Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995D0233

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 1995 li tfassal listi ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ tjur ħajjin u bajd għat-tfaqqisTest b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 156, 7.7.1995, p. 76–79 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/04/2007; Imħassar b' 32006D0696

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/233/oj

    31995D0233



    Official Journal L 156 , 07/07/1995 P. 0076 - 0079


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tat-22 ta’ Ġunju 1995

    li tfassal listi ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ tjur ħajjin u bajd għat-tfaqqis

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (95/233/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ tjur u bajd tat-tfaqqis [1], kif emendata l-aħħar bl-Att tas-Sħubija ta’ l-Awstrija, il-Fillandja u l-Isvezja, u partikolarment l-Artikoli 21 u 26 miġjuba fiha,

    Billi ċerti pajjiżi li tradizzjonalment ifornu lill-Istati Membri, ġew mitluba biex juru, permezz ta’ assigurazzjonijiet bil-miktub appoġġjati b’dokumenti xierqa jew bħala riżultat ta’ spezzjonijiet fuq il-post, li dawn jissodisfaw il-kriterji tal-Komunità;

    Billi din id-Deċiżjoni tapplika mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/342/KEE [2], kif emendata bid-Deċiżjoni 94/438/KE [3], li tistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi fejn għandhom x’jaqsmu l-influwenza tat-tjur u l-marda tan-Newcastle;

    Billi f’ċerti każi jista’ jkun meħtieġ ukoll li jkunu speċifikati l-partijiet tal-pajjiżi li minnhom l-importazzjonijiet ikunu awtorizzati; billi l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni tista’ tiġi ristretta għal ċerti speċi jew kategoriji ta’ għasafar;

    Billi din il-lista ta’ pajjiżi terzi tista’, iżda, tkun emendata fi kwalunkwe żmien biex tkun tista’ tikkunsidra t-tagħrif ġdid jew is-sitwazzjonijiet ġodda; billi t-tniżżil fil-lista ta’ kwalunkwe pajjiż għandu jiġi rivedut f’kull żmien meta tagħrif ieħor, partikolarment meta jkun jirriżulta minn spezzjonijiet fuq il-post, ikun juri li l-kondizzjonijiet fil-pajjiżi terzi konċernati x’aktarx ikunu nbidlu jew li l-informazzjoni li tkun waslet qabel ma kinitx waħda sħiħa, jew kienet ineżatta jew mhux korretta;

    Billi, għalkemm il-lista ta’ pajjiżi terzi tifforma l-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabbli għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi stabbiliti fid-Direttiva 90/539/KEE, miżuri oħra, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali, il-pjani ta’ residwu u ċ-ċertifikazzjoni, għandhom ikunu kunsidrati biex jinkiseb avviċinar sħiħ tal-kondizzjonijiet għall-importazzjoni ta’ tjur ħajjin u bajd għat-tfaqqis;

    Billi huwa ġustifikat li tiġi stabbilita lista separata ta’ pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ ratites, minħabba d-differenzi bijoloġiċi bejn dawn l-għasafar u l-ispeċi l-oħra ta’ tjur; billi dawn l-għasafar hemm bżonn li jgħaddu minn kwarantina wara l-importazzjoni tagħhom;

    Billi huwa wkoll meħtieġ li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 90/539/KEE u, għalhekk, li tiġi stabbilita l-lista ta’ pajjiżi li, għalkemm jipprovdu garanziji inqas stretti dwar is-saħħa ta’ l-annimali, jistgħu jkunu awtorizzati għall-importazzjoni ta’ konsenji żgħar taħt kondizzjonijiet simili għal dawk adottati għal għasafar oħra skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE [4];

    Billi, matul l-adozzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali għall-importazzjoni ta’ tjur ħajjin u bajd tat-tfaqqis mill-pajjiżi speċifikati f’din il-lista, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw, għall-importazzjoni, il-kriterji tagħhom dwar is-saħħa tal-annimali li bdew iseħħu mill-1 ta’ Jannar 1995;

    Billi l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ tjur ħajjin u bajd għat-tfaqqis skond il-lista tal-Anness I.

    Il-lista fl-Anness I ma tapplikax għall-importazzjoni ta’ ratites jew bajd tat-tfaqqis ta’ dawn.

    2. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ratites u bajd tat-tfaqqis ta’ dawn skond il-lista li hemm fl-Anness II. Il-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni ta’ dawn l-għasafar jew tal-bajd għandhom jinkludu kriterju għal kwarantina ta’ wara l-importazzjoni.

    3. B’deroga mill-paragrafu 1 u matul l-adozzjoni tar-regoli tal-Komunità fuq il-kriterji tas-saħħa ta’ l-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għal dawn l-importazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ konsenji singoli ta’ inqas minn 20 unit ta’ tjur ħajjin u bajd tat-tfaqqis skond il-lista msemmija fl-Anness III. Il-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-konsenji għandhom jinkludu kriterju għall-iżolament jew kwarantina ta’ wara l-importazzjoni.

    Id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sub-paragrafu ma japplikawx għal konsenji ta’ ratites jew ta’ bajd tat-tfaqqis tagħhom.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 1995.

    Artikolu 3

    Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Ġunju 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 303, ta’ l-1.10.1990, p. 6.

    [2] ĠU L 137, tat-8.6.1993, p. 24.

    [3] ĠU L 181, tas-17.7.1994, p. 35.

    [4] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 54.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    Lista ta’ pajjiżi li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati jimpurtaw tjur ħajjin u bajd tat-tfaqqis tagħhom, esklużi r-ratites u l-bajd ta’ dawn

    Din il-lista hija waħda fil-prinċipju u l-importazzjonijiet għandhom jaderixxu l-kriterji relevanti tas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika.

    Kodiċi ISO | Pajjiż |

    AU | L-Awstralja |

    BR | Il-Brażil |

    CA | Il-Kanada |

    CH | L-Isvizzera |

    CL | Iċ-Ċili |

    CY | Ċipru |

    CZ | Ir-Repubblika Ċeka |

    HR | Il-Kroazja |

    HU | L-Ungerija |

    IL | Iżrael |

    NZ | New Zealand |

    PL | Il-Polonja |

    RO | Ir-Rumanija |

    SI | Is-Slovenja |

    SK | Ir-Repubblika Slovakka |

    US | L-Istati Uniti ta’ l-Amerika |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    Lista ta’ pajjiżi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ratites ħajjin u l-bajd tat-tfaqqis tagħhom

    Din il-lista hija waħda fil-prinċipju u l-importazzjonijiet għandhom jaderixxu l-kriterji relevanti tas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika.

    Kodiċi ISO | Pajjiż |

    AU | L-Awstralja |

    BR | Il-Brażil |

    BW | Il-Botswana |

    CA | Il-Kanada |

    CH | L-Isvizzera |

    CL | Iċ-Ċili |

    CY | Ċipru |

    CZ | Ir-Repubblika Ċeka |

    HR | Il-Kroazja |

    HU | L-Ungerija |

    IL | Israel |

    NA | In-Namibja |

    NZ | New Zealand |

    PL | Il-Polonja |

    RO | Ir-Rumanija |

    SI | Is-Slovenja |

    SK | Ir-Repubblika Slovakka |

    US | L-Istati Uniti ta’ l-Amerika |

    ZA | L-Afrika t’Isfel |

    ZB | Iż-Żimbabwe |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    Lista ta’ pajjiżi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ konsenji żgħar ta’ tjur ħajjin u bajd tat-tfaqqis, esklużi r-ratites u l-bajd ta’ dawn

    Din il-lista hija waħda fil-prinċipju u l-importazzjonijiet għandhom jaderixxu l-kriterji relevanti tas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika.

    Il-pajjiżi kollha jew partijiet minn dawn li hemm imniżżla fil-Parti I ta’ l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE u li minnhom l-importazzjoni ma ġietx ipprojbita minħabba l-firxa ta’ l-influwneza ta’ l-għasafar u/jew il-marda tan-Newcastle.

    --------------------------------------------------

    Top