EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0112

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/112/KE tal-10 ta' Diċembru 1993 li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE li tiddefinixxi u tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għas-sistema ta' tagħrif speċifikat li għandu x'jaqsam ma' preparazzjonijiet perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/379/KEE

ĠU L 314, 16.12.1993, p. 38–43 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/112/oj

31993L0112



Official Journal L 314 , 16/12/1993 P. 0038 - 0043
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0080
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0080


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/112/KE

tal-10 ta' Diċembru 1993

li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE li tiddefinixxi u tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għas-sistema ta' tagħrif speċifikat li għandu x'jaqsam ma' preparazzjonijiet perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/379/KEE

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 88/379/KEE tas-7 ta' Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-klassifikar, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/18/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 (2) tagħha,

Billi l-Artikolu 10 (2) tad-Direttiva 88/379/KEE jipprovdi illi l-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti ddettaljati sabiex tiġi implimentata sistema ta' tagħrif fil-għamla ta' data sheets dwar is-sigurtà li għandhom x'jaqsmu ma' preparazzjonijiet perikolużi; billi, għal dan il-għan, id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE [3] stabbilixxiet dawn l-arranġamenti ddettaljati;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjonii tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar is-sustanzi perikolużi [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/21/KEE [5] u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha, tipprovdi illi l-Kummissjoni għandha tagħmel regoli ġenerali għall-elaborazzjoni, id-distribuzzjoni, il-kontenut u l-format ta' data sheets dwar is-sigurtà fejn għandhom x'jaqsmu s-sustanzi perikolużi;

Billi huwa approprjat illi l-arranġamenti li għandhom x'jaqsmu ma' data sheets dwar is-sigurtà jkunu l-istess għas-sustanzi u għal-preparazzjonijiet; billi dan l-approċċ kien previst bid-Direttiva 91/155/KEE; billi, għal dan il-għan, huwa meħtieġ illi d-Direttiva 91/155/KEE tiġi emendata f'dan is-sens;

Billi huwa meħtieġ illi jsiru ċerti bidliet lill-Anness sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' l-ambjent;

Billi minħabba l-emendi għad-Direttiva 91/155/KEE, l-Artikolu 4 tagħha għandu għalhekk jiġi mħassar;

Billi d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Addattamenti għall-progress tekniku tad-direttivi dwar it-tneħħija ta' l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fis-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/155/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 4 jiġi mħassar.

2. L-Anness għandu jiġi mibdul bl-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1995 u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 1995.

Madankollu, is-sistemi tat-tagħrif tat-tip ta' data sheets dwar is-sigurtà fl-użu f'uħud mill-Istati Membri jistgħu jissoktaw jintużaw sa l-1 ta' Lulju 1995.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva u għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, il-10 ta' Diċembru, 1993.

Għall-Kummissjoni

Yannis Paleokrassas

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU Nru L 187, 16. 7. 1988, p. 14.

[2] ĠU Nru L 104, 29. 4. 1993, p. 46.

[3] ĠU Nru L 76, 22. 3. 1991, p. 35

[4] ĠU Nru 196, 16. 8. 1967, p. 1.

[5] ĠU Nru L 110, 4. 5. 1993, p. 20.

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-GWIDA GĦALL-KUMPILAZZJONI TA' DATA SHEETS DWAR IS-SIGURTÀ

In-noti ta' spjega li ġejjin huma maħsuba bħala gwida. Il-għan tagħhom huwa li jiżguraw illi l-kontenut f'kull intestatura mandatorja elenkata fl-Artikolu 3 jgħin lill-utenti professjonisti sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa u mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u sabiex jipproteġu l-ambjent.

It-tagħrif għandu ikun miktub b'mod ċar u konċiż.

F'ċerti każi jista' jkun meħtieġ tagħrif addizzjonali minħabba l-varjetà wiesgħa tal-proprjetajiet tas-sustanzi u tal-preparazzjonijiet. Jekk f'każijiet oħra jirriżulta illi t-tagħrif minn ċerti proprjetajiet ma jkun ta' l-ebda sinifikat jew ikun teknikament impossibbli li jiġi pprovvdut għandhom jiġu ddikjarati biċ-ċar ir-raġunijiet għal dan.

Minkejja li l-ordni ta' l-intestaturi mhix obbligatorja, hija rrakkommandata s-sekwenza mogħtija fl-Artikolu 3.

Meta data sheet dwar is-sigurtà tiġi rriveduta, il-bidliet għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tar-riċevitur.

1. L-identifikazzjoni tas-sustanza/preparazzjoni u tal-kumpannija/impriża

1.1. L-identifikazzjoni tas-sustanza jew tal-preparazzjoni:

It-terminu wżat għall-identifikazzjoni għandu jkun identiku għal dak ipprovvdut fuq it-tikketta kif stabbilit fl-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE.

Mezzi oħra disponibbli ta' identifikazzjoni jistgħu jkunu indikati wkoll.

1.2. L-identifikazzjoni tal-kumpannija/impriża:

- l-identifikazzjoni tal-persuna stabbilita fil-Kommunità responsabbli mit-tqegħid tas-sustanza jew tal-preparazzjoni fis-suq sewwa jekk ikun il-fabbrikant, sewwa l-importatur jew sewwa d-distributur,

- l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefon ta' din il-persuna

1.3. B'żieda mat-tagħrif imsemmi hawn fuq, agħti n-numru tat-telefon ta' emerġenza tal-kumpannija u/jew il-korp konsultattiv skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 88/379/KEE.

2. Il-komposizzjoni/tagħrif dwar l-ingredjenti

It-tagħrif għandu jgħin lir-riċevitur sabiex jidentifika malajr ir-riskji marbuta mas-sustanza jew mal-preparazzjoni.

Fil-każ ta' preparazzjoni:

(a) mhux meħtieġ li tingħata l-kompożizzjoni kollha (in-natura ta' l-ingredjenti u l-konċentrazzjoni tagħhom);

(b) madankollu, is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew il-firxa tal-konċentrazzjoni tagħhom, jekk ikunu preżenti f'konċentrazzjonijiet ugwali jew akbar minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 (6) (a) tad-Direttiva 88/379/KEE (sakemm limitu aktar baxx ma jkunx ikkunsidrat aktar approprjat):

- is-sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa fit-tifsira tad-Direttiva 67/548/KEE,

u

- mill-inqas is-sustanzi soġġetti għall-valuri tal-limitu ta' l-esposizzjoni rrikonoxxuti skond id-disposizzjonijiet Komunitarji iżda li mhumiex koperti bid-Direttiva ta' hawn fuq;

(c) il-klassifikazzjoni (jew mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 67/548/KEE jew mill-Anness I ta' magħha) tas-sustanzi ta' hawn fuq għandhom jingħataw fil-għamla tas-simboli u l-frażijiet R li huma assenjati skond il-perikoli tagħhom għas-saħħa;

(d) jekk, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 (1) tad-Direttiva 88/379/KEE, l-identità ta' ċerti sustanzi għandha tibqa' kunfidenzjali, in-natura kimika tagħhom għandha tiġi deskritta sabiex jiġi żgurat il-manipulazzjoni fis-sigurtà. L-isem għandu jkun dak li joħroġ mill-proċedura ta' hawn fuq.

3. L-identifikazzjoni tar-riskji

Indika b'mod ċar u fil-qosor l-aktar riskji importanti li jippreżentaw is-sustanza jew il-preparazzjoni, b'mod partikolari r-riskji kritiċi għall-bniedem u għall-ambjent.

Iddeskrivi l-aktar effetti avversi importanti għas-saħħa tal-bniedem u s-sintomi li għandhom x'jaqsmu ma' l-użi u l-użi possibbilment ħżiena tas-sustanza jew tal-preparazzjoni li jistgħu jkunu previsti b'mod raġjonevoli.

It-tagħrif għandu jkun kompatibbli ma' dak muri fuq it-tikketta tal-prodott iżda mhemmx bżonn li jiġi mtenni.

4. Il-miżuri ta' l-ewwel għajnuna

Iddeskrivi l-miżuri ta' l-ewwel għajnuna; iżda, huwa importanti li jiġi speċifikat jekk hix meħtieġa attenzjoni medika immedjata.

It-tagħrif dwar l-ewwel għajnuna għandu ikun fil-qosor u faċli li tinftiehem mill-vittma, minn dawk li jkunu jinsabu madwar u min-nies li jagħtu l-ewwel għajnuna. Is-sintomi u l-effetti għandhom jiġu ssommarizzati fil-qosor. L-istruzzjonijiet għandhom jindikaw x'għandu jsir fuq il-post f'każ ta' inċident u jekk jistgħux jiġu mistennija effetti rritardati wara l-esposizzjoni.

Issuddividi t-tagħrif skond ir-rotot differenti ta' l-esposizzjoni, jiġifieri l-inalazzjoni, il-kuntatt mal-ġilda jew mal-għajnejn u l-inġestjoni, taħt subintestaturi differenti.

Indika jekk hix meħtieġa jew hux tal-parir li tingħata assistenza professjonali minn tabib.

Għal ċerti sustanzi jew preparazzjonijiet jista' jkun importanti li ssir enfasi illi mezzi speċjali li jipprovdu trattament speċifiku u immedjat għandhom ikunu disponibbli fuq il-post tax-xogħol.

5. Il-miżuri għat-tifi tan-nar

Irreferi għall-ħtiġiet sabiex jintefa nar ikkawżat mis-sustanza jew mil-preparazzjoni, jew li jkun hemm fil-qrib billi tindika:

- il-mezzi adatti għat-tifi tan-nar,

- il-mezzi għat-tifi tan-nar li ma għandhomx jintużaw għal raġunijiet tas-sigurtà,

- il-perikli speċjali ta' l-esposizzjoni li jinħolqu mis-sustanza jew mil-preparazzjoni nfushom, minn prodotti tal-kombustjoni, mill-gassijiet li jirriżultaw,

- it-tagħmir speċjali protettiv għall-persuni tat-tifi tan-nar.

6. Il-miżuri għar-rilaxx aċċidentali

Jiddependi fuq is-sustanza jew il-preparazzjoni involuta, jista' jkun meħtieġa tagħrif dwar:

- il-prekawzjonijiet personali bħalma huma:

it-tneħħija ta' sorsi tal-qbid, il-provvediment ta' ventilazzjoni suffiċjenti/protezzjoni tar-respirazzjoni, il-kontroll ta' trab, il-prevenzjoni tal-kuntatt mal-ġilda u l- għajnejn,

- il-prekawzjonijiet ambjentali bħalma huma:

iż-żamma 'l bogħod mill-katusi tad-drenaġġ, l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art u l-ħamrija, il-ħtieġa possibbli li jiġi avżat l-viċinat,

- il-metodi tat-tindif bħalma huma:

l-użu ta' materjali assorbenti (e.g. ir-ramel, il-ħamrija dijatonika, il-binder ta' l-aċidu, il-binder universali, is-serratura…) it-tnaqqis tal-gassijiet/id-dħaħen bl-ilma, bid-dilwit.

Ikkunsidra wkoll il-ħtieġa għall-indikazzjonijiet bħalma huma: ‘qatt tuża, innewtralizza bi,…'.

NB:

Jekk approprjat irreferi għall-punti 8 u 13.

7. Il-manipulazzjoni u l-ħażna

7.1. Il-manipulazzjoni

Ikkunsidra l-prekawzjonijiet għal manipulazzjoni b'sigurtà li jinkludu pariri dwar miżuri tekniċi bħalma huma: il-ventilazzjoni lokali u ġenerali, il-miżuri sabiex tiġi pprevenuta l-ġenerazzjoni ta' l-ajrusoli u tat-trab u tan-nar, u kull ħtieġa speċifika jew regoli speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mas-sustanza jew mal-preparazzjoni (p.e. il-proċeduri jew it-tagħmir li huma pprojbiti jew irrakkomandati) u jekk huwa possibli agħti deskrizzjoni qasira.

7.2. Il-ħażna

Ikkunsidra l-kondizzjonijiet tal-ħażna fis-sigurtà bħalma huma: id-disinn speċifiku tal-kmamar jew tar-reċipjenti tal-ħażna (li jinkludu l-ħitan ta' retenzjoni u l-ventilazzjoni), il-materjali inkompatibbli, il-kondizzjonijiet tal-ħażna (il-limitu/firxa tat-temperatura u ta' l-umdità, id-dawl, il-gass inert…), it-tagħmir speċjali ta' l-elettriku u l-prevenzjoni ta' l-elettriċità statika.

Agħti parir jekk rilevanti dwar il-limiti tal-kwantità skond il-kondizzjonijiet tal-ħażna. Indika b'mod partikolari kull ħtieġa speċjali bħalma hu t-tip tal-materjal użat fl-imballaġġ/il-kontenituri tas-sustanza jew tal-preparazzjoni.

8. Il-kontrolli ta' l-esposizzjoni/protezzjoni personali.

Għall-għanijiet ta' dan id-dokument il-kontroll ta' l-esposizzjoni tfisser il-firxa kollha tal-miżuri ta' prekawzjoni li għandhom jittieħdu waqt l-użu sabiex tiġi mminimmizzata l-esposizzjoni tal-ħaddiem.

Għandhom jittieħdu l-miżuri dwar l-inġinerija qabel ma jkun meħtieġ it-tagħmir għall-protezzjoni personali. Għalhekk agħti t-tagħrif dwar id-disinn tas-sistema, p.e. l-kjużura. Dan it-tagħrif għandu jikkumplimenta lil dak diġà mogħti fil-punt 7.1.

Indika, bir-referenza tagħhom, kull paratmetru speċifiku tal-kontroll bħalma huma l-valuri tal-limitu jew l-istandards bijoloġiċi. Agħti t-tagħrif dwar il-proċeduri rrakkommandati rigward il-monitoraġġ u indika r-referenza.

Fejn tkun meħtieġa protezzjoni personali, ispeċifika t-tip tat-tagħmir li jipprovdi l-protezzjoni adegwata u adatta:

- il-protezzjoni respiratorja:

fil-każ tal-gassijiet, il-fwar jew it-trab perikolużi, ikkunsidra l-ħtieġa tat-tagħmir protettiv approprjat, bħalma hu l-apparat tan-nifs li jkun fih il-ħtiġiet kollha, il-maskri u l-filtri adegwati,

- il-protezzjoni ta' l-idejn:

ispeċifika t-tip ta' l-ingwanti li għandhom jintlibsu meta tkun manipulata s-sustanza jew il-preparazzjoni. Jekk meħtieġ indika kull miżura addizzjonali dwar il-protezzjoni tal-ġilda u l-idejn,

- il-protezzjoni tal-għajnejn:

ispeċifika t-tip tat-tagħmir meħtieġ għall-protezzjoni tal-għajnejn bħalma huma: in-nuċċalijiet tas-sigurtà, il-goggles tas-sigurtà, il-lqugħ għall-wiċċ,

- il-protezzjoni tal-ġilda:

Jekk huwa meħtieġ li tiġi protetta parti mill-ġisem għajr l-idejn, ispeċifika t-tip u l-kwalità tat-tagħmir meħtieġ tal-protezzjoni, bħalma huma: il-fardal, l-istivali u l-libsa intiera protettiva. Jekk meħtieġ, indika l-miżuri speċifiċi dwar l-iġjene.

Fejn approprjat għandha ssir referenza għall-istandards rilevanti tas-CEN.

9. Il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

Din it-taqsima tinkludi t-tagħrif li ġej, fejn japplika, dwar is-sustanzi jew il-preparazzjoni.

Id-Dehra: | indika l-istat fiżiku (solidu, likwidu, gass) u l- kulur tas-sustanza jew tal-preparazzjoni kif ikunu ġew forniti. |

Ir-Riħa: | jekk tinxtamm xi riħa, agħti deskrizzjoni tagħha fil-qosor. |

Il-pH: | indika l-pH tas-sustanza jew tal-preparazzjoni kif ikunu ġew forniti jew ta' soluzzjoni milwiema; fl-aħħar każ, indika l-konċentrazzjoni. |

Il-waqt ta' meta jagħli/il-firxa tat-togħlija: | Fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 67/548/KEE |

Il-waqt ta' meta jinħall/il-firxa tat-tidwib: |

Il-waqt tal-berqa: |

Il-fjammabbiltà (is-solidu, il-gass): |

L-awtofjammabbiltà: |

Il-proprjertajiet splussivi: |

Il-proprjetajiet ta' l-ossidazzjoni: |

Il-pressa tal-fwar: |

Id-densità relattiva: |

Is-solubbiltà: | is-solubbiltà bl-ilmais-solubbiltà bix-xaħam (iż-żejt-solvent għandu jiġi speċifikat): |

Il-koeffiċjent tal-qsim: l-n-ottano/l-ilma: | |

Tagħrif ieħor: | indika l-parametri tas-sigurtà importanti, bħalma huma id-densità tal-fwar, il-kapaċità tat-taħlit, ir-rata ta' l-evaporazzjoni, il-konduttività, il-viskosità, eċċ. |

Il-proprjetajiet ta' hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-Parti A ta' l-Anness V mad-Direttiva 67/548/KEE jew kull metodu ieħor paragunabbli.

10. L-istabbiltà u r-reattività.

Iddikjara l-istabbilità tas-sustanza jew tal-preparazzjoni u l-possibbiltà ta' reazzjonijiet perikolużi li jiġru taħt ċerti kondizzjonijiet.

Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu evitati:

Elenka dawk il-kondizzjonijiet bħalma huma t-temperatura, il-pressjoni, id-dawl, ix-xokk, eċċ., li jistgħu jikkawżaw reazzjoni perikoluża u jekk possibbli, agħti deskrizzjoni qasira.

Il-materjali li għandhom jiġu evitati:

Bħalma huma l-ilma, l-arja, l-aċidi, il-bażijiet, l-aġenti ta' l-ossidazzjoni jew kull sustanza speċifika oħra li tista' tikkawża reazzjoni perikoluża u jekk possibbli, agħti deskrizzjoni qasira.

Il-prodotti ta' dekomposizzjoni perikolużi:

Elenka l-materjali perikolużi prodotti f'ammonti perikolużi mad-dekomposizzjoni.

N.B.

Indirizza b'mod speċifiku:

- il-ħtieġa u l-preżenza ta' l-istabbilizzaturi,

- il-possibbiltà ta' reazzjoni esotermika perikoluża,

- is-sinifikat tas-sigurtà, jekk ikun hemm minnhom, tal-bidla fid-dehra fiżika tas-sustanza jew tal-preparazzjoni,

- il-prodotti ta' dekomposizzjoni perikolużi, jekk ikun hemm minnhom, li jiffurmaw meta jmissu ma' l-ilma,

- il-possibbiltà ta' degradazzjoni għall-prodotti li mhumiex stabbli.

11. It-tagħrif tossikoloġiku.

Din it-taqsima tittratta l-ħtieġa ta' deskrizzjoni konċiża iżda kompleta li tista' tinftiehem sewwa dwar l-effetti varji tossikoloġiċi (tas-saħħa) li jistgħu jinħolqu jekk l-utent jiġi f'kuntatt mas-sustanza jew mal-preparazzjoni.

Inkludi l-effetti perikolużi għas-saħħa mill-esposizzjoni għas-sustanza jew il-preparazzjoni-, ibbażati kemm fuq l-esperjenzi u kemm fuq il-konklużjonijiet mill-esperimenti xjentifiċi. Inkludi t-tagħrif dwar ir-rotot differenti ta' l-esposizzjoni (l-inalazzjoni, l-inġestjoni, il-kuntatt mal-ġilda u mal-għajnejn), u iddeskrivi s-sintomi li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi.

Inkludi l-effetti magħrufa irritardati u immedjati u kif ukoll l-effetti kroniċi mill-esposizzjoni għal żmien qasir u fit-tul: per eżempju, is-sensitizzazzjoni, il-karċinoġeniċità, il-mutaġeniċità u t-tossiċità riproduttiva li tinkludi t-teratoġeniċità u n-narkosi.

Filwaqt li jitqies it-tagħrif diġà pprovvdut fil-punt 2, ‘Il-komposizzjoni/tagħrif dwar l-ingredjenti', jista' jkun meħtieġ li ssir referenza għall-effetti speċifiċi rigward is-saħħa ta' ċerti komponenti fil-preparazzjoniet.

12. It-tagħrif ekoloġiku.

Identifika l-effetti, l-imġieba u d-destin ambjentali li jirriżultaw min-natura tas-sustanza jew tal-preparazzjoni u l-użi tagħha previsti b'mod raġjonevoli. Għandu jiġi fornit it-tagħrif ta' l-istess tip dwar il-prodotti perikolużi li jinħolqu mid-degredazzjoni tas-sustanzi u tal-preparazzjonijiet.

Eżempji tat-tagħrif ekoloġika rilevanti huma elenkati hawn taħt:

Il-mobbiltà: | id-distribuzzjoni magħrufa jew prevista rigward il-kompartamenti ambjentali.it-tensjoni tal-wiċċ,l-assorbiment/id-desorbiment,il-proprjetajiet fiżiċi-kimiċi oħra, ara t-taqsima 9; |

Id-degradabbiltà: | id-degradazzjoni biotika u abiotika,id-degradazzjoni aerobika u anaerobika,il-persistenza; |

L-akkumulazzjoni: | il-bioakkumulazzjoni potenzjali,il-biomanikifikazzjoni; |

L-effetti fi żmien qasir u fit-tul fuq:

L-ekotossiċità: | l-organiżmi akwatiċi,l-organiżmi tal-ħamrija,il-pjanti u annimali terrestri; |

Effetti avversi oħra: | il-potenzjal tat-tbattil ta' l-ożonu,il-potenzjal tal-ħolqien fotokimiku ta' l-ożonu,il-potenzjal taż-żieda tas-sħana globali,l-effetti fuq impjanti tat-trattament ta' l-ilma mormi; |

Rimarki.

Iżgura illi jiġi pprovvdut it-tagħrif rilevanti għall-ambjent fit-taqsimiet l-oħra tad-data sheet dwar is-sigurtà, b'mod speċjali l-pariri għar-rilaxx ikkontrollat, il-miżuri f'każ ta' rilaxx aċċidentali u l-konsiderazzjonijiet dwar l-eliminazzjoni fil-punti 6, 7, 13 u 15.

Sakemm jiġu stabbiliti l-kriterji għall-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali ta' preparazzjoni, għandu jingħata t-tagħrif li għandu x'jaqsam mal-fatturi t'hawnfuq għas-sustanzi kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent li jkunu preżenti fil-preparazzjoni.

13. Il-konsiderazzjonijiet dwar l-eliminazzjoni

Jekk l-eliminazzjoni tas-sustanza jew tal-preparazzjoni (il-fdal jew l-iskart li jirriżultaw mill-użu previst) jippreżenta periklu, għandha tingħata deskrizzjoni ta' dawn ir-residwi u tagħrif dwar il-manipulazzjoni tagħhom b'mod ta' sigurtà.

Indika l-metodi approprjati ta' l-eliminazjoni kemm tas-sustanza jew tal-preparazzjoni u kemm ta' imballaġġ pakkeġġ ikkontaminat (l-inċinerazzjoni, ir-riċiklaġġ, l-irdim, eċċ.).

Kumment

Irreferi għal kull disposizzjoni Komunitarja li għandha x'taqsam ma' l-iskart. Fin-nuqqas ta' dawn, huwa utli li l-utent jiġi mfakkar illi jista' jkun hemm fis-seħħ disposizzjonijiet nazzjonali jew reġjonali.

14. It-tagħrif dwar it-trasport

Indika kull prekawzjoni speċjali li utent jeħtieġ li jsir konxju tagħha jew li jeħtieġ li jikkonforma magħha fejn jidħol it-trasport jew il-ġarr ġewwa jew barra mill-fond tiegħu.

Jista' jingħata wkoll it-tagħrif addizzjonali pprovvdut fir-rakommandazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ftehim internazzjonali l-iehor dwar it-trasport u l-imballaġġ ta' l-oġġetti perkolużi.

15. It-tagħrif regolatorju

Agħti t-tagħrif fuq it-tikketta skond id-Direttivi li għandhom x'jaqsmu mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi.

Jekk is-sustanza jew il-preparazzjoni koperta b'din id-data sheet dwar is-sigurtà jkun is-suġġett ta' disposizzjonijiet speċifiċi fejn għandha x'taqsam il-protezzjoni tal-bniedem jew ta' l-ambjent fil-livell Komunitarju (p.e. ir-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu, il-valuri tal-limitu ta' l-esposizzjoni fuq il-post tax-xogħol) dawn id-disposizzjonijiet għandhom, safejn huwa possibbli, jiġu ddikjarati. Għandha wkoll tinġibed l-attenzjoni tar-riċevituri dwar l-eżistenza ta' liġijiet nazzjonali li jimplimentaw dawn id-disposizzjonijiet.

Huwa rrakkomandat ukoll illi d-data sheet għandha tfakkar lir-riċevituri sabiex jirreferu għal kull miżura nazzjonali oħra li tista' tkun rilevanti.

16. Tagħrif ieħor

Indika kull tagħrif ieħor li jista' jkun ta' importanza għas-sigurtà u s-saħħa u għall-protezzjoni ta' l-ambjent, per eżempju:

- il-parir dwar it-taħriġ,

- l-użi u r-restrizzjonijiet irrakkommandati,

- tagħrif ieħor (referenza bil-miktub u/jew punt tal-kuntatt tekniku),

- is-sorsi ta' data importanti ħafna wżata sabiex issir il-kumpilazzjoni tad-data sheet.

Agħti wkoll id-data tal-ħruġ tad-data sheet, jekk ma tkunx iddikjarata imkien ieħor.

--------------------------------------------------

Top