Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22009A0630(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Antigwa u Barbuda dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

ĠU L 169, 30.6.2009, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/11/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/478/oj

Related Council decision
Related Council decision

30.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/3


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Antigwa u Barbuda dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità” u

L-ANTIGWA U BARBUDA minn hawn ‘il quddiem konġuntement imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”;

BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjormant relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1), inter alia billi jittrasferixxi sitt pajjiżi terzi, inkluż l-Antigwa u Barbuda fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE),

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1932/2006 jistipula li għal dawn is-sitt pajjiżi, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mill-Komunità Ewropea mal-pajjiżi in kwistjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċ-ċittadini ta’ bosta Stati Membri huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn l-Antigwa u Barbuda għal perjodu ta’ mhux aktar minn 6 xhur, filwaqt li dawk ta’ Stati Membri oħra jeħtieġu l-viża,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw bi skop ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-Komunità u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Antigwa u Barbuda dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni tal-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Antigwa u Barbuda jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“L-Istati Membri” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b)

“ċittadin tal-Unjoni Ewropea” għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

(c)

“ċittadin tal-Antigwa u Barbuda” għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Antigwa u Barbuda;

(d)

“iż-żona ta’ Schengen” għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li jinkludu t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Antigwa u Barbuda għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4 (1).

Iċ-ċittadini tal-Antigwa u Barbuda li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ mill-Antigwa u Barbuda, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4 (2).

2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax għal persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ attivitajiet bi ħlas.

Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Antigwa u Barbuda jew li jirtirha skont l-Artikolu 4 (3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Għal din il-kategorija ta’ persuni, l-Antigwa u Barbuda tista’ tiddeċiedi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

3.   L-eżenzjoni tal-viża prevista minn dan il-Ftehim għandha tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Antigwa u Barbuda jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul jew is-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti.

4.   L-eżenzjoni tal-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti.

5.   Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti mil-liġi Komunitarja, il-liġi nazzjonali, tal-Istati Membri jew bil-liġi nazzjonali tal-Antigwa u Barbuda.

Artikolu 4

Tul tas-soġġorn

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Antigwa u Barbuda għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju tal-pajjiż.

2.   Iċ-ċittadini tal-Antigwa u Barbuda jistgħu jibqgħu fiż-żona ta’ Schengen għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu. Dan il-perjodu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu.

Iċ-ċittadini tal-Antigwa u Barbuda jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu, indipendentament mill-perjodu ta’ soġġorn kkalkulat għaż-żona ta’ Schengen.

3.   Dan il-ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà għall-Antigwa u Barbuda u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi nazzjonali u l-liġi Komunitarja.

Artikolu 5

Applikazzjoni territorjali

1.   Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2.   Fir-rigward tar-Renju tal-Olanda, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew u tar-Renju tal-Olanda.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u minn rappreżentanti tal-Antigwa u Barbuda. Il-Komunità għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, dawn il-kompiti:

(a)

jossorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b)

jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)

isolvi disputi naxxenti mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

Artikolu 7

Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u l-Antigwa u Barbuda

Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Antigwa u Barbuda, safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

2.   Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skont il-paragrafu 5.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4.   Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel jidħol fis-seħħ il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

5.   Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ din in-notifika.

6.   L-Antigwa u Barbuda tista’ tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha.

7.   Il-Komunità tistà tissospendi jew ittemm, dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul fi Brussell, duplikatament, fit-28 ta’ Mejju 2009 fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana u Ungeriża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

За Антигуа и Барбуда

Por Antigua y Barbuda

Za Antiguu a Barbudu

For Antigua and Barbuda

Für Antigua und Barbuda

Antigua ja Barbuda nimel

Για την Αντίγκουα και Μπαρμπούντα

For Antigua and Barbuda

Pour Antigua-et-Barbuda

Per Antigua e Barbuda

Antigvas un Barbudas vārdā

Antigvos ir Barbudos vardu

Antigua és Barbuda részéről

Għal Antigwa u Barbuda

Voor Antigua en Barbuda

W imieniu Antigui i Barbudy

Por Antígua e Barbuda

Pentru Antigua și Barbuda

Za Antiguu a Barbudu

Za Antigvo in Barbudo

Antigua ja Barbudan puolesta

För Antigua och Barbuda

Image


(1)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u l-awtoritajiet tal-Antigwa u Barbuda, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir f’termini simili bħal dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW GĦAL SKOP TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

Filwaqt li jixtiequ li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għal dan il-għan, il-kategorija ta’ persuni li jkunu se jagħmlu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu bi skop li jkollhom impjieg bi qliegħ/attività b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala ħaddiem jew fornitur ta’ xi servizz.

Din il-kategorija ma għandiex tkopri:

persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li li jivvjaġġaw bi skop ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jiġu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

persuni sportivi u artisti li jesebixxu attività fuq bażi ad hoc,

ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’ pajjiż ta’ residenza tagħhom u

apprendisti intra-korporattivi

L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni għandha tkun issorveljata mill-Kumitat Konġunt li għandu r-responsabbiltà skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim, li fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti jista’ jipproponi modifiki meta jikkunsidra li dan ikun neċessarju.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPREATZZJONI TAL-PERJODU TA’ TLIET XHUR MATUL PERJODU TA’ SITT XHUR WARA D-DATA TAL-EWWEL DĦUL KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li l-perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Antigwa u Barbuda jew fiż-żona ta’ Schengen kif prevista mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew żjara kontinwa jew bosta żjarat konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jistax jeċċedi tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur b’kollox.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI TAL-VIŻA

Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Antigwa u Barbuda, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw id-disseminazzjoni totali ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni tal-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fil-pajjiż.


Top