Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22011D0216

    2011/216/UE: Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt għall-agrikoltura stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tal- 31 ta’ Marzu 2011 dwar l-emendar tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

    ĠU L 90, 6.4.2011, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/216/oj

    6.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/53


    DEĊIŻJONI Nru 1/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA STABBILIT PERMEZZ TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA DWAR IL-KUMMERĊ FI PRODOTTI AGRIKOLI

    tal-31 ta’ Marzu 2011

    dwar l-emendar tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

    (2011/216/UE)

    IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli (1), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

    (2)

    L-Anness 3 għall-Ftehim jipprevedi konċessjonijiet fir-rigward tal-ġobnijiet, b’mod partikolari għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ f’ġobnijiet matul perjodu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

    (3)

    L-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera qablu li jdaħħlu fil-Ftehim Anness 12 ġdid dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, li jitlob għal konsistenza fl-ispeċifikazzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-ġobnijiet.

    (4)

    B’konsegwenza ta’ dan, l-Anness 3 jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex iqis kemm il-liberalizzazzjoni kompluta fil-kummerċ bilaterali fil-ġobnijiet, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2007, kif ukoll ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li ser ikunu previsti f'Anness 12 ġdid,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli u l-appendiċi tiegħu, għandu jiġi sostitwit bit-testi fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-adozzjoni tagħha mill-Kumitat Konġunt.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

    Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura

    Il-President u l-Kap tad-Delegazzjoni Svizzera

    Jacques CHAVAZ

    Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

    Nicolas VERLET

    Is-Segretarju tal-Kumitat

    Chantal MOSER


    (1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.


    ANNESS

    “ANNESS 3

    1.

    Il-kummerċ bilaterali fil-prodotti kollha li jidħlu taħt l-intestatura 0406 tas-Sistema Armonizzata huwa liberalizzat kompletament b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2007 billi tneħħew it-tariffi u l-kwoti kollha.

    2.

    L-Unjoni Ewropea m’għandhiex tapplika rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal ġobnijiet esportati lejn l-Isvizzera. L-Isvizzera m’għandhiex tapplika sussidji tal-esportazzjoni (1) għal ġobnijiet esportati lejn l-Unjoni Ewopea.

    3.

    Il-prodotti kollha li jidħlu fil-kodiċi NM 0406 li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea jew fl-Isvizzera u li jsir kummerċ fihom bejn dawk iż-żewġ Partijiet huma eżentati mill-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni.

    4.

    L-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera għandhom jiżguraw li l-benefiċċji mogħtija reċiprokament ma jiġux ippreġudikati minn miżuri oħrajn li jaffettwaw l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

    5.

    Jekk l-iżvilupp tal-prezzijiet u/jew l-importazzjonijiet jirriżulta f’disturb fis-suq ta’ kwalunkwe Parti, għandhom jinbdew konsultazzjonijiet kemm jista’ jkun malajr fi ħdan il-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim fuq talba ta’ kwalunkwe Parti bil-ħsieb li jinstabu s-soluzzjonijiet xierqa. F’din il-konnessjoni, il-Partijiet b’dan jaqblu li jiskambjaw informazzjoni perjodikament dwar il-prezzijiet u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar is-suq ta’ ġobnijiet prodotti lokalment u impurtati.


    (1)  L-ammonti bażiċi li fuqhom ġiet ibbażata l-eliminazzjoni tas-sussidji tal-esportazzjoni ġew ikkalkulati bi ftehim komuni bejn il-Partijiet abbażi tad-differenza bejn il-prezzijiet istituzzjonali għall-ħalib li probabbilment ikunu fis-seħħ meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim, u ammont addizzjonali għall-ħalib ipproċessat biex isir ġobon, miksub abbażi tal-kwantità ta’ ħalib meħtieġa għall-manifattura tal-ġobnijiet ikkonċernati, u titnaqqas (ħlief fil-każ ta’ ġobnijiet suġġetti għal kwoti) ir-riduzzjoni tad-dazju doganali applikat mill-Komunità.”


    Top