Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995R2610

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2610/95 tat-30 ta' Ottubru 1995 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 268, 10.11.1995, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2610/oj

    31995R2610



    Official Journal L 268 , 10/11/1995 P. 0001 - 0002


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2610/95

    tat-30 ta' Ottubru 1995

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

    billi l-kompitu ewlieni taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2965/94 [3] għadu dak li jissodisfa l-bżonnijiet ta' traduzzjoni ta' l-aġenziji u l-uffiċċji elenkati f'dak ir-Regolament; billi kull riskju ta' xogħol żejjed għaċ-Ċentru għandu jkun evitat għall-kwalunkwe prezz peress li jista' jkollu mplikazzjonijiet negattivi fuq l-operazzjonijiet ta' dawk l-aġenziji u uffiċċji u għall-persunal attwalment meħtieġ għall-funzjonament razzjonali taċ-Ċentru;

    billi l-objettiv essenzali taċ-Ċentru huwa t-tfittxija għall-aktar użu razzjonali u ekonomiku tal-mezzi disponibbli waqt li jinżamm l-istandard u l-kwalità meħtieġa tat-traduzzjonijiet, mingħajr ma fi kwalunkwe każ jaqta' barra l-possibbilità li jdur għas-suq;

    billi huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni amministrattiva bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni bil-għan li jiġu rrazzjonalizzati l-metodi tax-xogħol u jsir tfaddil komplessiv billi jiġi evitat xogħol superfluwu u l-ħolqien ta' strutturi paralleli li jqumu ħafna;

    billi t-traduzzjoni tikkostitwixxi wieħed mis-setturi ta' attività fejn din il-kollaborazzjoni interistituzzjonali tista' tiġi msaħħa;

    billi l-għan tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali għandha tkun biex tagħmilha possibbli għaċ-Ċentru li jwettaq fi żmien medju, kull attività li l-amalgamazzjoni tagħha kienet deċiża skond ir-regoli fis-seħħ;

    billi għalhekk huwa meħtieġ li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi pprovduti miċ-Ċentru biex jagħmluha possibbli għal dawk l-istituzzjonijiet u korpi ta' l-Unjoni li diġà għandhom servizz ta' traduzzjoni li jkollhom aċċess għas-servizzi taċ-Ċentru, fuq bażi volontarja u bil-għan li jiġi assorbit kull xogħol żejjed u li jista' jinqala';

    billi, biex tiġi evitata kull konfużjoni fuq l-estensjoni tat-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2965/94, huwa meħtieġ li tiġi mibdula fih il-kelma "korpi" bit-terminu "aġenziji u uffiċċji" kull fejn ikun meħtieġ;

    billi t-trattat ma jipprovdix setgħat speċifiċi ta' azzjoni għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament barra dawk li jinsabu fl-Artikolu 235,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2965/94 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 2(1) għandu jiġi mibdul bit-test li ġej:

    "L-Artikolu 2

    1. Iċ-Ċentru għandu jipprovdi s-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-operazzjoni ta' l-aġenziji u uffiċċji li ġejjin:

    - L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

    - Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ,

    - Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Droga,

    - L-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali,

    - L-Aġenzija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol,

    - L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks, disinji u mudelli),

    - l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) u t-Taqsima tad-Drogi ta' l-Europol.

    Iċ-Ċentru u kull waħda mill-aġenziji u uffiċċji msemmija hawn fuq għandhom jikkonkludu arranġamenti li jkopru l-modi li bihom ser jikkooperaw.

    2. Aġenziji u uffiċċji stabbiliti mill-Kunsill għajr dawk msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi taċ-Ċentru fuq il-bażi ta' arranġamenti li għandhom jiġu konklużi maċ-Ċentru.

    3. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni li diġà għandhom is-servizz tat-traduzzjoni tagħhom jistgħu, fuq bażi volontarja, ikollhom aċċess għaċ-Ċentru skond l-arranġamenti li għandhom jiġu miftehma bejn il-partijiet biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi tiegħu.

    4. Iċ-Ċentru għandu jipparteċipa b'mod sħiħ fix-xogħol tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni."

    2. L-Artikolu 4(1) għandu jiġi mibdul b'dan it-test li ġej:

    "1. Iċ-Ċentru għandu jkollu Bord Amministrattiv kompost minn:

    (a) rappreżentant minn kull waħda mill-aġenziji u uffiċċji elenkati fl-Artikolu 2(1); kull arranġament msemmi fl-Artikolu 2(2) jista' jipprevedi rappreżentanza ta' l-aġenzija jew l-uffiċċju li huwa parti għal dak l-arranġament;

    (b) rappreżentant minn kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

    (ċ) żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni; u

    (d) rappreżentant wieħed mill-istituzzjonijiet u l-korpi li għandhom s-servizz ta' traduzzjoni tagħhom iżda li kkonkludew ftehim maċ-Ċentru għall-kollaborazzjoni fuq bażi volontarja."

    3. L-Artikolu 10(2) għandu jiġi mibdul b'dan it-test li ġej:

    "2. (a) L-introjtu u l-ispejjeż murija fil-budget taċ-Ċentru għandhom ikunu f'bilanċ.

    (b) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stipulati fis-subparagrafu (ċ) dwar il-perjodu tal-bidu, l-introjtu għandu jiġi minn pagamenti magħmula mill-aġenziji u l-uffiċċji li lilhom iċ-Ċentru jagħti servizz u l-istituzzjonijiet u l-korpi li magħhom tkun ġiet miftehma kollaborazzjoni għax-xogħol imwettaq miċ-Ċentru.

    (ċ) Fil-perjodu tal-bidu, li m'għandux ikun aktar minn tliet snin finanzjarji:

    - l-uffiċċji u l-aġenziji, istituzzjonijiet u l-korpi li lilhom iċ-Ċentru jagħti servizz għandhom fil-bidu tas-sena finanzjarja jagħmlu kontribuzzjoni ta' somma waħda mill-budgets tagħhom li tkun ibbażata fuq l-aħjar informazzjoni possibbli u li tkun ġiet adattata fid-dawl tax-xogħol attwalwament imwettaq,

    - kontribuzzjoni tista' tiġi magħmula mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej liċ-Ċentru sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni tiegħu."

    4. L-Artikolu 11 għandu jiġu mibdul b'dan it-test li ġej:

    "L-Artikolu 11

    1. Qabel ir-reviżjoni prevista fl-Artikolu 19, kull aġenzija jew uffiċċju msemmifl-Artikolu 2(1) li qiegħed jesperjenza diffikultajiet partikolari b'konnessjoni mal-provvediment ta' servizzi miċ-Ċentru jista' javviċina ċ-Ċentru sabiex jikseb l-aktar soluzzjonijiet xierqa għal dawk id-diffikultajiet.

    2. Jekk jirriżulta mpossibli li jasal għal tali soluzzjoni fi żmien tliet xhur, l-aġenzija jew l-uffiċċju in kwistjoni jista' jibgħat komunikazzjoni ssostanzjata kif suppost lill-Kummissjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu dawk il-miżuri meħtieġa u, jekk ikun xieraq, torganizza, taħt l-awspiċi taċ-ċentru u bl-assistenza tiegħu, modi aktar sistematiċi biex iddur fuq terzi persuni għat-traduzzjoni tad-dokumenti kkonċernati."

    5. L-Artikolu 13(2) u (3) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

    "2. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta rendikont ta' l-istimi flimkien ma' pjan ta' stabbiliment u għandu jibgħathom immedjatament lill-Kummissjoni, li fuq dik il-bażi għandha tistabbilixxi l-istimi korrispondenti għas-sussidji mogħtija lill-aġenziji u uffiċċji elenkati fl-Artikolu 2 fl-abbozz preliminari tal-budget li tqiegħed quddiem il-Kunsill skond l-Artikolu 203 tat-Trattat.

    3. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta il-budget taċ-Ċentru qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, waqt li jaġġustah fejn meħtieġ għall-pagamenti magħmula mill-aġenziji u uffiċċji, istituzzjonijiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 2."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Maghmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Ottubru 1995.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Solana

    [1] Ġ.U. Nru. C 43, tad-9.6.1995, p. 25.

    [2] Ġ.U. Nru. C 269, tas-16.10.1995.

    [3] Ġ. U. Nru. L 314, tas-7.12.1994, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top