Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010L0031-20181224

    Consolidated text: Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/31/2018-12-24

    02010L0031 — MT — 24.12.2018 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DIRETTIVA 2010/31/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Mejju 2010

    dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

    (tfassil mill-ġdid)

    (ĠU L 153 18.6.2010, p. 13)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA (UE) 2018/844 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tat-30 ta’ Mejju 2018

      L 156

    75

    19.6.2018

    ►M2

    REGOLAMENT (UE) 2018/1999 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2018

      L 328

    1

    21.12.2018




    ▼B

    DIRETTIVA 2010/31/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Mejju 2010

    dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

    (tfassil mill-ġdid)



    Artikolu 1

    Suġġett

    1.  Din id-Direttiva tippromwovi t-titjib fir-rendiment tal-bini fl-użutal-enerġija fi ħdan l-Unjoni, b’kont meħud tar-rekwiżiti tal-klima esterna u kondizzjonijiet lokali, kif ukoll rekwiżiti tal-klima interna u l-kost-effettività.

    2.  Din id-Direttiva tispeċifika rekwiżiti dwar:

    (a) il-qafas ġenerali komuni għal metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini u ta’ unitajiet ta’ bini fl-użu integrat tal-enerġija;

    (b) l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment ta’ bini ġdid u ta’ unitajiet ta’ bini ġdid fl-użu tal-enerġija;

    (c) l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’:

    (i) bini eżistenti, unitajiet ta’ bini u elementi tal-bini li huma suġġetti għal rinovazzjoni maġġuri,

    (ii) elementi tal-bini li jiffurmaw parti mill-involukru tal-bini u li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija meta jkunu rranġati jew mibdula, u

    (iii) sistemi tekniċi tal-bini kull darba li dawn jiġu installati, mibdula jew imtejjeba;

    (d) pjanijiet nazzjonali għal żieda fl-għadd ta’ bini b’użu ta’ enerġija ta’ kważi żero;

    (e) iċ-ċertifikazzjoni tal-użu tal-enerġija fil-bini jew ta’ unitajiet tal-bini;

    (f) spezzjoni regolari tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata fil-bini;

    (g) sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u rapporti ta’ spezzjonijiet.

    3.  Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva huma rekwiżiti minimi u m’għandhomx jipprevjenu lill kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri aktar strinġenti. Tali miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “bini” tfisser kostruzzjoni msaqqfa u bil-ħitan, li għaliha tintuża l-enerġija sabiex tkun ikkondizzjonata l-klima interna;

    (2) “bini b’użu ta’ kważi żero enerġija” tfisser bini li għandu rendiment tajjeb ħafna fl-użu tal-enerġija kif determinat skont l-Anness I. Il-kważi żero enerġija jew l-ammont baxx ħafna ta’ enerġija meħtieġa għandha tiġi fil-maġġor parti tagħha minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluża minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli prodotta fuq il-post jew fil-qrib;

    ▼M1

    (3) “sistema teknika użata fil-bini” tfisser tagħmir tekniku għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ventilazzjoni, għall-ilma sħun domestiku, għad-dawl integrat, għall-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-post, jew għal taħlita tagħhom, inklużi dawk is-sistemi li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli, ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini;

    ▼M1

    (3a) “sistema ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini” tfisser sistema li tinkludi l-prodotti, is-software u s-servizzi ta’ inġinerija kollha li jistgħu jappoġġaw it-tħaddim effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ekonomiku u mingħajr periklu ta’ sistemi tekniċi tal-bini permezz ta’ kontrolli awtomatiċi u permezz tal-iffaċilitar tal-ġestjoni manwali ta’ dawk is-sistemi tekniċi tal-bini;

    ▼B

    (4) “rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ta’ bini” tfisser l-ammont ta’ enerġija kkalkolata jew imkejjla meħtieġa biex tilħaq id-domanda ta’ enerġija assoċjata mal-użu tipiku tal-bini, li jista’ jinkludi, inter alia, enerġija użata għat-tisħin, tkessih, ventilazzjoni, misħunu dawl;

    (5) “enerġija primarja” tfisser enerġija minn sorsi rinovabbli jew non-rinovabbli li ma għaddiet minn ebda proċess ta’ konverżjoni jew trasformazzjoni;

    (6) “enerġija minn sorsi rinovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

    (7) “involukru tal-bini” tfisser l-elementi integrati tal-bini li jifirdu l-intern tiegħu mill-ambjent estern;

    (8) “unità ta’ bini” tfisser taqsima, sular jew appartament f’bini li hi ddisinjata jew mibdula biex tkun tista’ tintuża separatament;

    (9) “element tal-bini” tfisser sistema teknika użata fil-bini jew element tal-involukru tal-bini;

    (10) “rinovazzjoni maġġuri” tfisser rinovazzjoni f’bini meta:

    (a) l-ispiża totali għar-rinovazzjoni marbuta mal-involukru tal-bini jew is-sistemi tekniċi użati fil-bini tkun ogħla minn 25 % tal-valur tal-bini, eskluż il-valur tal-art li fuqha qiegħed il-bini, jew

    (b) aktar minn 25 % tal-erja tal-uċuħ tal-involukru tal-bini tkun rinovata.

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw il-possibbiltà (a) jew (b);

    (11) “standard Ewropew” tfisser standard adottat mill-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni, il-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni Elettroteknika jew l-Istitut Ewropew dwar l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni, u magħmul disponibbli għall-użu pubbliku;

    (12) “ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser ċertifikat rikonoxxut minn Stat Membru jew minn persuna ġuridika magħżula minnu, li jindika r-rendiment ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini fl-użu tal-enerġija, kkalkolata skont metodoloġija adottata skont l-Artikolu 3;

    (13) “koġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termika u enerġija elettrika u/jew mekkanika;

    (14) “livell kost-ottimali” tfisser il-livell tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għall-anqas spiża tul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika tal-bini, fejn:

    (a) l-anqas spejjeż jiġu ddeterminati billi jittieħed kont tal-ispejjeż relatati mal-investiment fuq l-enerġija, l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-operat (inklużi l-ispejjeż u l-iffrankar tal-enerġija, il-kategorija tal-bini kkonċernat, qligħ mill-enerġija prodotta), fejn applikabbli, u spejjeż tar-rimi, fejn applikabbli, u

    (b) iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru. Dan jirreferi għall-bqija taċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika ta’ bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkunu stabbiliti għall-bini kollu, jew għaċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika mistenni ta’ element tal-bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huma stabbiliti għall-elementi tal-bini.

    Il-livell kost-ottimali għandu jkun fil-firxa ta’ livelli li joħorġu mir-rendiment meta l-analiżi tal-kost-benefiċċju kkalkolat matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika jirriżulta pożittiv;

    (15) “sistema ta’ arja kkondizzjonata” tfisser numru ta’ komponenti magħqudin li jkunu meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħhom it-temperatura hija kkontrollata jew tista’ titbaxxa;

    ▼M1

    (15a) “sistema tat-tisħin” tfisser taħlita tal-komponenti meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħha tiżdied it-temperatura;

    (15b) “ġeneratur tas-sħana” tfisser il-parti ta’ sistema tat-tisħin li tiġġenera sħana utli bl-użu ta’ wieħed jew aktar mill-proċessi li ġejjin:

    (a) il-kombustjoni ta’ fjuwils, pereżempju, f’bojler;

    (b) l-effett Joule, li jseħħ fl-elementi tat-tisħin ta’ sistema tat-tisħin b’reżistenza elettrika;

    (c) il-ġbir ta’ sħana mill-arja ambjentali, mill-arja tal-egżost tal-ventilazzjoni, jew mill-ilma jew minn sors ta’ sħana ta’ taħt l-art bl-użu ta’ pompa tas-sħana;

    (15c) “kuntratt għar-rendiment tal-enerġija” tfisser kuntratt għar-rendiment tal-enerġija kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

    ▼B

    (16) “bojler” tfisser il-qafas tal-bojler ikkumbinat mal-unità tal-ħruq li ġew iddisinjati sabiex flimkien jittrażmettu s-sħana li tinħoloq bil-ħruq u tiġi trażmessa fil-fluwidi;

    (17) “saħħa effettiva” tfisser l-ogħla saħħa kalorifika, espress f’ kW speċifikata u ggarantita mill-manifattur bħala dik li toħroġ waqt tħaddim kontinwu b’konformita’ mal-effiċjenza utilizzabbli indikata mill-manifattur;

    (18) “pompa tas-sħana” tfisser magna, apparat jew installazzjoni li tittrasferixxi s-sħana minn ambjenti naturali bħall-arja, l-ilma jew l-art għal ġewwa l-bini jew applikazzjonijiet industrijali billi jreġġgħu lura l-fluss naturali tas-sħana b’mod li timxi minn temperatura aktar baxxa għal waħda aktar għolja. Għall-pompi tas-sħana riversibbli, jistgħu wkoll imexxu s-sħana mill-bini għall-ambjent naturali tal-madwar;

    (19) “tisħin distrettwali” jew “tkessiħ distrettwali” tfisser id-distribuzzjoni ta’ enerġija termika f’forma ta’ fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħin, minn sors ta’ produzzjoni ċentrali permezz ta’ network lill-bini jew siti multipli, għall-użu ta’ tisħin jew tkessiħ ta’ spazju jew proċess;

    ▼M1

    (20) “sistema iżolata mikro” tfisser sistema iżolata mikro kif definit fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

    Artikolu 2a

    Strateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul:

    ▼M2

    1.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi strateġija ta' rinnovazzjoni fit-tul b'appoġġ għar-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta' bini residenzjali u bini mhux residenzjali, kemm pubbliku kif ukoll privat, fi stokk ta' bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat sal-2050, biex hekk tkun iffaċilitata t-trasformazzjoni kosteffikaċi tal-bini eżistenti f'bini b'użu ta' kważi żero enerġija. Kull strateġija ta' rinnovazzjoni fit-tul għandha tinkludi:

    ▼M1

    (a) ħarsa ġenerali tal-istokk tal-bini nazzjonali, abbażi, skont il-każ, ta’ teħid ta’ kampjuni statistiċi u s-sehem mistenni ta’ bini rinnovat fl-2020;

    (b) l-identifikazzjoni ta’ approċċi kosteffettivi għar-rinnovazzjonijiet rilevanti għat-tip tal-bini u ż-żona klimatika, b’konsiderazzjoni tal-punti ta’ attivazzjoni rilevanti potenzjali, fejn applikabbli, fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini;

    (c) politiki u azzjonijiet biex ikunu stimulati rinnovazzjonijiet profondi kosteffettivi tal-bini, inkluża rinnovazzjoni profonda fi stadji, u biex ikunu appoġġati miżuri u rinnovazzjonijiet immirati kosteffettivi, pereżempju billi tiġi introdotta skema fakultattiva għall-passaporti ta’ rinnovazzjoni tal-bini;

    (d) ħarsa ġenerali tal-politiki u l-azzjonijiet li jimmiraw is-setturi tal-istokk tal-bini nazzjonali bl-agħar rendiment, dilemmi ta’ inċentivi opposti u fallimenti tas-suq, u deskrizzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali rilevanti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku;

    (e) politiki u azzjonijiet li jolqtu l-bini pubbliku kollu;

    (f) ħarsa ġenerali tal-inizjattivi nazzjonali għall-promozzjoni ta’ teknoloġiji intelliġenti u bini u komunitajiet konnessi sew, kif ukoll kompetenzi u edukazzjoni fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

    (g) stima bbażata fuq l-evidenza tal-iffrankar tal-enerġija u l-benefiċċji usa’ mistennija, bħal dawk relatati mas-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità tal-arja.

    2.  Fl-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kul Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan direzzjonali b’miżuri u indikaturi tal-progress li jistgħu jitkejlu stabbiliti domestikament, bil-ħsieb tal-għan fit-tul għall-2050 li l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-Unjoni jitnaqqsu bi 80-95 % meta mqabbel mal-1990, sabiex ikun żgurat stokk tal-bini nazzjonali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u sabiex tkun iffaċilitata t-trasformazzjoni kosteffettiva tal-bini eżistenti f’bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero. Il-pjan direzzjonali għandu jinkludi stadji importanti indikattivi għall-2030, l-2040 u l-2050, u jispeċifika kif dawn ser jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2012/27/UE.

    3.  Biex jappoġġaw il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti fir-rinnovazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal mekkaniżmi adatti għal:

    (a) l-aggregazzjoni ta’ proġetti, inkluż permezz ta’ pjattaformi jew gruppi ta’ investiment, u ta’ konsorzji ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex l-investituri jkollhom aċċess kif ukoll pakketti ta’ soluzzjonijiet għal klijenti potenzjali;

    (b) it-tnaqqis tar-riskju perċepit ta’ operazzjonijiet ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-investituri u għas-settur privat;

    (c) l-użu ta’ finanzjament pubbliku biex jinkiseb investiment addizzjonali mis-settur privat jew ikunu indirizzati fallimenti speċifiċi tas-suq;

    (d) l-iggwidar tal-investimenti fi stokk tal-bini pubbliku effiċjenti fl-użu tal-enerġija, f’konformità mal-gwida tal-Eurostat; u

    (e) għodod konsultattivi aċċessibbli u trasparenti, bħal punti uniċi ta’ servizz għall-konsumaturi u servizzi konsultattivi dwar l-enerġija, dwar rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija rilevanti u strumenti ta’ finanzjament.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tqassam, tal-inqas lill-awtoritajiet pubbliċi, l-aħjar prattiki dwar skemi ta’ finanzjament pubbliċi u privati ta’ suċċess għal rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif ukoll informazzjoni dwar skemi għall-aggregazzjoni ta’ proġetti fuq skala żgħira ta’ rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tidentifika u xxerred l-aħjar prattiki dwar inċentivi finanzjarji għal rinnovazzjoni mill-perspettiva tal-konsumatur b’kont meħud ta’ differenzi fil-kosteffiċjenza bejn l-Istati Membri.

    5.  Biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kull Stat Membru għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu qabel ma jippreżenta l-istrateġija lill-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jannessa sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tiegħu għall-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu.

    Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-konsultazzjoni b’mod inklużiv tul l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu.

    6.  Kull Stat Membru għandu jannessa d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul l-aktar riċenti tiegħu għall-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, inkluż dwar il-politiki u l-azzjonijiet ippjanati.

    7.  Kull Stat Membru jista’ juża l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu biex jindirizzaw is-sikurezza kontra n-nirien u r-riskji relatati ma’ attività sismika qawwija li jaffettwaw r-rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tul tal-ħajja tal-bini.

    ▼M2

    8.  L-istrateġija ta' rinnovazzjoni fit-tul ta' kull Stat Membru għandha tintbagħat lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima finali tagħha, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ). B'deroga mill-Artikolu 3(1) ta' dak ir-Regolament, l-ewwel strateġija ta' rinnovazzjoni fit-tul skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun ippreżentata lill-Kummissjoni sal-10 ta' Marzu 2020.

    ▼B

    Artikolu 3

    Adozzjoni ta’ metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija

    L-Istati Membri għandhom japplikaw metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija skont il-qafas ġenerali komuni speċifikat fl-Anness I.

    Din il-metodoloġija għandha tiġi adottata fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

    Artikolu 4

    Iffissar tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti minimi tar-rendiment ta’ bini jew ta’ unitajiet ta’ bini fl-użu tal-enerġija, jiġu ffissati bil-għan li jinkisbu livelli kost-ottimali. Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija għandha tiġi kkalkolata skont il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 3. Il-livelli kost-ottimali għandhom jiġu kkalkolati skont il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva msemmi fl-Artikolu 5 ladarba din il-metodoloġija tkun stabbilita.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jiġu ffissati għall-elementi tal-bini li jiffurmaw parti mill-involukru tal-bini u li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija meta jiġu mibdula jew rinovati, bil-ħsieb li jinkisbu livelli kost-ottimali.

    Meta jiffissaw ir-rekwiżiti, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn kategoriji ta’ bini ġdid u bini eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

    Dawn ir-rekwiżiti għandhom jieħdu kont tal-kondizzjonijiet klimatiċi interni, sabiex jiġu evitati effetti negattivi possibbli bħal ventilazzjoni mhux adegwata, kif ukoll il-kondizzjonijiet lokali u l-funzjoni mogħtija u l-età tal-bini.

    Stat Membru m’għandux ikun rikjest jiffissa rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li mhumiex kost-effettivi matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika.

    Ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari li m’ għandhomx ikunu itwal minn ħames snin u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jiġu aġġornati sabiex jirriflettu progress tekniku fil-qasam tal-bini.

    2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiffissawx jew li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għall-kategoriji tal-bini li ġejjin:

    (a) bini protett uffiċjalment bħala parti minn ambjent deżinjat jew minħabba l-mertu speċjali arkitettoniku jew storiku tiegħu, safejn il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma talterax b’mod inaċċettabli il-karattru jew l-apparenza tiegħu;

    (b) bini użat bħala postijiet ta’ qima u għal attivitajiet reliġjużi;

    (c) bini temporanju b’perijodu ta’ użu ta’ sentejn jew anqas, siti industrijali, postijiet tax-xogħol u bini agrikolu mhux residenzjali b’domanda baxxa ta’ enerġija u bini agrikolu mhux residenzjali li huma użati minn settur kopert minn ftehim settorjali dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija;

    (d) bini residenzjali li huwa użat jew maħsub sabiex jintuża jew għal inqas minn erba’ xhur ta’ matul is-sena jew, inkella, għal żmien limitat ta’ kull sena u b’konsum ta’ enerġija maħsub li jkun ta’ inqas minn 25 % ta’ dak li x’aktarx jirriżulta li kieku jintuża s-sena kollha;

    (e) bini maqtugħ għalih b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ anqas minn 50 m2.

    Artikolu 5

    Il-kalkolu tal-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija

    1.  Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 23, 24 u 25, sat-30 ta’ Ġunju 2011, tistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kost-ottimali għar-rekwiżiti minimi tar-rendiment ta’ bini u ta’ elementi ta’ bini fl-użu tal-enerġija.

    Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jiġi stabbilit skont l-Anness III u għandu jiddistingwi bejn bini ġdid u dak eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

    2.  L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija billi jużaw il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva stabbilit skont il-paragrafu 1 u parametri rilevanti, bħall-kondizzjonijiet klimatiċi u l-aċċessibbiltà prattika tal-infrastruttura tal-enerġija, u jqabblu r-riżultati ta’ dan il-kalkolu mar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija li huma fis-seħħ.

    L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data kollha mdaħħla u l-assunzjonijiet kollha użati għal dawn il-kalkoli u r-riżultati ta’ dawk il-kalkoli. Ir-rapport jista’ jiġi inkluż fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni f’intervalli regolari, li ma għandhomx ikunu itwal minn ħames snin. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2012.

    3.  Jekk ir-riżultat tal-paragun li jsir f’konformità mal-paragrafu 2 juri li r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ huma b’mod sinifikanti anqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġġustifika din id-differenza bil-miktub lill-Kummissjoni fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, akkumpanjat, sal-punt li d-differenza ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata, bi pjan li juri passi maħsuba sabiex inaqqsu b’mod sinifikanti id-differenza sar-reviżjoni li jmiss tar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija kif imsemmija fl-Artikolu 4(1).

    4.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-progress li intlaħaq mill-Istati Membri rigward il-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    ▼M1

    Artikolu 6

    Bini ġdid

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-bini ġdid jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija stipulati f’konformità mal-Artikolu 4.

    2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma jibda l-bini ta’ bini ġdid, titqies il-fattibbiltà teknika, ambjentali u ekonomika ta’ sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja, jekk din tkun disponibbli.

    ▼B

    Artikolu 7

    Bini eżistenti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li meta xi bini jgħaddi minn rinovazzjoni maġġuri, ir-rendiment tal-bini jew tal-parti minnu rinovata fl-użu tal-enerġija tiġi aġġornata sabiex tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija stabbiliti skont l-Artikolu 4 sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament vijabbli.

    Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu applikati għall-bini rinovat jew l-unità tal-bini li jiġi meqjus bħala ħaġa waħda. Addizzjonalment jew alternattivament, jistgħu jiġu applikati rekwiżiti għall-elementi rinovati tal-bini.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li meta element tal-bini li jifforma parti mill-involukru tal-bini u għandu impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija, meta jkun ġie irranġat jew mibdul, ir-rendiment tal-element ta’ bini fl-użu tal-enerġija tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija sa fejn dan huwa teknikament, funzjonalment u eknomikament vijabbli.

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dawn ir-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 4.

    ▼M1

    L-Istati Membri għandhom iħeġġu, fir-rigward ta’ bini li jkun qed issirlu rinnovazzjoni maġġuri, sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja, sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament fattibbli, u għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ kondizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin għas-saħħa, is-sikurezza kontra n-nirien u riskji relatati ma’ attività sismika qawwija.

    Artikolu 8

    Sistemi tekniċi użati fil-bini, elettromobbiltà u indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

    1.  L-Istati Membri għandhom, bl-għan li jtejbu bl-aħjar mod l-użu tal-enerġija tas-sistemi tekniċi użati fil-bini, jiffissaw rekwiżiti tas-sistema fir-rigward tar-rendiment ġenerali fl-użu tal-enerġija, l-installazzjoni korretta, u d-dimensjonament, l-aġġustament u l-kontroll adattat tas-sistemi tekniċi tal-bini li huma installati fil-bini eżistenti. L-Istati Membri jistgħu ukoll japplikaw dawn ir-rekwiżiti tas-sistema għal bini ġdid.

    Ir-rekwiżiti tas-sistema għandhom jiġu ffissati għal sistemi tekniċi użati fil-bini li jsiru mill-ġdid, jiġu sostitwiti u mtejba u għandhom jiġu applikati safejn ikunu teknikament, ekonomikament u funzjonalment vijabbli.

    L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li bini ġdid, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, għandu jkun mgħammar b’apparati awtoregolatorji li jirregolaw separatament it-temperatura f’kull kamra jew, fejn iġġustifikat, f’żona partikolari tal-unità tal-bini li tkun imsaħħna. F’bini eżistenti, l-installazzjoni ta’ tali apparati awtoregolatorji għandha tkun meħtieġa meta jiġu sostitwiti ġeneraturi tas-sħana, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli.

    2.  Fir-rigward ta’ bini mhux residenzjali ġdid u bini mhux residenzjali li tkun qed issirlu rinnovazzjoni estensiva, b’aktar minn għaxar spazji tal-parkeġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-installazzjoni ta’ mill-inqas punt tal-iċċarġjar wieħed skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u infrastruttura ta’ kanali, jiġifieri, kondjuwits għall-kejbils tal-elettriku, għal mill-inqas wieħed minn kull ħames spazji tal-parkeġġ, biex hekk tkun possibbli l-installazzjoni fi stadju aktar tard ta’ punti tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi fejn:

    (a) il-parkeġġ jinsab ġewwa l-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-bini; jew

    (b) il-parkeġġ jinsab fiżikament maġenb il-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-parkeġġ.

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Jannar 2023 dwar il-kontribut potenzjali ta’ politika tal-Unjoni tal-bini fil-promozzjoni tal-elettromobbiltà u għandha, jekk opportun, tipproponi miżuri f’dak ir-rigward.

    3.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-rekwiżiti għall-installazzjoni ta’ għadd minimu ta’ punti tal-iċċarġjar għall-bini mhux residenzjali kollu b’aktar minn għoxrin spazju tal-parkeġġ, sal-1 ta’ Jannar 2025.

    4.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx jew ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għal bini li jkun proprjetà ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew okkupat minnhom kif iddefinit fit-Titolu I tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 5 ).

    5.  Fir-rigward ta’ bini residenzjali ġdid u bini residenzjali li jkun qed issirlu rinnovazzjoni maġġuri, b’aktar minn għaxar spazji tal-parkeġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-installazzjoni tal-infrastruttura ta’ kanali, jiġifieri l-kondjuwits għall-kejbils tal-elettriku, għal kull spazju tal-parkeġġ sabiex fi stadju aktar tard tkun tista’ ssir l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi fejn:

    (a) il-parkeġġ jinsab ġewwa l-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-bini; jew

    (b) il-parkeġġ jinsab fiżikament maġenb il-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-parkeġġ.

    6.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 2, 3 u 5 għal kategoriji speċifiċi ta’ bini fejn:

    (a) fir-rigward tal-paragrafi 2 u 5, l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ bini jew l-applikazzjonijiet ekwivalenti ġew ippreżentati sal-10 ta’ Marzu 2021;

    (b) l-infrastruttura ta’ kanali meħtieġa tkun ser titqabbad ma’ sistemi mikro iżolati jew il-bini jkun jinsab fir-reġjuni ultraperifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE jekk dan ikun iwassal għal problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema tal-enerġija lokali u jkun iqiegħed f’periklu l-istabbiltà tal-grilja lokali;

    (c) l-ispiża tal-iċċarġjar u tal-installazzjonijiet ta’ kanali taqbeż 7 % tal-ispiża totali tar-rinnovazzjoni maġġuri tal-bini;

    (d) bini pubbliku huwa diġà kopert b’rekwiżiti komparabbli f’konformità mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE.

    7.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri għas-simplifikazzjoni tal-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar f’bini residenzjali u mhux residenzjali, ġdid jew diġà eżistenti, u jindirizzaw ostakli regolatorji possibbli, inkluż fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u approvazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Istati Membri dwar il-proprjetà u l-kera.

    8.  L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa għal politiki koerenti għall-bini, il-mobbiltà ratba u ekoloġika u l-ippjanar urban.

    9.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun installata, sostitwita jew imtejba sistema teknika tal-bini, għandu jkun ivvalutat ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ġenerali tal-parti mibdula, u fejn rilevanti, tas-sistema mibdula kollha. Ir-riżultati għandhom jiġu ddokumentati u mgħoddija lis-sid tal-bini, sabiex jibqgħu disponibbli u jkunu jistgħu jintużaw għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti minimi stipulati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ħruġ ta’ ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jirrikjedux il-ħruġ ta’ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ġdid.

    10.  Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2019, tadotta att iddelegat f’konformità mal-Artikolu 23, li jissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti. Il-klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini li jadattaw l-operat tagħhom għall-ħtiġijiet tal-okkupant u tal-grilja u li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rendiment ġenerali tagħhom.

    F’konformità mal-Anness Ia, l-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti għandha:

    (a) tistabbilixxi d-definizzjoni tal-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti; u

    (b) tistabbilixxi metodoloġija li biha għandu jiġi kkalkulat.

    11.  Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2019, u wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati rilevanti, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskema msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, inkluża skeda ta’ żmien li ma torbotx għal fażi ta’ ttestjar fil-livell nazzjonali, u li jiċċara r-relazzjoni komplementari tal-iskema maċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 11.

    Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3).

    ▼B

    Artikolu 9

    Bini b’użu ta’ kważi żero enerġija

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a) sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-bini kollu jkun bini li juża kważi żero enerġija, u

    (b) wara l-31 ta’ Diċembru 2018, bini ġdid okkupat minn u proprjeta’ ta’ awtoritajiet pubbliċi jkun bini li juża kważi żero enerġija.

    L-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta’ bini li juża kważi żero enerġija. Dawn il-pjanijiet nazzjonali jistgħu jinkludu diversi miri skont il-kategoriji tal-bini.

    2.  Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, filwaqt li jsegwu l-eżempju mexxej tas-settur pubbliku, jiżviluppaw linji politiċi u jieħdu miżuri bħall-iffissar ta’ miri sabiex jistimulaw t-trasformazzjoni ta’ bini li jiġi rinovat f’bini li juża kważi żero enerġija, u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1.

    3.  Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu inter alia l-elementi li ġejjin:

    (a) l-applikazzjoni dettaljata tal-Istati Membri fil-prattika tad-definizzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, filwaqt li jirriflettu l-kondizzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u jinkuldu indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja espressa f’kWh/m2 fis-sena. Il-fatturi tal-enerġija primarja użati għad-determinazzjoni tal-enerġija primarja użata jistgħu jkunu bbażati fuq valuri medji annwali nazzjonali jew reġjonali u jistgħu jieħdu kont tal-istandards Ewropej rilevanti;

    (b) miri intermedji għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid sal-2015, bil-ħsieb li tiġi preparata l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1;

    (c) informazzjoni dwar il-linji politiċi u miżuri finanzjarji jew miżuri oħrajn adottati fil-kuntest tal-paragrafi 1 u 2 għall-promozzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, inklużi dettalji tar-rekwiżiti nazzjonali u miżuri dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli f’bini ġdid u bini eżistenti li tkun qed issirlu rinovazzjoni maġġuri fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari l-adegwatezza tal-miżuri previsti mill-Istat Membru fir-rigward tal-objettivi ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu kont dovut tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tista’ titlob informazzjoni speċifika ulterjuri fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba jew jipproponi emendi fi żmien disa’ xhur wara t-talba mill-Kummissjoni. Wara l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjoni.

    5.  Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2012 u minn hemm ‘il quddiem, kull tliet snin, tippubblika rapport dwar il-progress tal-Istati Membri fiż-żieda fl-għadd ta’ bini li juża kważi żero enerġija. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa pjan ta’ azzjoni u, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri biex iżżid in-numru ta’ dak il-bini u tħeġġeġ li tintuża l-aħjar prattika fir-rigward tat-trasformazzjoni kost-effettiva ta’ bini eżistenti f’bini li juża kważi żero enerġija.

    6.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 f’każijiet speċifiċi u ġustifikabbli fejn l-analiżi tal-kost-benefiċċju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-bini in kwistjoni tkun negattiva. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-prinċipji tar-reġimi leġislattivi rilevanti.

    Artikolu 10

    Inċentivi Finanzjarji u ostakli għas-suq

    1.  Fid-dawl tal-importanza li jipprovdu strumenti ta’ finanzjament u strumenti oħra adattati biex jitħaffef il-proċess tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u t-transizzjoni għal bini li juża kważi żero enerġija, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jikkunsidraw it-tali strumenti l-aktar rilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi nazzjonali.

    2.  L-Istati Membri għandhom ifasslu, sat-30 ta’ Ġunju 2011, lista ta’ miżuri u strumenti eżistenti u, jekk xieraq, ta’ miżuri u strumenti proposti, inkluż dawk ta’ natura finanzjarja, apparti dawk rikjesti minn din id-Direttiva, li jippromwovu l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

    L-Istati Membri għandhom jaġġornaw din il-lista kull tliet snin. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-listi lill-Kummissjoni, li jistgħu jagħmlu dan billi jinkluduhom fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

    3.  Il-Kummissjoni għandha teżamina l-effettività tal-miżuri eżistenti u proposti elenkati li huma msemmija fil-paragrafu 2 kif ukoll tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, fl-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Abbażi ta’ dik l-analiżi, u b’kont dovut meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi pariri jew rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ skemi nazzjonali speċifiċi u l-koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u internazzjonali. Il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-analiżi tagħha u pariri jew rakkomandazzjonijiet possibbli fir-rapport tagħha dwar il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija msemmi fl-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2006/32/KE.

    4.  Il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tassisti, fuq talba, lill-Istati Membri fl-iffissar ta’ programmi ta’ appoġġ finanzjarju nazzjonali jew reġjonali bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, speċjalment f’bini eżistenti, billi tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali jew reġjonali responsabbli.

    5.  Sabiex ittejjeb il-finanzjament b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’kont dovut meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni għandha, preferibbilment sal-2011, tippreżenta, b’mod partikolari, analiżi dwar:

    (a) l-effettività, kemm hu xieraq il-livell, u l-ammont propju li ntuża, ta’ fondi strutturali u programmi qafas li intużaw biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, speċjalment fl-akkomodazzjoni;

    (b) l-effettività tal-użu ta’ fondi mill-BEI u istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliku oħrajn;

    (c) il-koordinazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali u forom oħra ta’ appoġġ li jistgħu jaġixxu bħala lieva biex jiġi stimulat l-investiment fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija u l-adegwatezza ta’ tali fondi biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni.

    Abbażi ta’ dik l-analiżi, u skont il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kummissjoni tista’ sussegwentement u jekk tqis li dan huwa adatt, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposti fir-rigward tal-istrumenti tal-Unjoni.

    ▼M1

    6.  L-Istati Membri għandhom jorbtu l-miżuri finanzjarji tagħhom għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fir-rinnovazzjoni ta’ bini mal-iffrankar fl-enerġija mmirat jew miksub, kif determinat bi kriterju wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

    (a) ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tat-tagħmir jew tal-materjal użat għar-rinnovazzjoni, f’liema każ, it-tagħmir jew il-materjal użat għar-rinnovazzjoni għandu jiġi installat minn installatur bil-livell rilevanti ta’ ċertifikazzjoni jew kwalifika;

    (b) valuri standard għall-kalkolu ta’ ffrankar fl-enerġija fil-bini;

    (c) it-titjib miksub minħabba din ir-rinnovazzjoni billi jqabblu ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa qabel u wara r-rinnovazzjoni;

    (d) ir-riżultati ta’ verifika tal-enerġija;

    (e) ir-riżultati ta’ metodu ieħor rilevanti, trasparenti u proporzjonat li jindika t-titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    6a.  Bażijiet tad-data għall-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jippermettu l-ġbir ta’ data dwar il-konsum tal-enerġija mkejjel jew ikkalkolat tal-bini kopert, inkluż mill-inqas bini pubbliku li għalih inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, kif imsemmi fl-Artikolu 13, skont l-Artikolu 12.

    6b.  Tal-inqas data anonimizzata aggregata konformi mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni u dawk nazzjonali għandha tkun disponibbli meta mitluba għal finijiet ta’ statistika u ta’ riċerka u għas-sid tal-bini.

    ▼B

    7.  Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jipprovdu inċentivi għal bini ġdid, rinovazzjonijiet ġodda jew elementi ġodda tal-bini li jmorru lil hinn mil-livelli kost-ottimali.

    Artikolu 11

    Ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

    1.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Iċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinkludi r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u valuri ta’ referenza bħal rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex ikun possibbli għall-proprjetarji u l-inkwilini ta’ bini jew unità tal-bini jqabblu u jivvalutaw ir-rendiment tiegħu fl-użutal-enerġija.

    Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jista’ jinkludi informazzjoni addizzjonali bħall-konsum tal-enerġija annwali għal bini mhux residenzjali u l-persentaġġ ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli fil-konsum totali tal-enerġija.

    2.  Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib kost-ottimali jew kost-effettiv tar-rendiment ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini fl-użu tal-enerġija, dment li ma jkun hemm l-ebda potenzjal raġonevoli għal titjib tali meta mqabbel mar-rekwiżit tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ.

    Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom ikopru:

    (a) miżuri mwettqa b’rabta ma’ rinovazzjoni maġġuri tal-involukru tal-bini jew is-sistema/i teknika/ċi tal-bini; kif ukoll

    (b) miżuri għal elementi ta’ bini individwali indipendenti minn rinovazzjoni maġġuri tal-involukru tal-bini jew is-sistema/i teknika/ċi tal-bini.

    3.  Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom ikunu teknikament fattibbli għall-bini speċifiku u jistgħu jipprovdu stima għall-firxa ta’ perijodi ta’ ħlas lura jew kost-benefiċċji matul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tiegħu.

    4.  Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jipprovdi indikazzjoni dwar fejn il-proprjetarju jew l-inkwilin jista’ jirċievi informazzjoni dettaljata ulterjuri inkluż fir-rigward tal-kost-effettività tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-evalwazzjoni tal-kost-effettività għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kondizzjonijiet standard, bħall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u prezzijiet tal-enerġija sottostanti u previżjoni tal-ispiża preliminari. Barra minn hekk, għandu jkun fih informazzjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Informazzjoni oħra dwar suġġetti relatati, bħall-verifiki tal-enerġija jew inċentivi ta’ natura finanzjarja jew natura oħra u possibbiltajiet ta’ finanzjament jistgħu wkoll jiġu pprovduti lill-proprjetarju jew lill-inkwilin.

    5.  Soġġett għar-regoli nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu kont tar-rwol mexxej li għandu jkollhom fil-qasam tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, inter alia billi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġ għal bini fil-pussess tagħhom fil-perijodu ta’ validità tiegħu.

    6.  Iċ-ċertifikazzjoni għal unitajiet tal-bini tista’ tkun ibbażata fuq:

    (a) ċertifikazzjoni komuni tal-bini kollu; jew

    (b) l-istima ta’ unità tal-bini rappreżentattiva oħra bl-istess karatteristiċi rilevanti għall-enerġija fl-istess bini.

    7.  Iċ-ċertifikazzjoni għad-djar ta’ familja waħda tista’ tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni ta’ bini rappresentattiv ieħor ta’ disinn u daqs simili bi kwalità ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija simili jekk tali korrispondenza tkun tista’ tiġi ggarantita mill-espert li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    8.  Il-validità taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija m’għandhiex teċċedi l-għaxar snin.

    9.  Il-Kummissjoni għandha, sal-2011, f’konsultazzjoni mas-setturi rilevanti, tadotta skema ta’ ċertifikazzjoni komuni u volontarja tal-Unjoni Ewropea għar-rendiment ta’ bini mhux residenzjali fl-użu tal-enerġija. Din il-miżura għandha tiġi adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 26(2). L-Istati Membri huma mħeġġa jirrikonoxxu jew jużaw l-iskema, jew jużaw parti minnha billi jadattawha għaċ-ċirkostanzi nazzjonali.

    Artikolu 12

    Il-ħruġ taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jinħareġ għal:

    (a) bini jew unitajiet ta’ bini li huma mibnija, mibjugħa jew mikrija lil inkwilin ġdid; u

    (b) bini fejn erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500m2 hija okkupata minn awtorità pubblika u ta’ spiss miżjura mill-pubbliku. Fid-9 ta’ Lulju 2015, ħames snin wara, dan il-limitu ta’ 500 m2 għandu jitnaqqas għal 250 m2.

    Ir-rekwiżit li jinħareġ ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ma japplikax meta ċertifikat, maħruġ jew skont id-Direttiva 2002/91/KE jew skont din id-Direttiva, għall-bini jew l-unità tal-bini kkonċernati, huwa disponibbli u validu.

    2.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, meta bini jew unitajiet tal-bini jinbnew, jinbiegħu jew jinkrew, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew kopja tiegħu, għandu jintwera lill-inkwilin jew ix-xerrej prospettivi l-ġodda u jingħataw lix-xerrej jew lill-inkwilin il-ġdid.

    3.  Fejn bini jinbiegħ jew jinkera qabel il-kostruzzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-bejjiegħ jipprovdi valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija futura tiegħu, bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2; f’dan il-każ, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinħareġ sa mhux aktar tard minn meta l-bini jkun inbena.

    4.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta:

     bini li jkollu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

     unitajiet ta’ bini f’bini li jkollu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

     unitajiet ta’ bini li jkollhom ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

    jiġu offruti għall-bejgħ jew għall-kera, l-indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija taċ-ċertifikat tar-rendiment tal-bini jew tal-unità tal-bini fl-użu tal-enerġija, kif applikabbli, jitniżżell fir-reklami fil-media kummerċjali.

    5.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ko-proprjetà jew proprjetà komuni.

    6.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-kategoriji ta’ bini msemmija fl-Artikolu 4(2) mill-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

    7.  L-effetti possibbli ta’ ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija f’termini ta’ proċeduri legali, jekk ikun hemm, għandhom jiġu deċiżi f’konformità mar-regoli nazzjonali.

    Artikolu 13

    Il-wiri ta’ ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500 m2 ta’ bini li għalih ikun inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 12(1) jkun okkupat minn awtoritajiet pubbliċi u li spiss iżuru l-pubbliku iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jitpoġġa f’post prominenti ċarament viżibbli għal pubbliku.

    Fid-9 ta’ Lulju 2015, dan il-limitu ta’ 500 m2 għandu jitnaqqas għal 250 m2.

    2.  L-Istati Membri għandhom jiirikjedu li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500 m2 li għaliha jkun inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 12(1) iżurha spiss il-pubbliku, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jitpoġġa f’post prominenti ċarament viżibbli għal pubbliku.

    3.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jinkludux obbligu li jintwerew ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    ▼M1

    Artikolu 14

    Spezzjoni ta’ sistemi tat-tisħin

    1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jiġu stabbiliti spezzjonijiet regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tat-tisħin jew ta’ sistemi tat-tisħin tal-ispazju kkombinat mal-ventilazzjoni, b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 70 kW, bħall-ġeneratur tas-sħana, is-sistema ta’ kontroll u l-pompa/i ta’ ċirkolazzjoni użati għat-tisħin tal-bini. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza u tad-dimensjonament tal-ġeneratur tas-sħana meta mqabbel mar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini u, fejn rilevanti, tikkunsidra, l-kapaċitajiet tas-sistema tat-tisħin jew tas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati biex ikun ottimizzat ir-rendiment tagħha taħt kondizzjonijiet operattivi tipiċi jew medji.

    Fejn ma jkun sar l-ebda tibdil fis-sistema tat-tisħin jew għas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini wara li tkun saret spezzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirrikjedux li l-valutazzjoni tad-dimensjonament tal-ġeneratur tas-sħana tiġi ripetuta.

    2.  Is-sistemi tekniċi tal-bini li huma espliċitament koperti minn kriterju miftiehem dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija jew arranġament kuntrattwali li jispeċifika livell miftiehem ta’ titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew li huma mħaddma minn operatur ta’ utilità jew ta’ netwerk u għalhekk huma soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ tar-rendiment min-naħa tas-sistema, għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, dment li l-impatt ġenerali ta’ approċċ tali jkun ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3.  Bħala alternattiva għall-paragrafu 1 u dment li l-impatt ġenerali huwa ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti dwar is-sostituzzjoni ta’ ġeneraturi tas-sħana, modifiki oħra għas-sistema tat-tisħin jew għas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati u soluzzjonijiet alternattivi għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u d-daqs adatt ta’ dawk is-sistemi.

    Qabel mal-Istati Membri japplikaw il-miżuri alternattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull Stat Membru għandu, billi jippreżenta rapport lill-Kummissjoni, jiddokumenta l-ekwivalenza tal-impatt ta’ dawk il-miżuri għall-impatt tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

    ▼M2

    Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni, bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    ▼M1

    4.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-rekwiżiti biex jiżguraw li, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, bini mhux residenzjali b’sistemi tat-tisħin jew b’sistemi tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati, b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 290 kW ikun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini sal-2025.

    Is-sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini għandhom ikun kapaċi:

    (a) b’mod kontinwu jimmonitorjaw, jirreġistraw, janalizzaw u jħallu lok għal aġġustamenti fl-użu tal-enerġija;

    (b) iqabblu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jidentifikaw telf fl-effiċjenza ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

    (c) jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini u apparati oħra konnessi ġewwa l-bini, u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini bejn tipi differenti ta’ teknoloġiji bi privattiva, apparati u manifatturi.

    5.  L-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li l-bini residenzjali jkun mgħammar:

    (a) bil-funzjonalità ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistemi u jinforma lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta din tkun naqset b’mod sinifikattiv u meta jkun meħtieġ servizz ta’ manutenzjoni tas-sistema; u

    (b) b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħażna u l-użu ottimali tal-enerġija.

    6.  Bini li jikkonforma mal-paragrafu 4 jew 5 għandu jiġi eżentat mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

    Artikolu 15

    Spezzjoni tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata

    1.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment ta’ spezzjonijiet regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati, b’output nominali effettiv ta’ ’l fuq minn 70 kW. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza u tad-dimensjonament tas-sistema tal-arja kkondizzjonata meta mqabbla mar-rekwiżiti tat-tkessiħ tal-bini u fejn ikun rilevanti, tikkunsidra l-kapaċitajiet tas-sistema tal-arja kkondizzjonata jew tas-sistema ta’ arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati biex ikun ottimizzat ir-rendiment tagħha taħt kondizzjonijiet operattivi tipiċi jew medji.

    Fejn ma jkun sar l-ebda tibdil fis-sistema tal-arja kkondizzjonata jew fis-sistema tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati jew fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tkessiħ tal-bini wara li tkun saret spezzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirrikjedux li l-valutazzjoni tad-dimensjonament tas-sistema ta’ arja kkondizzjonata tiġi ripetuta.

    L-Istati Membri li jżommu rekwiżiti aktar stretti skont l-Artikolu 1(3) għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

    2.  Is-sistemi tekniċi tal-bini li huma espliċitament koperti minn kriterju miftiehem dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija jew arranġament kuntrattwali li jispeċifika livell miftiehem ta’ titjib ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew li huma mħaddma minn operatur ta’ utilità jew ta’ netwerk u li għalhekk huma soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ tar-rendiment min-naħa tas-sistema, għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, dment li l-impatt ġenerali ta’ approċċ tali jkun ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1.

    3.  Bħala alternattiva għall-paragrafu 1 u dment li l-impatt ġenerali huwa ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti dwar is-sostituzzjoni ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati, modifiki oħra għas-sistema tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati u soluzzjonijiet alternattivi biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u d-daqs adatt ta’ dawk is-sistemi.

    Qabel ma japplika l-miżuri alternattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull Stat Membru għandu, billi jippreżenta rapport lill-Kummissjoni, jiddokumenta l-ekwivalenza tal-impatt ta’ dawk il-miżuri għall-impatt tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

    ▼M2

    Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni, bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    ▼M1

    4.  L-Istati Membri għandhom jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, bini mhux residenzjali b’sistemi tal-arja kkondizzjonata jew b’sistemi tal-arja kkondizzjonata u l-ventilazzjoni kkombinati b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 290 kW ikun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini sal-2025.

    Is-sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini għandhom ikun kapaċi:

    (a) b’mod kontinwu jimmonitorjaw, jirreġistraw, janalizzaw u jħallu lok għal aġġustamenti fl-użu tal-enerġija;

    (b) iqabblu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jidentifikaw telf fl-effiċjenza ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

    (c) jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini u apparati oħra konnessi ġewwa l-bini, u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini bejn tipi differenti ta’ teknoloġiji bi privattiva, apparati u manifatturi.

    5.  L-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li l-bini residenzjali jkun mgħammar:

    (a) bil-funzjonalità ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistemi u jinforma lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta din tkun naqset b’mod sinifikattiv u meta jkun meħtieġ servizz ta’ manutenzjoni tas-sistema, u

    (b) b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħażna u l-użu ottimali tal-enerġija.

    6.  Binjiet li jikkonformaw mal-paragrafi 4 jew 5 għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

    ▼B

    Artikolu 16

    Rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata

    1.  Rapport ta’ spezzjoni għandu jinħareġ wara kull spezzjoni ta’ sistema ta’ tisħin jew tal-arja kkondizzjonata Ir-rapport ta’ spezzjoni għandu jkun fih ir-riżultat tal-ispezzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 14 jew 15 u jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib kost-effettiv tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tas-sistema spezzjonata.

    Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq tqabbil tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tas-sistema spezzjonata ma’ dik tal-aħjar sistema fattibbli disponibbli u sistema ta’ tip simili li għaliha l-komponenti rilevanti kollha jilħqu l-livell tar-rendiment fl-użu tal-enerġija meħtieġ mil-leġislazzjoni applikabbli;

    2.  Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jingħata lill-proprjetarju jew lill-inkwilin tal-bini.

    Artikolu 17

    Esperti indipendenti

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata jitwettqu b’mod indipendenti minn esperti kkwalifikati u jew akkreditati, kemm jekk jaħdmu għal rashom kif ukoll jekk impjegati minn entitajiet pubbliċi jew impriżi privati.

    L-esperti għandhom jiġu akkreditati b’kont meħud tal-kompetenza tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-informazzjoni rigward it-taħriġ u l-akkreditazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli għall-pubbliku jew listi aġġornati regolarment ta’ esperti kwalifikati u/jew akkreditati jew listi aġġornati regolarment ta’ kumpanniji akkreditati li joffru s-servizzi ta’ esperti bħal dawn.

    Artikolu 18

    Sistemi ta’ kontroll indipendenti

    1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u għar-rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata jiġu stabbiliti skont l-Anness II. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi separati għall-kontroll taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u għall-kontroll tar-rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata.

    2.  L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll indipendenti.

    Meta l-Istati Membri jiddeċidu li jagħmlu hekk, għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ kontroll indipendenti jiġu implimentati f’konformità mal-Anness II.

    3.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rapporti tal-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu magħmula disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet jew l-entitajiet kompetenti.

    ▼M1

    Artikolu 19

    Rieżami

    Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 26, għandha teżamina din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2026 fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-progress magħmul matul l-applikazzjoni tagħha, u, jekk ikun neċessarju, tagħmel proposti.

    Bħala parti minn dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha teżamina b’liema mod l-Istati Membri jistgħu japplikaw approċċi integrati ta’ distrettwalità jew ta’ viċinaza fil-politika tal-Unjoni dwar il-bini u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw li kull bini jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ rinnovazzjoni ġenerali li japplikaw għal numru ta’ bini f’kuntest ta’ żona minflok għal bini uniku.

    Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, għandha tivvaluta l-ħtieġa għal titjib ulterjuri taċ-ċertifikati ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 11.

    ▼M1

    Artikolu 19a

    Studju ta’ fattibbiltà

    Il-Kummissjoni, qabel l-2020, għandha tikkonkludi studju ta’ fattibbiltà, li jiċċara l-possibbiltajiet u l-iskeda ta’ żmien biex tkun introdotta l-ispezzjoni ta’ sistemi tal-ventilazzjoni awtonomi u passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini fakultattiv li jkun komplementari għaċ-ċertifikati ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, sabiex ikun ipprovdut pjan direzzjonali għar-rinnovazzjoni pass pass u fit-tul għal bini speċifiku abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità, wara verifika tal-enerġija, u li jiddeskrivi l-miżuri rilevanti u r-rinnovazzjonijiet li jistgħu jtejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    ▼B

    Artikolu 20

    Informazzjoni

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinfurmaw lill-proprjetarji jew l-inkwilini ta’ bini jew unitajiet ta’ bini dwar il-prattika u l-metodi differenti li jservu sabiex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    ▼M1

    2.  L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu lis-sidien jew lill-okkupanti ta’ bini b’informazzjoni dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, inkluż l-għan u l-objettivi tagħhom, dwar miżuri kosteffettivi u, fejn ikun il-każ, dwar strumenti finanzjarji, biex jittejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u dwar is-sostituzzjoni ta’ bojlers tal-fjuwils fossili b’alternattivi aktar sostenibbli. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni permezz ta’ għodod konsultattivi aċċessibbli u trasparenti bħal pariri dwar ir-rinnovazzjoni u punti uniċi ta’ servizz.

    ▼B

    Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji informattivi għall-għanijiet tal-paragrafu 1 u tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jistgħu jkunu trattati f’programmi tal-Unjoni.

    3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli gwida u taħriġ għal dawk responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali gwida u taħriġ għandhom jindirizzaw l-importanza tat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, u għandhom jippermettu li titqies il-kombinazzjoni ottimali ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, l-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli u l-użu ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali meta jiġu ppjanati, iddisinjati, mibnija u rinovati ż-żoni industrijali jew residenzjali.

    4.  Il-Kummissjoni hija mistiedna ttejjeb kontinwament is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha, b’mod partikolari s-sit elettroniku li ġie stabbilit bħala portal Ewropew għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini indirizzat għaċ-ċittadini, il-professjonisti u l-awtoritajiet, sabiex jassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni. L-informazjoni murija fuq dan is-sit elettroniku tista’ tinkludi links għal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, dik nazzjonali, reġjonali u lokali, links għas-siti elettroniċi EUROPA li juru l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, links għall-istrumenti finanzjarji disponibbli, kif ukoll eżempji tal-aħjar prattika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kummissjoni għandha tkompli u tintensifika aktar is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha bil-għan li tiffaċilita l-użu tal-fondi disponibbli billi tipprovdi assistenza u informazzjoni lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament, b’kont meħud tal-aħħar tibdil fil-qafas regolatorju.

    Artikolu 21

    Konsultazzjoni

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati involuti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli u skont kif ikun rilevanti. Tali konsultazzjoni hija ta’ importanza partikolari għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 20.

    Artikolu 22

    Adattament tal-Anness I għall-progress tekniku

    Il-Kummissjoni għandha tadatta l-punti 3 u 4 tal-Anness I għall-progress tekniku permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 23, 24 u 25.

    ▼M1

    Artikolu 23

    Eżerċizzju tad-delega

    1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.  Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 5, 8 jew 22 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    ▼M1 —————

    ▼M1

    Artikolu 26

    Proċedura ta’ kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ▼B

    Artikolu 27

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jrid ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumissjoni dawk id-disposizzjonijet sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 28

    Traspożizzjoni

    1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Lulju 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 18, u mal-Artikoli 20 u 27.

    Għandhom japplikaw dawn id-dipożizzjonijiet sa fejn huma kkonċernati l-Artikoli 2, 3, 9, 11, 12, 13, 17, 18, 20 u 27, sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013.

    Għandhom japplikaw dawn id-dipożizzjonijiet sa fejn huma kkonċernati l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 14, 15 u 16 fir-rigward ta’ bini okkupat mill-awtoritajiet pubbliċi sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013 u fir-rigward ta’ bini ieħor sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Lulju 2013.

    Huma jistgħu jiddifferixxu l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) għal unitajiet singoli ta’ bini li huma mikrija, sal-31 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, dan m’għandux jirriżulta fil-ħruġ ta’ inqas ċertifikati milli kien ikun il-każ bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/91/KE attwali fl-Istat Membru kkonċernat.

    Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva 2002/91/KE għandhom jittieħdu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik l-istqarrija għandha tkun ifformulata.

    2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 29

    Tħassir

    Id-Direttiva 2002/91/KE, kif emendata mir-Regolament indikat fl-Anness IV, Parti A, hija b’ dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Frar 2012, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva stabbiliti fl-Anness IV, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva 2002/91/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

    Artikolu 30

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 31

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




    ANNESS I

    Qafas ġenerali komuni għal kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

    (imsemmi fl-Artikolu 3)

    ▼M1

    1. Ir-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-użu kkalkulat jew attwali tal-enerġija u jirrifletti l-użu tipiku ta’ enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ilma sħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għad-dawl integrat u għal sistemi tekniċi oħra tal-bini.

    Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandu jkun espress b’indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) għall-fini kemm taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija kif ukoll tal-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandha tkun trasparenti u miftuħa għall-innovazzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġija tal-kalkolu nazzjonali tagħhom skont l-annessi nazzjonali tal-istandards ġenerali, jiġifieri ISO 52000-1, 52003-1, 52010-1, 52016-1, u 52018-1 żviluppati taħt il-mandat M/480 mogħti lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi kodifika legali ta’ dawk l-istandards.

    2. Il-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ilma sħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għad-dawl integrat u għal sistemi tekniċi oħra tal-bini għandhom jiġu kkalkulati sabiex ikunu ottimizzati l-livelli tas-saħħa, tal-kwalità tal-arja interna u tal-kumdità definiti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew dak reġjonali.

    Il-kalkolu tal-enerġija primarja għandu jkun ibbażat fuq fatturi tal-enerġija primarja jew fuq fatturi ta’ ponderazzjoni għal kull portatur tal-enerġija, li jistgħu jkunu bbażati fuq medji ponderati nazzjonali„ reġjonali jew lokali annwali, u possibbilment anki staġonali jew ta’ kull xahar, jew fuq informazzjoni aktar speċifika li titqiegħed għad-dispożizzjoni għal sistema distrettwali individwali.

    Il-fatturi tal-enerġija primarja jew il-fatturi ta’ ponderazzjoni għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri. Fl-applikazzjoni ta’ dawk il-fatturi għall-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprova jintlaħaq ir-rendiment ottimali fl-użu tal-enerġija tal-involukru tal-bini.

    Fil-kalkoli tal-fatturi tal-enerġija primarja għall-fini tal-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri jistgħu jqisu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fornuti permezz tal-portatur tal-enerġija u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma ġġenerati u użati fuq il-post, dment li japplika fuq bażi mhux diskriminatorja.

    ▼M1

    2a. Bil-għan li jiġi espress r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu indikaturi numeriċi addizzjonali tal-użu ta’ enerġija primarja totali, mhux rinnovabbli u rinnovabbli, u emissjoni ta’ gass serra prodotti fi kgCO2eq/(m2.y).

    ▼B

    3. Il-metodoloġija għandha tiġi stabbilita b’kont meħud talanqas tal-aspetti li ġejjin:

    (a) il-karatteristiċi termali attwali li ġejjin tal-bini inklużi t-taqsimiet interni tiegħu:

    (i) kapaċità termali,

    (ii) iżolament,

    (iii) tisħin passiv,

    (iv) elementi tat-tkessiħ, u

    (v) pontijiet termali;

    (b) installazzjonijiet tas-sħana u provvista ta’ misħun, inklużi l-karatteristiċi ta’ iżolament tagħhom;

    (c) installazzjonijiet tal-arja kkondizzjonata;

    (d) ventilazzjoni naturali u mekkanika, li tista’ tinkludi sikkar tal-arja;

    (e) installazzjonijiet ta’ dawl fissi (l-aktar fis-settur mhux residenzjali);

    (f) id-disinn, pożizzjonament u orjentazzjoni tal-bini, inkluża l-klima ta’ barra;

    (g) sistemi solari passivi u protezzjoni solari;

    (h) kondizzjonijiet klimatiċi interni, inkluża l-klima interna ddisinjata;

    (i) tagħbijiet interni.

    4. Għandha titqies l-influwenza pożittiva tal-aspetti li ġejjin:

    ▼M1

    (a) kondizzjonijiet ta’ esponiment solari lokali, sistemi solari attivi u sistemi oħra ta’ tisħin u elettriku bbażati fuq enerġija minn sorsi rinnovabbli;

    (b) elettriku prodott mill-koġenerazzjoni;

    (c) sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jew ta’ blokk;

    (d) dawl naturali.

    5. Għall-għan tal-kalkolu l-bini għandu jkun adegwatament ikklassifikat fil-kategoriji li ġejjin:

    (a) djar ta’ diversi tipi għal familja waħda;

    (b) blokki ta’ appartamenti;

    (c) uffiċċji;

    (d) bini tal-edukazzjoni;

    (e) sptarijiet;

    (f) lukandi u ristoranti;

    (g) faċilitajiet sportivi;

    (h) bini fejn jingħataw servizzi bl-ingrossa u bl-imnut;

    (i) tipi oħra ta’ bini li jużaw l-enerġija.

    ▼M1




    ANNESS IA

    QAFAS ĠENERALI KOMUNI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-ISTAT TA’ TĦEJJIJA TAL-BINI GĦAT-TEKNOLOĠIJI INTELLIĠENTI

    1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-definizzjoni tal-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġija intelliġenti u tistabbilixxi metodoloġija li biha għandha tiġi kkalkulata, sabiex tivvaluta l-kapaċità ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini li tadatta l-operat tagħha għall-ħtiġijiet tal-okkupant u l-grilja u biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rendiment ġenerali tagħhom.

    L-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġija intelliġenti għandu jkopri karatteristiċi għal titjib fl-iffrankar, it-tqabbil u l-flessibbiltà fl-enerġija, titjib fil-funzjonalitajiet u l-kapaċitajiet li jirriżultaw minn apparat aktar interkonness u intelliġenti.

    Il-metodoloġija għandha tqis karatteristiċi bħal arloġġi intelliġenti, awtomatizzazzjoni tal-bini u sistemi ta’ kontroll, apparat awtoregolatorju għar-regolar tat-temperatura tal-arja ta’ ġewwa, apparati integrati tad-dar, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, ħażna ta’ enerġija u funzjonalitajiet dettaljati u l-interoperabbiltà ta’ dawk il-karatteristiċi, kif ukoll il-benefiċċji għall-kundizzjoni klimatika ta’ ġewwa, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, livelli ta’ rendiment u possibbiltà ta’ flessibbiltà.

    2. Il-metodoloġija għandha sserraħ fuq tliet funzjonalitajiet prinċipali relatati mal-bini u s-sistemi tekniċi tal-bini tiegħu:

    (a) l-abbiltà li jżomm ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-operat tal-bini permezz tal-adattament tal-konsum tal-enerġija pereżempju permezz tal-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli;

    (b) l-abbiltà li jadatta l-mod tal-operat tiegħu bi tweġiba għall-ħtiġijiet tal-okkupant filwaqt li tingħata attenzjoni dovuta għad-disponibbiltà tal-faċilità tal-użu mill-utent, iż-żamma ta’ kondizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin għas-saħħa u l-abbiltà ta’ rappurtar dwar l-użu tal-enerġija; u

    (c) il-flessibbiltà tad-domanda għall-elettriku ġenerali tal-bini, inkluża l-abbiltà tiegħu li jippermetti l-parteċipazzjoni b’mod ta’ domanda-risposta attiva u passiva kif ukoll impliċita u espliċita, fir-rigward tal-grilja, pereżempju permezz ta’ kapaċitajiet ta’ flessibbiltà u ta’ trasferiment tat-tagħbija.

    3. Il-metodoloġija tista’ tqis ukoll:

    (a) l-interoperabbiltà bejn is-sistemi (arloġġi intelliġenti, sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini, apparati integrati tad-dar, apparat awtoregolatorju għar-regolar tat-temperatura tal-arja ta’ ġewwa fil-bini u sensuri tal-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u ventilazzjonijiet); u

    (b) l-influwenza pożittiva ta’ netwerks eżistenti tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ infrastruttura fiżika ta’ veloċità għolja fil-bini, bħat-tikketta volontarja “broadband ready”, u l-eżistenza ta’ punt ta’ aċċess għal bini b’ħafna abitazzjonijiet, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

    4. Il-metodoloġija ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv skemi ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija nazzjonali eżistenti u għandha tibni fuq inizjattivi relatati fil-livell nazzjonali, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-pussess mill-okkupant, il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza kif ukoll l-aqwa tekniki disponibbli għas-sigurtà ċibernatika.

    5. Il-metodoloġija għandha tistabbilixxi l-aktar format adatt tal-parametru indikatur tal-istat ta’ tħejjija għat-teknoloġija intelliġenti u għandha tkun sempliċi, trasparenti u li tinftiehem faċilment għall-konsumaturi, is-sidien, l-investituri, u l-parteċipanti tas-suq tar-rispons għad-domanda.

    ▼B




    ANNESS II

    Sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u rapporti ta’ spezzjoni

    1.  ►M1  L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegawlhom ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla aleatorja taċ-ċertifikati kollha tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġin kull sena u jissoġġettawhom għal verifika. Il-kampjun għandu jkun ta’ daqs suffiċjenti biex jiżgura riżultati ta’ konformità statistikament sinifikanti. ◄

    Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq l-għażliet indikati hawn taħt jew fuq miżuri ekwivalenti:

    (a) verifika tal-validità tad-data mogħtija dwar il-bini użata biex jinħareġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-riżultati ddikjarati fiċ-ċertifikat;

    (b) il-verifika tad-data mogħtija u l-verifika tar-riżultati taċ-ċertifikat, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula;

    (c) verifika sħiħa tad-data mogħtija dwar il-bini użata biex jinħareġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-riżultati ddikjarati fiċ-ċertifikat, verifika sħiħa tar-riżultati dikjarati fiċ-ċertifikat, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula, u żjara fuq is-sit tal-bini, jekk ikun possibbli, sabiex tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija fiċ-ċertfikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-bini ċċertifikat.

    2. L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li lilhom l-awtoritajiet kompetenti ddelegaw ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla mhux regolari ta’ mill-inqas persentaġġ statistikament sinifikanti tar-rapporti ta’ ispezzjoni maħruġa kull sena u jassuġġettaw dawk ir-rapporti għal verifika.

    ▼M1

    3. Fejn l-informazzjoni tiżdied f’bażi ta’ data, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà jidentifikaw l-oriġinatur ta’ din iż-żieda, għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika.

    ▼B




    ANNESS III

    Qafas ta’ metodoloġija komparattiva biex jiġu indentifikati l-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u l-elementi tal-bini

    Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini u l-elementi tal-bini u l-aspetti ekonomiċi tal-miżuri relatati mar-rendiment fl-użu tal-enerġija, u jgħaqqduhom bil-ħsieb li jidentifikaw il-livell kost-ottimali.

    Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jkun akkumpanjat minn linji gwida li jiddeskrivu fil-qosor kif għandu jiġi applikat dan il-qafas fil-kalkolu tal-livelli ta’ rendiment kost-ottimali.

    Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jippermetti li jittieħed kont tal-mudelli tal-użu, il-kondizzjonijiet klimatiċi ta’ barra, l-ispejjeż tal-investiment, il-kategorija tal-bini, l-ispejjeż għall-manutenzjoni u l-funzjonament (inkluż l-ispejjeż tal-enerġija u l-iffrankar), id-dħul mill-enerġija prodotta, fejn applikabbli, u l-ispejjeż tar-rimi, fejn applikabbli. Dan għandu jkun ibbażat fuq standards Ewropej rilevanti relatati ma’ din id-Direttiva.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi:

     linji gwida biex jakkumpanjaw il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva; dawn il-linji gwida ser iservu biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-passi elenkati hawn taħt;

     informazzjoni dwar l-iżviluppi fit-tul stmati fil-prezzijiet tal-enerġija.

    Għall-applikazzjoni tal-qafas ta’ metodoloġija komparattiva mill-Istati Membri, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ġenerali, espressi permezz ta’ parametri, fil-livell tal-Istati Membri.

    Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jeħtieġ li l-Istati Membri:

     jiddefinixxu bini ta’ referenza li huma kkaratterizzati minn u rappreżentattivi għall-funzjonalità u l-post ġeografiku tagħhom, inklużi l-kondizzjonijiet klimatiċi interni u esterni. Il-bini ta’ referenza għandu jkopri bini residenzjali u mhux residenzjali, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti;

     jiddefinixxu l-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija li għandhom jiġu vvalutati għall-bini ta’ referenza. Dawn jistgħu jkunu miżuri għal bini individwali fl-intier tagħhom, għall-elementi individwali tal-bini jew għal kombinazzjoni ta’ elementi tal-bini;

     jivvalutaw il-ħtieġa finali u primarja tal-enerġija tal-bini ta’ referenza u l-bini ta’ referenza bil-miżuri definiti ta’ effiċjenza fl-enerġija applikati;

     jikkalkolaw l-ispejjeż (jiġifieri l-valuri net attwali) tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija (kif imsemmi fit-tieni inċiż) matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika applikati għall-bini ta’ referenza (kif imsemmi fl-ewwel inċiż) bl-applikazzjoni tal-prinċipji tl-qafas metodoloġiku komparattiv.

    Permezz tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika, tiġi kkalkolata l-kost-effettività ta’ livelli differenti ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija mill-Istati Membri. Dan ser jippermetti d-determinazzjoni tal-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija.




    ANNESS IV

    PARTI A



    Direttiva mħassra bl-emendi suċċessivi tagħha

    (kif imsemmi fl-Artikolu 29)

    Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65)

     

    Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1)

    il-punt 9.9 tal-Anness biss

    PARTI B



    Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

    (kif imsemmi fl-Artikolu 29)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Data tal-applikazzjoni

    2002/91/KE

    fl-4 ta’ Jannar 2006

    4 ta’ Jannar 2009 fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u 9 biss




    ANNESS V



    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Id-Direttiva 2002/91/KE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2, punt (1)

    Artikolu 2, punt (1)

    Artikolu 2, punti (2) u (3)

    Artikolu 2, punt (2) u Anness

    Artikolu 2, punt (4) u l-Anness I

    Artikolu 2, punti (5), (6), (7), (8), (9), (10) u (11)

    Artikolu 2, punt (3)

    Artikolu 2, punt (12)

    Artikolu 2, punt (4)

    Artikolu 2, punt (13)

    Artikolu 2, punt (14)

    Artikolu 2, punt (5)

    Artikolu 2, punt (15)

    Artikolu 2, punt (6)

    Artikolu 2, punt (16)

    Artikolu 2, punt (7)

    Artikolu 2, punt (17)

    Artikolu 2, punt (8)

    Artikolu 2, punt (18)

    Artikolu 2, punt (19)

    Artikolu 3 u Anness

    Artikolu 3 u l-Anness I

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(2) u (3)

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 8, 9 u 10

    Artikolu 7(1) l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 11(8) u l-Artikolu 12(2)

    Artikolu 7(1) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 11(6)

    Artikolu 7(1) it-tielet subparagrafu

    Artikolu 12(6)

    Artikolu 7(2)

    Artikolu 11(1) u (2)

    Artikolu 11(3), (4), (5), (7) u (9)

    Artikolu 12(1), (3), (4), (5) u (7)

    Artikolu 7(3)

    Artikolu 13(1)

    Artikolu 13(2)

     

    Artikolu 13(3)

    Artikolu 8, punt (a)

    Artikolu 14(1) u (3)

    Artikolu 14(2)

    Artikolu 8, punt (b)

    Artikolu 14(4)

    Artikolu 14(5)

    Artikolu 9

    Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 15(1) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 15(2), (3), (4) u (5)

    Artikolu 16

    Artikolu 10

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    l-Artikolu 11, kliem introduttiv

    L-Artikolu 19

    Artikolu 11, punti (a) u (b)

    Artikolu 12

    Artikolu 20(1) u l-Artikolu 20(2) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 20(2) l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 20(3) u (4)

    Artikolu 21

    Artikolu 13

    Artikolu 22

    Artikoli 23, 24 u 25

    Artikolu 14(1)

    Artikolu 26(1)

    Artikolu 14(2) u (3)

    Artikolu 26(2)

    Artikolu 27

    Artikolu 15(1)

    Artikolu 28

    Artikolu 15(2)

    Artikolu 29

    Artikolu 16

    Artikolu 30

    Artikolu 17

    Artikolu 31

    Anness

    Anness I

    Annessi II sa V



    ( 1 ) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

    ( 2 ) Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

    ( 3 ) Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

    ( 4 ) Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

    ( 5 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    ( 6 ) Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).

    Top