EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023D2891

Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kunsill ta’ Sħubija stabbilita mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra tal-21 ta’ Diċembru 2023 fir-rigward tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għal akkumulaturi elettriċi u vetturi elettrifikati [2023/2891]

PUB/2023/1797

ĠU L, 2023/2891, 28.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2891/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2891/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2891

28.12.2023

ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2023 TAL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA STABBILITA MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

tal-21 ta’ Diċembru 2023

fir-rigward tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għal akkumulaturi elettriċi u vetturi elettrifikati [2023/2891]

IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu u l-Anness 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fl-Anness 5 tiegħu, jipprevedi d-dħul fis-seħħ gradwali ta’ regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għall-akkumulaturi elettriċi u l-vetturi elettrifikati.

(2)

Tqajjem tħassib dwar l-isfidi ppreżentati mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-immuntar ta’ vetturi elettriċi fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit.

(3)

Għalhekk, huwa xieraq li l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għall-akkumulaturi elettriċi u l-vetturi elettriċi applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2023 tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026. Mill-1 ta’ Jannar 2027, se japplikaw ir-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għall-akkumulaturi elettriċi u l-vetturi elettriċi kif stabbiliti fl-Anness 3 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(4)

L-għan tar-regoli speċifiċi għall-prodott għall-akkumulaturi elettriċi u l-vetturi elettriċi stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa li jiġi inċentivat l-investiment fil-kapaċità tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit. Ma huwa opportun l-ebda posponiment ulterjuri tar-regoli l-ġodda. Għalhekk, jenħtieġ li l-emenda prevista telimina wkoll il-possibbiltà għal aktar bidliet fir-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għall-akkumulaturi elettriċi u l-vetturi elettrifikati sal-1 ta’ Jannar 2032.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 68 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 68

Emendar ta’ dan il-Kapitolu u l-Annessi tiegħu

1.   Il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jemenda dan il-Kapitolu u l-Annessi tiegħu, soġġett għall-paragrafu 2.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

l-Anness 5 ta’ dan il-Ftehim;

(b)

ir-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott stabbiliti fl-Anness 3 għal prodotti elenkati fl-Anness 5, sal-1 ta’ Jannar 2032; kif ukoll

(c)

dan l-Artikolu, sa fejn jirrigwarda l-Anness 3 għal prodotti elenkati fl-Anness 5, u l-Anness 5, sal-1 ta’ Jannar 2032;

Madankollu, il-paragrafu 1 għandu japplika meta r-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott stabbiliti fl-Anness 3 għal prodotti elenkati fl-Anness 5, jew fl-Anness 5 jiġu emendati minħabba aġġornamenti tas-Sistema Armonizzata.”

Artikolu 2

L-Anness 5 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell u Londra, il-21 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill ta’ Sħubija

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

David CAMERON


ANNESS

“ANNESS 5

REGOLI TRANŻIZZJONALI SPEĊIFIĊI GĦALL-PRODOTT GĦAL AKKUMULATURI ELETTRIĊI U VETTURI ELETTRIFIKATI

Regoli interim speċifiċi għall-prodott applikabbli mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2026

Għall-prodotti elenkati fil-kolonna 1 hawn taħt, ir-regola speċifika għall-prodott elenkata fil-kolonna 2 għandha tapplika għall-perjodu mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Kolonna 1

Klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata (2017) inkluż deskrizzjoni speċifika

Kolonna 2

Regola tal-oriġini speċifika għall-prodott applikabbli mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2026

85.07

 

Akkumulaturi li fihom ċellola tal-batterija waħda jew aktar jew moduli tal-batteriji u ċ-ċirkwiti biex jiġu interkonnessi bejniethom, spiss imsejħa “pakketti tal-batteriji”, tat-tip użat bħala s-sors primarju tal-enerġija elettrika għall-propulsjoni tal-vetturi tal-intestaturi 87.02, 87.03 u 87.04

CTSH;

Assemblaġġ ta’ pakketti tal-batteriji minn ċelloli tal-batteriji jew moduli tal-batteriji mhux oriġinarji;

jew

MaxNOM 70 % (EXW)

Ċelloli tal-batteriji, moduli tal-batteriji u partijiet tagħhom, maħsuba biex jiġu inkorporati f’akkumulatur elettriku tat-tip użat bħala s-sors primarju tal-enerġija elettrika għall-propulsjoni tal-vetturi tal-intestaturi 87.02, 87.03 u 87.04

CTH;

jew

MaxNOM 70 % (EXW)

87,02 sa 87,04

 

vetturi oħra, kemm b’magna b’kombustjoni interna kif ukoll b’mutur elettriku bħala muturi għall-propulsjoni, għajr dawk kapaċi li jiġu ċċarġjati billi jiġu pplaggjati ma’ sors estern ta’ elettriku (“ibridi”);

vetturi oħra, kemm b’magna bil-pistins b’kombustjoni interna bil-moviment alternat kif ukoll b’mutur elettriku bħala muturi għall-propulsjoni, kapaċi li jiġu ċċarġjati billi jiġu pplaggjati ma’ sors estern ta’ elettriku (“ibridi rikarikabbli”);

vetturi b’mutur elettriku biss għall-propulsjoni

MaxNOM 60 % (EXW)


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2891/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top