Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0121

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/121/KE tat-22 ta’ Diċembru 1993 li temenda d-Direttiva 91/494/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ laħam frisk tat-tjur u l-importazzjoni tiegħu minn pajjiżi terzi.

    ĠU L 340, 31.12.1993, p. 39–40 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Impliċitament imħassar minn 32004L0041

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/121/oj

    31993L0121



    Official Journal L 340 , 31/12/1993 P. 0039 - 0040
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 55 P. 0212
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 55 P. 0212


    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/121/KE

    tat-22 ta’ Diċembru 1993

    li temenda d-Direttiva 91/494/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ laħam frisk tat-tjur u l-importazzjoni tiegħu minn pajjiżi terzi.

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi l-Artikolu 3 A (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/494/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk tat-tjur u l-importazzjoni tiegħu minn pajjiżi terzi [4] jistabbilixxi r-regoli għat-tilqim kontra l-marda Newcastle għall-qtajja’ ta’ oriġini ta’ laħam tat-tjur maħsub għall-Istati Membri jew reġjuni ta’ Stati Membri, li l-istatus tagħom kien ingħata l-għarfien skond l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ tjur u ta’ bajd għat-tfaqqis [5];

    Billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli tat-tilqim kontra l-marda Newcastle li għandhom jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 1993 għall-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur maħsub għal Stati Membri jew reġjuni ta’ Stati Membri li l-istatus tagħhom kien ingħata għarfien skond l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 90/539/KEE;

    Billi l-Kunsill kien adotta d-Direttiva 92/66/KEE [6] dwar il-kontroll tal-marda Newcastle u d-Direttiva 92/40/KEE [7] dwar il-kontroll ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar, li b’hekk tkun tippermetti s-simplifikazzjoni tad-Direttiva 91/494/KEE;

    Billi huwa mixtieq li tiġi permessa alternattiva għall-użu tal-marka speċjali ddefinita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/494/KEE;

    Billi huwa meħtieġ li jiġu emendati r-regoli tal-kummerċ applikati għall-pajjiżi terzi biex jiġi żgurat li jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fl-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-marda Newcastle u ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 91/494/KEE qiegħda b’hekk tiġi emendata kif ġej:

    1. L-Artikolu 3(A)(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    "1. ikunu nżammu fit-territorju tal-Komunità mit-tfaqqis jew ikunu ġew importati minn pajjiżi terzi skond il-ħtiġiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 90/539/KEE. Il-laħam tat-tjur maħsub għall-Istati Membri jew reġjuni ta’ l-Istati Membri li l-istatus tagħhom kellu għarfien skond l-Artikolu 12(2) ta’ dik id-Direttiva għandu jkun ġej minn tjur li ma jkunux tlaqqmu kontra l-marda Newcastle bl-użu ta’ vaċċin ħaj matul it-30 jum ta’ qabel il-qatla.

    Din ir-regola għandha tiġi rriveduta mill-Kunsill waqt li jkun jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni qabel ma l-leġislazzjoni tal-Komunità li tarmonizza l-użu tat-tilqim kontra l-marda Newcastle tidħol fis-seħħ u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1994."

    2. fl-Artikolu 3(A)(2) it-tieni inċiż għandu jinbidel b’dan li ġej:

    "— li ma jkunux qegħdin f’żona li għal raġunijet ta’ saħħa ta’ l-annimali tkun soġġetta għall-miżuri restrittivi li jinvolvu kontrolli fuq il-laħam tat-tjur skond il-leġislazzjoni tal-Komunità bħala riżultat ta’ xi mxija ta’ mard li għalih ikunu suxxettibbli t-tjur;".

    3. Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 5:

    "3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 u fil-każ ta’ epiżotika tal-marda Newcastle, il-laħam frisk tat-tjur jista’ jiġi mmarkat skond l-Artikolu 3(1)(A)(e) tad-Direttiva 71/118/KEE bil-marka sanitarja deskritta fl-Anness I, il-Kapitolu X, il-punt 44(a) u (b) li jinsab mad-Direttiva 71/118/KEE, basta dak il-laħam ma jkunx ġej minn tjur li:

    (a) ikunu ġejjin minn azjenda li tkun tinsab ġewwa ż-żona ta’ sorveljanza kif iddefinita fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 92/66/KEE, iżda mhux miż-żona ta’ protezzjoni

    ddefinita fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 92/66/KEE, u li dwarha, wara eżami epidemjoloġiku, ma jkun ġie rrekordjat ebda kuntatt ma’ azjenda infettata;

    (b) ikunu ġejjin minn qatgħa fejn eżami viroloġiku li jkun ta riżultat negattiv ikun sar fuq kampjun rappreżentattiv tal-qatgħa ħamest ijiem qabel ma jintbagħtu t-tjur; il-kampjonarju għandu jsir minn veterinarju nnominat mill-awtorità kompetenti;

    (ċ) ikunu ġejjin minn azjenda fejn ebda sinjali jew sintomi kliniċi ma jkunu nstabu li jkunu jistgħu jindikaw il-preżenza tal-marda Newcastle wara eżami kliniku minn veterinarju nnominat mill-awtoritajiet kompetenti; dak l-eżami għandu jsir fi żmien 24 siegħa qabel ma ssir il-kunsinna tat-tjur;

    (d) mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(A)(3), ikunu ġew direttament ittrasportati mill-azjenda għall-biċċerija; il-mezzi tat-trasport użati għandhom ikunu ssiġillati mill-uffiċjal veterinarju u mnaddfa u ddiżinfettati qabel u wara kull ġarr;

    (e) jiġu eżaminati fil-biċċerija fil-waqt ta’ l-ispezzjoni ante u post-mortem, bil-ħsieb li jinkixfu xi sintomi tal-marda Newcastle.

    L-Istati Membri li jinvokaw dawn id-disposizzjonijiet għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fil-Kumitat Veterinarju Permanenti dwar il-miżuri li jadottaw f’din il-kwistjoni.

    Il-kriterji ġenerali għall-kampjuni, il-frekwenza tal-kampjuni u xi kondizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa fl-implimentazzjoni ta’ (a), (b) u (ċ) għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 17, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Veterinarju Permanenti u qabel l-1 ta’ Jannar 1995.

    4. Qabel l-1 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet, flimkien ma’ kull proposta li fuqha l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata."

    4. L-Artikolu 10 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 10

    1. Il-laħam frisk tat-tjur għandu jkun ġej minn pajjiżi:

    (a) li fihom l-influwenza ta’ l-għasafar u l-marda Newcastle ikunu mard legalment notifikabbli mal-pajjiż kollu skond in-normi internazzjonali;

    (b) ħielsa mill-influwenza ta’ l-għasafar u l-marda Newcastle, jew

    li, għalkemm ma jkunux ħielsa minn dan il-mard, japplikaw miżuri biex jikkontrollawhom li talanqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttivi 92/40/KEE u 92/66/KEE rispettivament.

    2. Kriterji addizzjonali għall-klassifika ta’ pajjiżi terzi dwar il-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 qabel l-1 ta’ Jannar 1995.

    Waqt l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ ċertifikazzjoni, il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu ssalvagwardati sitwazzjonijiet partikolari tas-saħħa ta’ l-annimali f’ċerti reġjuni tal-Komunità.

    3. Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, tiddeċiedi taħt liema kondizzjonijiet il-paragrafu 1 għandu jgħodd biss għall-parti mit-territorju ta’ pajjiżi terzi."

    Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995. Dawn għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.

    Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 1993.

    Għall-Kunsill

    J.M. Dehousse

    Il-President

    [1] ĠU Ċ 89, tal- 31.3.1993, p. 8.

    [2] ĠU Ċ 176, tat- 28.6.1993, p. 26.

    [3] ĠU Ċ 201, tas- 26.7.1993, p. 50.

    [4] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 35.

    [5] ĠU L 303, tal-31.10.1990, p. 6.

    [6] ĠU L 260, tal-5.9.1992, p. 1.

    [7] ĠU L 167, tat-22.6.1992, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top