Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21987A0720(01)

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta' merkanzija (Magħmula fi Brussel fl-14 ta' Ġunju 1983)

    ĠU L 198, 20.7.1987, p. 3–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/1988

    ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1987/369/oj

    Related Council decision

    21987A0720(01)



    Official Journal L 198 , 20/07/1987 P. 0003 - 0010
    Finnish special edition: Chapter 11 Volume 12 P. 0005
    Swedish special edition: Chapter 11 Volume 12 P. 0005


    Il-Konvenzjoni Internazzjonali

    dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta' merkanzija

    (Magħmula fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983)

    IL-PREAMBOLU

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI għal din il-Konvenzjoni, jistabbilixxu taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali,

    BIX-XEWQA li jkun faċilitat il-kummerċ internazzjonali,

    BIX-XEWQA li jkun faċilitat il-ġbir, paragun u analiżi ta' l-Istatistiċi, partikolarment dawk rigward il-kummerċ internazzjonali,

    BIX-XEWQA li jkun imnaqqas l-infieq għal deskrizzjoni mill-ġdid, riklassikazzjoni u registrazzjoni/rekordjar ta' merkanzija li tgħaddi minn sistema ta' klassifikazzjoni għall-oħra fil-kors ta' kummerċ internazzjonali u li tkun faċilitata l-istandarizzazzjoni ta' dokumentazzjoni kummerċjali u t-trasmissjoni ta' data,

    IKKONSIDRAW li t-tbiddiliet fit-teknoloġija u l-linji tal-kummerċ internazzjonali jeħtieġu modifiki estensivi tal-Konvenzjoni dwar in-Nomenklatura għal Klassifikazzjoni tal-Merkanzija fit-tariffi tad-Dwana, magħmula fi Brussel fil-15 ta' Diċembru 1950,

    IKKONSIDRAW ukoll li l-grad ta' dettal meħtieġ għal skopijiet Doganali u statistiċi mill-Gvernijiet u mill-interessi kummerċjali żdied ferm aktar minn dak ipprovdut fin-Nomenkaltura annessa mal-fuq imsemmija Konvenzjoni,

    IKKONSIDRAW l-importanza ta' data eżatta u komparabbli għall-iskopijiet ta' negozjati kummerċjali internazzjonali,

    IKKONSIDRAW li s-Sistema Armonizzata hija intiża sabiex tintuża għall-iskopijiet ta' tariffi fuq in-nol u statistiċi ta' trasport tad-diversi tipi ta' trasport,

    IKKONSIDRAW li s-Sistema Armonizzata hija intiża għall-inkorporazzjoni fis-sistemi ta' deskrizzjoni u kodifikazzjoni kummerċjali b'mod mill-aktar estensiv possibbli,

    IKKONSIDRAW li s-Sistema Armonizzata hija intiża sabiex tiġi promossa korrelazzjoni mill-aktar qrib possibbli bejn statistiċi kummerċjali dwar importazzjoni u esportazzjoni u statistiċi ta' produzzjoni,

    IKKONSIDRAW li korrelazzjoni mill-qrib għandha tibqa' tkun adottata bejn is-Sistema Armonizzata u l-Klassifikazzjoni ta' Kummerċ Internazzjonali (SITC) tal-Ġnus Magħquda,

    IKKONSIDRAW li huwa mixtieq li jintlaqgħu l-bżonnijiet hawn fuq imsemmija permezz ta' tariffa magħquda/nomenklatura ta' statistika, li tkunu adattata sabiex tintuża mid-diversi interessi relatati mal-kummerċ internazzjonali,

    IKKONSIDRAW l-importanza li jkun assigurat li s-Sistema Armonizzata tinżamm aġġornata fid-dawl tat-tbiddiliet fit-teknoloġija u l-linji tal-kummerċ internazzjonali,

    IKKONSIDRAW ix-xogħol mitmum f'din l-isfera mill-Kumitat tas-Sistema Armonizzata, stabbilit mill-Kunsill ta' Koperazzjoni Doganali,

    IKKONSIDRAW li filwaqt li l-fuq imsemmija Konvenzjoni dwar in-Nomenklatura kienet strument effettiv ippruvat sabiex jintlaqgħu wħud minn dawn l-għanijiet, l-aħjar mod sabiex jintlaqgħu r-riżultati mixtieqa f'dan ir-rigward huwa li tkun konkluża Konvenzjoni internazzjonali ġdida,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Definizzjonijiet

    Għall-għan ta' din il-Konvenzjoni:

    (a) "Sistema ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni Armonizzata", hawnhekk iżjed il quddiem imsejħa "Sistema Armonizzata", tfisser in-Nomenklatura inklużi l-intestaturi u s-sub-intestaturi u l-kodiċi numeriċi relattati tagħhom, is-Sezzjoni, Kapitolu u Noti tas-Sub-intestaturi u r-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, imfassla fl-Anness għal din il-Konvenzjoni;

    (b) "nomenklatura għat-tariffi tad-Dwana" tfisser in-nomenklatura stabbilita taħt il-leġislazzjoni tal-Parti Kontraenti għall-iskopijiet ta' dazji tad-Dwana mitluba fir-rigward ta' merkanzija importata;

    (ċ) "nomenklaturi statistiċi" ifissru nomenklaturi tal-merkanzija stabbiliti mill-Parti Kontraenti għall-ġbir ta' data għall-istatistiċi ta' importazzjoni u esportazzjoni kummerċjali;

    (d) "tariffa magħquda/nomenklatura ta' statistika" tfisser nomenklatura, li tintegra tariffi tad-Dwana u nomenklaturi statistiċi, legalment rikjesti minn Parti Kontraenti għad-dikjarazzjoni fl-importazzjoni ta' merkanzija;

    (e) "il-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kunsill" tfisser il-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill ta' Koperazzjoni Doganali, magħmula fi Brussel fil-15 ta' Diċembru 1950;

    (f) "il-Kunsill" ifisser il-Kunsill ta' Koperazzjoni Doganali imsemmi hawn fuq fil-paragrafu (e);

    (g) "is-Segretarju Ġenerali" ifisser is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill;

    (h) il-kelma "ratifika" tfisser ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

    Artikolu 2

    L-Anness

    L-Anness għal din il-Konvenzjoni għandu jifforma parti integrali minnha: u kull riferenza għall-Konvenzjoni għandha tinkludi riferenza għall-Anness.

    Artikolu 3

    L-Obligazzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti

    1. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4:

    (a) Kull Parti Kontreanti timpenja ruħha, salv dak ipprovdut fis-sub-paragrafu (ċ) ta' dan il-paragrafu, li mid-data li fiha tidħol fis-seħħ din il-Konvenzjoni fir-rigward tagħha, in-nomenklaturi tat-tariffi tad-Dwana u statistiċi jkunu in konformità mas-Sistema Armonizzata. Għalhekk timpenja ruħha, fir-rigward tan-nomenklaturi tat-tariffi tad-Dwana u istatistiċi li:

    (i) tuża l-intestauri u s-sub-intestaturi kollha tas-Sistema Armonizzata mingħajr żidiet jew modifiċi, flimkien mal-kodiċi numeriċi relattivi tagħha;

    (ii) għandha tapplika r-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u n-Noti kollha tas-Sezzjoni, Kapitolu u Noti tas-Sub-intestaturi, u ma għandhix tbiddel l-iskop tas-Sezzjonijiet, Kapitoli, intestaturi u sub-intestaturi tas-Sistema Armonizzata; u

    (iii) għandha ssegwi s-sekwenza numerika tas-Sistema Armonizzata;

    (b) Kull Parti Kontraenti għandha wkoll tagħmel pubblikament disponibbli l-istatistiċi kummerċjali ta' importazzjoni u esportazzjoni in konformità mal-kodiċi tas-Sistema Armonizzata b'sitt cifri, jew fuq l-inizjativa ta' kull Parti Kontraenti, 'l fuq minn dak il-livell, sakemm dik il-pubblikazzjoni mhijiex prekluża għar-ragunijiet eċċezzjonali bħal fil-każ ta' konfidenzalità kummerċjali jew sigurtà nazzjonali;

    (ċ) Xejn f'dan l-Artikolu ma jobbliga lill-Parti Kontraenti li tuża is-sub-intestaturi tas-Sistema Armonizzata fin-nomenklatura tagħha tat-tariffi tad-dwana izda għandha tkun konformi ma' l-obbligazzjonijiet stabbiliti fil-(a) (i), (a) (ii) u (a) (iii) ta' hawn fuq f'tariffa magħquda/nomenklatura ta' statistika.

    2. Sabiex tkun konformi ma' l-impenji imsemmija fil-paragrafu 1 (a) ta' dan l-Artikolu, kull Parti Kontraenti tista' taffettwa dawk l-adattamenti testwali li jistgħu jkunu meħtieġ sabiex tingħata effett lis-Sistema Armonizzata fil-liġi domestika tagħha.

    3. Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jimpedixxi Parti Kontraenti milli tistabilixxi fit-tariffi tagħha tad-Dwana, jew fin-nomenkalturi statistiċi, sub-divizjonijiet li jikklassifikaw merkanzija 'l fuq mil-livell tas-Sistema Armonizzata, iżda kull sub-diviżjoni bħal din għandha tiżdied u tkun kodifikata f'livell l fuq mill-kodiċi numeriku b'sitt ċifri kif stabbilit fl-Anness ta' din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 4

    L-Applikazzjoni parzjali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

    1. Kull pajjiż li qiegħed jiżviluppa jista' idewwem li japplika wħud mis-sub-intestaturi jew is-sub-intestaturi kollha tas-Sistema Armonizzata għal dak il-perjodu li jkun meħtieg, wara li jkun ikkonsidra l-linja tiegħu ta' kummerċ internazzjonali u r-risorsi amministrattivi tiegħu.

    2. Pajjiz li qiegħed jiżviluppa li jkun Parti Kontraenti u li jagħżel li japplika s-Sistema Armonizzata parzjalment taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jaqbel li jagħmel l-aħjar sforzi lejn l-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata b'sitt ċifri f'mod sħiħ fi żmien ħames snin mid-data li fiha l-Konvenzjoni tiħdol fis-seħħ fir-rigward tiegħu jew f'dak iż-żmien ulterjuri li jista' jikkonsidra meħtieġ wara li kkonsidra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3. Pajjiż li qiegħed jiżviluppa li jkun Parti Kontraenti u li jagħzel li japplika s-Sistema Armonizzata parzjalment skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandu japplika s-sub-intestaturi kollha jew l-ebda waħda minnhom li għandhom żewġ singijiet minn kwalunkwe intestatura li għandha xi waħda, jew kollha jew l-ebda waħda mis-sub-intestaturi li għandhom sing wieħed. F'dawn il-każijiet ta' applikazzjoni parzjali, is-sitt ċifra, jew il-ħames u s-sitt ċifra ta' dik il-parti tal-kodiċi tas-Sistema Armonizzata li ma jkunx applikat jkun sostitwit b' "0" jew "00" rispettivament.

    4. Pajjiż li qiegħed jiżviluppa li jagħżel li japplika s-Sistema Armonizzata parzjalment taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, meta jsir Parti Kontraenti għandu jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali dwar dawk is-sub-intestaturi li mhux ser japplikaw fid-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward tiegħu u għandu jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali wkoll dwar dawk is-sub-intestaturi li ser japplika 'l quddiem.

    5. Pajjiż li jagħzel li japplika s-Sistema Armonizzata parzjalment taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jista' meta jsir Parti Kontraenti jinnotifika s-Segretarju Ġenerali li qiegħed jimpenja ruħu formalment li japplika s-Sistema Armonizzata b'sitt cifri b'mod sħiħ fi żmien tlett snin mid-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ fir-rigward tiegħu.

    6. Kull pajjiż li qiegħed jiżviluppa u li jkun Parti Kontraenti li japplika parzjalment is-Sistema Armonizzata skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jiġi meħlus mill-obbligazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 3 fir-rigward tas-sub-intestaturi mhux applikati.

    Artikolu 5

    L-Assistenza teknika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

    Pajjiżi żviluppati li jkunu Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw skond it-talba tagħhom, assistenza teknika b'kondizzjonijiet miftehma reċiprokament fir-rigward ta', inter alia, taħriġ ta' l-impjegati, sostituzzjoni tan-nomenklaturi ezistenti tagħhom b'dawk tas-Sistema Armonizzata u parir dwar iż-żamm tas-sistemi tagħhom hekk sostitwiti aġġornati bl-emendi tas-Sistema Armonizzata jew dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 6

    Il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata

    1. Għandu jkun stabbilit taħt din il-Konvenzjoni Kumitat li għandu jkun magħruf bħala l-Kumitat tas-Sistema Armonizzata, kompost mir-rappresentanti minn kull Parti Kontraenti.

    2. Għandu jiltaqa' normalment għal mhux inqas minn darbtejn f'kull sena.

    3. Il-laqgħat tiegħu għandhom jiġu msejjħa mis-Segretarju Ġenerali u, ħlief jekk il-Partijiet Kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor, għandhom isiru fil-Kwartieri Ġenerali tal-Kunsill.

    4. Fil-Kumitat tas-Sistema Armonizzata kull Parti Kontraenti għandha d-dritt għal vot wieħed: madankollu, għall-iskopijiet ta' din il-Konvenzjoni u mingħajr preġudizzju għal kull Konvenzjoni futura, fejn Unjoni Doganali jew Ekonomika flimkien ma wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha huma l-Partijiet Kontraenti dawn il-Partijiet Kontraenti għandhom jeżerċitaw flimkien vot wieħed biss. Ugwalment, fejn l-Istati Membri kollha ta' Unjoni Doganali jew Ekonomika li huma elegibbli biex isiru Parti Kontraenti taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(b) isiru Partijiet Kontraenti, huma għandhom jeżerċitaw flimkien vot wieħed biss.

    5. Il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata għandu jeleġġi l-President tiegħu u wieħed jew aktar Vici-Presidenti.

    6. Għandu jħejji r-Regoli tal-Proċeduri tiegħu permezz ta' deċiżjoni meħuda minn mhux inqas minn żewġ-terzi tal-vot attribwiti lill-membri tiegħu. Ir-regoli tal-Proċedura hekk imħejjija għandhom jiġu approvati mill-Kunsill.

    7. Għandu jistieden dawk l-organizzazzjoni intergovernattivi jew oħrajn internazzjonali li jista' jikkonsidra approprjati sabiex jipparteċipaw bħala osservaturi tax-xogħol tiegħu.

    8. Għandu jistabbilixxi Sotto-Kumitati jew Partijiet ta' Ħidma kif jkun meħtieġ, wara li jkun ikkonsidra, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a) ta' l-Artikolu 7, u għandu jiddetermina l-isħubija, drittijiet għall-vot u Regoli tal-Proċedura ta' dawn is-Sotto-Kumitati u Partijiet ta' Ħidma.

    Artikolu 7

    IL-Funzjonijiet tal-Kumitat

    1. Il-Kumitat tas-Sistema Armonizzzata li jkun ikkonsidra id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8, għandu l-funzjonijiet li ġejjin:

    (a) li jipproponi dawk l-emendi għal din il-Konvenzjoni li jistgħu jkunu kkonsidrati mixtieqa, wara li jkun ikkonsidra, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet ta' min utilizza u tat-tbiddiliet fit-teknologija u fil-linji tal-kummerċ internazzjonali;

    (b) li jipprepara Noti Spjegattivi, Opinjonijiet Klassifikatriċi jew parir ieħor bħala gwida għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata;

    (ċ) li jipprepara rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata;

    (d) li jqabbel u jiċċirkola informazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata;

    (e) li fuq inizjativi tiegħu jew wara talba, jiffornixxi informazzjoni jew gwida fuq kull materja rigward il-klassifikazzjoni ta' merkanzija fis-Sistema Armonizzata lill-Partijiet Kontraenti, lill-Membri tal-Kunsill u lil dawk l-organizzazzjoni intergovernattivi jew oħrajn internazzjonali kif il-Kumitat jista' jikkonsidra xieraq;

    (f) li jippresenta Rapporti lil kull Sessjoni tal-Kunsill rigward l-attivitajiet tiegħu, inkluzi emendi proposti, Noti Spjegattivi, Opinjonijiet Klassifikatriċi u parir ieħor;

    (g) li jeżerċita dawn il-poteri u funzjonijiet oħra fir-rigward tas-Sistema Armonizzata kif il-Kunsill jew il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkonsidraw meħtieġa.

    2. Id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata li jkollhom implikazzjonijiet relattati mal-budget għandhom jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill.

    Artikolu 8

    Ir-Rwol tal-Kunsill

    1. Il-Kunsill għandu jeżamina proposti għall-emendi ta' din il-Konvenzjoni, ippreparati mill-Kumitat tas-Sistema Armonizzata, u jirrakkomandhom lill-Partijiet Kontraenti taħt il-proċedura ta' l-Artikolu 16 ħlief jekk xi Membru tal-Kunsill li jkun Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni jitlob li l-proposti jew xi parti minnhom jkunu riferiti lill-Kumitat sabiex ikunu eżaminati mill-ġdid.

    2. In-Noti Spjegattivi, Opinjonijiet Klassifikatriċi, pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u r-rakkomandazzjonijiet sabiex tkun assigurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata, ippreparati matul sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 7, jkunu kkonsidrati bħala approvati mill-Kunsill jekk, mhux aktar tard mit-tmiem tat-tieni xahar wara x-xahar li fih dik is-sessjoni ngħalqet, l-ebda Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni ma tkun innotifikat lis-Segretarju Generali t-talba tagħha li dik il-kwistjoni tkun riferita lill-Kunsill.

    3. Fejn il-kwistjoni hija riferita lill-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu japprova dawn in-Noti Spjegattivi, Opinjonijiet Klassifikatriċi, pariri jew rakkomandazzjonijiet ohra, kemm-il darba Membru tal-Kunsill li jkun Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni ma jkunx talab li jkunu riferiti sħaħ jew in parti lill-Kumitat sabiex jkunu eżaminati mill-ġdid.

    Artikolu 9

    Ir-Rati tad-dazju tad-Dwana

    Il-Partijiet Kontraenti ma jassumux permezz ta' din il-Konvenzjoni xi obbligazzjoni dwar rati tad-dazju tad-Dwana.

    Artikolu 10

    Soluzzjoni ta' tilwim

    1. Kull tilwima bejn Partijiet Kontraenti rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni għandha, safejn huwa possibbli, tiġi riżolta permezz ta' ftehim b' negozjati bejniethom.

    2. Kull tilwima li ma tiġix riżolta permezz ta' ftehim għandha tkun riferita mill-Partijiet fit-tilwima lill-Kumitat tas-Sistema Armonizzata li għandu f'dan ir-rigward jikkonsidra it-tilwima u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għas-soluzzjoni tagħha.

    3. Jekk l-Kumitat tas-Sistema Armonizzata ma jistax isib soluzzjoni għat-tilwima, għandu jirriferi l-kwistjoni lill-Kunsill li għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet skond l-Artikolu III (e) tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kunsill.

    4. Il-Partijiet fit-tilwima jistgħu jiftehmu minn qabel li jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat jew tal-Kunsill bħala vinkolanti.

    Artikolu 11

    L-Eligibbilità sabiex issir Parti Kontraenti

    Dawk li ġejjin huma elegibbli sabiex isiru Partijiet Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni:

    (a) L-Istati Membri tal-Kunsill;

    (b) Unjoni Doganali jew Ekonomiċi li lilhom tkun ġiet trasferita l-kompetenza sabiex jidħlu f'trattati fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha jew uħuh minnhom regolati minn din il-Konvenzjoni; u

    (ċ) Kull Stat ieħor li jkun hekk mistieden mis-Segretarju Ġenerali skond id-direttivi tal-Kunsill.

    Artikolu 12

    Il-Proċedura sabiex issir Parti Kontraenti

    1. Kull Stat jew Unjoni Doganali jew Ekonomika elegibbli jista' isir Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni:

    (a) permezz ta' l-iffirmar tiegħu mingħajr riservi ta' ratifika;

    (b) permezz tad-depożitu ta' strument ta' ratifika wara li jkun iffirma l-Konvenzjoni bla ħsara għal ratifika; jew

    (ċ) permezz ta' l-adeżjoni għaliha wara li l-Konvenzjoni ma tkunx iżjed miftuħa sabiex tkun iffirmata.

    2. Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa sabiex tkun iffirmata sal-31 ta' Diċembru, 1986 fil-Kwartieri tal-Kunsill fi Brussel mill-Istati u Unjoni Doganali jew Ekonomici li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 11. Wara, tkun miftuħa għall-adeżjoni tagħhom.

    3. L-istrumenti ta' ratifika jew adeżjoni għandhom ikunu depożitati mas-Segretarju Ġenerali.

    Artikolu 13

    Id-Dħul fis-seħħ

    1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar li jkun mhux inqas minn 12-il xahar iżda mhux iżjed minn 24 xahar wara li minimu ta' 17-il Stat jew Unjoni Doganali jew Ekonomiċi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 11 hawn fuq, ikunu ffirmawha mingħajr riserva ta' ratifika jew ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika ta' adeżjoni, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 1987.

    2. Għal kull Stat jew Unjoni Doganali jew Ekonomika li jiffirma mingħajr riservi ta' ratifika, li jirratifika jew aderixxi għal din il-Konvenzjoni wara n-numru minimu speċifikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar li jkun mhux inqas minn 12-il xahar izda mhux aktar minn 24 xahar wara li jkun iffirma l-Konvenzjoni mingħajr riservi ta' ratifika jew ikun iddepożita l-istrument tiegħu ta' ratifika jew adeżjoni, kemm-il darba ma jispeċifikax data li tkun aktar kmieni. Madankollu, id-data tad-dħul fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu ma għandhix tkun aktar kmieni mid-data tad-dħul fis-seħħ stabbilita fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 14

    L-Applikazzjoni lit-territorji dipendenti

    1. Kull Stat, fiż-żmien meta jsir Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni, jew f'kull żmien ieħor wara dan, jista' jiddikjara permezz ta' notifika mogħtija lis-Segretarju Ġenerali li l-Konvenzjoni għandha testendi lit-territorji kollha jew kwalunkwe minnhom li għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jkun responsabbli għalih, imsemmija fin-notifika tiegħu. Din in-notifika għandha jkollha effett fl-1 ta' Jannar li jaqa' mhux inqas minn 12-il xahar izda mhux izjed minn 24 xahar wara d-data tar-riċevuta tagħha mis-Segretarju Ġenerali, kemm-il darba mhix speċifikata data aktar kmieni fin-notifika. Madankollu, din il-Konvenzjoni ma għandhix tapplika għal dawn it-territorji qabel tkun daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' l-Istat interessat.

    2. Din il-Konvenzjoni għandha tieqaf milli jkollha effett għal territorju imsemmi fid-data meta l-Parti Kontraenti tieqaf tkun responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali ta' dak it-territorju jew f'dik id-data li tkun aktar kmieni li tista' tkun notifikata lis-Segretarju Ġenerali skond il-procedura ta' l-Artikolu 15.

    Artikolu 15

    Id-Denunzja

    Din il-Konvenzjoni mhijiex limitata biż-żmien. Madankollu kull Parti Kontraenti tista' tagħti avviż ta' terminazzjoni u din id-denunzja jkollha effett sena wara r-riċevuta ta' l-istrument ta' denunzja mis-Segretarju Ġenerali, kemm-il darba fiha ma tkunx speċifikata data li tkun wara l-imsemmija sena.

    Artikolu 16

    Il-Proċedura għall-emendi

    1. Il-Kunsill jista' jirrakkomanda emendi għall-Konvenzjoni lill-Partijiet Kontraenti.

    2. Kull Parti Kontraenti tista' tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali dwar oġġezzjoni għall-emenda rakkomandata u tista' sussegwentement tirtira dik l-oġġezzjoni fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

    3. Kull emenda rakkomandata għandha tkun ikkonsidrata bħala aċċettata wara d-data tan-notifika tagħha mis-Segretarju Ġenerali izda ma għandha tkun hemm l-ebda oġġezzjoni fit-tmiem ta' dan il-perjodu.

    4. Emendi aċċettati għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha f'waħda mid-dati li ġejjin:

    (a) fejn l-emenda rakkomandata hija notifikata qabel 1 ta' April, id-data għandha tkun 1 ta' Jannar tat-tieni sena wara d-data ta' dik in-notifika,

    inkella

    (b) fejn l-emenda rakkomandata hija notifikata fl-1 ta' April jew wara, id-data għandha tkun 1 ta' Jannar tat-tielet sena wara d-data ta' dik in-notifika.

    5. In-nomenklaturi Statistiċi ta' kull Parti Kontraenti u n-nomenkaltura tat-tariffa tad-Dwana tagħha jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1 (ċ) ta' l-Artikolu 3, it-tariffa magħquda/ nomenklatura ta' statistika, għandhom ikunu konformi mas-Sistema Armonizzata emendata fid-data speċifikata fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

    6. Kull Stat jew Unjoni Doganali jew Ekonomika li jiffirma mingħajr riservi, tirratifika jew taderixxi għal din il-Konvenzjoni għandu jkun ikkonsidrat li aċċettat kull amenda għaliha, li fid-data li fiha sar Parti Kontraenti, tkun daħlet fis-seħħ jew tkun ġiet aċċettata skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 17

    Id-Drittijiet tal-Partijiet Kontraenti fir-rigward tas-Sistema Armonizzata

    Fuq kull materja li teffettwa s-Sistema Armonizzata, il-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 6, l-Artikolu 8 u l-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 16 għandhom jagħtu drittijiet lil Parti Kontraenti:

    (a) fir-rigward tal-partijiet kollha tas-Sistema Armonizzata li tapplika skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni: jew

    (b) sad-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13, fir-rigward tal-partijiet kollha tas-Sistema Armonizzata li hija obligata li tapplika f'dik id-data skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni: jew

    (ċ) fir-rigward tal-partijiet kollha tas-Sistema Armonizzata, iżda għandha b'mod formali timpenjat ruħha li tapplika s-Sistema Armonizzata f'sitt cifri fil-perjodu ta' tlett snin li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 4 u sa' l-iskadenza ta' dak il-perjodu.

    Artikolu 18

    Ir-Riservi

    L-ebda riservi għal din il-Konvenzjoni ma huma permessi.

    Artikolu 19

    In-Notifika mis-Segretarju Ġenerali

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jinnotifika l-Partijiet Kontreanti, l-Istati l-oħra firmatarji, l-Istati Membri tal-Kunsill li mhumiex Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, dawn li ġejjin:

    (a) Notifiki taħt l-Artikolu 4;

    (b) Firem, ratifiki u adeżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12;

    (ċ) Id-data li fiha il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 13;

    (d) Notifiki taħt l-Artikolu 14;

    (e) Denunzji taħt l-Artikolu 15;

    (f) Emendi lill-Konvenzjoni rakkomandati taħt l-Artikolu 16;

    (g) Għanijiet fir-rigward ta' l-emendi rakkomandati taħt l-Artikolu 16, u fejn jixraq, l-irtirar tagħhom; u

    (h) Emendi milqugħa taħt l-Artikolu 16, u d-data tad-dħul tagħhom fis-seħħ.

    Artikolu 20

    Ir-Reġistrazzjoni mal-Ġnus Magħquda

    Din il-Konvenzjoni għandha tkun reġistrata mis-Segretarjat tal-Ġnus Magħquda skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 102 tal-Karta tal-Ġnus Magħquda fuq it-talba tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

    B'xiehda ta' dan dawk hawn taħt iffirmati, awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

    Magħmul fi Brussel fl-erbatax-il gurnata ta' Ġunju elf disa' mija u tlieta u tmenin, fl-ilsna Ingliż u Franċiż, iż-żewg testi ugwalment awtentiċi, f'oriġinal wieħed li għandu jkun iddepożitat mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li għandu jittrasmitti kopji ċertifikati tagħhom lill-Istati kollha u Unjoni Doganali jew Ekonomika imsemmija fl-Artikolu 11.

    --------------------------------------------------

    Top