Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R0535

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97 tas-17 ta' Marzu 1997 li jemenda Regolament (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u affarijiet ta’ l-ikel

    ĠU L 83, 25.3.1997, p. 3–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/03/2006; Impliċitament imħassar minn 32006R0510

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/535/oj

    31997R0535



    Official Journal L 083 , 25/03/1997 P. 0003 - 0004


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97

    tas-17 ta' Marzu 1997

    li jemenda Regolament (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u affarijiet ta’ l-ikel

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 [4] jipprovdi għal perjodu transitorju sa ħames snin mill-pubblikazzjoni ta' dak ir-Regolament li matulu l-Istati Membri jistgħu iħallu fis-seħħ miżuri nazzjonali li jawtorizzaw l-użu ta’ l-espressjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) ta' dak l-Artikolu taħt ċerti kondizzjonijiet; billi l-imsemmi Regolament ġie pubblikat fl-24 ta' Lulju 1992; billi l-perjodu transitorju għalhekk ser jiskadi fil-25 ta' Lulju 1997;

    Billi l-ewwel proposta għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini ġiet sottomessa lill-Kunsill biss f'Marzu 1996 meta l-parti l-kbira tal-perjodu transitorju ta' ħames snin kien diġa għadda; billi, sabiex jinżamm l-effett sħiħ ta' dak il-perjodu transitorju, id-data tal-bidu tal-perjodu ta' ħames snin għandha tiġi mitluba sabiex tibda fid-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet; billi għandu jiġi wkoll provdut il-perjodu transitorju japplika wkoll għal punt (a) ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, peress illi l-projbizzjoni prevista f'dak il-punt tista’ tkopri in parti dik prevista f'punt (b) ta’ l-istess paragrafu;

    Billi l-perjodu transitorju għandu japplika biss għall-ismijiet reġistrati skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, peress illi l-għoti ta' dan il-perjodu ta' aġġustament m'għandux jippreġudika l-produtturi dwar l-ismijiet diġà użati fl-Istati Membri;

    Billi jittieħed ċertu żmien sabiex tiġi proċessata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' isem bħala indikazzjoni ġeografika protetta jew denominazzjoni ta' oriġini protetta skond ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92; billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu protezzjoni nazzjonali temporanja sakemm ikun hemm deċizjoni Komunitarja dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-isem; billi, sabiex jiġu risolvuti konflitti li jistgħu jinqalgħu bejn produtturi fi Stat Membru, l-Istat Membru konċernat jista’, jekk meħtieġ, jippermetti perjodu transitorju nazzjonali li wara jkollu jiġi konfermat minn deċizjoni Komunitarja; billi l-konsegwenzi tal-miżuri nazzjonali hawn fuq imsemmija jridu jiġu sostnuti mill-Istat Membru li introduċihom; billi, fl-aħħar, l-imsemmija miżuri m’għandhomx ikunu ta' xkiel għan-negozju intra-Komunitarju;

    Billi perjodu transitorju ta' ħames snin jista’ jiġi previst każ b’każ għad-denominazzjonijiet li għar-reġistrazzjoni tagħhom kien hemm applikazzjoni skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, iżda biss taħt l-Artikolu 7(5)(b) ta' dak ir-Regolament u għal ċerti motivi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L- Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 1(1), it-tielet subparagrafu, jiġi sostitwit bis-segwenti:

    "L-Annessi I and II jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 15."

    2. Fl-Artikolu 5(5) it-test segwenti għandu jidħol wara l-ewwel subparagrafu:

    "Dak l-Istat Membru jista’, fuq bażi transitorja biss, jagħti fuq livell nazzjonali protezzjoni fis-sens tar-Regolament preżenti bid-denominazzjoni trasmessa bil-mod preskritt, u, fejn ikun il-każ, perjodu ta' aġġustament, mid-data ta’ dik it-trasmissjnoi; dawn jistgħu jingħataw b'mod transitorju bl-istess kondizzjonijiet in konnessjoni ma’ applikazzjoni għat-tbiddil ta’ l-ispeċifikazzjoni ta’ prodott.

    Protezzjoni transitorja nazzjonali bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċizjoni fuq ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament. Meta dik id-deċizjoni tittieħed, perjodu sa ħames snin jista’ jiġi permess għall-aġġustament, bil-kondizzjoni li l-impriżi konċernati jkunu innegozjaw legalment il-prodotti in kwistjoni, filwaqt li jużaw id-denominazzjonijiet konċernati kontinwament, ta’ l-anqas għall-ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2).

    Il-konsegwenzi ta' protezzjoni nazzjonali bħal din, meta denominazzjoni ma tkunx ġiet irreġistrata taħt dan ir-Regolament, għandhom ikunu ir-responsabbiltà esklusiva ta’ l-Istat Membru konċernat.

    Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri taħt it-tieni subparagrafu għandhom jipproduċu effetti fuq livell nazzjonali biss; m'għandux ikollhom effett fuq in-negozju intra-Komunitarju."

    3. It-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(4) għandu jiġi ssostitwit bis-segwenti:

    "— turi li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni proposta tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjoni interament jew parzjalment identika jew ta’ marka jew l-eżistenza ta' prodotti li kienu qegħdin fuq is-suq legalment għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)."

    4. L-Artikolu 13(2) għandu jiġi ssostitit bis-segwenti:

    "2. B'deroga għall-paragrafu 1(a) u (b), Stati Membri jistgħu iżommu sistemi nazzjonali li jippermettu l-użu ta' denominazzjonijiet reġistrati taħt l-Artikolu 17 għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni, basta li:

    - il-prodotti jkunu ġew negozjati legalment bl-użu ta' dawk id-denominazzjonijiet għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament,

    - l-impriżi ikunu nnegozjaw legalment il-prodotti konċernati bl-użu ta' dawk id-denominazzjonijiet kontinwament matul il-perjodu msemmi fl-ewwel inċiż,

    - it-tabelli jindikaw b'mod ċar l-oriġini vera tal-prodott.

    Madanakollu, din id-deroga ma tistax twassal għan-negozju tal-prodotti liberament fit-territorju ta' Stat Membru fejn dawk id-denominazzjonijiet kienu projbiti."

    5. Il-paragrafu segwenti għandu jingħaqad ma’ l-Artikolu 13:

    "4. Fil-każ ta' denominazzjonijiet, li għalihom tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 5, tista’ ssir disposizzjoni għal perjodu transitorju ta’ mhux iżjed minn ħames snin taħt l-Artikolu 7(5)(b), biss meta dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni tkun ġiet dikjarata ammissibli fuq il-motiv li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni proposta tkun ser tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjoni interament jew parzjalment identika jew l-eżistenza ta' prodotti li kienu qegħdin fis-suq legalment għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2).

    Perjodu transitorju bħal dan jista’ jiġi provdut biss meta l-impriżi konċernati jkunu innegozjaw legalment il-prodotti konċernati, bl-użu d-denominazzjonijiet inkwistjoni kontinwament, għall-inqas għal ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 (2)."

    L- Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tieghu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel fis-17 ta' Marzu 1997.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Van Aartsen

    [1] ĠU C 241, ta’ l-20.8.1996, p. 7.

    [2] ĠU C 33, tat-3.2.1997.

    [3] ĠU C 30, tat-30.1.1997, p. 39.

    [4] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att taż-Żieda 1994.

    --------------------------------------------------

    Top