Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013D0010-20210104

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (riformulazzjoni) (BĊE/2013/10) (2013/211/UE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/211(1)/2021-01-04

    02013D0010 — MT — 04.01.2021 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-19 ta’ April 2013

    dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

    (riformulazzjoni)

    (BĊE/2013/10)

    (2013/211/UE)

    (ĠU L 118 30.4.2013, p. 37)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI (UE) 2019/669 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-4 ta' April 2019

      L 113

    6

    29.4.2019

    ►M2

    DEĊIŻJONI (UE) 2020/2090 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-4 ta’ Diċembru 2020

      L 423

    62

    15.12.2020




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-19 ta’ April 2013

    dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

    (riformulazzjoni)

    (BĊE/2013/10)

    (2013/211/UE)



    Artikolu 1

    Denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet

    ▼M1

    1.  

    Il-karti tal-flus tal-euro tal-ewwel serje għandhom jinkludu seba' denominazzjonijiet ta' karti tal-flus tal-euro fil-medda ta' 5 euro sa 500 euro. Il-karti tal-flus tal-euro tat-tieni serje għandhom jinkludu sitt denominazzjonijiet fil-medda ta' 5 sa 200 euro. Il-karti tal-flus tal-euro għandhom juru t-tema “Żminijiet u stili tal-Ewropa” bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.



    Valur fuq il-wiċċ (EUR)

    Dimensjonijiet (l-ewwel serje)

    Dimensjonijiet (it-tieni serje)

    Kulur dominanti

    Disinn

    5

    120 × 62 mm

    120 × 62 mm

    Griża

    Klassiku

    10

    127 × 67 mm

    127 × 67 mm

    Ħamra

    Romanesk

    20

    133 × 72 mm

    133 × 72 mm

    Blu

    Gotiku

    50

    140 × 77 mm

    140 × 77 mm

    Oranġjo

    Rinaxximent

    100

    147 × 82 mm

    147 × 77 mm

    Ħadra

    Barokk u rococò

    200

    153 × 82 mm

    153 × 77 mm

    Isfar fil-kannella

    Arkitettura tal-ħadid u l-ħġieġ

    500

    160 × 82 mm

    mhux inkluża fit-tieni serje

    Vjola

    Arkitettura moderna tas-seklu 20

    ▼B

    2.  

    Is-seba’ denominazzjonijiet fis-serje tal-karti tal-flus tal-euro għandhom juru xbihat ta’ entraturi u twieqi fuq in-naħa ta’ quddiem (recto) u pontijiet fuq in-naħa ta’ wara (verso). Is-seba’ denominazzjonijiet kollha għandhom ikunu tipiċi tad-diversi perijodi artistiċi Ewropej imsemmijin hawn fuq. Elementi oħrajn tad-disinji għandhom jinkludu:

    (a) 

    is-simbolu tal-Unjoni Ewropea;

    (b) 

    l-isem tal-valuta bl-alfabett Ruman u Grieg u, flimkien ma’ dan, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-isem tal-valuta bl-alfabett Ċirilliku;

    ▼M1

    (c) 

    l-inizjali tal-BĊE fil-varjanti uffiċjali tal-lingwa tal-Unjoni Ewropea:

    (i) 

    għall-ewwel serje ta' karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-ħames varjanti tal-lingwa uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, EZB, EKT u EKP;

    (ii) 

    għat-tieni serje ta' karti tal-flus euro: (1) għad-denominazzjonijiet ta' euro 5, euro 10 u euro 20, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għad-disa' varjanti tal-lingwi uffiċjali: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, EKB, BĊE u EBC; (2) għad-denominazzjonijiet ta' euro 50, euro 100 u euro 200, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-għaxar varjanti tal-lingwi uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, ESB, EKB, BĊE u EBC;

    ▼B

    (d) 

    is-simbolu © li jindika li d-dritt tal-awtur jappartjeni lill-BĊE; u

    (e) 

    il-firma tal-President tal-BĊE.

    ▼M2

    Artikolu 2

    Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

    1.  

    “Riproduzzjoni” għandha tfisser kull xbieha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus tal-euro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, fost l-oħrajn, il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta’ ittri jew ta’ simboli, liema xbieha tista’ tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta’, karta tal-flus tal-euro ġenwina, irrispettivament minn:

    (a) 

    id-daqs tax-xbieha; jew

    (b) 

    il-materjal(i) jew it-teknika (tekniki) użati fil-produzzjoni tagħha; jew

    (c) 

    jekk żdidux jew inbidlux elementi tad-disinn tal-karta tal-flus tal-euro, bħall-ittri jew is-simboli.

    2.  
    Sakemm il-BĊE jew BĊN ma jaqblux ma’ eżenzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 5, ir-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom jitqiesu bħala illegali u l-produzzjoni, il-pussess, it-trasport, it-tixrid, il-bejgħ, il-promozzjoni, l-importazzjoni fl-Unjoni u l-użu jew it-tentattiv ta’ użu tagħhom għat-tranżazzjonijiet għandu jkun ipprojbit.
    3.  

    Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala legali, peress li ma hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista’ jitfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini:

    (a) 

    ir-riproduzzjonijiet b’naħa waħda biss ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 125 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’, jew daqs jew inqas minn 75 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

    (b) 

    ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 200 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’, jew daqs jew inqas minn 50 % ta’ kemm it-tul kif ukoll il-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

    (c) 

    ir-riproduzzjonijiet ta’ elementi individwali tad-disinn ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jintweriex fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta’ karta tal-flus; jew

    (d) 

    ir-riproduzzjonijiet fuq naħa waħda li juru parti min-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba dik il-parti tkun iżgħar minn terz tan-naħa oriġinali ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

    (e) 

    ir-riproduzzjonijiet magħmulin minn materjal li jkun jidher b’mod ċar li hu differenti mill-karta, li jidher u jinħass sew li huwa differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew

    (f) 

    ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jkunu disponibbli elettronikament f’siti web, bil-fil jew mingħajr fil jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li jkollhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:

    — 
    il-kelma SPECIMEN (kampjun) (jew l-ekwivalenti tagħha f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea) tkun stampata dijagonalment fuq ir-riproduzzjoni bit-tipa Arial jew b’tipa simili għat-tipa Arial,
    — 
    ir-riżoluzzjoni tar-riproduzzjoni elettronika fid-daqs 100 % tagħha ma taqbiżx it-72 punt kull pulzier (dpi),
    — 
    it-tul tal-kelma SPECIMEN (jew l-ekwivalenti tagħha f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea) ikun mill-inqas 75 % tat-tul tar-riproduzzjoni,
    — 
    l-għoli tal-kelma SPECIMEN (jew l-ekwivalenti tagħha f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea) ikun mill-inqas 15 % tal-wisa’ tar-riproduzzjoni, u
    — 
    il-kelma SPECIMEN (jew l-ekwivalenti tagħha f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea) tkun tidher f’kulur mhux trasparenti (opak) li jikkuntrasta mal-kulur dominanti tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1.
    5.  
    B’mod eċċezzjonali l-BĊE jew il-BĊN rilevanti, kif applikabbli, jista’, meta jirċievi talba bil-miktub, jaċċetta li jeżenta riproduzzjoni li ma tikkonformax mal-kriterji tal-paragrafu 3 mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, jekk il-BĊE jew il-BĊN rilevanti jqis li r-riproduzzjoni ma tistax tiġi mfixkla mill-pubbliku ġenerali ma’ karta tal-flus tal-euro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1. Meta riproduzzjoni ssir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li l-munita tiegħu hija l-euro, talbiet bħal dawn għal eżenzjoni għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.
    6.  
    Ir-regoli tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom ta’ valuta legali skont din id-Deċiżjoni.

    ▼B

    Artikolu 3

    Bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin

    1.  

    Il-BĊNi għandhom, fuq talba, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u fid-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill Governattiv imsemmija fl-Artikolu 6, jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin meta:

    (a) 

    iktar minn 50 % tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata; jew

    (b) 

    meta 50 % jew anqas tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata jekk l-applikant jipprova li l-partijiet neqsin inqerdu.

    2.  

    Flimkien mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin:

    (a) 

    fejn ikun hemm dubju dwar it-titolu legali tal-applikant għall-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti identifikazzjoni, kif ukoll prova li l-applikant huwa s-sid jew inkella applikant awtorizzat;

    (b) 

    fejn ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti l-identifikazzjoni;

    (c) 

    fejn jiġu ppreżentati karti tal-flus tal-euro ġenwini mtebbgħin bil-linka, ikkontaminati jew imxappin: l-applikant għandu jagħti spjegazzjoni bil-miktub dwar it-tip ta’ tebgħa, kontaminazzjoni jew ta’ tixpip;

    (d) 

    fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq: l-applikant għandu jagħti stqarrija bil-miktub fuq il-kawża ta’ newtralizzazzjoni;

    (e) 

    fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq minħabba serq bi vjolenza jew serq, attwalment imwettaq jew tentattiv, jew attività kriminali oħra: il-karti tal-flus għandhom jinbidlu biss fuq talba tas-sid jew inkella tal-applikant awtorizzat li jkun il-vittma ta’ attività kriminali attwali jew tentattiv tagħha li twassal għall-ħsara fil-karti tal-flus;

    (f) 

    fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq u jiġu ppreżentati minn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu stqarrija bil-miktub fuq il-kawża tan-newtralizzazzjoni, ir-referenza u l-karatteristiċi ta’ apparat ta’ kontra s-serq, id-dettalji tal-parti li qed tippreżenta l-karti tal-flus imħassrin u d-data tal-preżentazzjoni tagħhom;

    (g) 

    fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq: dawn kemm jista’ jkun possibbli u jekk meħtieġ mill-BĊNi għandhom jiġu ppreżentati f’settijiet ta’ 100 karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba l-ammont tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati jkun biżżejjed biex jiġu ffurmati dawn is-settijiet;

    ▼M1

    (h) 

    fejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 preżenti għal skambju, f'tranżazzjoni waħda jew aktar, karti tal-flus ewro ġenwini ddanneġġjati b'valur ta' mill-inqas EUR 10 000 , dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-karti tal-flus u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, fejn applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), għandhom jiġu pprovduti minn dawk l-istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll fil-każ ta' dubju dwar jekk intlaħaqx il-valur limitu ta' EUR 10 000 . Ir-regoli stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti ta' identifikazzjoni u rappurtar aktar stretti adottati mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849.

    ▼B

    3.  

    Minkejja dak imsemmi aktar ‘il fuq:

    (a) 

    Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini tħassru intenzjonalment, huma għandhom jirrifjutaw li jibdluhom u għandhom iżommu l-karti tal-flus tal-euro, biex jevitaw li dawn il-karti tal-flus tal-euro jerġgħu jiġu ċċirkulati jew biex jipprevjenu li l-applikant jippreżentahom lil xi BĊN ieħor għall-bdil. Madanakollu, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jekk ikunu jafu jew jekk ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-applikanti għandhom il-bonafidi, jew jekk l-applikanti jistgħu jippruvaw li għandhom il-bonafidi. Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mħassrin fi ġrad żgħir, eż. billi jkollhom annotazzjonijiet, numri jew sentenzi qosra miktubin fuqhom, m’għandhomx fil-prinċipju jitqiesu li huma karti tal-flus tal-euro li tħassru intenzjonalment; u

    (b) 

    Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li twettaq reat kriminali huma għandhom jirrifjutaw li jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin u għandhom iżommuhom, wara li tinħareġ riċevuta, bħala prova li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti biex jibdew jew jappoġġaw investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti, il-karti tal-flus tal-euro ġenwini fl-aħħar tal-investigazzjoni għandhom jikkwalifikaw għall-bdil skont kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

    (c) 

    Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin huma kkontaminati b’mod li jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin, jekk l-applikant jista’ jipprovdi valutazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti.

    ▼M1

    4.  
    Il-BĊNi jistgħu jwettqu l-iskambju billi jagħtu flus kontanti fil-valur tal-karti tal-flus fi kwalunkwe denominazzjoni, billi jittrasferixxu l-valur tal-karti tal-flus f'kont bankarju tal-applikant li jista' jiġi identifikat mingħajr ambigwità minn identifikatur tan-numru tal-kont tal-ħlas internazzjonali (IBAN) kif definiti fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), jew billi jikkreditaw il-valur tal-karti tal-flus f'kont tal-applikant mal-BĊN, kif jitqies xieraq mill-BĊN.

    ▼B

    Artikolu 4

    Twaqqif ta’ dritt għall-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’apparat ta’ kontra s-serq

    ▼M1

    1.  
    BĊNi għandhom jitolbu ħlas lill-istituzzjonijiet u lill-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 meta jitolbu lill-BĊNi, skont l-Artikolu 3, jiskambjaw karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew iddanneġġjati minn apparat kontra s-serq. Dan il-ħlas għandu japplika wkoll irrispettivament minn jekk il-BĊN jesegwix l-iskambju fi flus kontanti jew billi jittrasferixxi jew jikkredita l-valur tal-karti tal-flus f'kont.

    ▼B

    2.  
    Id-dritt għandu jammonta għal 10 ċenteżmi tal-euro għal kull karta tal-flus tal-euro mħassra.
    3.  
    Id-dritt għandu jintalab biss jekk jinbidlu mill-inqas 100 karta tal-flus tal-euro mħassra. Id-dritt għandu jintalab għall-karti tal-flus tal-euro kollha mibdulin.
    4.  
    L-ebda dritt m’għandu jintalab fejn karti tal-flus tal-euro jkunu tħassru minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra, jew tentattiv jew attwalment imwettqin.

    Artikolu 5

    Ikkreditar tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro mħassrin aċċidentalment b’apparat ta’ kontra s-serq u ppreżentati għall-bdil

    1.  

    Il-BĊNi għandhom jikkreditaw lill-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jkollhom kont fil-BĊN rilevanti l-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin aċċidentalment minn apparat ta’ kontra s-serq fil-jum ta’ meta jirċievu dawk il-karti tal-flus, kemm-il darba:

    (a) 

    il-karti tal-flus tal-euro ma tħassrux minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra attwali;

    (b) 

    il-BĊN jista’ jivverifika minnufih li l-ammont mitlub jikkorrispondi tal-inqas għal madwar il-valur tal-karti tal-flus ippreżentati; u

    (c) 

    tintbagħat l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa mill-BĊN.

    2.  
    Kwalunkwe differenza żvelata wara l-ipproċessar bejn il-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment u ippreżentati għall-bdil u l-ammont ikkreditat qabel l-ipproċessar għandha tiġi ddebitata jew ikkreditata, skont il-każ, lill-istituzzjoni jew l-aġent ekonomiku li jippreżentawhom.
    3.  
    Id-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tan-numru effettiv tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment ipproċessati mill-BĊN.

    Artikolu 6

    Irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

    L-irtirar ta’ tip jew serje ta’ karta tal-flus tal-euro għandu jiġi rregolat b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ippubblikata għall-informazzjoni ġenerali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’midja oħra. Din id-Deċiżjoni bħala minimu għandha tkopri, il-punti li ġejjin:

    — 
    it-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro li tkun ser tiġi rtirata miċ-ċirkulazzjoni; u
    — 
    it-tul ta’ żmien tal-perjodu tal-bdil; u
    — 
    id-data li fiha t-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro tkun ser titlef l-istatus tagħha bħala valuta legali; u
    — 
    it-trattament tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati ladarba jkun għadda l-perijodu tal-irtirar u/jew ikunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ u tħassir

    1.  
    Id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 hija mħassra.
    2.  
    Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
    3.  
    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




    ANNESS



    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Deċiżjoni BĊE/2003/4

    Din id-Deċiżjoni

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 6

    Artikolu 7



    ( 1 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

    Top