EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0245

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2001 tal-5 ta’ Frar 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra

ĠU L 35, 6.2.2001, p. 18–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2008; Imħassar b' 32008R0507

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/245/oj

32001R0245



Official Journal L 035 , 06/02/2001 P. 0018 - 0027


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2001

tal-5 ta’ Frar 2001

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta’ Lulju 2000 fuq l-organizzazzjoni komuni fis-swieq tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi l-arranġamenti agromonetarji għall-Ewro [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1673/2000 jipprovdi inter alia għal miżuri li għandhom x’jaqsmu mas-suq intern tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra, li fihom l-għajnuna lill-proċessuri primarji awtorizzati tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb u lill-bdiewa li jkollhom tiben ipproċessat f’isimhom, li għalihom iridu jiġu stabbiliti regoli implimentattivi dettaljati.

(2) Il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu obduti mill-bdiewa li għandhom tiben ipproċessat f’isimhom għandhom jiġu stabbiliti. L-informazzjoni li għandha tintwera fil-kuntratti tax-xiri/tal-bejgħ, l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar u l-kuntratti ta’ l-ipproċessar li jkopru t-tiben kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandhom ukoll jiġu speċifikati.

(3) Xi proċessuri primarji tat-tiben tal-qanneb l-aktar li jipproduċi hija fibra twila tal-qanneb, flimkien, bħala ħaġa sekondarja, ma’ fibra qasira tal-qanneb li jkollha perċentwal għoli ta’ impuritajiet u soddied. Fejn huma ma jkollhomx faċilitajiet approprjati għat-tindif ta’ prodotti sekondarji bħal dawn, huma jistgħu jirranġaw biex il-fibra l-qasira tiġi mnaddfa b’kuntratt minn operatur ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tindif tal-fibra b’kuntratt għandu jitqies bħala operazzjoni mwettqa mill-proċessur primarju awtorizzat fir-rigward tal-fibra qasira tal-qanneb. Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-operaturi kkonċernati, b’mod partikolari minħabba l-kontrolli, għandhom jiġu stabbiliti kif imiss.

(4) Biex tiġi assigurata l-eliġibbiltà ta’ dawn il-prodotti għall-għajnuna, l-arji tal-kittien jew bil-qanneb ikkoltivat għall-fibra li minnu jiġi t-tiben ipproċessat jeħtieġ li jkun hemm mezz biex jiġu identifikati bl-użu tas-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-oqsma agrikoli kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi sistema integrata ta’ l-amministraz-zjoni u l-kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1593/2000 [4]. Għal dak l-għan, għandha tiġi stabbilita rabta bejn it-tiben eliġibbli għall-għajnuna ta’ l-ipproċessar u l-arji li għalihom l-applikazzjonijiet ta’ l-għajnuna skond "l-arja" kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2721/2000 [6], ġew imressqa fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata.

(5) Bil-ħsieb li tiġi assigurata amministrazzjoni serja filwaqt li jsir addattament għall-kondizzjonijiet speċjali fis-swieq tal-kittien u l-qanneb, il-perjodu li matulu t-tiben tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra jista’ jiġi pproċessat u, fejn ikun applikabbli, jinbiegħ għandu jiġi ddeterminat.

(6) Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħtu għajnuna għall-fibra qasira tal-kittien jew għall-fibra tal-qanneb li jkollhom iktar minn 7,5 % ta’ impuritajiet u soddied, metodu tal-kalkolazzjoni li jippermetti l-kwantità prodotta li għandha tkun espressa f’termini ekwivalenti b’7,5 % ta’ impuritajiet u l-kontenut tas-soddied għandu jiġi stabbilit.

(7) Bil-ħsieb li wieħed jgħin biex jiġi assigurat li l-mekkaniżmu stabbilizzanti jaħdem sewwa, għandha ssir disposizzjoni biex tillimita l-kwantitajiet tal-fibra li fuqha l-għajnuna għall-ipproċessar tkun tista’ tingħata fir-rigward ta’ sena kummerċjali għall-kwantità li wieħed jasal għaliha billi jimmoltiplika l-għadd ta’ ettari koperti bil-kuntratti jew l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar bi kwantità unitarja għal kull ettaru. Dik il-kwantità unitarja għandha tiġi ddeterminata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti stabbiliti u ta’ l-ettari kkoltivati.

(8) Billi huwa fatt magħruf li l-varjazzjonijiet fil-kwantitjiet tal-garanziji nazzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-flessibbiltà introdotta bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000, regoli dettaljati għandhom jiġu stabbiliti biex jiġu ffissati dawn il-kwantitajiet nazzjonali għal kull sena kummerċjali, waqt li jitqiesu xi aġġustamenti li jistgħu jidhru meħtieġa bil-ħsieb li jitqassmu l-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti b’mod approprjat fost il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna għall-ipproċessar.

(9) Għajnuna għall-ipproċessar għandha tingħata bla ħsara għall-konklużjoni ta’ kuntratt jew ta’ obbligazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000. B’żieda ma’ dan, it-trasferimenti bejn il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti u l-kwantitajiet unitarji għal kull ettaru jrid jiġi ffissat fil-waqt mill-Istat Membru fuq il-bażi taż-żoni koperti b’kuntratti jew b’obbligazzjonijiet. Għandhom isiru disposizzjonijiet biex l-informazzjoni rilevanti f’dawn il-kuntratti jew l-obbligazzjonijiet tintbagħat mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fil-bidu ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar. Biex jippermettu ċerta flessibbiltà fil-kummerċ ikkonċernat, il-possibbiltajiet għat-trasferiment tal-kuntratti fost il-proċessuri primarji awtorizzati għandhom ikunu suġġetti għal limitu.

(10) Bl-iskop li jkun hemm immaniġġjar serju ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna, l-informazzjoni għandha tintbagħat mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u n-notifiki li għandhom isiru lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jridu jiġu stipulati.

(11) Biex tiġi mmaniġġjata skema bbażata fuq l-għajunua mogħtija fuq il-bażi tal-kwantitajiet tal-fibra prodotta matul perjodu ta’ 22 xahar, għandha ssir disposizzjoni biex jitressqu, fil-bidu ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar għal ċerta sena kummerċjali, l-applikazzjonijiet ta’ l-għajnuna li jkopru l-fibra li għandha tinkiseb, li l-kwantitajiet tagħha għandhom jiġu indikati perjodikament minn hemm ’il quddiem.

(12) Minħabba l-possibbiltà ta’ l-aġġustamenti fil-kwantitajiet tal-garanziji nazzjonali ggarantiti u l-kwantitajiet unitarji għal kull ettaru, il-kwantitajiet totali tal-fibra li għalihom l-għajnuna tista’ tingħata jkunu magħrufa biss wara li l-ipproċessar ikun tlesta. Għalhekk għandhom isiru disposizzjonijiet kif jixraq biex titħallas għajnuna bil-quddiem akkont lill-proċessuri primarji fuq il-bażi tal-kwantitajiet tal-fibra miksuba perjodikament. Biex jiġi assigurat li fejn l-irregolaritajiet jiġu osservati l-ammonti dovuti attwalment jitħallsu, dawn il-ħlasijiet bil-quddiem għandhom ikunu suġġetti għal depożitu ta’ garanzija. Dawn il-garanziji għandhom jikkonformaw ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1932/1999 [8].

(13) Għajnuna addizzjonali kif prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandha tingħata biss fir-rigward ta’ żoni li t-tiben prodott minnhom ikun ikkwalifika għall-għajnuna għall-ipproċessar f’fibra twila tal-kittien. Ġabra minima ta’ fibra twila tal-kittien prodotta għal kull ettaru kopert b’kuntratt jew b’obbligazzjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita biex iċ-ċirkustanzi li taħthom dik il-kondizzjoni tintlaħaq jiġu ddeterminati.

(14) Sistema ta’ verifiki amministattivi u fuq il-post hija vitali għat-tmexxija tajba ta’ l-operazzjonijiet. L-affarijiet li għandhom jiġu vverifikati u l-għadd minimu ta’ verifiki fuq il-post li għandhom isiru għandhom jiġu speċifikati.

(15) Il-konsegwenzi ta’ xi irregolaritajiet osservati għandhom jiġu stabbiliti. Dawn għandhom ikunu severi biżżejjed biex jiskoraġġixxu kwalunkwe użu illegali ta’ l-għajnuna Komunitarja filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(16) Biex iż-żmien meta l-fibra tinkiseb jinġieb biżżejjed qrib l-avveniment operattiv minħabba r-rata tal-kambju għall-pagamenti bil-quddiem u l-għajnuna għall-ipproċessar, dak l-avveniment għandu jseħħ fl-aħħar jum ta’ kull perjodu għan-notifika tal-kwantitajiet tal-fibra miksuba.

(17) Bl-għan li l-bidla għall-arranġamenti l-ġodda tkun bla ntoppi, dispożizzjonijiet transitorji għandhom jiġu stabbiliti fis-sena kummerċjali 2001/02 fir-rigward ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni lill-proċessuri primarji. L-awtoritajiet kompetenti għandhom b’mod partikolari jkunu jafu l-kwantitajiet eżatti fil-ħażna fil-waqt ta’ l-applikazzjoni ta’ l-iskema l-ġdida ta’ l-għajnuna biex jipprevenu xi abbużi u għalhekk għandhom isiru dispożizzjonijiet biex issir notifika speċifika għal dan l-għan mill-operaturi kkonċernati.

(18) Ir-Regolament (KE) Nru 1673/2000 jintroduċi organizzazzjoni komuni ġdida għas-swieq tal-kittien u tal-qanneb ikkoltivati għall-fibra mis-sena kummerċjali 2001/02 u jirrevoka, mill-1 ta’ Lulju 2001, ir-Regolament tal-Kunsill fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’dak is-settur sas-sena kummerċjali 2000/01. Mis-sena kummerċjali 2001/02, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1215/71 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1971 fuq ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw l-abbozz tad-dispożizzjonijiet għall-bejgħ tat-tiben tal-kittien u l-qanneb [9],(KEE) Nru 1523/71 tas-16 ta’ Lulju 1971 fuq il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-kittien u l-qanneb [10], (KEE) Nru 1524/71 tas-16 ta’ Lulju 1971 li jfassal regoli dettaljati li jikkonċernaw l-għajnuna għall-ħażna privata tal-fibri tal-kittien u tal-qanneb [11], (KEE) Nru 1164/89 tat-28 ta’ April 1989 li jfassal regoli dettaljati għall-għajnuna għall-fibra tal-kittien u l-qanneb [12], (KEE) Nru 1784/93 tat-30 ta’ Ġunju 1993 li jiffissa ko-effiċjenti għall-għajnuna tal-fibra tal-kittien [13] u (KE) Nru 452/1999 ta’ l-1 ta’ Marzu 1999 li jiffissa l-prodott minimu għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni tal-fibra tal-kittien u l-qanneb [14] għandu jitħassar kif xieraq.

(19) Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Amministrazzjoni għall-Kittien u l-Qanneb,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għan

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandhom jiġu stabbiliti hawnhekk.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

- "persuni trattati bħala proċessuri" tfisser bdiewa li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000, ikkonkludew kuntratti ma’ proċessur primarju awtorizzat biex it-tiben tagħhom jiġi pproċessat f’fibra,

- hemm tliet tipi ta’ fibra kif ġej:

(a) "fibra twila tal-kittien" tfisser fibra tal-kittien b’separazzjoni kompluta tal-fibri u tal-partijiet ta’ l-għuda taz-zokk li jkunu talanqas ta’ tul ta’ 50 ċm bħala medja wara li jiġu mimxuta u rranġati f’marelli paralleli f’qatet, folji jew filaturi;

(b) "fibra qasira tal-kittien" tfisser fibra tal-kittien għajr dik imsemmija f’(a) li tinkiseb talanqas b’separazzjoni parzjali tal-fibri u l-partijiet ta’ l-għuda taz-zokk;

(ċ) "fibra tal-qanneb" tfisser fibra tal-qanneb miksuba talanqas b’separazzjoni parzjali tal-fibri u l-partijiet ta’ l-għuda taz-zokk.

Artikolu 3

L-awtorizzazzjoni ta’ proċessuri primarji

1. Il-proċessuri primarji għandhom iressqu applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti li jinkludu talanqas:

(a) deskrizzjoni ta’ l-impriża u tal-varjetà sħiħa tal-prodotti miksuba bl-ipproċessar tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb;

(b) deskrizzjoni ta’ l-impjanti u t-tagħmir ta’ l-ipproċessar, bid-dettalji tal-post fejn qegħdin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jkopru:

- il-konsum ta’ l-enerġija u l-kwantitajiet massimi tat-tiben tal-qanneb u l-kittien li jistgħu jiġu pproċessati kull siegħa u kull sena,

- il-kwantitajiet massimi tal-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb li jistgħu jinkisbu kull siegħa u kull sena,

- il-kwantitajiet indikattivi tat-tiben tal-kittien u l-qanneb meħtieġa biex jinkisbu 100 kg minn kull prodott imsemmi f’(a);

(ċ) deskrizzjoni tal-faċilitajiet għall-ħażna, bid-dettalji tal-post fejn qegħdin u l-kapaċitajiet f’tunnellati metriċi tat-tiben u l-fibra tal-kittien u tal-qanneb.

L-Istat Membru jista’ jneħħi l-ħtieġa li l-proċessuri primarji approvati għas-sena kummerċjali 2000/01 taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 619/71 [15] iressqu informazzjoni li diġà tkun disponibbli, dejjem jekk il-proċessuri primarji in kwistjoni jiddikjaraw li ma kienx hemm bdil fis-sitwazzjoni.

2. Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu obbligazzjoni li tgħodd mid-data tas-sottomissjoni biex:

- jaħżnu separatament mis-sena kummerċjali tal-ħsad tat-tiben ikkonċernat u mill-Istat Membru tal-ħsad, it-tiben tal-kittien, it-tiben tal-qanneb, il-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb:

(a) koperti b’kull kuntratt tal-bejgħ/tax-xiri u ta’ l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar kollha flimkien,

(b) koperti b’kull kuntratt għall-ipproċessar konkluż ma’ persuni trattati bħala proċessuri,

(ċ) mill-fornituri l-oħra kollha kkombinati u, fejn ikun jgħodd, korrispondenti mal-gruppi tal-fibra miksuba mit-tiben li jaqa’ taħt (a) imma li ma jkunx kopert b’applikazzjoni għall-għajnuna,

- iżommu rekords ta’ kuljum ta’ l-istokkijiet, regolarment konnessi mal-kontijiet finanzjarji, u ta’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 4, flimkien ma’ dokumenti ta’ appoġġ kif speċifikat mill-Istat Membru għall-iskopijiet tal-kontroll,

- jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe tibdiliet fl-informazzjoni koperta bil-paragrafu 1,

- joqogħdu għal kwalunkwe verifika taħt l-iskema ta’ l-għajnuna pprovduta fir-Regolament (KE) Nru 1673/2000.

3. Wara spezzjoni fuq il-post biex jiġi vverifikat li l-informazzjoni koperta bil-paragrafu 1 tkun taqbel mal-fatti, l-awtorità kompetenti għandha tagħti lill-proċessuri primarji awtorizzazzjoni li tkopri t-tipi tal-fibra li jilħqu l-kondizzjonijiet eliġibbli għall-għajnuna li huma jistgħu jipproduċu u għandhom jallokaw numru ta’ l-awtorizzazzjoni lil kull wieħed.

Awtorizzazzjoni għandha tingħata fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet.

Fejn hemm bdil f’wieħed jew iżjed mill-affarijiet ta’ l-informazzjoni koperti bil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonferma jew taġġusta l-awtorizzazzjonijiet, fejn ikun meħtieġ wara verifika fuq il-post, fix-xahar ta’ wara n-notifika tal-bidla. Madanakollu, kwalunkwe aġġustament li jeffetwa t-tipi tal-fibra koperti bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jista’ jidħol fis-seħħ mis-sena kummerċjali sussegwenti.

4. In konnessjoni ma’ l-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji fir-rigward tal-fibra twila tal-kittien u fl-istess ħin fir-rigward tal-fibra qasira tal-kittien, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-fibra qasira tal-kittien tiġi mnaddfa taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu u jekk dawn jikkunsidraw li l-arraġamenti tal-kontroll ikunu sodisfaċenti, sabiex il-fibra tkun konformi mal-limiti rigward l-impurità u s-soddieda stabbiliti fl-Artikolu 2(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000.

F’dawn il-każi l-proċessuri primarji għandhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom biex jagħmlu użu mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-awtorizzazzjoni kif previst fil-paragrafu 1.

Persuna waħda biss tingħata l-awtorizzazzjoni biex tnaddaf il-fibra qasira tal-kittien għal kull proċessur primarju għas-sena kummerċjali kkonċernata.

Qabel l-1 ta’ Frar fir-rigward ta’ kull sena kummerċjali, il-proċessuri primarji awtorizzati għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti kuntratt għat-tindif tal-kittien tal-fibra qasira, li jinkludi talanqas:

(a) id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u s-sena kummerċjali li tkun tikkorrispondi mal-ħsad tat-tiben li minnu l-fibra kkonċernata tkun ġiet miksuba;

(b) in-numru ta’ l-awtorizzazzjoni tal-proċessur primarju u, fil-każ ta’ min inaddaf il-fibra qasira tal-kittien, l-ismijiet, l-ismijiet kummerċjali, l-indirizzi u l-post ta’ l-impjant tagħhom;

(ċ) stqarrija fis-sens li l-persuna li tnaddaf il-fibra qasira tal-kittien tobbliga ruħha:

(i) li dawn jaħżnu l-fibra qasira tal-kittien imnaddfa u mhux separatament b’kuntratt tat-tindif,

(ii) li dawn iżommu separatament permezz tal-kuntratt tat-tindif, rekords ta’ kuljum dwar il-kwantitajiet tal-fibra qasira tal-kittien mhux imnaddfa li jidħlu fl-impriża, il-kwantitajiet tal-fibra qasira tal-kittien imnaddfa, u l-kwantitajiet ta’ kull waħda li jkun hemm fil-ħażna,

(iii) li dawn iżommu dokumenti ta’ appoġġ kif speċifikat mill-Istat Membru għall-iskopijiet tal-kontroll u joqogħdu għal kwalunkwe verifika meħtieġa taħt dan ir-Regolament.

L-obbligazzjonijiet tal-persuni li jnaddfu fil-punt (ċ) għandhom jitqiesu bħala impriżi ta’ proċessuri primarji taħt l-awtorizzazzjonijiet tagħhom.

5. Ir-rekords ta’ l-istokk tal-proċessuri primarji awtorizzati għandhom jispeċifikaw skond il-jum u skond il-kategorija skond it-tip ta’ tiben jew it-tipi ta’ fibra maħżuna separatament:

(a) il-kwantitajiet li jidħlu fl-impriża u li jkunu koperti b’kull kuntratt jew obbligazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5 u, fejn ikun jgħodd, minn kull fornitur;

(b) il-kwantitajiet ta’ tiben ipproċessati u l-kwantitajiet ta’ fibra miksuba;

(ċ) it-telf stmat u l-kwatitajiet meqruda, bil-ġustifikazzjonijiet;

(d) il-kwantitajiet li jħallu l-impriża, ikklassifikati skond il-konsenjatarju;

(e) il-kwanitajiet f’kull maħżen.

Il-proċessuri primarji awtorizzati għandu jkollhom iċ-ċertifikati tal-konsenja jew tar-riċevuta mingħand il-fornitur jew il-konsenjatarju kkonċernat jew kwalunkwe dokument ekwivalenti aċċettat mill-Istat Membru li jkopri l-konsenji kollha tat-tiben u l-fibra li jidħlu jew iħallu l-impriża u li ma jkunux koperti b’kuntratt jew b’rabta kif imsemmi fl-Artikolu 5. Il-proċessuri primarji awtorizzati għandhom iżommu rekord ta’ l-ismijiet jew l-ismijiet kummerċjali u l-indirizzi tal-fornituri jew tal-konsenjatarji kollha.

Artikolu 4

L-obbligazzjonijiet ta’ persuni trattati bħala proċessuri

Il-persuni trattati bħala proċessuri:

(a) għandu jkollhom kuntratt ma’ proċessur primarju awtorizzat għall-ipproċessar tat-tiben f’fibra twila tal-kittien, fibra qasira tal-kittien u/jew fibra tal-qanneb;

(b) għandhom iżommu reġistru li fih juru dan li ġej mill-bidu tas-sena kummerċjali in kwistjoni għal kull ġurnata kkonċernata:

- il-kwantitajiet tat-tiben tal-kittien u l-qanneb ikkoltivati għall-fibra miksuba u kkonsenjata taħt kull kuntratt ta’ l-ipproċessar,

- il-kwantitajiet ta’ fibra twila tal-kittien, ta’ fibra qasira tal-kittien u/jew ta’ fibra tal-qanneb miksuba,

- il-kwanitajiet ta’ fibra twila tal-kittien, ta’ fibra qasira tal-kittien u/jew ta’fibra mibjugħa jew ittrasferita, bl-ismijiet u l-indirizzi tal-konsenjatarji;

(ċ) jżommu d-dokumenti ta’ l-appoġġ stipulati mill-Istat Membru għall-iskopijiet tal-kontrolli; u

(d) jaqblu li joqogħdu għal kwalunkwe verifika kif previst taħt din l-iskema ta’ l-għajnuna.

Artikolu 5

Il-kuntratti

1. Il-kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri li jkopru t-tiben, l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar u l-kuntratti ta’ l-ipproċessar kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandhom jistipulaw talanqas:

(a) id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt jew tas-sena kummerċjali li tikkorrispondi mal-ħsad ikkonċernat;

(b) in-numru ta’ l-awtorizzazzjoni tal-proċessur, in-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-bidwi taħt is-sistema integrata għall-amministrazzjoni u l-kontroll kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 3508/92 kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom;

(ċ) dettalji li jidentifikaw il-qasam (l-oqsma) agrikol(u)i kkonċernat(i) b’mod konformi mas-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-oqsma agrikoli kif previst taħt is-sistema integrata għall-amministrazzjoni u l-kontroll;

(d) iż-żoni fejn il-kittien jiġi kkoltivat għall-fibra u dawk fejn il-qanneb jiġi kkoltivat għall-fibra.

2. Qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kummerċjali kkonċernata, kuntratti għall-bejgħ/għax-xiri jew l-ipproċessar li jkopru t-tiben jistgħu jiġu ttrasferiti lil proċessur primarju awtorizzat għajr dak li jkun oriġinarjament ikkonluda l-kuntratt, bi ftehim iffirmat tal-bidwi u tal-proċessuri primarji awtorizzati biex jittrasferixxu l-kuntratt bejniethom.

Wara l-1 ta’ Jannar tas-sena kummerċjali kkonċernata, trasferimenti ta’ kuntratti kif previst fl-ewwel subinċiż jistgħu jsiru biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, sostnuti b’evidenza ta’ appoġġ iġġustifikata kif imiss u bl-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat Membru.

Artikolu 6

L-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi

1. Qabel id-data stabbilita mill-Istat Membru u sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Settembru wara l-bidu tas-sena kummerċjali in kwistjoni, proċessuri primarji awtorizzati u persuni trattati bħala proċessuri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bi:

- lista tal-kuntratti kollha tal-bejgħ/tax-xiri, l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar u l-kuntratti ta’ l-ipproċessar kif imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dik is-sena kummerċjali, maqsuma f’kittien u f’qanneb u li fihom ikun imsemmi n-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-bidwi taħt is-sistema integrata għall-amministrazzjoni u l-kontroll u l-oqsma kkonċernati, u

- dikjarazzjoni dwar it-total ta’ l-arji kkoltivati bil-kittien u t-total ta’ l-arji kkoltivati bil-qanneb koperti minn kuntratti ta’ bejgħ/ta’ xiri, l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar u l-kuntratti għall-ipproċessar.

Madanakollu, l-Istat Membru jista’ jkun jeħtieġ kopja tad-dokumenti kollha kkonċernati minflok il-lista msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu.

Fejn ċerti kuntratti ta’ l-ipproċessar jew l-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arji li jinsabu fi Stat Membru għajr dawk li fihom il-proċessur primarju jkun awtorizzat, l-informazzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu li għandha x’taqsam ma’ l-arji kkonċernati għandha wkoll tingħata mill-parti kkonċernata lill-Istat Membru li fih il-ħsad isir.

2. Fir-rigward ta’ l-ewwel sitt xhur tas-sena kummerċjali u wara kull perjodu ta’ erba’ xhur minn hemm ’il quddiem, proċessuri primarji awtorizzati u persuni trattati bħala proċessuri għandhom jiddikjaraw dan li ġej lill-awtoritajiet kompetenti sa l-aħħar tax-xahar sussegwenti fir-rigward ta’ kull kategorija tal-prodotti maħżuna separatament:

(a) il-kwantitajiet tal-fibra prodotta u koperta bl-applikazzjonijiet ta’ l-għajnuna;

(b) il-kwantitajiet ta’ fibra oħra prodotta;

(ċ) il-kwantità totali aggregata ta’ tiben li jkun daħal fl-impriża;

(d) il-kwantitajiet fil-ħażna;

(e) fejn ikun approprjat, għandha ssir lista b’mod konformi ma’ l-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 tal-kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri li jkopru t-tiben li jkun ġie ttrasferit b’mod konformi ma’ l-ewwel subinċiż ta’ l-Artikolu 5(2), bl-ismijiet ta’ min qiegħed jirċievi u ta’ min qiegħed jittrasferixxi.

Għal kull perjodu kkonċernat, flimkien mad-dikjarazzjonijiet tagħhom kif previst fl-ewwel subinċiż persuni trattati bħala proċessuri għandhom iressqu evidenza bħala appoġġ rigward il-kwantitajiet tal-fibra li tinħareġ fis-suq u li tkun koperta bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Din l-evidenza ta’ appoġġ għandha tkun speċifikata mill-Istat Membru u għandha tinkludi talanqas kopji tal-fatturi kummerċjali li jkopru l-kittien u l-qanneb u attestat mill-proċessur primarju awtorizzat li jkun ipproċessa t-tiben u li jkun jiċċertifika l-kwantitajiet u t-tipi ta’ fibra miksuba.

Wara li jinnotifikaw lill-Istat Membru, il-proċessuri primarji awtorizzati u l-persuni trattati bħala proċessuri jistgħu jieqfu milli jibagħtu d-dikjarazzjonijiet kif previst f’dan il-paragrafu rigward il-kwantitajiet li jidħlu u jħallu l-impriża u l-kwantitajiet ipproċessati fejn dawn l-operazzjonijiet ikunu waqfu definittivament għas-sena kummerċjali kkonċernata.

3. Qabel l-1 ta’ Mejju wara s-sena kummerċjali in kwistjoni, il-proċessuri primarji għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-modi prinċipali li bihom il-fibra u l-prodotti l-oħra miksuba jkunu ntużaw.

Artikolu 7

L-intitolament għall-għajnuna

1. Għajnuna għall-ipproċessar tat-tiben tal-kittien u l-qanneb kif previst mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandha titħallas fuq il-kittien u l-fibra tal-qanneb biss fejn din:

- tinkiseb minn tiben kopert bil-kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri, bl-obbligazzjonijiet għall-ipproċessar jew bil-kuntratti għall-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikolu 5 li jkopri l-arji fejn il-kittien jew il-qanneb ikun ikkoltivat għall-fibra u "skond iż-zona" u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92 imressqa rigward is-sena kummerċjali kkonċernata, u

- tinkiseb qabel l-l ta’ Mejju wara l-aħħar tas-sena kummerċjali in kwistjoni minn proċessur primarju awtorizzat u, fil-każ ta’ persuni trattati bħala proċessuri, tinħareġ fis-suq qabel dik id-data.

2. Fejn l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti għajnuna għal fibra qasira tal-kittien jew fibra tal-qanneb li jkollha iżjed minn 7,5 % impuritajiet u soddied, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 2(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 tal-kwantità "Q" li għaliha l-għajnuna tingħata għandha tkun ikkalkulata billi tiġi applikata l-formula:

Q = P * [(100 x)/(100 7,5)]

fejn "P" tirrappreżenta l-kwantità tal-fibra eliġibbli miksuba b’mhux iżjed mill-perċentwal awtorizzat ta’ "x" impuritajiet u soddied.

Artikolu 8

Il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti

1. Il-5000 tunnellata metrika ta’ fibra qasira tal-kittien u fibra tal-qanneb biex titqassam bħala kwantitajiet nazzjonali ggarantiti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandha tkun allokata qabel is-16 ta’ Novembru għas-sena kummerċjali kurrenti fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kkonċernati qabel is-16 ta’ Ottubru u li jkopru:

- l-arji koperti bil-kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri, l-obbligazzjonijiet ta’ l-ipproċessar u l-kuntratti għall-ipproċessar imressqa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6, u

- il-prodott stmat tat-tiben u l-fibra tal-kittien u tal-qanneb.

2. Biex tistabbilixxi l-kwantitajiet nazzjonali li għalihom tista’ tingħata l-għajnuna għall-ipproċessar rigward sena kummerċjali partikolari, qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kummerċjali in kwistjoni l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw it-trasferimenti tal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti magħmula b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000.

Madanakollu, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, qabel l-1 ta’ Awissu wara l-limitu taż-żmien stabbilit fit-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 7(1) l-Istat Membru jista’ jaġġusta l-kwantitajiet ittrasferiti.

3. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000, il-kwantità ta’ fibra twila tal-kittien, tal-fibra qasira tal-kittien u tal-fibra tal-qanneb u li għaliha l-għajnuna għall-ipproċessar tista’ tingħata fir-rigward sena kummerċjali lil proċessur primarju awtorizzat jew lil persuna trattata bħala proċessur għandha tkun limitata għal għadd ta’ ettari ta’ oqsma koperti bil-kuntratt tal-bejgħ/tax-xiri jew b’obbligazzjoni għall-ipproċessar jew, kif jista’ jagħti l-każ, b’kuntratt għall-ipproċessar, immultiplikat bil-kwantità unitarja li għandha tiġi ddeterminata.

Qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena kummerċjali kurrenti l-Istat Membru għandu jiddetermina l-kwantità unitarja msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-intier tat-territorju tiegħu għat-tliet tipi ta’ fibra kkonċernata.

4. Fejn il-kwantitajiet tal-fibra li għalihom tingħata għajnuna lil ċerti proċessuri primarji awtorizzati jew lil ċerti persuni trattati bħala proċessuri jkunu taħt il-limiti applikabbli għalihom skond il-paragrafu 3, l-Istat Membru jista’ wara li jirċievi d-dikjarazzjonijiet kollha kif previst fl-Artikolu 6(2)(a) fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata, iżid il-kwantitajiet unitarji kif imsemmija fil-paragrafu 3 biex jerġa’ jalloka mill-ġdid il-kwantitajiet disponibbli lill-proċessuri primarji awtorizzati l-oħra jew lill-persuni trattati bħala proċessuri li l-kwantitjiet eliġibbli tagħhom ikunu jeċċedu l-limitu applikabbli għalihom.

5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri skond l-Artikolu 15 li jikkonċerna l-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u l-kwantitajiet unitarji kif imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 tas-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 9

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna

1. Il-proċessuri primarji awtorizzati għandhom iressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ipproċessar tat-tiben lill-awtoritajiet kompeteti fir-rigward tal-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien, u l-fibra tal-qanneb li għandhom jinkisbu mit-tiben mis-sena kummerċjali qabel il-limitu taż-żmien stabbilit mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1). Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jitressqu mhux aktar tard mid-data stabbilita fl-Artikolu 6(1).

Fejn il-fibra tkun sa tinkiseb parzjalment mit-tiben prodott fi Stat Membru għajr f’dak li fih il-proċessur primarju jkun awtorizzat, l-applikazzjonijet għall-għajnuna għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti fi Stat Membru fejn it-tiben jinħasad u għandha tintbagħat kopja lill-Istat Membru fejn il-proċessur primarju jkun awtorizzat.

2. Il-persuni trattati bħala proċessuri għandhom iressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ipproċessar tat-tiben lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien, u l-fibra tal-qanneb li għandhom jinkisbu mit-tiben mis-sena kummerċjali kkonċernata u jinħarġu fis-suq qabel il-limitu taż-żmien stabbilit fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1). Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jitressqu mhux aktar tard mid-data stabbilita fl-Artikolu 6(1).

3. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jinkludu talanqas:

- l-ismijiet, l-indirizzi u l-firem ta’ l-applikanti u, fejn ikun jgħodd, in-numri ta’ l-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji jew in-numri ta’ l-identifikazzjoni taħt is-sistema integrata għall-amministrazjoni u l-kontroll tal-persuni trattati bħala proċessuri,

- stqarrija li l-kwantitajiet tal-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb koperti mill-applikazzjoni jkunu sa jiġu koperti bid-dikjarazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 6(2)(a).

Għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna, dikjarazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 6(2)(a) għandhom jifformaw parti integrali mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Artikolu 10

Il-pagamenti bil-quddiem ta’ l-għajnuna

1. Fejn applikazzjonijiet għal pagamenti bil-quddiem jitressqu mad-dikjarazzjonijiet tal-fibra miksuba kif previst fl-Artikolu 6(2)(a), il-pagamenti għandhom jitħallsu lill-proċessuri primarji awtorizzati sa l-aħħar tax-xahar li jiġi wara li titressaq d-dikjarazzjoni, basta l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun tressqet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 9. Mingħajr preġudizzju għal-limitu stabbilit fl-Artikolu 8(3), il-pagamenti bil-quddiem għandhom ikunu ugwali għal 80 % ta’ l-għajnuna li tikkorrispondi mal-kwantitajiet tal-fibra ddikjarata.

2. Il-pagamenti bil-quddiem għandhom jitħallsu biss fejn ma tkun instabet li saret l-ebda irregolarità mill-applikant fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata taħt il-kontrolli previsti fl-Artikolu 13 u fejn garanzija ekwivalenti għal 110 % tal-ħlas bil-quddiem tkun ġiet iddepożitata.

Il-garanziji għandhom jiġu rrilaxxjati kif ġej:

- 75 % tal-garanzija għandha tiġi rrilaxxjata sitt xhur wara li l-pagament bil-quddiem ikun tħallas, u

- il-garanzija għandha tiġi rrilaxxjata kollha kemm hi bejn l-ewwel u l-10 jum wara l-għoti ta’ l-għajnuna.

Madanakollu:

- fejn kittien tal-fibra qasira jitnaddaf taħt kuntratt, is-sigurtà rilevanti għandha tiġi rrilaxxjata bejn l-ewwel u l-għaxar jum wara l-għoti ta’ l-għajnuna fi proporzjon mal-kwantitajiet li għalihom l-Istat Membru jkun ħareġ l-għajnuna għall-ipproċessar,

- fejn jiġu nnotati irregolaritajiet, it-total tal-garanziji disponibbli fir-rigward tal-proċessur primarju awtorizzat ikkonċernat u s-sena kummerċjali in kwistjoni għandu jiġi rrilaxxjat bejn l-ewwel u l-għaxar jum wara l-għoti ta’ l-għajnuna fi proporzjon mat-total tal-kwantitajiet li għalihom l-Istat Membru jkun ħareġ l-għajnuna għall-ipproċessar.

3. L-Artikolu 3 u t-Titoli II, III u VI tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandhom jgħoddu għall-garanziji kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

Artikolu 11

L-għajnuna addizzjonali

Għajnuna addizzjonali kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 għandha tingħata lill-proċessuri primarji tal-kittien tal-fibra twila li jkunu awtorizzati fir-rigward ta’ arji li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dak ir-Regolament u li jkunu koperti b’kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri u b’obbligazzjonijiet għall-ipproċessar imressqa b’konformità ma’ l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, fl-arja li fir-rigward tagħha tingħata għajnuna addizzjonali m’għandhiex teċċedi dik li tkun tikkorrispondi mal-kwantità tal-kittien tal-fibra twila li tkun tikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà għall-għajnuna għall-ipproċessar u miksuba fir-rigward tas-sena kummerċjali ikkonċernata, diviża bi prodott ta’ 680 kg ta’ fibra twila tal-kittien għal kull ettaru.

Artikolu 12

Il-ħlas ta’ l-għajnuna

1. Għajnuna għall-ipproċessar u, fejn ikun approprjat, għajnuna addizzjonali għandha tingħata ġaladarba l-verifiki kollha stabbiliti jkunu saru u wara li l-kwantitajiet definittivi tal-fibra eliġibbli għall-għajnuna jkunu ġew iddeterminati fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata.

2. Qabel l-1 ta’ Awissu wara l-limitu taż-żmien stabbilit fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1), l-għajnuna għall-ipproċessar u, fejn approprjat, l-għajnuna addizzjonali għandha titħallas mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu t-tiben tal-kittien jew tal-qanneb ikun inħasad.

Artikolu 13

Il-kontrolli

1. Għandhom isiru kontrolli biex jassiguraw konformità mal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna u dawn għandhom jinvolvu b’mod partikolari:

- il-verifiki dwar il-konformità mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji u t-twettiqta’ l-obligazzjonijiet tagħhom minn persuni trattati bħala proċessuri,

- it-tqabbil ta’ l-informazzjoni dwar l-oqsma agrikoli imsemmija fil-kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri, l-ipproċessar ta’ l-obbligazzjonijiet u l-ipproċessar tal-kuntratti biex jiġi mistħarreġ jekk dan ikunx jaqbel ma’ dak determinat b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1251/1999,

- il-verifika ta’ l-informazzjoni b’appoġġ għall-kwantitajiet koperti b’applikazzjonijiet għall-għajnuna mingħand proċessuri primarji u persuni trattati bħala proċessuri.

Il-verifiki tal-proċessuri primarji awtorizzati li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ikopru l-ipproċessar tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb ikkoltivat għall-fibra prodotta fil-Komunità.

2. L-ispezzjonijiet fuq il-post li jsiru għall-iskopijiet ta’ kontrolli kif previst fil-paragrafu 1 għandhom jiddeċiedu dwarhom l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, bil-ħsieb li jiċċekkjaw għall-inqas 75 % tal-proċessuri primarji awtorizzati u 10 % tal-persuni trattati bħala proċessuri kull sena kummerċjali. Madanakollu, fl-ebda każ l-għadd ta’ spezzjonijiet fuq il-post li jsir fi kwalunkwe Stat Membru ma jista’ jkun anqas mill-għadd totali ta’ l-ettari ddikjarati li jiġu kkoltivati bil-kittien u l-qanneb f’dak l-Istat Membru, diviż b’750.

L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru wkoll lil dawk li jnaddfu l-fibra qasira tal-kittien li jkunu kkonkludew kuntratti ma’ proċessuri primarji awtorizzati għat-tindif tal-fibra.

3. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jinvolvu b’mod partikolari:

- il-pjanti, l-istokkijiet u l-fibra miksuba,

- rekords ta’ l-istokkijiet u l-kontijiet finanzjarji,

- l-enerġija kkonsmata b’diversi mezzi ta’ produzzjoni u d-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-manodopera użata, u

- kwalunkwe dokument kummerċjali rilevanti għall-kontrolli.

Fil-każ ta’ dubju rigward l-eliġibbiltà, u b’mod partikolari rigward il-kontenut ta’ l-impuritajiet tal-fibra qasira tal-kittien u l-fibra tal-qanneb, kampjun rappreżentativ għandu jittieħed mill-gruppi li dwarhom ikun hemm dubju u għandha ssir preċiżazzjoni eżatta dwar il-karatteristiċi rilevanti. Fejn applikabbli u jkun jiddependi miċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru għandu jiddetermina l-kwantitajiet li ma jkunux eliġibbli fost dawk koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000, l-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jibgħat il-konklużjonijiet immedjatament lill-Istat Membru li jkun se jħallas l-għajnuna.

Artikolu 14

Il-Pieni

1. Fejn il-verifiki juru li l-obbligazzjonijiet li jkunu ġew assunti fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ma jkunux twettqu, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata immedjatament u minkejja l-Artikolu 3(3), il-proċessuri li l-awtorizzazzjoni tagħhom tkun ġiet irtirata m’għandhomx jingħataw awtorizzazzjoni oħra qabel it-tieni sena kummerċjali li tibda wara d-data tal-verifika jew id-data li fiha kwalunkwe nuqqas milli jitwettqu dawn l-obbligazzjonijiet jkun ġie stabbilit.

2. Fejn dikjarazzjoni falza ssir deliberatament jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja jew fejn il-proċessur primarju jkun iffirma kuntratti tal-bejgħ/tax-xiri li jkopru t-tiben jew ikun daħal għal obbligazzjonijiet għall-ipproċessar li jkopru għadd ta’ ettari li normalment għandhom jipprovdu ammont ta’ prodott ogħla b’mod sinifikanti milli jista’ jiġi pproċessat b’mod konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jidhru f’din l-awtorizzazzjoni, il-proċessur primarju awtorizzat jew il-persuna trattata bħala proċessur m’għandhiex tikkwalifika għall-għajnuna ta’ l-ipproċessar jew, fejn ikun jgħodd, għall-għajnuna addizzjonali kif prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 rigward is-sena kummerċjali kkonċernata u s-sena kummerċjali ta’ wara.

3. Fejn kwantitajiet ta’ fibra twila tal-kittien, fibra qasira tal-kittien jew fibra tal-qanneb koperti b’applikazzjonijiet għall-għajnuna jinsab li jeċċedu lil dawk li jilħqu l-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna u attwalment miksuba fir-rigward ta’ perjodu msemmi fl-Artikolu 6(2), l-għajnuna li tista’ tingħata għal kull tip ta’ fibra għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3), tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kwantitajiet attwalment eliġibbli fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata, imnaqqsa bid-doppju tad-differenza minn dawk koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

4. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure, fil-każ li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jitressqu tard kif previst fl-Artikolu 9 jew titressaq tard inkella tiġi ddikjarata tard l-informazzjoni kif previst fl-Artikolu 6, l-għajnuna li għaliha ssir l-applikazzjoni u li għaliha l-parti kkonċernata kienet tkun intitolata kieku l-applikazzjoni tressqet jew ġiet iddikjarata sal-limitu taż-żmien għandha titnaqqas b’1 % għal kull ġurnata tax-xogħol. L-applikazzjonijiet u l-informazzjoni kif previst fl-Artikolu 6(1) imressqin aktar minn 25 ġurnata tard għandhom ikunu inammissibbli.

5. Fejn jgħodd, l-għajnuna addizzjonali msemmija fl-Artikolu 11 għandha titnaqqas bl-istess perċentwal bħal dak applikat għat-total ta’ l-għajnuna pproċessata fir-rigward tas-sena kummerċjali kkonċernata.

Artikolu 15

In-notifiki

1. Fit-tieni xahar wara t-tmiem ta’ kull perjodu kif imsemmi fl-ewwel sub-inċiż ta’ l-Artikolu 6(2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi:

(a) il-kwantitajiet totali tal-fibra twila tal-kittien, il-fibra qasira tal-kittien, aġġustati, fejn jgħodd, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(2), li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-perjodu kkonċernat;

(b) il-kwantitajiet mibjugħa kull xahar u l-prezzijiet rilevanti li jistgħu jiġu ppubblikati fl-iktar swieq importanti fl-istadju tal-produzzjoni għall-kwalitajiet tal-fibra ta’ oriġini Komunitarja li jkunu l-aktar rappreżentattivi tas-suq;

(ċ) prospett sommarju tal-kwantitajiet tal-fibra twila tal-kittien, tal-fibra qasira tal-kittien u tal-fibra tal-qanneb miksuba mit-tiben ta’ oriġini Komunitarja fil-ħażna fl-aħħar tal-perjodu kkonċernat, imqassma skond is-sena kummerċjali.

2. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar u fir-rigward tas-sena kummerċjali kurrenti, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi:

(a) transferimenti ta’ kwantitajiet nazzjonali ggarantiti magħmula b’mod konformi ma’l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 u l-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti li jirriżultaw minn dawn it- trasferimenti;

(b) prospett sommarju ta’ l-arji kkultivati bil-kittien u l-qanneb għall-fibra u koperti b’kuntratti jew l-obbligazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000;

(ċ) il-kwantitajiet unitarji stabbiliti skond l-Artikolu 8(3);

(d) il-produzzjoni stmata tat-tiben u l-fibra tal-kittien u l-qanneb;

(e) l-għadd ta’ impriżi ta’ l-ipproċessar awtorizzati u l-kapaċità totali tagħhom għall-ipproċessar għall-ipproċessar f’termini tad-diversi tipi ta’ fibra fir-rigward tas-sena kummerċjali kurrenti;

(f) fejn jgħodd, l-għadd tal-persuni li jnaddfu l-fibra qasira tal-kittien bil-kuntratt.

3. Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja li għandha x’taqsam mas-sena kummerċjali ta’ qabel ta’ l-aħħar:

(a) prospett sommarju tal-kwantitajiet totali tal-fibra twila tal-kittien, tal-fibra qasira tal-kittien u tal-fibra tal-qanneb koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna:

1. u rikonoxxuti bħala eliġibbli għall-għajnuna għall-ipproċessar kif previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000;

2. imma mhux rikonoxxuti bħala eliġibbli għall-għajnuna għall-ipproċessar, waqt li jiġu speċifikati l-kwantitajiet li ma jikkwalifikawx għall-għajnuna bħala riżultat ta’ eċċess fil-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti stabbiliti skond l-Artikolu 8;

3. li għalihom il-garanziji pprovduti fl-Artikolu 10 jkunu ġew ċeduti;

(b) il-kwantitajiet totali ta’ fibra qasira tal-kittien u fibra tal-qanneb li ma jkunux eliġibbli minħabba li jkollhom perċentwal ta’ impuritajiet b’eċċess għal-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 u li jinkisbu mill-proċessur primarju awtorizzat u mill-persuni trattati bħala proċessuri;

(ċ) prospett sommarju ta’ l-għadd ta’ ettari li jinsabu rispettivament fiż-zoni I u II kif definiti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 u li għalihom l-għajnuna addizzjonali prevista fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament tkun ingħatat;

(d) fejn ikun jgħodd, il-kwantitajiet nazzjoanli ggarantiti u l-ammonti unitarji li jirriżultaw mill-aġġustamenti previsti fit-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(4);

(e) l-għadd ta’ pieni kif previst fl-Artikolu 14(1), (2) u (3) li jkun ġie deċiż li jiġu applikati u dawk li jkunu qed jiġu kkunsidrati;

(f) fejn jgħodd, rapport fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(4) u fuq il-kontrolli u l-kwantitajiet ikkonċernati.

4. Fejn l-Istat Membru jiddeċiedi skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 li jagħti għajnuna għall-fibra qasira tal-kittien jew għall-fibra tal-qanneb li jkollha iżjed minn 7,5 % ta’ impuritajiet u soddied, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena kummerċjali kurrenti, waqt li jispeċifika l-azjendi tradizzjonali kkonċernati.

F’dawn il-każi, flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1(a) l-Istat Membru għandu jinkludi analiżi tal-kwantitajiet attwali, mhux aġġustati tal-fibra qasira tal-kittien u tal-fibra tal-qanneb li jkun fihom iżjed minn 7,5 % ta’ impuritajiet u soddied u li jkunu koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Artikolu 16

L-avveniment operattiv

Għal kull perjodu msemmi fl-Artikolu 6(2), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju ta’ l-ewro għal skopijiet ta’ kambju għall-ħlas bil-quddiem u għall-għajnuna għall-ipproċessar ikkonċernata għandu jseħħ fl-aħħar ġurnata ta’ dak il-perjodu.

Artikolu 17

Il-miżuri transitorji

1. Il-miżuri transitorji koperti b’dan l-Artikolu għandhom jgħoddu għas-sena kummerċjali 2001/02.

2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 lill-proċessuri primarji għall-fibra tal-kittien u l-qanneb li jilħqu l-kondizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà għall-għajnuna li huma jistgħu jipproduċu fejn:

- dawn ikunu approvati taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 619/71 għas-sena kummerċjali 2000/01,

- l-ebda irregolarità li tinvolvi lilhom ma tkun ġiet innotata matul is-snin kummerċjali 1999/2000 u 2000/01, u

- dawn ikunu ressqu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament qabel it-30 ta’ Ġunju 2001.

3. Bl-għan li huma jikkwalifikaw għall-għajnuna taħt ir-Regolament (KE) Nru 1673/2000, mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2001, il-proċessuri primarji awtorizzati u l-persuni trattati bħala proċessuri għandhom jiddikjaraw li l-istokkijiet tat-tiben tal-kittien, tat-tiben tal-qanneb, tal-fibra twila tal-kittien, tal-fibra qasira tal-kittien u tal-fibra tal-qanneb minn ħsad qabel is-sena kummerċjali 2001/02 li huma jkollhom fit-30 ta’ Ġunju 2001.

Artikolu 18

Regolamenti rrevokati

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1215/71, (KEE) Nru 1523/71, (KEE) Nru 1524/71, (KEE) Nru 1164/89 u (KEE) Nru 1784/93 u (KE) Nru 452/1999 għandhom jiġu rrevokati mill-1 ta’ Lulju 2001.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jibda jgħodd mis-sena kummerċjali 2001/2000.

Ir-Regolament (KEE) Nru 1164/89 għandu jkompli jgħodd għas-snin kummerċjali 1998/99, 1999/2000 u 2000/01.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tieghu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 5 ta’ Frar 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 16.

[2] ĠU L 349, ta' l-24.12.1998, p. 1.

[3] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1.

[4] ĠU L 182, tal-21.7.2000, p. 4.

[5] ĠU L 391, tal-31.12.1992, p. 36.

[6] ĠU L 314, ta' l-14.12.2000, p. 8.

[7] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[8] ĠU L 240, ta' l-10.9.1999, p. 11.

[9] ĠU L 127, tal-11.6.1971, p. 22.

[10] ĠU L 160, tas-17.7.1971, p. 14.

[11] ĠU L 160, tas-17.7.1971, p. 16.

[12] ĠU L 121, tad-29.4.1989, p. 4.

[13] ĠU L 163, tas-6.7.1993, p. 7.

[14] ĠU L 54, tat-2.3.1999, p. 11.

[15] ĠU L 72, tas-26.3.1971, p. 2.

--------------------------------------------------

Top