Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31982R0948

Regolament Tal-kummissjoni (KEE) nru 948/82 tas-26 April 1982 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 65/82 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex iz-zokkor jiġi trasferit għas-sena tas-suq ta’ wara

ĠU L 113, 27.4.1982, pp. 7–9 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2006; Impliċitament imħassar minn 32006R0967

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1982/948/oj

31982R0948



Official Journal L 113 , 27/04/1982 P. 0007 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 14 P. 0248
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 14 P. 0248
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 25 P. 0012
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 25 P. 0012


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 948/82

tas-26 April 1982

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 65/82 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex iz-zokkor jiġi trasferit għas-sena tas-suq ta’ wara

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81 tat-30 ta’ Ġunju 1981 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 606/82 [2], u partikolarment Artikoli 27(3), 30 (5) u 32 (3) tiegħu,

Billi Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 ġie emendat biex jistabbilixxi li l-bidu tal-perjodu tal-ħażna għaz-zokkor li jiġi trasferit għas-sena tas-suq ta’ wara jista’ jvarja skond meta jkun ġie prodott iz-zokkor in kwistjoni; billi, bħala konsegwenza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 65/82 [3] għandu jiġi emendat;

Billi Artikolu 27(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 jiddisponi li jista’ jiġi impost limitu għall-kwantitajiet ta’ zokkor li jistgħu jiġu trasferiti; billi huwa xieraq li jiġi mpost limitu bħal dan mis-sena tas-suq 1982/83 filwaqt, madankollu, li jsir provvediment biex dan il-limitu jista’ jiġi mibdul skond il-funzjoni li tirregola s-suq ta’ dan ir-reġim; billi, sabiex tkun aktar faċli l-bidla minn reġim mingħajr limiti għal wieħed aktar restrittiv, għandha tiġi stipulata miżura transitorja sabiex tkopri t-trasferiment mis-sena tas-suq 1982/83 għas-sena tas-suq 1983/84;

Billi z-zokkor trasferit jista’ jiġi affettwat bħala riżultat ta’ forza maġġuri, u d-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu supplimentati;

Billi l-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor ma tax opinjoni fit-terminu ta’ żmien stipulat mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 65/82 qiegħed b’dan jiġi emendat kif ġej:

1. Artikolu 2 qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 2

1. Impriża tista’ tiddeċiedi li tittrasferixxi z-zokkor għas-sena ta’ wara biss jekk l-Istat Membru nvolut jivverifika li dak iz-zokkor kien ġie prodott bħala zokkor B jew zokkor Ċ.

Din id-deċiżjoni ta’ l-impriża tista’ tapplika biss sa kwantità massima li ma taqbiżx l-20 % tal-kwota A tagħha applikabbli għas-sena tas-suq li matulha z-zokkor in kwistjoni jkun ġie prodott.

Madankollu, impriżi li ddeċidew matul is-sena tas-suq 1981/82 li jittrasferixxu għas-sena tas-suq 1982/83 kwantità li taqbeż il-limitu msemmi fit-tieni subparagrafu jistgħu jiddeċiedu li jittrasferixxu għas-sena tas-suq 1983/84 kwantità massima ekwivalenti għal dik il-kwantità.

Għaz-zokkor in kwistjoni il-perjodu tal-ħażna msemmi f’Artikolu 27(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 għandu jibda fid-data notifikata mill-impriża lill-Istat Membru, sakemm dan ta’ l-aħħar ikun ivverifika li dan iz-zokkor kien ġie prodott qabel dik id-data.

2. Għall-iskopijiet tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1 l-Istat Membru għandu:

(a) jgħodd il-kwantitajiet ta’ zokkor ġa trasferiti mis-sena tas-suq preċedenti mal-kwantitajiet ta’ zokkor prodotti matul is-sena tas-suq kurrenti sad-data tad-deċiżjoni rilevanti li jsir it-trasferiment għas-sena ta’ wara; u

(b) inaqqas mit-total imsemmi taħt (a) il-kwantitajiet kollha ta’ zokkor C esportati qabel id-data tad-deċiżjoni rilevanti biex isir it-trasferiment għas-sena ta’ wara u l-kwantitajiet kollha suġġetti għal deċiżjoni biex isir it-trasferiment li tkun ittieħdet fis-sena tas-suq kurrenti.

3. Il-kwantitajiet ta’ zokkor trasferiti għas-sena ta’ wara għandhom jiġu meqjusa bħala l-ewwel zokkor A li jkun ġie prodott matul is-sena tas-suq li għaliha jkunu ġew trasferiti.

4. Meta Stat Membru jieħu azzjoni skond Artikolu 2(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 193/82 [4] jista’, sabiex jilħaq l-għan imsemmi f’dak il-paragrafu, jiddisponi li l-limitu stipulat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-impriża li tipproduċi z-zokkor matul is-sena jew snin tas-suq li għalihom parti mill-kwoti tagħha jkunu ġew riallokati lil xi impriża jew impriżi oħra li jipproduċu z-zokkor.

Barra dan, jekk l-impriża li tipproduċi z-zokkor, li parti mill-kwoti tagħha jkunu ġew riallokati lil xi impriza jew impriżi oħra li jipproduċu z-zokkor b’effett minn xi sena tas-suq partikolari skond Artikolu 2(6) tar-Regolament (KEE) Nru 193/82, tkun iddeċidiet qabel dik ir-riallokazzjoni li tittrasferixxi kwantità ta’ zokkor għall-istess sena tas-suq, dik id-deċiżjoni għandha tiġi meqjusa bħala li ttieħdet mill-impriża jew impriżi li jipproduċu z-zokkor u li jkunu bbenefikaw mir-riallokazzjoni tal-kwoti sal-limitu ta’ dawk il-kwoti riallokati."

2. Artikolu 3 qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 3

1. Bla ħsara għall-paragrafu 3, u fir-rigward tax-xtieli tal-pitravi ħelwin li jkunu ġew ipproċessati fiz-zokkor li ġie trasferit għas-sena ta’ wara, l-impriża nvoluta għandha tħallas prezz mill-inqas ekwivalenti għall-prezz minimu tax-xtieli tal-pitravi ħelwin A fis-seħħ fid-data li jagħlaq il-perjodu obbligatorju ta’ ħażna taz-zokkor in kwistjoni. Dan il-prezz għandu jiġi aġġustat biż-żidiet jew tnaqqis li jikkorrispondu għad-differenzi fil-kwalità mill-kwalità standard.

2. Meta impriża li tkun ħadet deċiżjoni biex tittrasferixxi għas-sena ta’ wara iżda ma tkunx għamlet dan, fir-rigward tax-xtieli tal-pitravi ħelwin proċessati fiz-zokkor trasferit, tkun għamlet ħlas proviżorju li jikkorrispondi għall-prezz minimu tax-xtieli tal-pitravi ħelwinA fis-seħħ matul is-sena tas-suq li fiha jkunu ġew prodotti, dik l-impriża tkun marbuta li taqsam mal-produttur tax-xtieli tal-pitravi ħelwin il-ħlas lura tal-ħażna għall-perjodu msemmi f’Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81.

Għall-għanijiet ta’ dan it-taqsim għandhom jiġu kkunsidrati dawn li ġejjin:

(a) l-ispejjeż tal-finanzjament li jkun ittieħed kont tagħhom meta ġie stabbilit l-ammont tal-ħlas lura tal-ħażna rilevanti msemmi f’Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81;

(b) il-perċentwal imsemmi f’Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament;

(ċ) il-ġabra li ssir riferenza għaliha f’Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

3. Bi qbil mal-Istat Membru nvolut, tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 taħt ftehim ta’ kummerċ flimkien.

Meta jiġi applikat Artikolu 30(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 deroga minn paragrafu 1 ma tistax twassal biex id-dħul totali ta’ xi produttur tax-xtieli tal-pitravi ħelwin ikun inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ Artikoli 6 u 32 ta’ dak ir-Regolament."

3. Artikolu 4 qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 4

In-notifika msemmija f’Artikolu 27(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 għandha tinkludi:

(a) dikjarazzjoni mill-impriża nvoluta li z-zokkor li għandu jiġi trasferit għas-sena ta’ wara huwa zokkor B jew Ċ u jkun ser jinħażen fit-tifsira ta’ l-imsemmi Artikolu 27 għall-perjodu li jkun jibda fid-data msemmija taħt (ċ);

(b) il-kwantità, espressa bħala zokkor abjad, ta’ zokkor B jew Ċ li għandha tiġi trasferita għas-sena ta’ wara;

(ċ) id-data li fiha jibda l-perjodu obbligatorju ta’ ħażna;

(d) l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika msemmija f’Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu jkunu jeħtieġu aktar informazzjoni."

4. Is- subparagrafu li ġej qed jiġi miżjud ma’ Artikolu 5(2):

"Meta l-Istat Membru nvolut jirrikonoxxi każ ta’ forza maġġuri, il-kwantitajiet ta’ zokkor B u Ċ trasferiti għas-sena ta’ wara li jkunu ġew meqruda jew tħassru għal kollox għandhom, ma’ l-applikazzjoni ta’ l-impriża nvoluta, jiġu meqjusa bħala li ma ġewx trasferiti għas-sena ta’ wara. Fir-rigward ta’ xi zokkor Ċ hekk meqjus, l-Istat Membru għandu jitlob il-ħlas lura ta’ l-ammonti ġà mħallsa bħala rimbors ta’ l-ispejjeż tal-ħażna."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika b’effett mill-1 Lulju 1982. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

fis-26 ta’ April 1982.

Għall-Kummissjoni

Poul Dalsager

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 177, ta’ l-1.7.1981, p. 4.

[2] ĠU L 74, tat-18.3.1982, p. 1.

[3] ĠU L 9, ta’ l-14.1.1982, p. 14.

[4] ĠU L 21, tad-29.1.1982, p. 3.

--------------------------------------------------

Top