Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995R3017

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3017/95 tal-20 ta' Diċembru 1995 li jfassal dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94 li jistabbilixxi arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘il barra applikabbli għal ċerti tessuti u prodotti ta' lbies importati mill-ġdid fil-Komunità wara li jkunu nħadmu jew ġew ipproċessati f'ċerti pajjiżi terzi

    ĠU L 314, 28.12.1995, p. 40–57 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/3017/oj

    31995R3017



    Official Journal L 314 , 28/12/1995 P. 0040 - 0057


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3017/95

    tal-20 ta' Diċembru 1995

    li jfassal dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94 li jistabbilixxi arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘il barra applikabbli għal ċerti tessuti u prodotti ta' lbies importati mill-ġdid fil-Komunità wara li jkunu nħadmu jew ġew ipproċessati f'ċerti pajjiżi terzi

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94 tat-8 ta' Diċembru 1994 li jistabilixxi arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘l barra applikabbli għal ċerti tessuti u prodotti ta' lbies li jerġgħu jiġu mpurtati fil-Komunità wara xogħol jew proċessar f'ċerti pajjiżi terzi [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 3(8) u l-Artikolu 12 tiegħu,

    Billi l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jużaw awtorizzazzjonijiet mogħtija qabel lill-applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘l barra għal ċerti prodotti ta' tessuti u lbies;

    Billi t-twettiq bla skossi ta' l-arranġamenti fis-suq waħdieni jitlob proċeduri uniformi biex jinħarġu u jiġu kkontrollati awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel simili;

    Billi l-introduzzjoni ta' applikazzjoni standard u forma ta' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tħaffef l-applikazzjoni tal-arranġamenti f'suq waħdieni, u b'mod partikolari kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri;

    Billi għandu jkun possibbli li l-awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel jinħarġu f'kull Stat Membru jkun li jkun u jkunu validu mal-Komunità kollha rrispettivament mill-Istat Membru li ħariġhom; billi d- dispożizzjonijiet għandhom isiru, madankollu għall-kontroll ċentrali biex jipprevjenu li operaturi ekonomiċi jingħataw aktar milli jmisshom, dan il-kontroll isir billi jiġu kkonsultati l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih l-applikant huwa stabbilit jew fejn il-produzzjoni tal-Komunità tiegħu sseħħ;

    Billi għandu jiġi ffissat żmien biex issir kull xorta ta' konsultazzjoni li tista' tinħass li tkun meħtieġa bejn l-Istati Membri;

    Billi applikazzjonijiet, awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel u d-dokumenti tagħhom għandhom jinżammu għal żmien preskritt;

    Billi operaturi ekonomiċi għandhom ikunu notifikati mill-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel lilI-Istati Membri kollha; għal dik ir-raġuni l-Istati Membri għandhom jgħaddu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni biex tippublikaha fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

    Billi l-amministrazzjoni tal-kwoti għandha titħaffef billi jinħarġu awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel marbuta ma' kategorija waħda ta' prodott ikkompensat u pajjiż li jipproċessa wieħed biss;

    Billi proċeduri għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel u l-kontroll ta' aspetti essenzali bħal ma huwa l-oriġini tal-oġġetti għandhom jiddaħħlu;

    Billi għandhom jiddaħħlu proċeduri għall-amministrazzjoni ta' limiti kwantitattivi;

    Billi f'każijiet barra minn dawk li għalihom huwa pprovdut fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 3036/94, l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel jiddependu mill-kwantitajiet li huma disponibbli skond il-proċeduri mniżżla fl-Anness VII tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 fuq regoli komuni għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tessili minn pajjiżi m'humiex membri [2], kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1616/95 [3];Billi l-kwantitajiet disponibbli huma allokati fl-ordni kronoloġiku li fih jaslu l-applikazzjonijiet għand il-Kummissjoni;

    Billi għandu jiġi ffissat żmien biex jiġu esportati l-oġġetti għall-esportazzjoni biex wieħed ikun ċert li l-ammonti addebitati kontra l-limiti kwantitattivi ma jibqgħux mhux użati;

    Billi l-passi li jkollhom jittieħdu fil-każ li jinstab ksur tar-regolamenti għandhom jiġu stabbiliti biex wieħed jassigura li l-proċedura timxi bla skossi;

    Billi l-proċeduri għall-esportazzjoni temporanja u għal ċirkolazzjoni ħielsa għandhom isegwu qrib kemm jista' jkun ir-regoli mniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità [4], kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jfassal dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [5], kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 1762/95 [6];

    Billi l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat fuq l-Economic Outward Processing Arrangements għat-Tessuti,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    ĠENERALI

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament ifassal dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94 li jistabbilixxi l-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘l barra li japplikaw għal ċerti prodotti ta' tessuti u lbies importati mill-ġdid fil-Komunità wara ħidma jew ipproċessar f'ċerti pajjiżi li m'humiex membri, minn issa ‘l quddiem imsejjħa "Regolament bażiku", speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħruġ u l-kontroll ta' awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, l-espressjoni "kwantitajiet disponibbli fil-kwota totali tal-Komunità għall-kategorija kollha kemm hi u l-pajjiż terz konċernat" għandha tinftiehem il-kwantitajiet disponibbli fil-qafas tal-kwota stabbilita għas-sena li matulha l-kwantità mitluba minn operatur tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu rċevew l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.

    2. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(4)(i) tar-Regolament bażiku, l-espressjoni "il-kwantità totali li għaliha wettaq l-OPT" għandha tinftiehem l-importazzjoni mill-ġdid ta' prodotti li jikkompensaw ta' kategorija speċifika u pajjiż taħt l-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘l barra matul il-kors tas-sena 1993 jew tas-sena 1994, l-għażla titħalla f'idejn l-applikant. Il-kategorija, kwantità u pajjiż terz li jikkorrispondu għas-sena magħżula jkunu r-referenza għas-snin ta' wara, aġġustament isir, f'każ ta' bżonn, tal-kwantitajiet skond l-Artikolu 3(4)(2) u (3) u l-Artikolu 3(5)(5) u (6) tar-Regolament bażiku.

    3. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(4)(3) tar-Regolament bażiku, il-kwantitajiet ekwivalenti jinstabu fit-tabella ta' ekwivalenza fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 3030/93.

    4. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(5)(3) tar-Regolament bażiku l-valur tal-produzzjoni tal-Komunità huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz normali kif joħroġ mill-fabbrika, u ma jinkludix il-VAT, ta' prodotti, murija fl-Anness II tar-Regolament bażiku li ġew fabbrikati fil-Komunità fis-sena preċedenti, sewwa jekk fil-fabbrika tal-applikant jew f'ismu minn fabbrikant ieħor, sakemm dan il-kummerċ ta' l-aħħar, ma jinkludix ukoll talba għal awtorizzazzjoni miksuba minn qabel għall-istess produzzjoni tal-Komunità għall-istess żmien.

    5. Il-kwantitajiet addizzjonali, provduti fl-Artikolu 3(4)(2) u (5) (4) tar-Regolament bażiku, huma allokati skond l-akbar ammonti murija fl-Anness III bil-patt li l-applikant fil-fatt jew reġa' mporta ta' l-anqas 50 % jew esporta l-ekwivalenti ta' almenu 80 % tal-kwantità li ġiet awtorizzata qabel fil-qafas ta' l-arranġamenti ekonomici ta' proċessar ‘l barra għall-kategorija u l-pajjiż ikkonċernat.

    6. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(5)(5) u (6) tar-Regolament bażiku, il-"kwantitajiet ta' prodotti li jikkompensaw" li jkunu allokati lil kull kategorija u pajjiż terz lil applikant bħala benefiċjarju passat, huma dawk li l-applikant kien reġa' mporta s-sena ta' qabel taħt l-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘il barra, imnaqqsa proporzjonalment, fejn xieraq, mat-tnaqqis ta' din il-produzzjoni tal-Komunità minħabba operazzjonijiet ekonomiċi ta' proċessar ‘il barra li twettqu matul il-perjodu msemmi.

    7. Għall-għanijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku "rata ta' prodott" tfisser il-kwantità jew persentaġġ ta' prodotti kompensanti miksuba mill-ipproċessar ta' ċerta kwantità ta' oġġetti temporanjament esportati.

    GĦOTI TA' AWTORIZZAZZJONIJIET MIKSUBA MINN QABEL

    Artikolu 3

    Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni

    1. Applikazzjoni għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri billi jużaw il-formola murija fl-Anness I, minn min, jew f'isem il-persuna li jissodisfa l-kondizzjonijiet taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, taħt kondizzjonijiet iffissati minnhom, jippermettu li t-tfigħ ta' applikazzjonijiet ikunu trasmessi jew stampati b'mezzi elettroniċi, li jesgħu, sabiex l-affarijiet jeħfiefu, ma jkunux jaqblu mal-format li jinsab fi-Anness I. Madankollu, id-dokumenti kollha u x-xhieda mitluba skond paragrafu 3, għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

    2. L-applikazzjoni u kull korrispondenza ta' wara għandha ssir bil-lingwa, jew b'waħda mil-lingwi uffiċċjali, ta' l-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni u tibqa' tintuża matul il-proċedura f'dak li jirrigwarda l-applikant.

    3. Applikazzjoni għandu jkollha magħha d-dokumenti kollha jew xhieda, fl-oriġinal jew f'kopji, li huma meħtieġa biex tkun eżaminata, b'mod partikolari l-kuntratt magħmul ma' intrapriża responsabbli għat-twettiq ta' l-operazzjonijiet ta' proċessar fil-pajjiż terz jew kull xhieda miktuba kkunsidrata ekwivalenti għaliha.

    Folji addizzjonali jistgħu jintbagħtu ma' l-applikazzjoni fejn hemm il-ħtieġa biex wieħed iżid fuq ċerti dettalji mitluba. Kull dokument, xhieda jew folji miżjuda ma' l-applikazzjoni jagħmlu parti integrali minnha. In-numru ta' dokumenti (ma' l-applikazzjoni) għandu jissemma fl-applikazzjoni.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu iktar informazzjoni jekk dan ikun meħtieġ għall-istħarriġ ta' l-applikazzjoni. Fejn jixraq, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaċċettaw referenzi għal applikazzjoni li tkun saret qabel b'appoġġ ta' talba ġdida.

    4. Talba għal awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tista' tkun biss dwar kategorija waħda ta' prodotti kompensanti u pajjiż wieħed speċifiku li terz.

    5. Meta talba tkun dwar prodotti soġġetti, fil-pajjiż terz imsemmi, għal limiti kwantitattivi speċifiċi għal dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar ekonomiku ‘l barra, l-applikant ikollu jiddikjara li huwa ma għamilx u mhux fi ħsiebu jagħmel talba oħra dwar l-istess kategorija u pajjiż terz lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor, sakemm ma jkunx irċieva deċiżjoni għat-talba tiegħu għal awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.. Meta jerġa' jagħmel talba oħra wara li jkun irċieva awtorizzazzjoni miksuba minn qabel għal kategorija u pajjiż terz speċifiku għall-istess żmien ta' kwota, l-applikant għandu jsemmi l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.

    6. It-talbiet magħmula bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(4)(1) tar-Regolament bażiku m'għandux ikun ta' ammont li jisboq il-kwantità totali li għaliha l-applikant wettaq proċessar ‘il barra taħt l-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar ‘il barra għall-kategorija u l-pajjiż ikkonċernat fiż-żmien imsemmi, isiru aġġustament fejn meħtieġa, tal-kwantitajiet skond l-Artikolu 3(4)(2) u (3) u l-Artikolu 3(5)(5) (6) tar-Regolament bażiku.

    It-talba mressqa bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(5)(1) sa (3) tar-Regolament bażiku ma tistax tkopri, għal kull pajjiż ikkonċernat, ammont li jisboq lil dak stabbilit fil-kategorija speċifika fl-Anness 3. Il-valur totali ta' pproċessar f'pajjiżi terzi mitlub fl-applikazzjoni, fejn meħtieġ jittieħdu f'konsiderazzjoni awtorizzazzjonijiet diġa mogħtija għall-istess żmien ta' kwota, ma jistax, madankollu, jaqbeż il-50 % tal-valur tal-produzzjoni tal-Komunità ta' l-applikant kif definita fl-Artikolu 2(4).

    7. L-applikant għandu jieħu r-responsabbilità li jżomm rekords ta' ħażna fil-Komunità li jippermettu lill-uffiċċju sorveljanti tad-dwana jikkontrolla l-kwantitajiet ta' oġġetti ta' esportazzjoni temporanja u l-prodotti kompensanti importati mill-ġdid.

    8. Meta ssir talba ffirmata mill-applikant jew rappreżentat tiegħu awtorizzat, l-applikant jesprimi l-intenzjoni li jibbenefika mill-arranġamenti, mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu taħt ir-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri, u jiċċertifika li:

    - id-dettalji mogħtija fl-applikazzjoni huma korretti,

    - id-dokumenti jew xhieda mehmuża huma awtentiċi, u

    - l-obbligi kollha u l-kondizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-utilizzar ta' l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel skond ir-Regolament bażiku jew ir-Regolament attwali, huma osservati, jew fejn hu xieraq, ikunu onorati.

    Artikolu 4

    Verifika tat-talba

    1. Meta jirċievu t-talba, flimkien mad-dokumenti u xhieda, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-kontenut tagħha. Huma jistgħu jitolbu aktar informazzjoni jekk jidhrilhom li t-talba mhix eżatta jew mhix kompluta jew mhix biżżejjed biex jikkonkludu li l-kondizzjonijiet kollha biex tingħata l-awtorizzazzjoni qegħdin hemm.

    2. Meta applikant jagħmel talba lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit jew fejn issir il-produzzjoni tal-Komunità tiegħu, dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati. Dawn l-awtoritajiet ta' l-aħħar għandhom iwasslu kull informazzjoni mitluba malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn ġimgħatejn mid-data meta tasal it-talba għall-informazzjoni. Konsultazzjoni simili jistgħu jsiru f'każijiet oħra fejn hu xieraq.

    3. Fejn kondizzjoni għall-għotja ta' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel mhix sodisfaċenti, l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw l-applikazzjoni.

    Id-deċiżjoni ta' rifjut ta' talba titniżżel bil-miktub u tintbagħat lill-applikant bir-raġunijiet għar-rifjut. Fejn id-dettali mibgħuta mill-applikant m'humiex sħaħ, l-awtoritajiet kompetenti jiffissaw żmien biex it-talba ssir kif imiss, f'liema każ ir-rifjut ma jistax isir qabel jagħlaq iż-żmien mogħti.

    4. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jidhrilhom li ntlaħqu l-kondizzjonijiet kollha għall-għoti ta' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel, huma jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantità, kategorija u pajjiż terz ikkonċernat, u fil-każ li l-proċessar ‘l barra jikkonsisti mill-ksib ta' xogħol maħdum bis-suf, l-użin tas-suf li għandu jkun temporanjament esportat.

    Artikolu 5

    Ħruġ, annullament, jew revoka ta' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel

    1. L-awtorizzazzjoni toħroġ mill-awtoritajiet kompetenti li lilhom tkun ingħatat it-talba fuq il-formola murija fl-Anness II.

    Il-formola tal-awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel ssir fi tliet kopji. L-ewwel waħda, immarkata "oriġinali" u ġġib in-numru 1, tinħareġ lill-applikant u t-tieni, immarkata "kopja għall-awtorità kompetenti" u ġġib in-numru 2, tinżamm mill-awtoritajiet li joħorġu l-awtorizzazzjoni, filwaqt li t-tielet immarkata "kopja għall-uffiċċju sorveljanti tad-dwana" u ġġib in-numru 3 tintbagħat lill-uffiċċju li jissorvelja d-dwana msemmija fl-Artikolu 13. Fil-każ li d-dmirijiet ta' l-uffiċċju li jissorvelja d-dwana jsiru mill-awtoritajiet kompetenti li lilhom ingħatat l-applikazzjoni, il-kopja numru 3 ma tkunx meħtieġa.

    L-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tista' tinħareġ b'mezzi elettroniċi sakemm l-uffiċċji tad-dwana nvoluti għandhom aċċess għal din l-awtorizzazzjoni bin-network tal-kompjuter.

    2. Meta l-applikazzjoni tkun dwar kategorija ta' prodotti li r-rilaxx tagħhom f'ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità hija soġġetta għall-miżuri pprovduti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku, l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti biss meta l-Kummissjoni tkun ikkonfermat l-eżistenza tal-kwantità notifikata mill-awtoritajiet li jagħmlu mit-talba skond il-proċeduri mniżżla fl-Anness VII tar-Regolament (KEE) Nru 3030/93. Il-Kummissjoni twieġeb fil-pront għall-applikazzjonijiet kollha, fejn hu possibbli, b'mezzi elettroniċi.

    Meta l-applikazzjoni tkun dwar kategorija ta' prodotti li ma taqax taħt limiti kwantitattivi skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tinħareġ ladarba l-kwantitajiet ikunu ġew notifikati lill-Kummissjoni.

    3. Awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tista' tkun dwar kategorija waħda ta' prodotti kompensanti u pajjiż terz speċifiku wieħed.

    4. Ladarba l-Kummissjoni tkun ikkonfermat li teżisti l-kwantità mitluba fil-limiti tal-kwota konċernata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel f'mhux aktar minn ħamest ijiem ta' xogħol, li jingħaddu mid-data li tasal il-konferma mill-Kummissjoni.

    5. L-awtoritajiet kompetenti jieħdu nota tal-kwantitajiet mitluba u mogħtija lill-benefiċjarji u jassiguraw, jekk jeħtieġ f'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati, li dawn il-kwantitajiet ma jisbqux dawk imsemmijja fl-Artikolu 3(4) u (5) tar-Regolament bażiku.

    6. L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, għandu japplika mutatis mutandis fejn applikant jitlob li jimmodifika awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.

    7. Jekk jiġri li l-awtoritajiet kompetenti jsiru jafu li waħda mill-kondizzjonijiet għall-għoti ta' awtorizzazzjoni mhix jew ma kienetx milħuqa, l-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 dwar l-annullament u r-revoka ta' deċiżjoni jiġu applikati għall-awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel.

    Artikolu 6

    Awtorizzazzjoni parzjali miksuba minn qabel

    1. Fuq talba ta' min għandu l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel u meta jippreżenta l-kopja bin-Nru 1 tal-awtorizzazzjoni, waħda jew iżjed awtorizzazzjonijiet parzjali miksuba minn qabel jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li ħareġ l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel. Huma jistgħu jawtorizzaw l-uffiċċju sorveljanti tad-dwana biex joħroġ awtorizzazzjoni parzjali.

    2. L-awtoritajiet li joħorġu awtorizzazzjoni parzjali jiċċarġjaw il-kwantitajiet ikkonċernati kontra l-kopji Nru 1, 3 u possibbilment 2 ta' l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel. F'każijiet bħal dawn, l-entry"awtorizzazzjoni parzjali" tidħol fuq il-kopji Nru 1, 3 u jekk jista' jkun 2 kontra l-kwantitajiet addebitati u għandhom jirreferu għan-numru fl-ewwel awtorizzazzjoni. Fil-każ li l-kopja Nru 3 tkun diġa ntbagħtet lill-uffiċċju sorveljanti tad-dwana, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-uffiċċju sorveljanti tad-dwana dwar l-awtorizzazzjoni parzjali miksuba minn qabel. Fejn il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni parzjali waħda jew aktar iħassar l-ewwel l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel, l-awtoritajiet kompetenti jżommu l-kopja Nru 1 ta' din l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel u jinfurmaw lill-uffiċċju sorveljanti tad-dwana.

    3. L-awtorizzazzjoni parzjali tkun immarkata "Awtorizzazzjoni parzjali miksuba minn qabel" u tiġi trattata taħt l-istess regoli ta' awtorizzazzjonijiet normali miksuba minn qabel.

    4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, awtorizzazzjoni parzjali waħda miksuba minn qabel m'għandhiex twassal għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni parzjali oħra.

    Artikolu 7

    Validità territorjali

    Awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel ikunu validi fl-Istati Membri kollha u jistgħu jiġu ppreżentati f'kull uffiċċju tad-dwana kompetenti għall-maniġġjar ta' arranġamenti ta' outward processing ekonomiku. Awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel maħruġa b'mezzi elettroniċi jistgħu jintużaw biss f'uffiċċji doganali li għandhom aċċess għal dawn l-awtorizzazzjonijiet permezz ta' network ta' kompjuter.

    Artikolu 8

    Trasferiment

    Awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel ma jistgħux jiġu trasferiti u jistgħu jintużaw biss mill-persuna msemmija fl-awtorizzazzjoni jew minn rappreżentat awtorizzat tiegħu.

    Artikolu 9

    Żamma ta' dokumenti

    1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu applikazzjonijiet u dokumenti li jiġu magħhom flimkien mal-kopja Nru 2 ta' kull awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.

    2. Fil-każ li tingħata awtorizzazzjoni miksuba minn qabel, l-oriġinal jew kopja ta' l-applikazzjoni, il-dokumenti mehmuża u l-awtorizzazzjoni għandhom jinżammu mill-applikant u l-awtoritajiet kompetenti għal perjodu ta' mill-anqas tliet snin mill-aħħar tas-sena tal-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni.

    3. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda jew l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tiġi annullata jew revokata, l-awtorizzazzjoni jew deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni u kull dokument mehmuż għandhom jinżammu ta' l-anqas għal tliet snin mill-aħħar tas-sena li fiha l-applikazzjoni tkun ġiet rifjutata jew l-awtorizzazzjoni annullata jew revokata.

    Artikolu 10

    Telf u awtorizzazzjoni supplenti

    1. Jekk awtorizzazzjoni miksuba minn qabel tintilef, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni oriġinali jistgħu joħorġu awtorizzazzjoni supplenti, fuq talba tal-applikant. Applikazzjoni għal (awtorizzazzjoni) supplenti għandha tinkludi dikjarazzjoni ffirmata, li tassigura lill-awtoritajiet li l-ewwel awtorizzazzjoni ntilfet u ma tintużax jekk tinstab, imma tintbagħat minnufih lill-awtorità li ħarġitha.

    2. L-awtorizzazzjoni supplenti għandha ġġib l-istess informazzjoni u dettalji bħad-dokument sostitwit. Jinħareġ għall-kwantità ta' oġġetti li tikkorrispondi mal-kwantità disponibbli fuq id-dokument mitluf. Fejn din il-kwantità ma tistax tiġi ppruvata, ma tkunx tista' toħroġ awtorizzazzjoni supplenti.

    L-awtorizzazzjoni supplenti għandha tkun immarkata jew "Awtorizzazzjoni supplenti miksuba minn qabel" u tiġi trattata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal awtorizzazzjoni normali miksuba minn qabel.

    3. Fil-każ li awtorizzazzjoni supplenti tintilef, ma tkunx tista' toħroġ awtorizzazzjoni oħra jekk ma jipprevalux ċirkostanzi eċċezzjonali.

    Artikolu 11

    Awtoritajiet kompetenti

    L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tippublika din l-informazzjoni fis-serje "C" ta' l-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 12

    Limiti ta' żmien

    1. Meta joħorġu awtorizzazzjoni miksuba minn qabel l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiffissaw perjodu ta' żmien li matulu l-oġġetti għandhom jgħaddu mill-formalitajiet temporanji ta' esportazzjoni. Dan il-perjodu ma jeċċedix is-sitt xhur. Madankollu, fuq talba ta' min għandu l-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jtawlu dan iż-żmien għal total ta' disa' xhur.

    2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiffissaw limitu ta' żmien għall-importazzjoni mill-ġdid tal-prodotti li jikkompensaw waqt li jieħdu f'konsiderazzjoni ż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar ta' l-oġġetti. Dan iż-żmien għandu jiġi kkalkulat mid-data ta' għeluq il-formalitajiet ta' l-esportazzjoni temporanja. Il-perjodu jista' jittawwal fuq talba ta' min għandu l-awtorizzazzjoni jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu dan.

    3. Min għandu awtorizzazzjoni miksuba minn qabel għandu jibgħat lura l-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dritt wara li tkun intużat għal kollox jew dritt wara li jkun jidher li mhix se tintuża għal kollox. Jekk min għandu l-awtorizzazzjoni għandu bżonn l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni mill-ġdid li għadha pendenti ta' prodotti kompensanti, huwa għandu jikteb lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu l-miżuri xierqa u jinformaw lill-uffiċċju sorveljanti tad-dwana.

    KIF JAĦDMU L-ARRANĠAMENTI

    Artikolu 13

    L-uffiċċju sorveljanti tad-dwana

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14(5), l-uffiċċju tad-dwana indikat fl-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel, kompetenti biex jimmaniġġja l-arranġamenti ekonomiċi ta' outward processing u li se jissejjaħ "uffiċċju sorveljanti tad-dwana" ikun jikkontrolla l-funzjonijiet ta' l-arranġamenti, speċjalment fuq il-bażi ta':

    (a) il-kopja Nru 3 ta' l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel;

    (b) kopji tad-dikjarazzjonijiet ta' l-esportazzjoni u l-importazzjoni;

    (ċ) ir-rekord ta' ħażniet imsemmija fl-Artikolu 3(7).

    2. Huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti jekk isir jaf li anqas mill-kwantitajiet li jikkorrispondu mal-kwantitajiet allokati ġew esportati.

    3. L-Istati Membri jistgħu jżommu responsabbli l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet miksuba minn qabel għal xi wħud jew għall-funzjonijiet kollha ta' l-uffiċċju sorveljanti tad-dwana.

    Artikolu 14

    Dħul ta' oġġetti għal esportazzjoni temporanja u ċirkolazzjoni ħielsa.

    1. Fejn ma jeżistux dispożizzjonijiet speċifiċi għal dan ir-Regolament, jew ir-Regolament bażiku, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KEE) Nru 2913/92 u (KEE) Nru 2454/93 jiġu applikati.

    2. L-uffiċċju tad-dwana li jwettaq il-formalitajiet għall-esportazzjoni temporanja għandu jinforma l-uffiċċju sorveljanti tad-dwana permezz ta' kopja tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni.

    3. L-uffiċċju tad-dwana li jwettaq il-formalitajiet għad-dħul f'ċirkolazzjoni ħielsa għandu:

    - jaddebita l-kwantitajiet importati mill-ġdid kontra l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel, u

    - jinforma l-uffiċċju sorveljanti tad-dwana permezz ta' kopja tad-dikjarazzjoni ta' l-importazzjoni.

    4. L-informazzjoni meħtieġa tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi sakemm tagħti l-istess garanzija u bil-kondizzjoni li l-uffiċċju tad-dwana nvolut għandu aċċess għall-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel fuq network tal-kompjuter.

    5. Meta awtorizzazzjoni għal outward processing skond ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 teżisti bi qbil ma' awtorizzazzjoni miksuba minn qabel taħt ir-Regolament preżenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti (KEE) Nru 2913/92 u (KEE) Nru 2454/93 għall-kontroll tal-proċedura, minflok il-paragrafi minn 1 sa 4 ta' l-Artikolu 13(1).

    KSUR TA' REGOLAMENTI

    Artikolu 15

    1. Uffiċċji tad-dwana li jindunaw bi ksur ta' regoli mniżżla f'dan jew fir-Regolament bażiku għandhom minnufih jinformaw lill-awtoritajiet li ħarġu l-awtorizzazzjoni miksuba minn qabel.

    2. Kull Stat Membru għandu jistabilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jittieħdu f'każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jindunaw li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni miksuba minn qabel jkun fiha tagħrif qarrieq, magħmul jew apposta jew b'riżultat ta' traskuraġni kbira, jew inkella xi regola oħra ta' dan jew tar-Regolament bażiku tkun inkisret serjament.

    KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

    Artikolu 16

    1. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, kull meta possibbli b'mezzi elettroniċi, statistika dwar oġġetti importati mill-ġdid fit-territorju tagħhom taħt dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, kull fejn possibbli, b'mezzi elettroniċi.

    2. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jsibu li kwantitajiet baqgħu għal kollox jew in parti mhux użati jew miċħuda fil-qafas tas-sinifikat ta' l-Artikolu 3(4) u (6) tar-Regolament bażiku huma għandhom jikkomunikawhom, kull meta possibbli permezz ta' network elettroniku integrat, fil-pront u mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data li jkun skada ż-żmien għall-esportazzjoni jew li jagħlaq iż-żmien ta' l-awtorizazzjoni.

    3. Skond l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skond il-kategorija jew il-pajjiż terz, il-kwantitajiet totali riservati għall-benefiċjarji ta' qabel, kif ukoll il-kwantitajiet aġġustati skond l-Artikolu 3(4), (2) u (3) u l-Artikolu 3(5), (5) u (6) tar-Regolament bażiku, qabel il-15 ta' Jannar ta' kull sena.

    4. Bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament bażiku, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni lista ta' oġġetti li għalihom operaturi bbenefikaw fis-sena ta' qabel b'persentaġġ ta' aktar minn 14 %, u jindikaw il-kategorija tessili ta' kull prodott, oriġini u kwantità (kwantità u unit supplimentari kif xieraq).

    DISPOSIZZJONIJIET TA' L-AĦĦAR

    Artikolu 17

    Ir Regolamenti (KEE) Nru 1828/83 [7] u (KE) No 1816/95 [8] hawnhekk qed jitħassru. Dan it-tħassir ma jeffettwax il-validità ta' kull awtorizzazzjoni miksuba minn qabel maħruġa skond dawn ir-Regolamenti.

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996.

    Forom ta' applikazzjonijiet u awtorizzazzjoni miksuba minn qabel eżistenti jistgħu jibqgħu jintużaw, madankollu, sat-30 ta' Ġunju 1996.

    Dan ir-Regolament ikun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Mario Monti

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU Nru. L 322, tal-15.12.1994 p. 1.

    [2] ĠU Nru L 275, tat-8.11.1993 p. 1.

    [3] ĠU Nru L 154, tal-5.7.1995. p. 3.

    [4] ĠU Nru L 302, tad-19.10.1992 p. 1.

    [5] ĠU Nru L 253, tal-11.10.1993 p. 1.

    [6] ĠU Nru L 171, tal-21.7.1995 p. 8.

    [7] ĠU No L 180, tal-5.7.1983, p. 16.

    [8] ĠU No L 175, tas-27.7.1995, p. 21

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    ANNESS III

    L-Ammonti Massimi msemmija fl-Artiklu 3,(5) tar-Regolament Bażiku

    Kategorija | Ammont Massimu |

    5, 6, 7, 8 | 80.000 biċċa |

    14, 15, 16, 17, 21, 26, 27, 29, 73, 74 | 40.000 biċċa |

    4, 13, 24, 31 | 100.000 biċċa |

    12 | 120.000 par |

    18, 68, 76, 78, 83 | 7 tunnellati |

    159, 161 | 3 tunnellati |

    --------------------------------------------------

    Top