Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0081

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE tad-29 ta' Lulju 1999 li temenda d-direttiva 92/79/KEE dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq is-sigaretti, d-Direttiva 92/80/KEE dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk maħdum li mhuwiex sigaretti u d-Direttiva 95/59/KE dwar taxxi għajr taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk maħdum

    ĠU L 211, 11.8.1999, p. 47–49 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010; Imħassar b' 32011L0064

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/81/oj

    31999L0081



    Official Journal L 211 , 11/08/1999 P. 0047 - 0049


    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE

    tad-29 ta' Lulju 1999

    li temenda d-direttiva 92/79/KEE dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq is-sigaretti, d-Direttiva 92/80/KEE dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk maħdum li mhuwiex sigaretti u d-Direttiva 95/59/KE dwar taxxi għajr taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk maħdum

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi:

    (1) fl-ewwel rapport tiegħha dwar l-istruttura u r-rati tat-taxxi tas-sisa, stipulati skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/79/KEE [4] u d-Direttiva 92/80/KEE [5], il-Kummissjoni ġibdet biss l-attenzjoni għal ċerti diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fl-implimentazzjoni tad-Direttivi, mingħajr ma pproponiet xi soluzzjonijiet preċiżi;

    (2) minn dak iż-żmien sar proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali, r-rappreżentanti tal-kummerċ u gruppi nteressati;

    (3) l-ewwel stadju f'dan il-proċess ta' konsultazzjoni kienet il-Konferenza ta' Lisbona, li l-għan tagħha kien li tkun stmata l-eżekuzzjoni ta' l-arranġamenti Komunitarji u li tassisti lill-Kummissjoni fil-kompitu tagħha li tippjana l-politika tal-futur tat-taxxa tas-sisa;

    (4) il-proċess ta' konsultazzjoni wassal għal tieni rapport tal-Kummissjoni;

    (5) il-proċess ta' konsultazzjoni żvela d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regola ta' l-inċidenza minima ta' 57 %;

    (6) ir-regoli għandhom ikunu interpretati u implimentati b'mod iżjed uniformi fl-Istati Membri jekk is-suq intern għandu jitħaddem mingħajr diffikultà;

    (7) barra dan, regoli li jistgħu jkunu implimentati iżjed faċilment għandhom ikunu stabbiliti jekk is-suq intern għandu jitħaddem mingħajr diffikultà;

    (8) minkejja dan l-Istati Membri għandhom jitħallew ikollhom flessibiltà biżżejjed sabiex jidentifikaw u jimplimentaw il-politiki mfassla skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali;

    (9) għal raġunijiet prattiċi, l-Istati Membri għandhom jingħataw ftit flessibiltà sabiex jaġġustaw l-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima totali konformi ma' ċerti bidliet, inkluż dawk fir-rati tal-VAT;

    (10) L-Istati Membri għandhom jingħataw fejn jagħżlu li jinnewtralizzaw l-impatt tal-bidliet fir-rata tal-VAT fuq it-taxxa tas-sisa minima totali;

    (11) l-eżistenza ta' din l-għażla m'għandhiex twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew għal nuqqas ta' funzjonament tas-suq intern;

    (12) l-għażliet possibbli għall-Istati Membri li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Direttivi għandhom ikunu limitati fiż-żmien;

    (13) is-sitwazzjoni li ġġustifikat id-deroga mir-rata totali tas-sisa minima ta' 57 % li ngħatat lir-Renju ta' l-Isvezja bl-Att ta' Adeżjoni tal-1994 għadha teżisti; billi hu għalhekk neċessarju li tingħata lir-Renju ta' l-Isvezja estensjoni tad-deroga sa' u inkluż il-31 ta' Diċembru 2002;

    (14) hu għalhekk xieraq li Franza tingħata perjodu addizzjonali sa' u inkluż il-31 ta' Diċembru 2002 għas-sigaretti u għall-prodotti tat-tabakk mibjugħa fil-gżira ta' Korsika;

    (15) hu xieraq li jingħata perjodu addizzjonali lil Ġermanja sabiex taġġusta r-rati nazzjonali tagħha għar-rollijiet tat-tabakk maqtugħa fini b'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja;

    (16) ma hemm xejn li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jkunu awtorizzati li japplikaw it-taxxa tas-sisa minima lis-sigarri, lis-sigarri żgħar u lit-tabakk tat-tipjip fejn din il-possibiltà ta' għażla diġa teżisti għal sigaretti u tabakk li jinbaram bl-idejn;

    (17) hemm il-ħtieġa li titwaqqaf proċedura ta' reviżjoni;

    (18) il-perjodu preżenti ta' sentejn hu qasir wisq għall-evalwazzjoni xierqa ta' tibdiliet fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri;

    (19) għal din ir-raġuni r-reviżjonijiet għandhom isiru mhux inqas spiss minn kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 2000;

    (20) sabiex tkun evitata waqa fil-valur tar-rati minimi Komunitarji ta' taxxa fuq is-sigarri, is-sigarri żgħar u t-tabakk li jinbaram bl-idejn u tabakk ieħor tat-tipjip, hemm bżonn ta' skeda taż-żidiet;

    (21) għalhekk id-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE [6] għandhom ikunu emendati,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 92/79/KEE hi hawnhekk emendata kif ġej:

    1. l-Artikolu li ġej se jkun inkluż:

    "Artikolu 2a

    1. Meta sseħħ bidla fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta' sigaretti fil-kategorija ta' prezzijiet l-iżjed popolari ssir fi Stat Membru, u b'hekk iġġib l-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima totali taħt il-livell speċifikat fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2, l-Istat Membru in kwistjoni jista' iżomm milli jaġġusta l-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima totali sa mhux iżjed tard mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha tkun saret il-bidla.

    2. Meta l-Istat Membru jżid ir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-sigaretti, dan jista jnaqqas l-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima totali s'ammont li, imfisser bħala persentaġġ tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, hu ugwali għall-inċidenza taż-żieda fir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud, imfisser ukoll bħala persentaġġ tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, anki jekk aġġustament bhal dan għandu l-effett li jnaqqas l-inċidenza tat-taxxa tas-sisa minima totali għal inqas mill-livell stipulat fl-Artikoku 2.

    3. Jekk, skond il-paragrafu 2, l-Istat Membru jnaqqas l-inċidenza tas-sisa minima totali għal livell iktar baxx minn dak stipulat fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2, dan għandu jżid dik l-inċidenza sabiex jilħaq mill-anqas dak il-livell mhux iżjed tard mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha jkun sar it-tnaqqis.";

    2. il-paragrafi segwenti għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 3:

    "3. Minkejja l-Artikolu 2, ir-Renju ta' l-Isvezja jista' jipposponi, sa u inkluż il-31 ta' Diċembru 2002, l-applikazzjoni ta' taxxa tas-sisa minima totali ekwivalenti għall-prezz tal-bejgħ bl-imnut (inklużi t-taxxi kollha) ta' sigaretti fil-kategorija ta' prezz l-iżjed popolari. Flimkien ma' dan, ir-Renju ta' l-Isvezja ma jistgħax inaqqas it-taxxa tas-sisa totali inqas mill-livell applikat fl-1 ta' Awissu 1998.

    4. Sa u inkluż il-31 Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża tista tapplika l-istess rati bħal dawk fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1997 għal sigaretti mibjugħa fuq il-gżira ta' Korsika.";

    3. Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 4

    Mhux inqas frekwenti minn kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport u, fejn xieraq, ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina t-taxxa tas-sisa minima totali stipulata fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(2) u l-istruttura tat-taxxi tas-sisa kif imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex dawk ta' valur tal-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk prodott [7] u, b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Ir-rapport mill-Kummissjoni u l-eżami mill-Kunsill għandu jieħu in kunsiderazzjoni t-tħaddim kif suppost tas-suq intern u l-iskopijiet iżjed wiesgħa tat-Trattat."

    Artikolu 2

    Id-Direttiva 92/80/KEE hawnhekk qed tkun emendata kif ġej:

    1. L-Artikolu 3 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa li tista tkun:

    (a) jew taxxa ad valorem ikkalkulata fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta' kull prodott, stabbilit b'mod liberu mill-produtturi stabbiliti fil-Komunità u minn importaturi minn pajjiżi mhux membri skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 dwar it-taxxi li mhumiex taxxi ta' valur tal-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk prodott [8],

    (b) jew taxxa speċifika mfissra bħala ammont għal kull kilogramma jew fil-każ ta' sigarri u sigarri żgħar alternattivament għal numru mogħti ta' oġġetti,

    (ċ) jew taħlita tat-tnejn, li tgħaqqad element ad valorem u element speċifiku.

    Fil-każijiet fejn it-taxxa tas-sisa tkun jew ad valorem jew imħallta, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu ta' taxxa tas-sisa.

    It-taxxa tas-sisa totali mfissra bħala persentaġġ, bħala ammont għal kull kilogramma jew għal numru mogħti ta' oġġetti għandha tkun mill-anqas ekwivalenti għar-rati jew għall-ammonti minimi stipulati għal:

    - sigarri u sigarri żgħar: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kolha, jew EUR 9 għal kull 1000 oġġett jew kull kilogramma,

    - tabakk tat-tipjip imqatta rqiq maħsub għall-brim tas-sigaretti: 30 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, jew EUR 24 għal kull kilogramma,

    - tabakk ieħor tat-tipjip: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxex kollha, jew EUR 18 għal kull kilogramma.

    Mill-1 ta' Jannar 2001, l-ammonti ta' EUR 9, EUR 24 u EUR 18 fit-tliet inċiżi preċedenti għandhom ikunu sostitwiti b' EUR 10, EUR 25 u EUR 19 rispettivament.";

    (b) il-paragrafu segwenti għandu jiżdied:

    "4. Sal-31 ta' Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża tista' tapplika l-istess rati li kien hemm fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1997 lill-prodotti tat-tabakk koperti minn din id-Direttiva u mibjugħa fuq il-gżira ta' Korsika.";

    2. L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 4

    Mhux inqas frekwenti minn kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport u, fejn xieraq, proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina r-rati tat-taxxa stipulati hawn u, b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri neċessarji. Ir-rapport mill-Kummissjoni u l-eżami mill-Kunsill għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni t-tħaddim kif suppost tas-suq intern, il-valur proprju tar-rati tat-taxxa u l-għanijiet iżjed wiesgħa tat-Trattat."

    Artikolu 3

    Id-Direttiva 95/59/KE hawnhekk qed tkun emendata kif ġej:

    1. fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1), il-kliem "Sal-31 ta' Diċembru 1998" għandhom ikunu sostitwiti b' "Sa u inkluż il-31 ta' Diċembru 2001";

    2. l-Artikolu 16 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu segwenti għandu jkun inkluż:

    "2a. B'deroga mill-paragrafu 2, fejn bidla fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti fil-kategorija ta' prezz l-iżjed popolari tinsab fi Stat Membru, b'hekk iġġib il-komponent speċifiku tat-taxxa tas-sisa, imfisser bhala persentaġġ tal-piż totali tat-taxxa, taħt il-5 % jew fuq il-55 % tal-piż totali tat-taxxa, l-Istat Membru in kwistjoni jista jżomm ruħu milli jaġġusta l-ammont tat-taxxa tas-sisa speċifika sa mhux iżjed tard mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena li tiġi wara dik li fiha tkun saret il-bidla.";

    (b) fil-paragrafu 3, il-frażi "jekk it-taxxa tas-sisa jew it-taxxa tal-valur tal-bejgħ intaxxat" għandha tkun sostitwita b' "jekk it-taxxa tas-sisa ntaxxata";

    (ċ) il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "5. L-Istati Membri jistgħu jintaxxaw taxxa tas-sisa minima fuq is-sigaretti, iżda din m'għandhiex ikollha l-effett li tgħolli t-taxxa totali għal iżjed minn 90 % tat-taxxa totali fuq il-kategorija ta' prezzijiet tas-sigaretti l-iżjed popolari."

    Artikolu 4

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u l-provvedimenti amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jħarsu din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 1999. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-riferenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fis-suġġett kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fiħ tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandha tibda tgħodd mill-1 ta' Jannar 1999.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Lulju 1999.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. Hassi

    [1] ĠU C 203, tat-30.6.1998, p. 16.

    [2] ĠU C 153, ta' l-1.6.1999.

    [3] ĠU C 410, tal-31.12.1998, p. 1.

    [4] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 8.

    [5] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 10.

    [6] ĠU L 291, tas-6.12.1995, p. 40.

    [7] ĠU L 291, tas-6.12.1995, p. 40.

    [8] ĠU L 291, tas-6.12.1995, p. 40.

    --------------------------------------------------

    Top