Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02002R2012-20200401

Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’, Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’, Solidarjetà ta’, l-Unjoni Ewropea

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/2020-04-01

02002R2012 — MT — 01.04.2020 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2012/2002

tal-11 ta’, Novembru 2002

li jistabilixxi l-Fond ta’, Solidarjetà ta’, l-Unjoni Ewropea

(ĠU L 311 14.11.2002, p. 3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 661/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 189

143

27.6.2014

►M2

REGOLAMENT (UE) 2020/461 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Marzu 2020

  L 99

9

31.3.2020




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2012/2002

tal-11 ta’, Novembru 2002

li jistabilixxi l-Fond ta’, Solidarjetà ta’, l-Unjoni Ewropea



Artikolu 1

Il-fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-Fond, “qiegħed hawn jiġi stabbilit sabiex il-Komunità tkun tista” tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’, emerġenza taħt it-termini ta’ dan ir-Regolament.

▼M2

Artikolu 2

1.  Wara talba ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż involut f’negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Stat eliġibbli”, l-assistenza mill-Fond tista’ tiġi mobilizzata meta jseħħu riperkussjonijiet serji għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f’reġjun wieħed jew iktar ta’ dak l-Istat eliġibbli bħala konsegwenza ta’:

(a) 

diżastru naturali maġġuri jew reġjonali li jkun seħħ fit-territorju tal-istess Stat eliġibbli jew ta’ Stat eliġibbli ġar; jew

(b) 

emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri li tkun seħħet fit-territorju tal-istess Stat eliġibbli.

Ħsara diretta kkawżata bħala l-konsegwenza diretta ta’ diżastru naturali għandha titqies bħala parti mill-ħsara kkawżata minn dak id-diżastru naturali.

2.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali maġġuri” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li, fi Stat eliġibbli, jirriżulta fi ħsara diretta stmata jew iktar minn EUR 3 000 000 000 bil-prezzijiet tal-2011, jew iktar minn 0,6 % tad-DNG tiegħu.

2a.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “emerġenza ta’ saħħa pubblika maġġuri” tfisser kull periklu ta’ theddid għall-ħajja jew ta’ periklu serju ieħor għas-saħħa ta’ oriġini bijoloġika fi Stat eliġibbli li jaffettwa b’mod serju s-saħħa tal-bniedem u li jeħtieġ azzjoni deċiżiva biex jitrażżan it-tixrid ulterjuri, li jirriżulta f’piż finanzjarju pubbliku impost fuq l-Istat eliġibbli għal miżuri ta’ rispons għal emerġenza li jkun stmat li jkun aktar minn EUR 1 500 000 000 bil-prezzijiet tal-2011, jew aktar minn 0,3 % tad-DNG tiegħu.

3.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li, f’reġjun ta’ livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli, jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta r-reġjun ikkonċernat, fejn ikun seħħ diżastru naturali, ikun reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1 % tal-PDG ta’ dak ir-reġjun.

Meta d-diżastru naturali jkun jikkonċerna bosta reġjuni ta’ livell NUTS 2, il-limitu minimu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, ponderata skont is-sehem tal-ħsara totali f’kull reġjun.

4.  L-assistenza mill-Fond tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar.

5.  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandha tintuża d-data statistika armonizzata pprovduta mill-Eurostat.

▼B

Artikolu 3

▼M2

1.  L-assistenza għandha tieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Għal kull diżastru jew emerġenza eliġibbli għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja waħda lil Stat eliġibbli.

2.  L-għan tal-Fond huwa li jikkomplementa l-isforzi tal-Istati kkonċernati u li jkopri parti min-nefqa pubblika tagħhom sabiex jgħin lill-Istat eliġibbli jwettaq, skont it-tip ta’ diżastru jew emerġenza eliġibbli, l-operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u rkupru li ġejjin:

(a) 

ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;

(b) 

il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;

(c) 

l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ wirt kulturali;

(d) 

it-tindif ta’ żoni milquta minn diżastri, inklużi żoni naturali, f’konformità, meta jkun il-każ, ma’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema, kif ukoll ir-restawr immedjat ta’ żoni naturali affettwati biex jiġu evitati effetti immedjati mill-erożjoni tal-ħamrija;

(e) 

miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu assistenza rapida, inkluż dik medika, lill-popolazzjoni affettwata minn emerġenza ta’ saħħa pubblika maġġuri u li jipproteġu lill-popolazzjoni mir-riskju li tiġi affettwata, inkluż il-prevenzjoni, il-monitoraġġ jew il-kontroll tat-tixrid tal-mard, il-ġlieda kontra riskji serji għas-saħħa pubblika jew il-mitigazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, “restawr biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw” tfisser ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti għall-kundizzjoni tagħhom ta’ qabel ma seħħ id-diżastru naturali. Meta ma jkunx legalment possibbli jew ekonomikament ġustifikat li tinġab lura l-kondizzjoni għal kif kienet qabel ma seħħ id-diżastru naturali, jew meta l-istat benefiċjarju jiddeċiedi li jirriloka jew itejjeb il-funzjonalità tal-infrastruttura jew l-impjant affettwat sabiex itejjeb il-kapaċità tagħhom biex ikunu jifilħu għal diżastri naturali futuri, il-Fond jista’ jikkontribwixxi għall-ispiża tar-restawr biss sal-ispiża stmata biex jinġab lura l-istatus quo ante tagħhom.

Spejjeż li jaqbżu l-livell tal-ispiża msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istat benefiċjarju mill-fondi tiegħu stess, jew meta jkun possibbli, minn fondi oħra tal-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, “akkomodazzjoni temporanja” tfisser akkomodazzjoni li ddum sakemm in-nies tal-popolazzjoni kkonċernata jkunu jistgħu jirritormaw fid-djar oriġinali tagħhom wara li jkunu saru t-tiswijiet tagħhom jew ikunu nbnew mill-ġdid.

▼M1

3.  Il-ħlasijiet mill-Fond huma limitati għall-finanzjament ta’ miżuri li jtaffu l-ħsara li mhijiex assigurata u għandhom jiġu rkuprati jekk l-ispiża tat-tiswija tal-ħsara titħallas sussegwentement minn parti terza b’konformità mal-Artikolu 8(4).

▼M1

4.  It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma għandiex tikkostitwixxi nefqa eliġibbli ta’ operazzjoni, ħlief jekk ma tistax tiġi rkuprata skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-VAT.

5.  L-assistenza teknika għall-immaniġġar, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-soluzzjoni għall-ilmenti, u l-kontroll u l-awditjar, ma għandhiex tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

L-ispejjeż marbuta mat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2, inklużi spejjeż relatati ma’ kompetenza teknika essenzjali għandhom ikunu eliġibbli bħala parti mill-ispejjeż tal-proġett.

6.  Fejn jiġi ġġenerat dħul mill-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-Fond ma għandiex taqbeż it-total tal-ispejjeż netti ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru mġarrba mill-Istat benefiċjarju. L-Istat benefiċjarju għandu jinkludi dikjarazzjoni għal dak l-effett fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond skont l-Artikolu 8(3).

7.  Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart tal-ammont annwali tal-Fond għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri l-bżonnijiet li jinqalgħu sal-aħħar tas-sena.

▼B

Artikolu 4

▼M1

1.  Malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn tnax-il ġimgħa wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta’ diżastru naturali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli ta’ Stat eliġibbli jistgħu jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u jipprovdu, bħala minimu, l-informazzjoni disponibbli kollha dwar:

(a) 

il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru u l-impatt tagħha fuq il-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent ikkonċernat;

(b) 

l-ispiża stmata tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2);

(c) 

kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament tal-Unjoni;

(d) 

kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament nazzjonali jew internazzjonali, inkluża kopertura tal-assigurazzjoni pubblika u privata li tista’ tikkontribwixxi għall-ispejjeż tat-tiswija tal-ħsara;

(e) 

deskrizzjoni qasira tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri relatati man-natura tad-diżastru naturali.

▼M1

1a.  F’każijiet ġustifikati l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jistgħu jissottomettu, wara d-data ta’ skadenza msemmija fil-paragrafu 1, informazzjoni addizzjonali sabiex jikkompletaw jew jaġġornaw l-applikazzjoni tagħhom.

1b.  Il-Kummissjoni għandha tħejji gwida għall-aċċess u l-implimentazzjoni effettivi tal-Fond. Il-Gwida għandha titfassal sat-30 ta’ Settembru 2014 u għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri għall-abbozzar tal-applikazzjoni, inklużi r-rekwiżiti għall-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni. Il-Gwida għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti elettroniċi tad-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni għandha tiżgura d-disseminazzjoni wiesgħa tagħha lil Stati eliġibbli.

1c.  Fil-każ ta’ diżastru naturali li jitfaċċa progressivament, l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibda tgħodd mid-data li fiha l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat eliġibbli jieħdu azzjoni uffiċjali għall-ewwel darba kontra l-effetti tad-diżastru naturali jew mid-data meta jiddikjaraw stat ta’ emerġenza.

▼M1

2.  Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u kwalunkwe kjarifika li għandha tiġi pprovduta mill-Istat eliġibbli, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond jintlaħqux u għandha tiddetermina l-ammont ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja possibbli mill-Fond kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li tirċievi l-applikazzjoni, li tibda tgħodd mid-data minn meta tkun waslet l-applikazzjoni kompluta u eskluż iż-żmien meħtieġ għat-traduzzjoni, fil-limiti disponibbli tar-riżorsi finanzjarji.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond abbażi ta’ applikazzjoni li tkun waslet wara t-28 ta' Ġunju 2014 għal diżastru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, hija tista’ tirrifjuta applikazzjoni ulterjuri għal kontribuzzjoni finanzjarja relatata ma’ diżastru tal-istess natura jew tnaqqas l-ammont li għandu jkun disponibbli meta l-Istat Membru huwa soġġett għal proċeduri ta’ ksur u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun tat sentenza finali li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jimplimenta l-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri, li huwa direttament marbut man-natura tad-diżastru naturali mġarrab.

Il-Kummissjoni għandha tittratta l-applikazzjonijiet kollha għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b’mod ekwitabbli.

3.  Meta l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-proposti meħtieġa sabiex jiġi mobilizzat il-Fond u sabiex jiġu awtorizzati l-approprjazzjonijiet korrispondenti. Dawk il-proposti għandhom jinkludu;

(a) 

kull informazzjoni disponibbli, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) 

kull informazzjoni rilevanti oħra fil-pussess tal-Kummissjoni;

(c) 

prova dimostrazzjoni li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 2 ġew sodisfatti; u

(d) 

ġustifikazzjoni tal-ammonti proposti.

Id-deċiżjoni sabiex jiġi mobilizzat il-Fond għandha tittieħed konġuntement mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun wara s-sottomissjoni tal-proposta mill-Kummissjoni.

Kemm il-Kummissjoni, minn naħa waħda, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, min-naħa l-oħra, għandhom jagħmlu sforz sabiex jimminimizzaw iż-żmien meħud għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.

4.  Ladarba l-approprjazzjonijiet isiru disponibbli mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tagħti kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, u għandha tħallas dik il-kontribuzzjoni finanzjarja immedjatament u f’pagament wieħed lill-Istat benefiċjarju. Jekk ikun sar ħlas ta’ pagament bil-quddiem, skont l-Artikolu 4a, għandu jitħallas il-bilanċ biss.

5.  Il-perijodu ta’ eliġibbiltà għan-nefqa għandu jibda fid-data tal-ewwel okkorrenza tal-ħsara kif imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ diżastru naturali li jitfaċċa progressivament, il-perijodu ta’ eliġibbiltà għan-nefqa għandu jibda fid-data li fiha l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat eliġibbli jieħdu azzjoni għall-ewwel darba jew mid-data li fiha huma jiddikjaraw stat ta’ emerġenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1c.

▼M1

Artikolu 4a

1.  Meta jissottometti applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jitlob il-pagament bil-quddiem. Il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni preliminari dwar jekk l-applikazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet stiuplati fl-Artikolu 4(1) u tivverifika d-disponibbiltà ta’ riżorsi baġitarji. Fejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti u r-riżorsi suffiċjenti jkunu disponibbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tagħti l-pagament bil-quddiem u tħallsu mingħajr dewmien qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

▼M2

2.  L-ammont tal-ħlas bil-quddiem ma għandux jaqbeż il-25 % tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata u fl-ebda każ ma għandu jaqbeż EUR 100 000 000 . Ladarba jkun ġie determinat l-ammont definittiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-somma tal-ħlas bil-quddiem qabel ma jitħallas il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tirkupra l-ħlasijiet bil-quddiem li jitħallsu indebitament.

▼M1

3.  Kwalunkwe ħlas lura li jkollu jsir lill-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jsir qabel id-data stipulata indikata fl-ordni ta’ rkupru li ssir b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ). Id-data stipulata għandha tkun l-aħħar jum tat-tieni xahar wara l-ħruġ tal-ordni.

4.  Meta tadotta l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għal sena finanzjarja partikolari” il-Kummissjoni għandha, meta jkun meħtieġ sabiex tkun żgurata d-disponibbilta’ fil-ħin tar-riżorsi baġitarji” tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġi mobilizzat il-Fond f’ammont sa massimu ta’ EUR 50 000 000 għall-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem u tipproponi li l-approprjazzjonijiet korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

L-arranġamenti baġitarji għandhom ikunu konformi mal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ( 2 ).

▼M1

Artikolu 5

1.  Att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 4(4) għandu jinkludi fl-Anness tiegħu dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiddeskrivu, b’mod partikolari t-tip u l-post tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond wara li ssir proposta mill-Istat eliġibbli.

2.  Qabel ma titħallas kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat eliġibbli li ma jkunx Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ delegazzjoni ma’ dak l-Istat li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond imsemmi fil-paragrafu 1 b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ( 3 ), kif ukoll l-obbligi relatati mal-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali.

3.  Ir-responsabbiltà tal-għażla ta’ operazzjonijiet individwali u l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandha tkun tal-Istat benefiċjarju, b’konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) u (3), l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(4) u, fejn applikabbli, il-ftehim tad-delega msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-kuntest tal-immaniġġar kondiviż b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat eliġibbli li ma jkunx Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-qafas tal-immaniġġar indirett b’konformità ma’ dak ir-Regolament.

5.  Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Istati benefiċjarji għandhom jieħdu r-responsabbiltà għall-immaniġġar ta’ operazzjonijiet appoġġati mill-Fond u l-kontroll finanzjarju tal-operazzjonijiet. Il-miżuri li jieħdu għandhom jinkludu:

(a) 

il-verifika li twaqqfu l-ftehimiet ta’ mmaniġġar u kontroll u qed jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi tal-Unjoni qed jintużaw b’mod effiċjenti u korrett, b’konformità mal-prinċipji tal-immaniġġar finanzjarju sod;

(b) 

il-verifika li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu kif dovut;

(c) 

l-iżgurar li n-nefqa ffinanzjata hija bbażata fuq dokumenti ta’ sostenn verifikabbli, u li hija korretta u regolari;

(d) 

il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u l-irkupru ta’ ammonti li tħallsu mingħajr ma kienu dovuti flimkien mal-interessi fuq ħlasijiet tard fejn xieraq. Huma għandhom jinnotifikaw kwalunkwe tali irregolarità lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali.

6.  L-Istati benefiċjarji għandhom jaħtru korpi responsabbli għall-immaniġġar u l-kontroll tal-operazzjonijiet appoġġati mill-Fond b’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jikkunsidraw kriterji dwar l-ambjent intern, attivitajiet ta’ kontroll, informazzjoni u komunikazzjoni, u monitoraġġ. L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-korpi diġà nnominati taħt ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

Dawk il-korpi maħtura għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 59(5) jew l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 li tkopri l-perijodu ta’ implimentazzjoni kollu meta jissottomettu r-rapport u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament.

7.  L-Istat benefiċjarju għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa meta tiġi aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet li jsiru mill-Istat benefiċjarju jikkonsistu fil-kanċellazzjoni sħiħa jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. L-Istat benefiċjarju għandu jirkupra kwalunkwe ammont mitluf bħala riżultat ta’ irregolarità li tinstab.

8.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri jew il-kontrolli mwettqa mill-Istat benefiċjarju b’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki fuq il-post dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat benefiċjarju bl-għan li tikseb l-assistenza neċessarja kollha. Uffiċjali jew aġenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jipparteċipaw f’tali kontrolli.

9.  L-Istat benefiċjarju għandu jiżgura li d-dokumenti ta’ appoġġ kollha relatati man-nefqa mġarrba jinżammu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għal perijodu ta’ tliet snin wara t-tmiem tal-assistenza mill-Fond.

Artikolu 6

1.  L-Istat benefiċjarju għandu jkun responsabbli għall-koordinament tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, minn naħa waħda, b’assistenza mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, il-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

2.  L-Istat benefiċjarju għandu jiżgura li n-nefqa rimborżata b’konformità ma’ dan ir-Regolament, ma tiġix rimborżata permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni b’mod partikolari permezz tal-istrumenti tal-politiki ta’ koeżjoni, agrikola jew tas-sajd.

3.  Il-ħsara msewwija mill-istrumenti tal-Unjoni jew internazzjonali relatati mal-kumpens ta’ ħsara speċifika, ma għandhomx, ikunu eliġibbli għal assistenza mill-Fond għall-istess għan.

Artikolu 7

Operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u strumenti adottati taħtu, bil-politiki u l-miżuri tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġar finanzjarju, l-akkwist pubbliku, il-protezzjoni ambjentali, il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali, l-adattament għat-tibdil fil-klima inkluż, fejn ikun il-każ, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema, u bi strumenti ta’ assistenza qabel l-adeżjoni. Fejn applikabbli, l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għandhom jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Unjoni f’dawk l-oqsma.

Artikolu 8

1.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandha tintuża fi żmien tmintax-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħallset l-ammont sħiħ ta’ assistenza. Kwalunkwe parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tibqa’ ma tintużax sa dik l-iskadenza jew li jinstab li ntużat għal operazzjonijiet mhux eliġibbli għandha tiġi rkuprata mill-Kummissjoni mingħand l-Istat benefiċjarju.

2.  L-Istati benefiċjarji għandhom jitolbu l-kumpens kollu possibbli minn partijiet terzi.

▼M2

3.  Mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 18-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b’dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa, filwaqt li jindika kwalunkwe sors ta’ finanzjament ieħor li jkun wasal għall-operazzjonijiet ikkonċernati, inkluż is-saldi ta’ assigurazzjonijiet u kumpens minn partijiet terzi.

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni għandu jistipula, skont in-natura tad-diżastru jew l-emerġenza eliġibbli:

(a) 

il-miżuri preventivi, meħudin jew proposti mill-Istat benefiċjarju biex jillimita l-ħsara futura u biex jevita, kemm jista’ jkun, ir-rikorrenza ta’ diżastri naturali jew emerġenzi tas-saħħa pubblika simili, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għal din il-fini;

(b) 

l-istat ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri;

(c) 

l-esperjenza miksuba mid-diżastru jew l-emerġenza u l-miżuri meħudin jew proposti biex ikunu żgurati l-protezzjoni u r-reżiljenza ambjentali rigward it-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika; u

(d) 

kull informazzjoni rilevanti oħra dwar miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni meħudin relatati man-natura tad-diżastru naturali jew l-emerġenza tas-saħħa pubblika.

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni ta’ korp tal-awditjar indipendenti, imfassla skont standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li tistabbilixxi jekk id-dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa tagħtix dehra reali u ġusta u jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond tkunx legali u regolari, f’konformità mal-Artikoli 59(5) u 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Fi tmiem il-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha ttemm l-assistenza mill-Fond.

▼M1

4.  Fejn l-ispiża tat-tiswija tal-ħsara sussegwentement titħallas minn parti terza, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat benefiċjarju jirrimborża ammont korrispondenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

Artikolu 9

L-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4), kif ukoll il-ftehim ta’ delegazzjoni, ir-rapporti u kwalunkwe dokument relatat ieħor għandhom jesprimu l-ammonti kollha f’Euro.

L-ammonti tan-nefqa mġarrba fil-muniti nazzjonali għandhom jiġu kkonvertiti f’euro fir-rati tal-kambju ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-ġurnata li fiha l-att ta’ implimentazzjoni relatat jiġi adottat mill-Kummissjoni. Fejn ma tiġi ppubblikata l-ebda rata tal-kambju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-ġurnata li fiha l-att ta’ implimentazzjoni relatat jiġi adottat mill-Kummissjoni, il-konverżjoni għandha ssir skont il-medja tar-rati ta’ kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni, determinati għal dak il-perijodu. Din ir-rata tal-kambju unika għandha tintuża fl-implimentazzjoni kollha tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u bħala l-bażi għar-rapport dwar l-implimentazzjoni finali u d-dikjarazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-elementi meħtieġa skont l-Artikolu 59(5) jew l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

▼B

Artikolu 10

1.  F’,każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jibqgħu jkunu disponibbli fil-Fond fis-sena ta’ l-okkorrenza tad-disastru ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont ta’ assistenza meqjus neċessarju mill-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni tista’, tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata permezz tal-Fond tas-sena ta’ wara. L-ogħla limitu annwali baġitarju tal-Fond fis-sena ta’ l-okkorrenza tad-disastru u fis-sena ta’ wara għandu jiġi rispettat f’,kull ċirkostanza.

▼M1

2.  Fil-każ ta’ valutazzjoni sostanzjalment iktar baxxa tal-ħsara mġarrba, kif jidher minn elementi ġodda, l-Istat benefiċjarju għandu jirrimborża l-ammont korrispondenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni.

Artikolu 11

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha li jirċievu finanzjamenti, kuntratturi, subkuntratturi, li jkunu rċivew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.  L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, b’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 6 ) bl-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ kuntratt li jikkonċerna finanzjament tal-Unjoni.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ delegazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kuntratti u deċiżjonijiet li jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali eżerċizzji tal-awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

▼B

Artikolu 12

Qabel l-1 ta’ Lulju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport dwar l-attività tal-Fond fis-sena ta’ qabel. B’,mod partikolari dan ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar Artikoli 3, 4 u 8

▼M1 —————

▼B

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

( 3 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

( 5 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

Top