Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006R1896-20170714

    Consolidated text: Regolament  (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1896/2017-07-14

    Dan it-test ikkonsolidat jista’ ma jinkludix l-emendi li ġejjin:

    Att li jemenda Tip ta’ emenda Is-subdiviżjoni kkonċernata Data tal-effett
    32023R2844 Emendata minn artikolu 16 paragrafu 4 01/05/2025
    32023R2844 Emendata minn artikolu 7 paragrafu 5 01/05/2025
    32023R2844 Emendata minn artikolu 13 paragrafu mhux numerat 01/05/2025
    32023R2844 Emendata minn artikolu 7 paragrafu 6 paragrafu mhux numerat 1 01/05/2025
    32023R2844 Emendata minn artikolu 16 paragrafu 5 paragrafu mhux numerat 1 01/05/2025

    02006R1896 — MT — 14.07.2017 — 003.002


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (KE) Nru 1896/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea

    (ĠU L 399 30.12.2006, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012

      L 283

    1

    16.10.2012

    ►M2

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

      L 158

    1

    10.6.2013

    ►M3

    REGOLAMENT (UE) 2015/2421 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Diċembru 2015

      L 341

    1

    24.12.2015

    ►M4

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1260 tad-19 ta' Ġunju 2017

      L 182

    20

    13.7.2017




    ▼B

    REGOLAMENT (KE) Nru 1896/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea



    Artikolu 1

    Suġġett

    1.  L-għan ta' dan ir-Regolament hu:

    (a) li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta' litigazzjoni f'każijiet transkonfinali fir-rigward ta' talbiet mhux kontestati ta' flus permezz tal-ħolqien ta' proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea;

    u

    (b) li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta' l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta' infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.

    2.  Dan ir-Regolament m' għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta' l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta' Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.

    Artikolu 2

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f'każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M' għandux jikkonċerna, b'mod partikolari, kwistjonijiet dwar dħul ta' flus, dwana jew ta' amministrazzjoni jew ir-responsabbiltà ta' l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta' l-awtorità ta' Stat (“acta iure imperii”).

    2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    (a) drittijiet dwar proprjetà li toriġina minn relazzjoni matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

    (b) falliment, proċedimenti relatati ma’ l-istralċ ta’ kumpaniji jew persuni ġuridiċi oħra insolventi, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi;

    (ċ) sigurtà soċjali;

    (d) talbiet li joriġinaw minn obbligi mhux kuntrattwali, sakemm:

    (i) kienu s-suġġett ta' ftehim bejn il-partijiet jew kien hemm ammissjoni ta' debitu,

    jew

    (ii) għandhom x'jaqsmu ma' debiti likwidi li joriġinaw minn proprjetà konġunta ta' proprjetà.

    3.  F'dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

    Artikolu 3

    Każijiet transkonfinali

    1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti.

    2.  Id-domiċilju għandu jiġi ddeterminat b'mod konformi ma' l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali ( 1 ).

    3.  Il-mument rilevanti biex jiġi determinat jekk hemmx każ transkonfini hu l-ħin meta l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea tkun sottomessa b'mod konformi ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Proċedura ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea

    Il-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha tiġi stabbilita għall-ġbir ta' talbiet ta' flus ta' ammont speċifiku li jridu jitħallsu fil-waqt meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea.

    Artikolu 5

    Tifsiriet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1) “Stat Membru ta' oriġini”: tfisser l-Istat Membru li fih tkun ħarġet ordni ta' ħlas Ewropea;

    2) “Stat Membru ta' infurzar”: tfisser l-Istat Membru li fih ikun mitlub l-infurzar ta' ordni ta' ħlas Ewropea;

    3) “qorti”: tfisser kwalunkwe awtorità f' Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta' ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra;

    4) “Qorti ta' oriġini”: tfisser il-qorti li toħroġ ordni ta' ħlas Ewropea.

    Artikolu 6

    Ġurisdizzjoni

    1.  Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001.

    2.  Madankollu, jekk it-talba tikkonċerna kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista' jitqies bħala wieħed lil hinn mis-sengħa jew il-professjoni tiegħu, u jekk il-konvenut huwa l-konsumatur, il-qrati fl-Istat Membru fejn il-konvenut huwa domiċiljat biss, fi ħdan is-sens ta' l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, għandha jkollha ġurisdizzjoni.

    Artikolu 7

    Applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea

    1.  Applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.

    2.  L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

    (a) l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

    (b) l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

    (ċ) jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta' l-imgħax u l-perijodu ta' żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b'mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini;

    (d) il-kawża ta' l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta' l-imgħax mitlub;

    (e) deskrizzjoni ta' evidenza li tappoġġa t-talba;

    (f) ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

    u

    (g) in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta' l-Artikolu 3.

    3.  Fl-applikazzjoni, il-pretendent għandu jiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hi vera skond l-għarfien u t-twemmin tiegħu u għandu jirrikonoxxi li kwalunkwe dikjarazzjoni deliberatament falza tista' twassal għal penali xierqa taħt il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

    ▼M3

    4.  F'Appendiċi għall-applikazzjoni, ir-rikorrent jista' jindika lill-qorti liema, jekk ikun hemm, mill-proċeduri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17(1) huwa jitlob li jiġu applikati għat-talba tiegħu fil-proċedimenti ċivili sussegwenti f'każ li l-konvenut iressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni kontra l-ordni ta' ħlas Ewropea.

    Fl-Appendiċi previst fl-ewwel subparagrafu, ir-rikorrent jista' jindika wkoll lill-qorti li hu jopponi trasferiment għal proċedimenti ċivili fi ħdan it-tifsira tal-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 17(1) f'każ ta' oppożizzjoni mill-konvenut. Dan ma jżommx lir-rikorrent milli jinforma b'dan lill-qorti sussegwentement, iżda fi kwalunkwe każ qabel tkun ħarġet l-ordni.

    ▼B

    5.  L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta' oriġini u disponibbli għall-qorti ta' oriġini.

    6.  L-applikazzjoni għandha tkun iffirmata mill-pretendent jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu. Fejn l-applikazzjoni tiġi sottomessa f'forma elettronika b'mod konformi mal-paragrafu 5, hi għandha tiġi ffirmata b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi ( 2 ). Il-firma għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta' oriġini u ma tistax tiġi soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali.

    Madankollu, tali firma elettronika m'għandhiex tkun meħtieġa jekk u sakemm sistema alternattiva ta' komunikazzjoni elettronika teżisti fil-qrati ta' l-Istat Membru ta' oriġini li hi disponibbli għal ċertu grupp ta' utenti awtentikati reġistrati minn qabel u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' dawk l-utenti b'mod sigur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali sistemi ta' komunikazzjoni.

    Artikolu 8

    Eżami ta' l-Applikazzjoni

    Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista' jkun u abbażi tal-formola ta' applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista' jsir permezz ta' proċedura awtomatizzata.

    Artikolu 9

    Tlestija u rettifika

    1.  Jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux u sakemm it-talba ma tkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni kjarament inammissibbli, il-qorti għandha tagħti lill-pretendent l-opportunità biex ilesti jew jirrettifika l-applikazzjoni. Il-qorti għandha tuża l-formola standard B kif stabbilit fl-Anness II.

    2.  Fejn il-qorti titlob lill-pretendent jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, hi għandha tispeċifika limitu ta' żmien li tħoss li hu xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-qorti tista' fid-diskrezzjoni tagħha testendi dak il-limitu ta' żmien.

    Artikolu 10

    Modifika ta' l-applikazzjoni

    1.  Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu biss għal parti mit-talba, il-qorti għandha tinforma lill-pretendent b' dan, bl-użu tal-formola standard C kif stabbilit fl-Anness III. Il-pretendent għandu jiġi mistieden jaċċetta jew jirrifjuta proposta għal ordni ta' ħlas Ewropea għall-ammont speċifikat mill-qorti u għandu jiġi infurmat bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni tiegħu. Il-pretendent għandu jwieġeb billi jirritorna l-formola standard C mibgħuta mill-qorti f'limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti b'mod konformi ma' l-Artikolu 9(2).

    2.  Jekk il-pretendent jaċċetta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha toħroġ ordni ta' ħlas Ewropea, b'mod konformi ma' l-Artikolu 12, għal dik il-parti tat-talba aċċettata mill-pretendent. Il-konsegwenzi fir-rigward tal-parti li tifdal mit-talba inizjali għandha tiġi regolata bil-liġi nazzjonali.

    3.  Jekk il-pretendent ma jibgħatx ir-risposta tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti jew jirrifjuta l-proposta tal-qorti, il-qorti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea fl-intier tagħha.

    Artikolu 11

    Rifjut ta' l-applikazzjoni

    1.  Il-qorti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk:

    (a) ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 ma jintlaħqux;

    jew

    (b) it-talba tkun kjarament bla bażi;

    jew

    (ċ) il-pretendent ma jibgħatx ir-risposta tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti taħt l-Artikolu 9(2);

    jew

    (d) il-pretendent ma jibgħatx it-tweġiba tiegħu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-qorti jew jirrifjuta l-proposta tal-qorti, b'mod konformi ma' l-Artikolu 10.

    Il-pretendent għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għar-rifjut permezz tal-formola standard D kif stabbilit fl-Anness IV.

    2.  M' għandux ikun hemm dritt ta' appell kontra r-rifjut ta' l-applikazzjoni.

    3.  Ir-rifjut ta' l-applikazzjoni m'għandux jimpedixxi lill-pretendent milli jsegwi t-talba permezz ta' applikazzjoni ġdida għal ordni ta' ħlas Ewropea jew permezz ta' kwalunkwe proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta' Stat Membru.

    Artikolu 12

    Ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea

    1.  Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista' jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, ordni ta' ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.

    Il-perijodu ta' 30 jum m'għandux jinkludi ż-żmien meħud mill-pretendent biex jlesti, jirrettifika jew jimmodifika l-applikazzjoni.

    2.  L-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma' kopja tal-formola ta' l-applikazzjoni. M'għandhiex tinkludi l-informazzjoni pprovduta mill-pretendent fl-Appendiċi 1 u 2 tal-formola A.

    3.  Fl-ordni ta' ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

    (a) iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

    jew

    (b) jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti ta' oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta' l-ordni lill-konvenut.

    4.  Fl-ordni ta' ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

    (a) l-ordni nħarġet biss abbażi ta' l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

    (b) l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti b'mod konformi ma' l-Artikolu 16;

    (ċ) fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini b'mod konformi mar-regoli ta' proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b'mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f'dak il-każ.

    5.  Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta' metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.

    Artikolu 13

    Notifika bi prova li waslet għand il-konvenut

    L-ordni ta' ħlas Ewropea tista' tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat li fih għandha ssir in-notifika, b'wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a) notifika minn persuna għal persuna, attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata mill-konvenut;

    (b) notifika minn persuna għal persuna attestata b'dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wasslet in-notifika fejn hu ddikjarat li l-konvenut irċieva d-dokument jew irrifjuta li jirċevih bla ebda ġustifikazzjoni legali, u bid-data tan-notifika;

    (ċ) notifika bil-posta attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut;

    (d) notifika b'mezzi elettroniċi bħall-fax jew l-e-mail, attestata b'dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut.

    Artikolu 14

    Notifika mingħajr prova li waslet għand il-konvenut

    1.  L-ordni ta' ħlas Ewropea tista' wkoll tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat li fih issir in-notifika, b'wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a) notifika minn persuna għal persuna fl-indirizz personali tal-konvenut lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew huma impjegati hemm;

    (b) f'każ ta' konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika minn persuna għal persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut lil persuni li huma impjegati mill-konvenut;

    (ċ) depożitu ta' l-ordni fil-kaxxa postali tal-konvenut;

    (d) depożitu ta' l-ordni f'uffiċċju postali jew ma' awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta' notifika bil-miktub ta' dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub turi b'mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tal-komunikazzjoni li taffetwa n-notifika u li tibda tiddekorri l-limiti ta' żmien;

    (e) servizz postali mingħajr prova b'mod konformi mal-paragrafu 3 fejn il-konvenut għandu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta' oriġini;

    (f) mezzi elettroniċi attestati b'konferma awtomatika tal-wasla, sakemm il-konvenut ikun esprima l-aċċettazzjoni ta' dan il-metodu ta' servizz minn qabel.

    2.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b'ċertezza.

    3.  Is-servizz b'mod konformi mal-paragrafu 1 (a), (b), (ċ) u (d) għadu jiġi attestat b':

    (a) dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li effettwat in-notifika, li jindika:

    (i) il-metodu tan-notifika użat;

    (ii) id-data tan-notifika;

    u

    (iii) fejn l-ordni ġie notifikat lil persuna oħra barra mill-konvenut, l-isem ta' dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-konvenut;

    jew

    (b) rikonoxximent ta' riċevuta mill-persuna notifikata, għall-finijiet tal-paragrafi (1)(a) u (b).

    Artikolu 15

    Notifika lil rappreżentant

    Notifika b'mod konformi ma' l-Artikoli 13 jew 14 tista' tiġi effettwata wkoll lil rappreżentant tal-konvenut.

    Artikolu 16

    Oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea

    1.  Il-konvenut jista' jressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għall-ordni ta' ħlas Ewropea mal-qorti ta' oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma' l-ordni ta' ħlas Ewropea.

    2.  Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta' l-ordni fuq il-konvenut.

    3.  Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m'għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

    4.  Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta' oriġini u disponibbli għall-qorti ta' oriġini.

    5.  Id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għandha tkun iffirmata mill-konvenut jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu. Fejn id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni tiġi sottomessa f'forma elettronika b'mod konformi mal-paragrafu 4, hi għandha tiġi ffirmata b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE. Il-firma għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta' oriġini u ma tistax tiġi soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali.

    Madankollu, tali firma elettronika m'għandhiex tkun meħtieġa jekk u sakemm sistema alternattiva ta' komunikazzjoni elettronika teżisti fil-qrati ta' l-Istat Membru ta' oriġini li hi disponibbli għal ċertu grupp ta' utenti awtentikati reġistrati minn qabel u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' dawk l-utenti b'mod sigur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali sistemi ta' komunikazzjoni.

    ▼M3

    Artikolu 17

    Effetti tal-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni

    1.  Jekk tiddaħħal dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini sakemm ir-rikorrent ma jkunx talab b'mod espliċitu li jintemmu l-proċedimenti ta' dak il-każ. Il-proċedimenti għandhom ikomplu skont ir-regoli ta':

    (a) il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 861/2007, jekk applikabbli; jew

    (b) kwalunkwe proċedura ċivili nazzjonali xierqa.

    2.  Fejn ir-rikorrent ma jkunx indika liema mill-proċeduri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 huwa jitlob li jiġu applikati għat-talba tiegħu fil-proċedimenti li jsegwu f'każ ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni jew fejn ir-rikorrent ikun talab li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tiġi applikata għal talba li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, il-proċedimenti għandhom jiġu trasferiti għall-proċedura ċivili nazzjonali xierqa, sakemm ir-rikorrent ma jitlobx b'mod espliċitu li dan it-trasferiment m'għandux iseħħ.

    3.  Fejn ir-rikorrent ikun ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, l-ebda dispożizzjoni taħt il-liġi nazzjonali ma tista' tippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili sussegwenti.

    4.  Ir-rinviju għal proċedimenti ċivili ordinarji skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi regolat mil-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini.

    5.  Ir-rikorrent għandu jiġi nfurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni u dwar kwalunkwe rinviju għal proċedimenti ċivili fit-tifsira tal-paragrafu 1.

    ▼B

    Artikolu 18

    Esegwebilita

    1.  Jekk fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b' konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-qorti ta' oriġini, il-qorti ta' oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta' ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta' oriġini għandha tivverifika d-data ta' servizz.

    2.  Bla preġudizzju għall-paragrafu 1, ir-rekwiżiti formali għall-esegwebilita' għandhom ikunu regolati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

    3.  Il-qorti għandha tibgħat l-ordni ta' ħlas Ewropea esegwibbli lill-pretendent.

    Artikolu 19

    Tneħħija ta' l-exequatur

    Ordni ta' ħlas Ewropea li saret esegwibbli fl-Istat Membri ta' oriġini għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta' dikjarazzjoni ta' esegwibilita' u mingħajr kwalunkwe possibbiltà li jiġi opponut ir-rikonoxximent tagħha.

    Artikolu 20

    Reviżjoni f'każijiet eċċezzjonali

    1.  Wara l-iskadenza tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini fejn:

    (a)

     

    (i) l-ordni ta' ħlas ġiet notifikata b'wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

    u

    (ii) in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

    jew

    (b) il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta' force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

    sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

    2.  Wara l-iskadenza tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini fejn l-ordni ta' ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b'kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

    3.  Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tibqa' fis-seħħ.

    Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta' ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.

    Artikolu 21

    Infurzar

    1.  Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, proċeduri ta' infurzar għandhom jiġu regolati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-infurzar.

    Ordni ta' ħlas Ewropea li tkun saret esegwibbli għandha tiġi infurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni esegwibbli fl-Istat Membru ta' infurzar.

    2.  Għall-infurzar fi Stat Membru ieħor, il-pretendent għandu jipprovdi lill-awtoritajiet ta' infurzar kompetenti ta' dak l-Istat Membru b':

    (a) kopja ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea, kif dikjarata esegwibbli mill-qorti ta' oriġini, li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

    u

    (b) fejn meħtieġ, traduzzjoni ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' infurzar jew, jekk ikun hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda f'dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti tal-post fejn ikun ġie mfittex l-infurzar, f'konformità mal-liġi ta' dak l-Istat Membru, jew f'lingwa oħra li l-Istat Membru ta' infurzar ikun indika li jista' jaċċetta. Kull Stat Membru jista' jindika l-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea minbarra dawk tiegħu li hu jista' jaċċetta għall-ordni ta' ħlas Ewropea. It-traduzzjoni għandha tkun ċertifikata minn persuna kwalifikata biex tagħmel dan f’wieħed mill-Istati Membri.

    3.  L-ebda sigurtà, bond jew depożitu, deskritt kif deskritt, m’għandu jkun meħtieġ minn pretendent li fi Stat Membru wieħed japplika għal infurzar ta' ordni ta' ħlas Ewropea maħruġa fi Stat Membru ieħor minħabba li jkun ċittadin barrani jew li ma jkunx domiċiljat jew residenti fl-Istat Membru ta' infurzar.

    Artikolu 22

    Rifjut ta' Infurzar

    1.  L-infurzar għandu, wara l-applikazzjoni mill-konvenut, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' infurzar jekk l-ordni ta' ħlas Ewropea hi rrikonċiljabbli ma' deċiżjoni aktar bikrija jew ordni mogħtija qabel fi kwalunkwe Stat Membru jew f'pajjiż terz, sakemm:

    (a) id-deċiżjoni jew ordni aktar bikrija involviet l-istess kawża ta' azzjoni bejn l-istess partijiet;

    u

    (b) id-deċiżjoni jew ordni aktar bikrija twettaq il-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta' infurzar;

    u

    (ċ) l-irrikonċiljabbiltà ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti fl-Istat Membru ta' oriġini.

    2.  L-infurzar għandu, wara l-applikazzjoni, jiġi rrifjutat ukoll jekk u sal-punt li l-konvenut ikun ħallas lill-pretendent l-ammont mogħti fl-ordni ta' ħlas Ewropea.

    3.  L-ordni ta' ħlas Ewropea ma tista' tiġi riveduta taħt l-ebda ċirkostanza għal dak li jirrigwarda s-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta' infurzar.

    Artikolu 23

    Sospensjoni jew limitazzjoni ta' l-infurzar

    Fejn il-konvenut ikun applika għal reviżjoni b'mod konformi ma' l-Artikolu 20, il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta' infurzar tista', wara l-applikazzjoni mill-konvenut:

    (a) tillimita l-proċedimenti ta' l-infurzar għal miżuri protettivi;

    jew

    (b) tagħmel l-infurzar kondizzjonali fuq l-għoti ta' tali sigurtà kif hija tiddetermina;

    jew

    (ċ) taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, tissospendi l-proċedimenti ta' l-infurzar.

    Artikolu 24

    Rappreżentanza legali

    Ir-rappreżentanza minn avukat jew professjonista legali ieħor m'għandhiex tkun obbligatorja:

    (a) għall-pretendent fir-rigward ta' l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea;

    (b) għall-konvenut fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea.

    Artikolu 25

    Miżati tal-qorti

    ▼M3

    1.  Fejn, fi Stat Membru, it-tariffi tal-qorti għal proċeduri ċivili fit-tifsira ta' punt (a) jew punt (b) tal-Artikolu 17(1), kif applikabbli, ikunu ekwivalenti għal jew ogħla minn dawk tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, it-total tat-tariffi tal-qorti għal proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ċivili li jsegwu fil-każ li jkun dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 17(1) m'għandux jaqbeż it-tariffi għal dawk il-proċedimenti mingħajr proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea preċedenti f'dak l-Istat Membru.

    Ma għandha titħallas l-ebda tariffa addizzjonali tal-qorti fi Stat Membru għall-proċedimenti ċivili li jsegwu fil-każ li jkun hemm dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni f'konformità mal-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 17(1), kif applikabbli, jekk it-tariffi tal-qorti għal tali proċedimenti f'dak l-Istat Membru huma anqas minn dawk tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea.

    ▼B

    2.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-miżati tal-qorti għandhom jinkludu miżati u spejjeż li għandhom jitħallsu lill-qorti, li l-ammont tagħhom huwa ffissat skond il-liġi nazzjonali.

    Artikolu 26

    Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali

    Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b'mod speċifiku f'dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 27

    Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1348/2000

    Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 3 ).

    Artikolu 28

    Infromazzjoni dwar l-ispejjeż tan-notifika u l-infurzar

    L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali u ċ-ċrieki professjonali b'informazzjoni dwar:

    (a) spejjeż għan-notifika ta' dokumenti,

    u

    (b) liema awtoritajiet għandhom kompetenza fir-rigward ta' l-infurzar għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 21, 22 u 23,

    b' mod partikolari permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE ( 4 ).

    Artikolu 29

    Informazzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, il- proċeduri ta' reviżjoni, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-lingwi

    1.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sat-12 ta’ Ġunju 2008:

    (a) liema qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex joħorġu ordni ta' ħlas Ewropea;

    (b) il-proċedura ta' reviżjoni u l-qrati kompetenti għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 20;

    (ċ) il-mezzi ta' komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u li huma disponibbli għall-qrati;

    (d) il-lingwi aċċettati b'mod konformi ma' l-Artikolu 21 (2)(b).

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil sussegwenti ta' din l-informazzjoni.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-informazzjoni b'mod konformi mal-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u permezz ta' kwalunkwe mezz adegwat ieħor.

    ▼M3

    Artikolu 30

    Emendar tal-Annessi

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 31 fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I sa VII.

    Artikolu 31

    Eżerċizzju tad-delega

    1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 30 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Jannar 2016.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija m'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

    4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    ▼B

    Artikolu 32

    Reviżjoni

    Sat-12 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrevedi l-operat tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea. Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tal-proċedura kif ġiet operata u valutazzjoni estiża ta' l-impatt għal kull Stat Membru.

    Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika fl-Unjoni Ewropew tkun meqjusa b'mod xieraq u tirrifletti l-prinċipji ta' leġislazzjoni aħjar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni rigward l-operat transkonfini ta' l-ordni ta' ħlas Ewropea. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-miżati tal-qorti, il-veloċità tal-proċedura, l-effiċjenza, l-użu faċli u l-proċeduri ta' ordni ta' ħlas interna ta' l-Istati Membri.

    Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal adattament.

    Artikolu 33

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Hu għandu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2008, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 28, 29, 30 u 31 li għandhom japplikaw mit-12 ta’ Diċembru 2008 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri b'mod konformi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    ▼M4




    ANNESS I

    image

    image

    image

    image

    image

    image

    image

    image

    image

    ▼M1




    ANNESS II

    image

    image

    ►(1) M2  




    ANNESS III

    image

    image




    ANNESS IV

    image

    image




    ANNESS V

    image

    image

    ►(1) M2  

    image




    ANNESS VI

    image

    image




    ANNESS VII

    image

    image



    ( 1 ) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).

    ( 2 ) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

    ( 3 ) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

    ( 4 ) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

    Top