. Fejn l-azzjonijiet huma s-suġġett ta' ftehim ta' finanzjament bejn il-Komunità u t-Turkija, ftehim bħal dawn għandhom jistipulaw li l-ħlas ta' taxxi, ta' dazji u ta' kwalunkwe piżijiet oħra mhumiex koperti mill-Komunità.

7. Parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti għal xogħol bl-appalt u l-għotja tal-kuntratti għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha naturali u ġuridiċi fl-Istati Membri u fit-Turkija.

8. Il-fornitura għandha toriġina mill-Istati Membri jew mit-Turkija.

Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-kumitat maħluq bir-Regolament (KE) Nru. 1488/96 [8], imsejjaħ il-"Kumitat MED".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat MED għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 8

Għandu jseħħ skambju ta' opinjonijiet darba fis-sena fuq il-bażi ta' preżentazzjoni mir-rappreżentant tal-Kummissjoni tal-programm indikattiv għall-azzjonijiet li għadhom jitwettqu fis-sena ta' wara, f'laqgħa tal-Kumitat MED.

Il-Parlament Ewropew għandu jkun informat bil-proposti u bir-riżultat tad-diskussjonijiet.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill matul l-ewwel kwart ta' kull sena. Dan ir-rapport għandu jkun fih minn ta' l-inqas dan li ġej:

(a) sommarju ddettaljat ta' l-azzjonijiet iffinanzjati matul is-sena finanzjarja preċedenti;

(b) il-programm indikattiv ippjanat għas-sena finanzjarja kurrenti u rendikont tal-programm magħmul fir-rigward ta' l-azzjonijiet inklużi fih;

(ċ) il-previżjonijiet għall-programm u l-azjzonijiet li għandhom jiġu esegwiti matul is-sena finanzjarja suċċessiva;

(d) sommarju ta' kwalunkwe evalwazzjoni magħmula, inklużi dawk relatati ma' azzjonijiet speċifiċi;

(e) informazzjoni dwar il-korpi li magħhom ġew konklużi l-ftehim jew il-kuntratti.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod regolari l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità bil-għan li tistabbilixxi jekk inkisbux l-għanijiet ta' l-operazzjonijiet u biex tipprovdi linji ta' gwida biex tittejjeb l-effikaċja ta' l-azzjonijiet tal-futur.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat MED sommarju ta' l-evalwazzjonijiet magħmula, li jistgħu jkunu eżaminati mill-Kumitat.

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe Stat Membru li jitlobhom.

Artikolu 11

Sitt xhur qabel it-tmiem tal-qafas finanzjarju ta' tliet snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill stima komplessiva ta' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament, flimkien ma' suġġerimenti relatati mal-futur ta' dan ir-Regolament u, fejn neċessarju, proposti biex ikun emendat.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Jannar 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU C 408, tad-29.12.1998, p. 18 uĠU C 311 E, tal-31.10.2000, p. 125.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 1999 (ĠU C 194, tal-11.7.2000, p. 48), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2000 (ĠU C 240, tat-23.8.2000, p. 25) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2000 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Diċembru 2000.

[3] ĠU C 217, tad-29.12.1964, p. 1.

[4] ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 46; ĠU C 313, tat-12.10.1998, p. 176; ĠU C 398, tal-21.12.1998, p. 57; ĠU C 107, tat-3.4.2000, p. 78.

[5] ĠU L 184, tas-17.07.99, p. 23.

[6] ĠU C 172, tat-18.06.99, p. 1.

[7] ĠU L 356, tal-31.12.77, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 2673/1999 (ĠU L 326, tat-18.12.99, p. 1).

[8] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1488/96 tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-miżuri finanzjarji u tekniċi li jakkumpanjaw (MEDA) ir-riforma ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja (ĠU L 189, tat-30.7.1996, p. 1). Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 780/98 (ĠU L 113, tal-15.4.1998, p. 3).

--------------------------------------------------

Top