Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02003R1228-20061201

    Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (Test b'relevanza għall-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1228/2006-12-01

    2003R1228 — MT — 01.12.2006 — 002.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1228/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Ġunju 2003

    dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

    (Test b'relevanza għall-ŻEE)

    (ĠU L 176, 15.7.2003, p.1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1223/2004 tat-28 ta' Ġunju 2004

      L 233

    3

    2.7.2004

    ►M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tad-9 ta' Novembru 2006

      L 312

    59

    11.11.2006




    ▼B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1228/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Ġunju 2003

    dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

    (Test b'relevanza għall-ŻEE)



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku ( 4 ) ikkostitwiet pass importanti lejn il-kompetizzjoni tas-suq intern fl-elettriku.

    (2)

    Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew sejjaћ biex jibda xogħol mgħaġġel biex jinkiseb is-suq intern fis-setturi kemm ta' l-elettriku u tal-gass u biex titħaffef il-kisba tal-liberalizzazzjoni f'dawn is-setturi bil-għan li jibda jaћdem għal kollox is-suq intern f'dawn l-oqsma.

    (3)

    Il-ħolqien ta' suq intern veru fl-elettriku għandu jiġi inkoraġġit permezz ta' l-intensifikazzjoni tal-kummerċ fl-elettriku, li fil-preżent huwa komparattivament sottożviluppat meta mqabbel ma' setturi oħra ta' l-ekonomija.

    (4)

    Regoli gusti, trasparenti u direttament applikabbli, u li jirriflettu l-ispiża involuta, u li jieħdu in konsiderazzjoni kif jipparagunaw bejniethom operaturi efficjenti ta' networks minn oqsma strutturalment paragunabbli u li jissupplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 96/92/KE, għandhom jiddaħħlu fejn jirrelataw ma' l-istrutturazzjoni ta' tariffi applikabbli fuq il-fruntieri u l-allokazzjoni ta' facilitajiet disponibbli ta' konnessjoni, sabiex ikun assigurat l-access għas-sistemi ta' trasmissjoni għall-għanjiet ta' operazzjonijiet li jaqsmu l-fruntieri.

    (5)

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ta' l-Enerġija tat-30 ta' Mejju 2000 stieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet regolaturi nazzjonali biex jassiguraw l-implimentazzjoni f'waqtha ta' miżuri li jiġġestixxu l-konġestjoni u, b'kordinazzjoni ma' l-Operaturi tas-Sistema Ewropea ta' Trasmissjoni (ETSO), id-dħul mħaffef ta' sistema qawwija ta' tariffi għal medda ta' żmien aktar fit-tul li tipprovdi għal sinjali xierqa ta' allokazzjoni tan-nefqa lil parteċipanti fis-suq.

    (6)

    Il-Parlament Ewropew, fir-Reżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2000 dwar it-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar il-liberalizzazzjoni tas-swieq enerġetiċi, esiġa kondizzjonijiet għall-użu ta' networks fl-Istati Membri li ma jfixklux il-kummerċ fl-elettriku li jaqsam il-fruntieri u talab lill-Kummissjoni tissottometti proposti speċifiċi maћsuba biex jissuperaw l-ostakoli eżistenti għall- kummerċ fi ћdan il-Komunità.

    (7)

    Huwa importanti li pajjiżi terzi li jifformaw parti mis-sistema Ewropea ta' l-elettriku jħarsu r-regoli li jkunu jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji li għandhom jiġu adottati taħt dan ir-Regolament sabiex jittejjeb il-funzjonament effettiv tas-suq intern.

    (8)

    Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-istruttura ta' tariffi u l-allokazzjoni ta' kapaċità, waqt li jipprovdi għal adozzjoni ta' linji ta' gwida li jelenkaw prinċipji u metodoloġiji oħrajn relevanti, sabiex ikunu jistgħu jsiru adattamenti mgħaġġla għal ċirkostanzi li jkunu nbiddlu.

    (9)

    F'suq miftuħ u kompetittiv, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom ikunu kompensati għall-ispejjeż imġarrba b'konsegwenza li jћallu jgħaddu fuq in-networks tagħhom fornituri ta' l-elettriku li jaqsamu l-fruntieri minn operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni li minn għandhom il-kurrent elettriku jaqsam il-fruntiera u s-sistemi fejn jasal il-kurrent.

    (10)

    Il-ħlasijiet li jkunu daħlu u ħarġu bħala rikompens bejn operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jitqiesu meta t-tariffi tan-networks nazzjonali jkunu qegħdin jiġu stabbiliti.

    (11)

    L-ammont paġabbli għal aċċess minn naħa l-oħra tal-fruntiera jista' jvarja konsiderevolment, skond l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni involut u minħabba differenzi fl-istruttura tat-tariffi applikati fl-Istati Membri. Ċertu element ta' armonizzazzjoni huwa għalhekk meħtieġ biex ikun evitat ix-xkiel fil-kummerċ.

    (12)

    Sistema adattata ta' sinjali ta' lokalità għal medda twila ta' żmien tkun meħtieġa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' distinzjoni tal-piżijiet imposti għal ammisjoni fin-networks għandhom jirriflettu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum tar-reġjun ikkonċernat, fuq il-bażi ta' distinzjoni tal-piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-prodotti u/jew il-konsumaturi.

    (13)

    Ma jkunx xieraq li jiġu applikati tariffi skond id-distanza, jew, sakemm sinjali ta' lokalità xierqa jkunu jitħaddmu, tariffa speċifika li titħallsa biss mill-esportaturi jew importaturi minbarra l-ispiża ġenerali għall-aċċess għan-network nazzjonali.

    (14)

    Il-prekondizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern hija li jkun hemm piżijiet trasparenti u mhux diskriminatorji għal użu ta' networks, fosthom il-linji li jikkonnettjaw is-sistema ta' trasmissjoni. Il-kapaċitajiet disponibbli ta' dawn il-linji għandhom ikunu stabbiliti fl-ogħla livelli li jippermettu standards ta' sigurtà tat-tħaddim tan-network bla periklu.

    (15)

    Huwa importanti li jkun evitat ix-xkiel fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn standards differenti ta' sigurtà, pjan operazzjonali u ta' ippjanar użati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni fl-Istati Membri. Barra dan, għandu jkun hemm trasparenza għall-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment u l-i standards ta' sigurtà, ta' l-ippjanar u operazzjonali, li jaffettwaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jgħaddu l-enerġija.

    (16)

    Għandu jkun hemm regoli dwar l-użu ta' l-introjti li jidħlu permezz tal-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni, kemm-il darba n-natura speċifika ta' l-impjant li jipprovdi l-interkonnessjoni tiġġustifika eżenzjoni minn dawn ir-regoli.

    (17)

    Għandu jkun possibbli li wieħed jegħleb problemi ta' konġestjoni b'modi differenti sakemm il-metodi użati jipprovdu sinjali ekonomiċi korretti lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u parteċipanti fis-suq u jkunu bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq.

    (18)

    Biex jiġi assigurat il-funzjonament xieraq tas-suq, għandhom jitlestew disposizzjonijiet għal proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u linji ta' gwida ta' kif għandhom isiru, fost affarijiet oħra, ir-regoli ta' kif isiru t-tariffi u l-allokazzjonijiet ta' kapaċità mill-Kummissjoni waqt li jkun assigurat l-involviment ta' l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri f'dan il-proċess, fejn f'waqtu, permezz ta' l-assoċjazzjoni tagħhom Ewropea. Awtoritajiet Regolatorji, flimkien ma' awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri, għandhom rwol importanti biex jgħinu biex ikun hemm funzjonament xieraq tas-suq intern fl-elettriku.

    (19)

    L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu mistennija jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun ittrattata konfidenzjalment mill-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha jkollha opportunità titlob biex tingħata informazzjoni rilevanti direttament mill-impriża kkonċernata, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu mgħarrfa.

    (20)

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw il-konformità mar-regoli li jkunu jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida adottati fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament.

    (21)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penalitajiet applikabbli fi ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jassiguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (22)

    Minħabba li l-għan ta' l-azzjonijiet proposti, jiġifieri d-disposizzjonijiet ta' struttura armonizzata għal skambji ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntieri, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effett ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

    (23)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri ta' kif għandhom ikunu eserċitati s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 5 ),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-għan

    Dan ir-Regolament jipprova jistabbilixxi regoli imparzjali għall-iskambji ta' l-elettriku lil hinn mill-fruntieri, u b'hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern ta' l-elettriku, waqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Din tkun tinvolvi t-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' kumpens għal fornitura ta' l-elettriku li taqsam il-fruntieri u t-twaqqif ta' prinċipji armonizzati fuq il-piżijiet fuq it-trasmissjoni li taqsam il-fruntieri u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet disponibbli ta' konnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.  Għall-għan ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jkunu jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u li jirrevoka d-Direttiva 96/92/KE ( 6 ) għandhom jgħoddu bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta' “interkonnettur” li għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

    “interkonnettur”tfisser linja ta' trasmissjoni li taqsam jew tilħaq it-tul kollu tal-fruntiera bejn Stati Membri u li tgħaqqad is-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni ta' l-Istati Membri;.

    2.  Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (a)

    “awtoritajiet regolatorji”tfisser l-awtoritajiet regolatorji li kien hemm referenza għalihom fl-Artikolu 23(1) tad-Diretiva 2003/54/KE;

    (b)

    “fluss li jaqsam il-fruntiera”tfisser trasmissjoni fiżika ta' l-elettriku fuq networks ta' trasmissjoni ta' Stat Membru li tirriżulta mill-impatt ta' attività ta' prodotti jew konsumaturi barra minn dak l-Istat Membru fuq in-networks tiegħu ta' trasmissjoni. Jekk networks ta' trasmissjoni ta' żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, sħaħ jew biċċa minn blokk ta' kontroll uniku, għall-iskop tal-mekkaniżmu ta' kumpens ta' l-operatur ta' inter-trasmissjoni (TSO) li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3, il-blokk ta' kontroll sħiħ għandu jkun ikkunsidrat li jifforma parti min-network ta' trasmissjoni ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, sabiex jiġu evitati fornituri fil-blokki milli jkunu kkunsidrati bħala fornituri li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri u li jagħtu lok għall-għoti ta' ħlas ta' kumpens taħt l-Artikolu 3. L-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu liema wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu jkun dak li tiegħu l-blokk kollu ta' kontroll għandu jkun ikkunsidrat li jappartjeni għalih;

    (ċ)

    “konġestjoni”tfisser sitwazzjoni fejn networks nazzjonali ta' trasmissjoni li jkunu mqabbda ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-kurrent kollu li jirriżulta minn kummerċ internazzjonali mitlub minn parteċipanti fis-suq, minħabba nuqqas fil-kapaċità ta' l-interkonnetturi u/jew tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni kkonċernati;

    (d)

    “esportazzjoni ddikjarata”ta' l-elettriku tfisser it-trasmissjoni ta' l-elettriku fi Stat Membru fuq il-bażi ta' arranġament kuntrattwali ta' appalti li jesiġi li l-konsum simultanju (“importazzjoni ddikjarata”) ta' l-elettriku ser issir fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;

    (e)

    “transitu ddikjarat”ta' l-elettriku jfisser ċirkustanza fejn “esportazzjoni ddikjarata” ta' l-elettriku ssir u fejn il-linja proposta għall-operazzjoni tinvolvi xi pajjiż li fih la t-tramissjoni minn fejn titlaq u lanqas it-twassil simultanju korrispondenti ta' l-elettriku ma jseħħu;

    (f)

    “importazzjoni ddikjarata”ta' l-elettriku tfisser it-teħid ta' l-elettriku fi Stat Membru jew pajjiż terz flimkien mat-trasmissjoni ta' l-elettriku (“esportazzjoni ddikjarata”) fi Stat Membru ieħor;

    (g)

    “interkonnettur ġdid”ifisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' inter-trasmissjoni

    1.  Operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jirċevu kumpens għall-ispejjeż li jkun ġarbu minħabba li jkunu tħallew jgħaddu minn-networks tagħhom fornituri ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntiera.

    2.  Il-kumpens li jirreferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni li minnu joriġinaw il-flussi li jaqsmu l-fruntiera u tas-sistemi fejn jispiċċaw l-flussi.

    3.  Ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari ta' perjodu regolari għaż-żmien li jkun għadda. Aġġustamenti ta' kumpens mħallas li jsiru wara għandhom isiru fejn jeħtieġ biex jikkorrispondu ma' spejjeż attwalment mġarrba.

    L-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru għandhom ikunu determinati fil-linji ta' gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8.

    4.  Waqt li taġixxi skond il-proċedura li issir referenza għaliha fl-Artikolu 13(2), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammonti ta' kumpens li għandhom jitħallsu.

    5.  Id-dimensjoni ta' flussi li jaqsmu l-fruntieri milqugħa u d-dimensjoni ta' flussi li jaqsmu l-fruntiera u determinati li jkunu joriġinaw u/jew jaslu f'sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-flussi attwalment meqjusa f'perjodu partikolari ta' żmien.

    6.  L-ispejjeż minfuqa fuq iż-żamma tal-flussi li jaqsmu l-fruntiera għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta' l-ispejjeż mistennijin li jiżdiedu għal tul ta' żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f'infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tan-nefqa fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trasmissjoni ta' fluss li jaqsam il-fruntieri, partikolarment billi tkun ikkunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti l-ispejjeż minfuqa, metodoloġiji rikonoxxuti ta' kif wieħed jistima l-ispejjeż għandhom jintużaw. Benefiċċji li network igawdi meta jżomm flussi li jaqsmu l-fruntieri għandhom ikunu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens li wieħed għandu jirċevi.

    Artikolu 4

    Piżijiet għal aċċess man-networks

    1.  Piżijiet applikati minn operaturi tan-networks għal aċċess għan-networks għandhom ikunu trasparenti, waqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà tan-network u jirriflettu spejjeż attwalment minfuqa meta jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' operatur ta' network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk il-piżijiet ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

    2.  Jista' jiġi impost piż għal produtturi u l-konsumaturi għall-aċċess man-networks. Il-proporzjon ta' l-ammont totali tal-piżijiet tan-networks mħallsa mill-produtturi għandhom, bla ħsara għall-ħtieġa li jkunu pprovduti sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, ikun aktar baxx mill-proporzjon mħallas mill-konsumaturi. Fejn jixraq, il-livell ta' tariffi applikati lill-produtturi u/jew lill-konsumaturi għandu jipprovdi sinjali tal-lokalità f'livell Ewropew, u jqis l-ammont ta' telf tan-networks u l-konġestjoni kkawżata, u kemm jiswew l-investimenti fl-infrastruttura. Din ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jipprovdu sinjali tal-lokalità fit-territorju tagħhom jew milli japplikaw mekkaniżmi biex jassiguraw illi l-piżijiet għall-aċċess għan-networks li jkunu imposti fuq il-konsumaturi jkunu uniformi fit-territorju kollu tagħhom.

    3.  Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti l-piżijiet għal aċċess għan-networks dawn li ġejjin għandhom jitqiesu:

     ħlas u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta' kumpens tas-sistema ta' trasmissjoni bejn in-networks;

     ħlasijiet li attwalment ħarġu jew daħlu kif ukoll ħlasijiet mistennija għal perjodi fil-ġejjieni, stmati fuq il-bażi ta' perjodi passati.

    4.  Bil-kondizzjoni li sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità jkunu jitħaddmu, skond il-paragrafu 2, piżijiet għal aċċess għan-networks li japplikaw għal produtturi u konsumaturi għandhom ikunu applikati mingħajr distinzjoni bejn il-pajjiżi destinatarji jew ta' oriġini, rispettivament ta' l-elettriku, kif speċifikat fl-arranġament kummerċjali li huwa bażi ta' dan. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal piżijiet fuq esportazzjoni ddikjarata u importazzjoni ddikjarata li jirriżultaw mill-immaniġġjar tal-konġestjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 6.

    5.  Ma għandu jkun hemm l-ebda piż speċifiku fuq operazzjonijiet individwali għal transitu ddikjarat ta' l-elettriku.

    Artikolu 5

    Disposizzjoni ta' informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' interkonnessjoni

    1.  Operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kordinazzjoni u informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-networks ta' l-Istat fil-kuntest ta' l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

    2.  L-i standards ta' sigurtà, ta' operazzjoni u ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema pubblika ta' trasmissjoni għandhom ikunu ppubblikati. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolazzjoni tal-kapaċità totali ta' trasferiment u l-marġni tal-kredibilità tat-trasmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-networks. Tali skemi għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet regulaturi.

    3.  Operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità disponibbli ta' trasmissjoni għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta' trasmissjoni diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru bi frekwenza speċifikata qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f'kull każ, stimi tal-ġimgħa li jmiss u x-xahar li jmiss, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva ta' l-affidabbiltà tal-kapaċità disponibbli.

    Artikolu 6

    Prinċipji ġenerali ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni

    1.  Problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom ikunu ttrattati b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji mqiegħda fis-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti fis-suq u lill-operaturi involuti ta' sistemi ta' trasmissjoni. Problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom preferibbilment ikunu solvuti b'metodi mhux ibbażati fuq negozju jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla bejn kuntratti ta' parteċipanti individwali fis-suq.

    2.  Proċeduri li jillimitaw il-proċeduri għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni huwa obbligat li jaġixxi bil-ħeffa u wieħed ma' jistax jerġa' jibgħat jew ipartat. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju.

    Ħlief f'każi ta' forża maġġuri, parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kull tnaqqis.

    3.  Il-kapaċità massima ta' l-interkonnessjonijiet u/jew tan-networks ta' trasmissjoni li jaffettwaw flussi li jaqsmu l-fruntieri għandhom ikunu magħmula għall-parteċipanti fis-suq, u jikkonformaw ma' l-i standards ta' sigurtà ta' operaturi ta' networks bla periklu.

    4.  Parteċipanti fis-suq għandhom jinformaw lill-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni kkonċernati fi żmien ragonevoli qabel il-perjodu tal-pjan operazzjonali rilevanti jekk humiex bil-ħsieb li jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx ser tintuża għandha titqassam mod ieħor fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

    5.  Operatur ta' sistema ta' trasmissjoni għandu, sa fejn ikun teknikament possibbli, jinnettja l-ħtiġijiet ta' kapaċità ta' trasmissjoni ta' enerġija fiż-żewġ direzzjonijiet fuq il-linja ta' inter-konnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex juża din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. Waqt li tingħata importanza sħiħa lis-sigurtà tan-networks, operazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni ma għandhom qatt ikunu miċħuda.

    6.  Kull introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' inter-konnessjoni għandu jkun użat għal wieħed jew iżjed mill-għanjiet li ġejjin:

    (a) biex jiġġarantixxi d-disponibbiltà attwali tal-kapaċità allokata;

    (b) il-manteniment ta' investimenti fin-networks u t-tkabbir ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni;

    (ċ) bħala dħul li għandu jkun ikkalkulat mill-awtoritajiet regolaturi meta jkunu qegħdin japprovaw il-metodoloġija biex jiġu kkalkulati t-tariffi tan-networks, u/jew meta jkunu qegħdin jiġġudikaw jekk it-tariffi għandhomx ikunu modifikati.

    Artikolu 7

    Interkonnetturi ġodda

    1.  Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, ikunu eżentati mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(6) ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 20 u 23(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2003/54/KE taħt il-kondizzjoniet li ġejjin:

    (a) l-investiment għandu jkabbar il-kompetizzjoni fil-provvista ta' l-elettriku;

    (b) il-livell ta' riskju assoċjat ma' l-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

    (ċ) l-interkonnettur għandu jkun propjetà ta' persuna naturali jew legali li hija separata għallinqas fil-forma legali tagħha mill-operaturi tas-sistema li fiha l-interkonnetturi jkunu ser jinbnew;

    (d) piżijiet huma imposti fuq utenti ta' dak l-interkonnettur;

    (e) minħabba il-ftuħ partzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE, l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operazzjonali ta' l-interkonnettur ma kienu rkuprati minn xi komponent ta' piżijiet imposti għall-użu ta' sistemi ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati ma' l-interkonnettur;

    (f) l-eżenzjoni m'hijiex għad-detriment tal-kompetizzjoni jew il-funzjonament effettiv tas-suq intern ta' l-elettriku, jew il-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

    2.  Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll, f'każi eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent li jalterna, sakemm l-ispejjeż u r-riskji ta' l-investiment partikolari huma partikolarment għoljin meta mqabbla ma' l-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ġara ta' trasmissjoni minn interkonnettur ta' kurrent li jalterna.

    3.  Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta' interkonnetturi eżistenti.

    4.  

    (a) L-awtorità regolatorja tista', fuq bażi ta' każ b'każ, tiddeċiedi fuq l-eżenzjoni li hemm referenzi għaliha fil-paragrafi 1 u 2. Iżda, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jissottomettu, għal deċiżjoni formali, lill-korp rilevanti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħhom dwar it-talba għal eżenzjoni. Din l-opinjoni għandha tkun ippubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

    (b) 

    (i) L-eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha ta' l-interkonnettur il-ġdid, jew l-interkonnettur eżistenti b'kapaċità miżjuda b'mod sinifikanti.

    (ii) Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni, għandha tiġi kkonsidrata, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li jkunu imposti kondizzjonijiet dwar kemm għandhom idumu l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur.

    (iii) Meta jkunu qegħdin jiġu deċiżi l-kondizzjonijiet f'(i) u (ii) għandha titqies, partikolarment, il-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena, iż-żmien mistenni li għandu jieħu l-proġett u ċ-ċirkustanzi nazzjonali.

    (ċ) Meta tkun qiegħda tagħti eżenzjoni, l-awtorità rilevanti tista' tapprova jew tiffissa r-regoli u/jew il-mekkaniżmi dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità.

    (d) Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, inklużi xi kondizzjonijiet li hemm referenza għalihom f'(b), għandhom ikunu raġonati kif xieraq u ppubblikati.

    (e) Kull deċiżjoni dwar eżenzjoni għandha tittieħed wara konsultazzjoni ma' Stati Membri oħra jew awtoritajiet regolatorji kkonċernati.

    5.  Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni għandha tkun innotifikata mingħajr telf ta' żmien mill-awtorità lokali kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien ma' l-informazzjoni kollha rilevanti għad-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tkun mogħtija lill-Kummissjoni f'forma globali, b'mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi.

    Partikolarment, l-informazzjoni għandha jkollha:

     ir-raġunijiet dettaljati li fuq il-bażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, ikunu taw l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

     l-analiżi miksuba fuq l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern fl-elettriku li jirriżulta mill-għotja ta' l-eżenzjoni;

     ir-raġuni għall-perjodu ta' żmien u l-proporzjon tal-kapaċità totali ta' l-interkonnettur partikolari li għalih l-eżenzjoni tingħata;

     ir-riżultat tal-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati;

    Fi żmien xahrejn li tkun rċeviet notifika, il-Kummissjoni tista' titlob li l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru kkonċernat jemenda jew jirtira d-deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni. Il-perjodu ta' xahrejn jista' jittawwal b'xahar ieħor meta informazzjoni addizzjonali hija mitluba mill-Kummissjoni.

    Jekk l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru kkonċernat ma jilqgħax it-talba f'perjodu ta' erba' ġimgħat, għanda tittieħed deċiżjoni finali skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13(3).

    Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-konfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

    Artikolu 8

    Linji ta' gwida

    1.  Meta xieraq, il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 13(2), tadotta u tamenda linji ta' gwida dwar il-materja mdaħħla fil-lista taħt il-paragrafi 2 u 3 u li għandhom x'jaqsmu mal-mekkaniżmu ta' kumpens lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 3 u 4. Meta tkun qiegħda tadotta dawn il-linji ta' gwida għall-ewwel darba l-Kummissjoni għandha tassiġura li huma jkopru f'abbozz ta' miżura waħdanija għallinqas il-materja li jkun hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2(a) u (d), u l-paragrafu 3.

    2.  Il-linji ta' gwida għandhom jispeċifikaw:

    (a) dettalji tal-proċedura biex tistabbilixxi liema operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni huma soġġetti għal ħlas ta' kumpens għal fornimenti li jaqsmu l-fruntieri fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi li jaqsmu l-fruntieri u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, skond l-Artikolu 3(2);

    (b) dettalji tal-proċedura ta' ħlas li għandhom ikunu obduti, inkluża d-determinazzjoni ta' l-ewwel perjodu ta' żmien li għalih jkollu jitħallas kumpens skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(3);

    (ċ) dettalji ta' metodoloġiji biex jistabbilixxu l-flussi li jaqsmu l-fruntieri miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 3, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tipi ta' flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta' dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta' trasmissjoni ta' Stati Membri individwali, skond l-Artikolu 3(5);

    (d) dettalji tal-metodoloġija biex tistabbilixxi l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi li jaqsmu l-fruntieri, skond l-Artikolu 3(6);

    (e) dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens ta' l-inter-TSO għal flussi ta' l-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea;

    (f) il-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent dirett, skond l-Artikolu 3.

    3.  Il-linji ta' gwida għandhom jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti piżijiet addizjonali applikati għall-produtturi u l-konsumaturi taħt is-sistemi ta' tariffi nazzjonali, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens inter-TSO f'piżijiet ta'networks nazzjonali u d-disposizzjonijiet għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 4.

    Il-linji ta' gwida għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti f'livell Ewropew.

    Kull armonizzazzjoni f'dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jassiguraw li piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-konsumaturi jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom.

    4.  Meta xieraq, il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13(2), temenda l-linji ta' gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità disponibbli ta' flussi ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali mniżżla fl-Anness, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 5 u 6, partikolarment b'mod li tinkludi linji ta' gwida dettaljati dwar il-metodoloġiji kollha ta' allokazzjoni ta' kapaċità applikati fil-prattika u biex jassiguraw li l-mekkaniżmi ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni jevolvu f'manjiera paragunabbli ma' l-għanijiet tas-suq intern. Meta xieraq, waqt li jkunu qegħdin jiġu emendati għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar is-sigurtà minima u standards operazzjonali għall-użu u t-tħaddim tan-networks, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).

    Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji ta' gwida, il-Kummissjoni għandha tassigura li huma jipprovdu lanqas grad ta' armonizzazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-għanjiet ta' dan ir-Regolament u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan.

    Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji ta' gwida, il-Kummissjoni għandha tindika x'azzjonijiet tkun ħadet dwar il-konformità ta' regoli f'pajjiżi terzi, li jifformaw parti mis-sistema Ewropea ta' l-elettriku, mal-linji ta' gwida in kwestjoni.

    Artikolu 9

    Awtoritajiet regolatorji

    L-Awtoritajiet regolatorji, meta kunu qegħdin jesegwixxi dmirijiethom, għandhom jassiguraw konformità ma' dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida skond l-Artikolu 8. Meta xieraq, biex iwettqu l-għanjiet ta' dan ir-Regolament huma għandhom jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni.

    Artikolu 10

    Disposizzjonijiet ta' informazzjoni u konfidenzjalità

    1.  L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 8.

    Partikolarment, għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 3(6), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu fuq bażi regolari informazzjoni dwar spejjeż attwalment minfuqa minn operaturi ta' sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni, kif ukoll data u l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-flussi f'networks ta' operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni u n-nefqa tan-network.

    Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

    2.  Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja kkonċernata ma tipprovdix din l-informazzjoni fiż-żmien mogħti skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għan ta' l-Artikoli 3(4) u 8 direttament mill-impriża kkonċernata.

    Meta tkun qiegħda tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede ta' l-impriża.

    3.  Fit-talba tagħha għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tat-talba, iż-żmien li fih l-informazzjoni għandha tkun provduta, l-għan tat-talba, u wkoll il-penalitajiet previsti fl-Artikolu 12(2) għal informazzjoni pprovduta inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha tiffissa terminu ta' żmien raġonevoli meta titqies il-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha l-informazzjoni tkun meħtieġa.

    4.  Il-propjetarji ta' l-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom, fil-każ ta' persuni legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom legalment jew bl-istrument ta' inkorporazzjoni, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Avukati, debitament awtorizzati biex jaġixxu, jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom, f'liema każ il-klijent għandu jibqa' totalment risponsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta tkun inkorretta, mhux kompleta, jew qarrieqa.

    5.  Fejn impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien iffissat mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompleta, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika x'informazzjoni hija meħtieġa u tiffissa żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penalitajiet previsti fl-Artikolu 12(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkolla d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    Il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita r-residenza tal-persuna jew is-sede ta' l-impriża.

    6.  Informazzjoni miġbura skond dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 8.

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament ta' tip kopert bl-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

    Artikolu 11

    Dritt ta' l-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom disposizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f'dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8.

    Artikolu 12

    Penalitajiet

    1.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penalitajiet applikabbli għal ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li jkunu implimentati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2004 u għandhom jinnotifikawha mingħajr telf ta' żmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

    2.  Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux 1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b'negliġenza, huma jfornu informazzjoni inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa fi tweġiba għal talba magħmula skond l-Artikolu 10(3) jew jonqsu milli jfornu informazzjoni fiż-żmien iffissat minn deċiżjoni adottata skond l-ewwel subparagrafu għall-Artikolu 10(5).

    Waqt li jkun qiegħed jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, irid jingħata każ tal-gravità tan-nuqqas ta' ħarsien tad-disposizzjonijiet ta' l-ewwel sub-paragrafu.

    3.  Penalitajiet previsti skond il-paragrafu 1 u deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

    Artikolu 13

    Kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

    2.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

    Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    3.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

    4.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċeduri.

    Artikolu 14

    Rapport tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament rapport dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tiegħu. Partikolarment ir-rapport għandu jeżamina kemm irnexxielu r-Regolament jassigura kondizzjoniet ta' aċċess għan-networks li ma jkunx diskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż għal bdil ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntieri sabiex jikkontribbwixxu għal għażla f'suq intern li jiffunzjona sew u għal sigurtà jew provvista fil-futur imbiegħed, kif ukoll kemm is-sinjali ta' lokalità jkunu jitħaddmu. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jgħodd mill-1 ta' Lulju 2004.

    ▼M1

    Fejn għandhom x'jaqsmu interkonnessjonijiet bejn is-Slovenja u Stati Membri ġirien, l-Artikolu 6(1), kif ukoll ir-regoli fil-kapitolu intitolat “Ġenerali” ta' l-Anness, għandhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2007. Dan il-paragrafu għandu japplika biss għall-kapaċità ta' interkonnessjoni li hi allokata mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni Slovena u japplika biss sakemm din il-kapaċità ma' teċċedix nofs il-kapaċitá totali disponibbli.

    ▼B

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    ▼M2




    ANNESS

    Linji gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasferiment disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali

    1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

    1.1 It-TSOs għandhom jaħdmu sabiex jaċċettaw it-transazzjonijiet kummerċjali kollha, inkluż dawk li jinvolvu kummerċ bejn il-fruntieri.

    1.2 Meta ma jkunx hemm konġestjoni, m’għandu jkun hemm ebda restrizzjoni ta’ aċċess għall-interkonessjoni. Meta dan ikun ġeneralment il-każ, m’hemmx bżonn ikun hemm proċedura ta’ allokazzjoni ġenerali permanenti għal aċċess għal servizz ta’ trasmissjoni bejn il-fruntieri.

    1.3 Meta transazzjonijiet kummerċjali skedati ma jkunux kumpatibbli ma’ operazzjoni ta’ netwerk sikura, it-TSOs għandhom jnaqqsu l-konġestjoni skond ir-rekwiżiti tas-sigurtà operazzjonali tas-sistema elettrika filwaqt li jaħdmu sabiex jiżguraw li kwalunkwe spejjeż assoċjati jibqgħu fuq livell ekonomikament effiċjenti. Dispaċċ mill-ġdid jew skambju ta’ kumpens għandu jkunu pprevedut f’każ li miżuri ta’ inqas ħlas ma jistgħux ikunu applikati.

    1.4 Jekk isseħħ konġestjoni strutturali, regoli u arranġamenti approprjati ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni definiti u stabbiliti minn qabel għandhom ikunu implimentati immedjatament mit-TSOs. Il-metodi ta’ amministrazzjoni tal-Konġestjoni għandhom jiżguraw li l-flussi ta’ enerġija fiżika assoċjati mal-kapaċità ta’ trasmissjoni allokata kollha timxi skond l-istandards ta’ sigurtà tan-netwerk.

    1.5 Il-metodi adottati għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti tas-suq u t-TSOs, jippromwovu l-kompetizzjoni u jkunu adattati għal applikazzjoni reġjonali u fil-komunità.

    1.6 Ebda distinzjoni bbażata fuq transazzjoni ma tista’ tkun applikata fl-amministrazzjoni tal-konġestjoni. Rikjesta partikolari għal servizz ta’ trasmissjoni għandha tkun miċħuda biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mwettqa flimkien:

    (a) it-flussi inkrementali ta’ enerġija fiżika li jirrizultaw mill-aċċettazzjoni ta’ din ir-rikjesta jimplikaw li l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-qawwa elettrika ma tistax tkun garantita iktar, u

    (b) il-valur f’ammont monetarju anness ma’ din ir-rikjesta fil-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni huwa iktar baxx mir-rikjesti l-oħra kollha maħsuba biex ikunu aċċettati għall-istess servizz u kondizzjonijiet.

    1.7 Fid-definizzjoni ta’ erjas ta’ netwerk approprjati li fihom u bejniethom għandha tapplika l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, t-TSOs għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ profitt u minimizzazzjoni ta’ impatti negattivi fuq is-Suq Intern ta’ l-Elettriku. Speċifikament, it-TSOs ma jistgħux jillimitaw il-kapaċità ta’ l-interkonnessjoni sabiex isolvu l-konġestjoni fl-erja ta’ kontroll tagħhom, minbarra għar-raġunijiet fuq imsemmija u raġunijiet ta’ sigurtà operazzjonali ( 7 ). Jekk isseħħ sitwazzjoni bħal din, dan għandu jkun deskritt u ippreżentat b’mod trasparenti lill-utenti kollha mit-TSOs. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun tollerata biss sakemm tinstab soluzzjoni fit-tul. Il-metodoloġija u l-proġetti sabiex tkun miksuba s-soluzzjoni fit-tul għandhom ikunu deskritti u ppreżentati b’mod trasparenti lill-utenti kollha mit-TSOs.

    1.8 Fil-bilanċ tan-netwerk fl-erja ta’ kontroll permezz ta’ miżuri operazzjonali fin-netwerk u permezz ta’ dispaċċ mill-ġdid, it-TSO għandu jikkunsidra l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq erjas ta’ kontroll fil-viċinanzi.

    1.9 Sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008, mekkaniżmi għall-amministrazzjoni ta’ konġestjoni fil-ġurnata ta’ kapaċità ta’ interkonnettur għandhom ikunu stabbiliti b’mod koordinat u skond kondizzjonijiet operazzjonali ta’ sigurtà, sabiex ikunu massimizzati opportunitajiet għal kummerċ u sabiex jipprovdu għal bilanċ bejn il-fruntieri.

    1.10 L-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali għandhom regolarment jevalwaw il-metodi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-osservanza tal-prinċipji u regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u Linji Gwida u tat-termini u kondizzjonijiet stabbiliti mill-Awtoritajiet Regolatorji nfushom skond dawn il-prinċipji u regoli. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi konsultazzjoni ma’ l-atturi tas-suq kollha u studji apposta.

    2.   Metodi ta’ l-amministrazzjoni tal-Konġestjoni

    2.1 Il-metodi ta’ l-amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu bbażati fuq is-suq sabiex jiffaċilitaw kummerċ effiċjenti bejn il-fruntieri. Għal dan l-iskop, il-kapaċità għandha tkun allokata biss permezz ta’ irkanti espliċiti (kapaċità) jew impliċiti (kapaċità u enerġija). Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għal kummerċ fil-ġurnata jista’ jkun użat kummerċ kontinwu.

    2.2 Skond il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, il-mekkaniżmi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni jista’ jkollhom bżonn jippermettu għal allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni kemm fit-tul kif ukoll għal żmien qasir.

    2.3 Kull proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandha talloka parti preskritta tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli kif ukoll kwalunkwe kapaċità li jifdal li mhix allokata preċedentament u kwalunkwe kapaċità rilaxxata minn detenturi tal- kapaċità minn allokazzjonijiet preċedenti.

    2.4 It-TSOs għandhom jtejbu l-livell li fih il-kapaċità hija soda, filwaqt li jikkunsidraw l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet tat-TSOs involuti u l-obbligazzjonijiet u drittijiet tal-parteċipanti tas-suq, sabiex jiffaċilitaw kompetizzjoni effettiva u effiċjenti. Parti raġonevoli tal-kapaċità tista’ tkun offruta lis-suq fuq livell ridott ta’ fermezza, iżda il-kundizzjonijiet preċiżi għal trasport fuq linji bejn il-fruntieri għandhom xi drabi jkunu notifikati lil parteċipanti fis-suq.

    2.5 Id-drittijiet tal-aċċess għal allokazzjonijiet fit-tul jew għal żmien medju għandhom ikunu drittijiet ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni sodi. Għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji ta’ użah-jew-titilfu jew użah-jew-biegħu fil-ħin ta’ nominazzjoni.

    2.6 It-TSOs għandhom jiddefinixxu struttura approprjata għall-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn terminit ta’ żmien differenti. Dan jista’ jinkludi għażla ta’ riżerva ta’ persentaġġ minimu ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni għal allokazzjoni ta’ kuljum jew fil-ġurnata. Din l-istruttura ta’ allokazzjoni għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji rispettivi. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, it-TSOs għandhom jikkunsidraw:

    (a) il-karatteristiċi tas-swieq,

    (b) il-kondizzjonijiet operazzjonali, bħall-implikazzjonijiet ta’ ħolqien ta’ skedi dikjarati b’mod sod,

    (c) il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-persentaġġi u termini ta’ żmien adottati għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità differenti fis-seħħ.

    2.7 Allokazzjoni ta’ kapaċità ma tistax tiddiskrimina bejn parteċipanti tas-suq li jixtiequ jużaw id-drittijiet tagħhom biex jagħmlu użu mill-kuntratti ta’ provvista bilaterali jew biex jibbiddjaw fi tpartit ta’ enerġija. L-ogħla offerti ta’ valur, kemm jekk impliċiti jew jekk espliċiti f’terminu ta’ żmien stabbilit, għandhom jirnexxu.

    2.8 Fir-reġjuni fejn swieq ta’ elettriku finanzjarji mistennija huma żviluppati sew u urew l-effiċjenza tagħhom, il-kapaċità kollha ta’ interkonnessjoni tista’ tkun allokata permezz ta’ irkant impliċitu.

    2.9 Minbarra fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament, l-istabbiliment ta’ prezzijiet ta’ riżerva f’metodi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità m’għandhomx ikunu permessi.

    2.10 Bħala prinċipju, il-parteċipanti tas-suq potenzjali kollha għandhom ikunu awtorizzati biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ allokazzjoni mingħajr restrizzjoni. Sabiex ikun evitat il-ħolqien jew aggravazzjoni ta’ problemi relatati ma’ l-użu potenzjali tal-pożizzjoni dominanti ta’ kwalunkwe attur fis-suq, l-Awtoritajiet Regolatorji u/jew ta’ Kompetizzjoni relevanti, fejn approprjat, jistgħu jimponu restrizzjonijiet in ġenerali jew fuq kumpanija individwali għal raġuni ta’ dominanza tas-suq.

    2.11 Parteċipanti tas-suq għandhom jinnominaw b’mod sod l-użu tagħhom tal-kapaċità lit-TSOs permezz ta’ skadenza definita għal kull terminu ta’ żmien. L-iskadenza għandha tkun stabbilita tant li t-TSOs ikunu kapaċi jerġgħu jassenjaw kapaċità mhux użata għal allokazzjoni mill-ġdid fit-terminu ta’ żmien relevanti li jmiss — inkluż sezzjonijiet fil-ġurnata.

    2.12 Kapaċità għandha tkun kummerċjabbli b’mod liberu fuq bażi sekondarja, sakemm it-TSO huwa informat suffiċjentament minn qabel. Meta TSO jirrifjuta kwalunwke kummerċ sekondarju (transazzjoni), dan għandu jkun komunikat b’mod ċar u trasparenti u spjegat lill-parteċipanti tas-suq kollha minn dak it-TSO u notifikat lill-Awtorità Regolatorja.

    2.13 Il-konsegwenzi finanzjarji tal-falliment li jkunu mwettqa obbligazzjonijiet assoċjati ma’ l-allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom ikunu attribwiti lil dawk li huma responsabbli għal dan il-falliment. Meta parteċipanti tas-suq ma jużawx il-kapaċità li jobbligaw ruħhom li jużaw, jew, fil-każ ta’ kapaċità mibjugħa bl-irkant espliċitament, jonqsu milli jinnegozjaw fuq bażi sekondarja jew jagħtu l-kapaċità lura fil-ħin, huma jitilfu d-drittijiet tagħhom għal din il-kapaċità u jħallsu taxxa li tirrifletti l-prezz. Kwalunkwe taxxi li jirriflettu l-prezz għan-nuqqas ta’ użu tal-kapaċità għandhom jkunu ġustifikati u proporzjonali. Bl-istess mod, jekk TSO ma jwettaqx l-obbligazzjoni tiegħu, għandu jkun responsabbli biex jikkumpensa lill-parteċipant tas-suq għat-telf ta’ drittijiet tal-kapaċità. Ebda telf konsegwenzjali m’għandu jkun kkunsidrat għal dan l-iskop. Il-kunċetti u metodi ewlenin għad-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw minħabba falliment li jkunu mwettqa obbligazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti minn qabel fir-rigward ta’ konsegwenzi finanzjarji, u għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni mill-Awtorità jew Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali relevanti.

    3.   Koordinazzjoni

    3.1 Allokazzjoni ta’ kapaċità f’interkonnessjoni għandha tkun koordinata u implimentata permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni komuni mit-TSOs involuti. F’każijiet fejn skambji kummerċjali bejn żewġ pajjiżi (TSOs) huma mistennija li jaffettwaw b’mod sinifikanti kundizzjonijiet ta’ enerġija fiżika fi kwalunkwe pajjiż terz (TSO), metodi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu koordinati bejn it-TSOs kollha affettwati b’dan il-mod permezz ta’ proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni komuni. Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali u TSOs għandhom jiżguraw li ebda proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni b’effetti sinifikanti fuq it-trasmissjoni ta’ l-enerġija fiżika ta’ l-elettriku f’netwerks oħra ma tkun imwettqa unilateralment.

    3.2 Metodu u proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni koordinata komuni għall-allokazzjoni tal-kapċità tas-suq mill-inqas annwalment, fix-xahar u ġurnata minn qabel għandhom ikunu applikati sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007 bejn pajjiżi fir-reġjuni li ġejjin:

    (a) L-Ewropa ta’ Fuq (i.e.id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja u Polonja),

    (b) Il-Majjistral ta’ l-Ewropa (i.e. Benelux, il-Ġermanja u Franza),

    (c) L-Italja (i.e.l-Italja, Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Islovenja u l-Greċja),

    (d) L-Ewropa Ċentrali tax-Xlokk (i.e.il-Ġermanja, Polonja, ir-Repubblika Ċeka, Slovakkja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Islovenja),

    (e) L-Ewropa ta’ Lbiċ (i.e. Spanja, il-Portugall u Franza),

    (f) L-Ingilterra, l-Irlanda u Franza,

    (g) L-Istati Baltiċi (i.e.l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja).

    F’interkonnessjoni li tinvolvi pajjiżi li jappartjenu għal aktar minn reġjun wieħed, il-metodu ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni applikat jista’ jkun differenti sabiex jiżgura l-kumpatibilità mal-metodi applikati fir-reġjuni l-oħra li jappartjenu fihom dawn il-pajjiżi. F’dan il-każ it-TSOs relevanti għandhom jipproponu l-metodu li għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji relevanti.

    3.3 Ir-reġjuni imsemmija f’2.8. jistgħu jallokaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni permezz ta’ allokazzjoni minn ġurnata qabel.

    3.4 Proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni kumpatibbli għandhom ikunu definiti fis-seba’ reġjuni kollha bl-iskop li jiffurmaw Suq Elettriku Ewropew Intern verament integrat. Partijiet tas-suq m’għandhomx ikunu konfrontati b’sistemi reġjonali li mhumiex kumpatibbli.

    3.5 Bl-iskop li jippromwovu kompetizzjoni ġusta u effiċjenti u kummerċ bejn il-fruntieri, koordinazzjoni bejn TSOs fir-reġjuni stabbiliti f’3.2 fuq imsemmija għandhom jinkludi l-passi kollha mill-kalkolu tal-kapaċità u ottimizzazzjoni ta’ allokazzjoni sa operazzjoni żgura tan-netwerk, b’assenjazzjonijiet ċari ta’ risponsabbiltà. Din il-koordinazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari:

    (a) Użu ta’ mudell ta’ trasmissjoni komuni li jittratta effiċjentament linji ta’ enerġija fiżikament interdipendenti u wara kunsiderazzjoni ta’ diskrepanzi bejn enerġija fiżika u kummerċjali

    (b) Allokazzjoni u nominazzjoni tal-kapaċità li jkunu trattati b’mod effiċjenti il-linji ta’ enerġija fiżikament interdipendenti,

    (c) Obbligazzjonijiet identiċi ta’ detenturi tal-kapaċità sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat tagħhom tal-kapaċità, i.e.nominazzjoni tal-kapaċità (għal irkanti espliċiti),

    (d) Termini ta’ żmien u ħinijiet ta’ għeluq identiċi,

    (e) Struttura identika għall-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn termini ta’ żmien differenti (e.ż. ġurnata waħda, tliet siegħat, ġimgħa waħda, eċċ.) u fit-termini ta’ blokki ta’ kapaċità mibjugħa (ammont ta’ qawwa elettrika fil-MW, MWh, eċċ.),

    (f) Qafas kuntrattwali konsistenti mal-parteċipanti tas-suq,

    (g) Verifika li l-flussi ta’ l-enerġija jimxiu skond ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tan-netwerk għal ippjanar operazzjonali u għal operazzjoni fi żmien reali,

    (h) Kontabilità u ħlas ta’ azzjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni.

    3.6 Koordinazzjoni għandha tinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn TSOs. In-natura, ħin u frekwenza ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni għandha tkun kumpatibbli ma’ l-attivitajiet f’3.5. u l-funzjonament tas-swieq ta’ l-elettriku. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’mod partikolari jippermetti li t-TSOs jagħmlu l-aħjar previżjoni possibbli tas-sitwazzjoni tas-sistema elettrika globali sabiex jivverifikaw l-enerġija fin-netwerk tagħhom u l-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni disponibbli. Kwalunkwe TSO li jiġbor informazzjoni f’isem TSOs oħra għandu jagħti lura lit-TSO li qed jipparteċipa r-riżultati tal-ġbir tad-dejta.

    4.   Skeda għal operazzjonijiet tas-suq

    4.1 L-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għandha sseħħ suffiċjentement minn qabel. Qabel kull allokazzjoni, it-TSOs involuti għandhom jippubblikaw flimkien il-kapaċità li għandha tkun allokata, wara kunsiderazzjoni fejn xieraq tal-kapaċità rilaxxata minn kwalunkwe drittiijiet ta’ trasmissjoni sodi u, fejn relevanti, nominazzjonijiet mogħtija assoċjati, flimkien ma’ kwalunkwe perjodi ta’ ħin li matulom il-kapaċità għandha tkun imnaqqsa jew mhux disponibbli (għall-iskop ta’ manteniment, per eżempju).

    4.2 Wara kunsiderazzjoni totali tas-sigurtà ta’ netwerk, in-nominazzjoni ta’ drittijiet ta’ trasmissjoni għandja sseħħ suffiċjentament minn qabel, qabel is-sezzjonijiet ta’ ġurnata minn qabel tas-swieq organizzati relevanti kollha u qabel il-pubblikazzjoni tal-kapaċità li għandha tkun allokata skond il-mekkaniżmu ta’ ġurnata minn qabel jew fil-ġurnata. Nominazzjonijiet tad-drittijiet ta’ trasmissjoni fid-direzzjoni opposta għandhom ikunu mogħtija sabiex jagħmlu użu effiċjenti ta’ l-interkonnessjoni.

    4.3 Allokazzjonijiet fil-ġurnata suċċessivi tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għall-ġurnata D għandhom iseħħu fil-ġranet D-1 u D, wara l-ħruġ ta’ l-iskedi ta’ produzzjoni ta’ ġurnata minn qabel indikati jew attwali.

    4.4 Fil-preparazzjoni operazzjoni tas-sistema minn ġurnata qabel, it-TSOs għandhom ipartu informazzjoni ma’ TSOs ġirien, inkluż it-topoloġija ta’ xibka ta’ previżjoni, id-disponibilità u produzzjoni prevista ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni, u flussi ta’ enerġija sabiex itejbu l-użu tan-netwerk ġenerali permezz ta’ miżuri operazzjonali skond ir-regoli għal xibka ta’ operazzjoni sikura.

    5.   Trasparenza

    5.1. It-TSOs għandhom jippubblikaw d-dejta kollha relevanti relatata ma’ disponibbiltà ta’ netwerk, aċċess għal netwerk u użu ta’ netwerk, inkluż rapport dwar fejn u għaliex teżisti konġestjoni, il-metodi applikati għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-pjanijiet għall-amministrazzjoni futura tagħha.

    5.2 It-TSOs għandhom jippubblikaw deskrizzjoni ġenerali tal-metodu ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni applikat skond ċirkustanzi differenti għall-massimiżżazzjoni tal-kapaċità disponibbli fis-suq, u skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni għat-termini ta’ żmien differenti, ibbażati fuq ir-realtajiet elettriċi u fiżiċi tan-netwerk. Din l-iskema għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji ta’ l-Istati Membri kkonċernati.

    5.3 Il-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità u amministrazzjoni tal-konġestjoni fis-seħħ, flimkien mal-ħinijiet u proċeduri għall-applikazzjoni tal-kapaċità, deskrizzjoni tal-prodotti offruti u l-obbligazzjonijiet u drittijiet kemm tat-TSOs u tal-parti li jottjeni l-kapaċità, inkluż ir-responsabbiltajiet jekk l-obbligazzjonijiet ma jkunux onorati, għandhom ikunu deskritti fid-dettall u magħmula disponibbli b’mod trasparenti għall-utenti ta’ netwerk kollha potenzjali minn TSOs.

    5.4 L-istandards ta’ sigurtà ta’ ppjanar u operazzjoni għandhom jiffurmaw parti integrali ta’ l-informazzjoni li TSOs jippubblikaw f’dokument miftuħ u pubbliku. Dan id-dokument għandu jkun ukoll suġġett għal reviżjoni ta’ l-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali.

    5.5 It-TSOs għandhom jippubblikaw id-dejta relevanti kollha li tikkonċerna kummerċ bejn il-fruntieri fuq il-bażi ta’ l-aħjar previżjoni possibbli. Sabiex tkun imwettqa din l-obbligazzjoni l-parteċipanti tas-suq ikkonċernati għandhom jipprovdu lit-TSOs bid-dejta relevanti. Il-mod li bih din l-informazzjoni hija ppubblikata għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji. It-TSOs għandhom jippubblikaw mill-inqas:

    (a) annwalment: informazzjoni dwar l-evoluzzjoni fit-tul ta’ l-infrastruttura ta’ trasmissjoni u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità ta’ trasmissjoni bejn il-fruntieri;

    (b) fix-xahar: previżjonijiet ta’ xahar u sena minn qabel tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli fis-suq, wara kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni relevanti kollha disponibbli lit-TSO fil-ħin tal-kalkolu ta’ previżjoni (e.ż. impatt ta’ l-istaġuni tas-sajf u tax-xitwa fuq il-kapaċità ta’ dawk il-linji, manutenzjoni fuq is-sistema, disponibbilità ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ.);

    (c) fil-ġimgħa: previżjonijiet ta’ ġimgħa minn qabel tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli fis-suq, wara kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni relevanti kollha disponibbli għat-TSOs fil-ħin tal-kalkolu tal-previżjoni, bħall-previżjoni tat-temp, xogħlijiet ta’ manutenzjoni tas-sistema, disponibbiltà ta’ l-unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ.;

    (d) ta’ kuljum: kapaċità ta’ trasmissjoni minn ġurnata qabel u fil-ġurnata disponibbli fis-suq għal kull unità tal-ħin tas-suq, wara kunsiderazzjoni tan-nominazzjonijiet mogħtija tal-ġurnata minn qabel, skedi ta’ produzzjoni ta’ ġurnata minn qabel, previżjonijiet ta’ domanda u xogħlijiet ta’ manutenzjoni ppjanati tas-sistema;

    (e) kapaċità totali diġà allokata, skond unità tal-ħin tas-suq, u l-kundizzjonijiet relevanti kollha skond liem din il-kapaċità għandha tkun użata (e.ż. prezz imnaqqas ta’ l-irkant, obbligazzjonijiet dwar kif tintuża l-kapaċità, eċċ.), sabiex tkun identifikata kwalunkwe kapaċità li jifdal;

    (f) kapaċità allokata malajr kemm jista’ jkun wara kull allokazzjoni, kif ukoll indikazzjoni tal-prezzijiet imħallsa;

    (g) kapaċità totali użata, skond unità ta’ ħin tas-suq, immedjatament wara nominazzjoni;

    (h) viċin kemm jista’ jkun għal żmien reali: enerġija fiżika u kummerċjali aggregata realizzata, skond unità tal-ħin tas-suq, inkluż deskrizzjoni ta’ l-effetti ta’ kwalunkwe azzjonijiet korrettivi meħuda mit-TSOs (bħal taqsir) għas-soluzzjoni ta’ problemi ta’ sistema jew ta’ netwerk;

    (i) informazzjoni ex-ante dwar it-tul ta’ ħin li jdum qtugħ ta’ l-elettriku ppjanati u informazzjoni ex-post għall-ġurnata preċedenti dwar it-tul ta’ ħin li jdum qutgħ ta’ l-elettriku ippjanat u mhux ippjanati ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni ikbar minn 100 MW.

    5.6 L-informazzjoni relevanti kollha għandha tkun disponibbli għas-suq fil-ħin dovut għan-negozzjazzjoni tat-transazzjonijiet kollha (bħall-ħin ta’ negozjar ta’ kuntratti ta’ provvista annwali għal klijenti industrijali jew il-ħin meta bids għandhom jintbagħatu fi swieq organizzati).

    5.7 It-TSO għandu jippubblika l-informazzjoni rilevanti dwar domanda ta’ previżjoni u dwar ġenerazzjoni skond it-termini ta’ żmien imsemmija f’5.5. u 5.6. It-TSO għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni rilevanti neċessarja għas-suq ta’ bilanċ bejn il-fruntieri.

    5.8 Meta jkunu ppubblikati previżjonijiet, il-valuri realizzati ex post għall-informazzjoni ta’ previżjoni għandhom ikunu ppubblikati wkoll fil-perjodu ta’ ħin wara dak li tapplika għalih il-previżjoni jew bħala l-aħħar ħin fil-ġurnata ta’ wara (D+1).

    5.9 L-informazzjoni kollha ppubblikata mit-TSOs għandha tkun magħmula disponibbli b’mod liberu f’forma aċċessibbli b’mod faċli. Id-dejta kollha għandha wkoll tkun aċċessibbli permezz ta’ skambju ta’ mezzi ta’ informazzjoni adegwati u standardizzati, li għandha tkun definita f’kooperazzjoni mill-viċin ma’ partijiet tas-suq. Id-dejta għandha tinkludi informazzjoni dwar perjodi ta’ ħin b’minimu ta’ sentejn, sabiex persuni ġodda li jidħlu fis-suq jistgħu jkollhom aċċess ukoll għal din id-dejta.

    5.10 It-TSOs għandhom ipartu regolarment sett ta’ dejta ta’ enerġija ta’ netwerk preċiżi u ta’ fluss ta’ enerġija sabiex jippermettu kalkoli ta’ fluss ta’ enerġija għal kull TSO fl-erja relevanti tagħhom. L-istess sett ta’ dejta għandha tkun magħmula disponibbli għall-Awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni Ewropea jekk rikjesta. L-Awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ din is-sett ta’ dejta, waħedhom u permezz ta’ kwalunkwe kunsultant li jwettaq xogħol analitiku għalhom fuq il-bażi ta’ dawn id-dejta.

    6.   Użu ta’ dħul tal-konġestjoni

    6.1 Proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni assoċjati ma’ terminu ta’ żmien speċifikat minn qabel jista’ jiġġenera dħul biss f’każ ta’ konġestjoni li tinħoloq għal dak it-terminu ta’ żmien, minbarra fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament. Il-proċedura għad-distribuzzjoni ta’ dan id-dħul għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji u m’għandha la tostakola l-proċess ta’ allokazzjoni favur kwalunkwe parti li jirrikjedi kapaċità jew enerġija u lanqas tipprovdi diżinċentiva sabiex titnaqqas il-konġestjoni.

    6.2 Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom ikunu trasparenti rigward l-użu ta’ dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

    6.3 Id-dħul tal-konġestjoni għandu jkun diviż bejn it-TSOs involuti skond il-kriterji miftiehma bejn it-TSOs involuti u riveduti mill-Awtoritajiet Regolatorji rispettivi.

    6.4 It-TSOs għandhom jistabbilixxu b’mod ċar minn qabel l-użu li għandhom jagħmlu minn kwalunkwe dħul tal-konġestjoni li jistgħu jottjenu u jirrapportaw dwar l-użu attwali ta’ dan id-dħul. Awtoritajiet Regolatorji għandhom jivverifikaw li dan l-użu jimxi skond ir-Regolament u Linji Gwida kurrenti u li l-ammont totali ta’ dħul ta’ konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni huwa ddedikat għal wieħed jew iktar mit-tliet skopijiet deskritti fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament.

    6.5 Fuq bażi annwali, u sal-31 ta’ Lulju kull sena, l-Awtorijatjiet Regolatorji għandhom jippubblikaw rapport li jistabbilixxi l-ammont ta’ dħul miġbur għall-perjodu ta’ 12-il xahar sat-30 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena u l-użu magħmul tad-dħul in kwistjoni, flimkien mal-verifikazzjoni li dan l-użu jimxi skond ir-Regolament u l-Linji Gwida kurrenti u li l-ammont totali ta’ dħul ta’ konġestjoni huwa dedikat għal wieħed jew iktar mit-tliet skopijiet preskritti.

    6.6 L-użu ta’ dħul tal-konġestjoni għal investiment sabiex tkun miżmuma jew miżjuda kapaċità ta’ interkonnessjoni għandu preferibbilment ikun assenjat għal proġetti predefiniti speċifiċi li jikkontribwixxu għal tnaqqis tal-konġestjoni assoċjata eżistenti u li jistgħu jkunu implimentati wkoll fi żmien raġonevoli, partikolarment fir-rigward tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.



    ( 1 ) ĠU C 240 E, tat-28.8.2001, pġ. 72, u ĠU C 227 E, ta' l-24.9.2002, pġ. 440.

    ( 2 ) ĠU C 36, tat-8.2.2002, pġ. 10.

    ( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta'Marzu 2002 (ĠU C 47 E, tas-27.2.2003, pġ. 379), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Frar 2003 (ĠU C 50 E, ta' l-4.3.2003, pġ. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (s'issa mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 4 ) ĠU L 27, tat-30.1.1997, pġ. 20.

    ( 5 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23.

    ( 6 ) Ara pġ. 37 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    ( 7 ) Sigurtà operazzjonali tfisser “iż-żamma tas-sistema ta’ trasmissjoni fi ħdan limiti stabbiliti ta’ sigurtà”.

    Top