Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22003A0925(05)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera, rappreżentat mid-Dipartiment Federali ta' l-Affarijiet Barranin, dwar il-parteċipazzjoni ta' l-Isvizzera fil-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Herzegovina (BiH)

ĠU L 239, 25.9.2003, p. 14–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2003/663(5)/oj

Related Council decision

22003A0925(05)



Official Journal L 239 , 25/09/2003 P. 0014 - 0016


Ftehim

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera, rappreżentat mid-Dipartiment Federali ta' l-Affarijiet Barranin, dwar il-parteċipazzjoni ta' l-Isvizzera fil-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Herzegovina (BiH)

L-UNJONI EWROPEA,

Fuq naħa waħda, u

L-ISVIZZERA,

Fuq in-naħa l-oħra,

Flimkien minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet Parteċipanti",

WAQT LI JQISU

- il-preżenza tal-forza għal ħidma tal-Pulizija Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (IPTF) fil-Bosnja u Herzegovina mill-1996 u l-offerta mill-Unjoni Ewropea biex tiżgura, sa l-1 ta' Jannar 2003, is-segwitu tat-IPTF fil-Bosnja u Herzegovina,

- l-aċċettazzjoni tal-Bosnja u Herzegovina ta' dik l-offerta, pernezz ta' Skambju ta' Ittri tat-2 u l-4 ta' Marzu 2002, li jipprovdu, fost affarijiet oħra, li l-iskwadra ta' l-ippjanar tal-EUPM jingħataw l-i status li hu preżentement applikabbli għall-membri tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea (UEMM) fil-Bosnja u Herzegovina,

- l-adozzjoni mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Marzu 2002 ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/210/CESP dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea [1] li tiddikjara li membri tan-NATO Ewropej li m'humiex membri ta' l-UE u Stati oħra li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea kif ukoll Stati Membri ta' l-OSCE li m'humiex membri ta' l-UE, li bħalissa jipprovdu persunal lit-IPTF, huma mistiedna li jikkontribwixxu fil-EUPM,

- il-ftehim konkluż fl-4 ta' Ottubru 2002 bejn l-UE u l-Bosnja u Herzegovina dwar l-attivitajiet tal-EUPM fil-Bosnja u Herzegovina [2], inklużi dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-persunal tal-EUPM,

FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Qafas

L-Isvizzera tassoċja ruħha mad-dispożizzjonijiet ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/210/CESP dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Herzegovina inkluż l-Anness tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-missjoni tal-EUPM, adottata mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Marzu 2002, skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli li ġejjin.

Artikolu 2

Persunal issekondat lill-EUPM

1. L-Isvizzera tikkontribwixxi għall-EUPM permezz ta' erba' uffiċjali tal-pulizija ssekondati. Dan il-persunal għandu jiġi ssekondat għall-inqas għal sena, waqt li jitqies li għandha tiġi żgurata rotazzjoni xierqa ta' persunal issekondat.

2. L-Isvizzera tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lill-EUPM iwettaq il-missjoni tiegħu skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/210/CESP.

3. L-Isvizzera għandha, fi żmien mistenni, tinforma lill-EUPM u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar kull bidla fil-kontribuzzjoni tagħha lill-EUPM.

4. Il-persunal issekondat lill-EUPM għandu jgħaddi minn eżami mediku estensiv, jitlaqqam u jiġi ċertifikat medikament b'saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti fl-Isvizzera. Kopja ta' din iċ-ċertifikazzjoni għandha tinbagħat mal-persunal issekondat mal-EUPM.

5. L-Isvizzera tbati l-ispejjeż biex jintbagħtu l-iffiċjali tal-pulizija u/jew il-persunal pajżan internazzjonali ssekondat minnha, inklużi s-salarji, gratifikazzjonijiet, spejjeż mediċi, assigurazzjoni u spejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-Bosnja u Herzegovina.

Artikolu 3

Status tal-persunal issekondat lill-EUPM

1. Il-persunal issekondat lill-EUPM mill-Isvizzera jkun kopert, sal-31 ta' Diċembru 2002, taħt il-ftehim applikabbli għall-iskwadra ta' l-ippjanar tal-EUPM, u mill-1 ta' Jannar 2003 taħt il-ftehim konkluż fl-4 ta' Ottubru 2002 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bosnja u Herzegovina dwar l-attivitajiet tal-EUPM fil-Bosnja u Herzegovina.

2. L-Isvizzera twieġeb għal kull talba konnessa ma' l-issekondar ta' membru tal-persunal tal-EUPM, minn jew li għandha x'taqsam ma' membru tal-persunal. L-Isvizzera tkun responsabbli biex iġġib azzjoni kontra persuna ssekondata.

3. L-EUPM hi missjoni mingħajr armi u għalhekk ma għandha l-ebda regola dwar impieg.

4. L-uffiċjali tal-pulizija ssekondati jaħdmu bl-uniformi tal-pulizija nazzjonali tagħhom. Il-brieret u l-midalji jingħataw mill-EUPM.

Artikolu 4

Katina ta' kmand

1. Il-kontribuzzjoni ta' l-Isvizzera lill-EUPM hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija ta' l-Unjoni dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet. Il-persunal issekondat mill-Isvizzera għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu u jaġixxi skond l-interessi tal-EUPM.

2. Il-persunal kollu tal-EUPM jibqa' taħt il-kmand komplet ta' l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3. L-awtoritajiet nazzjonali jittrasferixxu l-kmand operattiv (OPCOM) lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-EUPM, li għandu jeżerċita dak il-kmand permezz ta' struttura ġerarkika ta' kmand u kontroll.

4. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jmexxi l-EUPM u jassumi t-tmexxija ta' kuljum.

5. L-Isvizzera jkollha l-istess drittijiet u obbligi fit-tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fl-operazzjoni, skond l-Artikolu 8(2) ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/210/CESP. Dan jitwettaq fuq l-art fil-kors normali ta' l-operazzjoni, inkluż fil-kwartieri ġenerali tal-missjoni tal-pulizija.

6. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-EUPM ikun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-missjoni. Fejn ikun applikabbli, l-azzjoni dixxiplinarja tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali interessata.

7. Għandu jiġi maħtur mill-Isvizzera punt ta' kuntatt mal-kontinġent nazzjonali (NPC) biex jirrappreżenta l-kontinġent tagħha nazzjonali fil-missjoni. Il-NPC għandhom jirrapportaw lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-EUPM dwar ħwejjeġ nazzjonali u jkunu responsabbli għad-dixxiplina tal-kontinġent ta' kull jum.

8. Id-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea biex ittemm l-operazzjoni għandha tittieħed wara konsultazzjoni ma' l-Isvizzera, sakemm dan l-Istat ikun għadu jikkontribwixxi għall-EUPM fit-data tat-temm tal-missjoni.

Artikolu 5

Informazzjoni klassifikata

L-Isvizzera għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta informazzjoni klassifikata ta' l-UE tkun immaniġġata mill-persunal tagħha ssekondat lill-EUPM, dan il-persunal jirrispetta r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE [3].

Artikolu 6

Kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' ġestjoni

1. L-Isvizzera tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' ġestjoni tal-EUPM ammont ta' EUR 25000 kull sena. L-Isvizzera għandha tikkonsidra li tagħti kontribuzzjonijiet addizzjonali ta' natura volontarja għal dawn l-ispejjeż ta' ġestjoni, meta jitqiesu r-riħorsi u l-livell ta' parteċipazzjoni tagħha.

2. Għandu jiġi ffirmat arranġament bejn il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-EUPM u s-servizzi amministrattivi rilevanti ta' l-Isvizzera dwar il-kontribuzzjonijiet ta' l-Isvizzera għall-ispejjeż ta' ġestjoni tal-EUPM. Dan l-arranġament jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar:

(a) l-ammont konċernat, inklużi l-kontribuzzjonijiet addizzjonali possibbli ta' natura volontarja, jekk ikun hemm;

(b) l-arranġamenti għall-ħlas u l-ġestjoni ta' l-ammont konċernat;

(ċ) l-arranġamenti dwar il-verifika li jkopru l-kontroll u l-awditjar ta' l-ammont konċernat, jekk ikun xieraq.

3. L-Isvizzera għandha tikkomunika formalment lill-EUPM u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea l-ammont totali tal-kontribuzzjoni tagħha għall-ispejjeż ta' ġestjoni sal-15 ta' Novembru 2002 u minn hemm 'il quddiem sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena u tikkonkludi l-arranġament finanzjarju sal-15 ta' Diċembru ta' kull sena.

4. Il-kontribuzzjonijiet ta' l-Isvizzera għall-ispejjeż ta' ġestjoni tal-EUPM jiġu depożitati sal-31 ta' Marzu ta' kull sena f'kont bankarju li jiġi indikat lil dak l-Istat.

Artikolu 7

Ksur tad-dispożizzjonijiet

Jekk waħda mill-Partijiet Parteċipanti tonqos milli tosserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli preċedenti, l-Parti l-oħra jkollha d-dritt ttemm dan il-ftehim billi tagħti avviż ta' xahrejn.

Artikolu 8

Bidu fis-seħħ

Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ mal-firma. Jibqa' jseħħ sakemm iddum il-kontribuzzjoni ta' l-Isvizzera lill-EUPM.

Magħmul fi Brussel, il-11 ta' Diċembru, 2002, fil-lingwa Ingliża f'erba' kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Konferderazzjoni Svizzera, rappreżentat mid-Dipartiment Federali ta' l-Affarijiet Barranin

+++++ TIFF +++++

[1] ĠU L 70, tat-13.3.2002, p. 1.

[2] ĠU L 293, tad-29.10.2002, p. 2.

[3] ĠU L 101, tal-11.4.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

Top