Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 22005A1111(01)R(01)

Rettifika għall-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )

GU L 58M del 3.3.2009, str. 207–212 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2005/781/corrigendum/2009-03-03/oj

3.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

207


Rettifika għall-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )

It-test għall-Ftehim għandu jaqra:

FTEHIM

għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

IL-KOMUNITÀ EWROPEA (minn hawn 'il quddiem imsejħa “'il-Komunità”),

min-naħa l-waħda,

u

L-GVERN TAR-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Brażil”),

min-naħa l-oħra,

minn issa 'l quddiem flimkien imsejħa l-“Partijiet”,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Ftehim Kwadru dwar Kooperazzjoni bejn il-Partijiet konkluż fid-29 ta' Ġunju 1992, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1995;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u tat-teknoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Partijiet;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika attwali bejn il-Partijiet;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Partijiet attwalment qed iwettqu u jappoġġaw attivitajiet ta’ riċerka, inklużi proġetti ta’ demostrazzjoni f’numru ta’ oqsma ta’ interess komuni, kif definit fl-Artikolu 2(d) ta' dan il-Ftehim, u li jistgħu jirriżultaw vantaġġi reċiproċi minn parteċipazzjoni konġunta fl-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp ibbażati fuq ir-reċiproċità;

WAQT LI JIXTIEQU joħolqu bażi formali għal kooperazzjoni fir-riċerka xjentifika u teknoloġika bil-ħsieb li tiġi estiża u intensifikata t-tmexxija ta’ attivitajiet kooperattivi fl-oqsma ta’ interess komuni u biex jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tar-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni għall-vantaġġ ekonomiku u soċjali taż-żewġ Partijiet;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Ftehim għal Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika attwali huwa parti mill-kooperazzjoni ġenerali bejn il-Brażil u l-Komunità,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Skop

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw attivitajiet kooperattivi fl-oqsma ta' interess komuni billi jwettqu u jappoġġaw l-attivitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi ta' riċerka u ta' żvilupp.

Artikolu II

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“attività kooperattiva” tfisser kwalunkwe attività li l-Partijiet jagħmlu jew jappoġġaw, skond dan il-Ftehim, inkluża r-riċerka konġunta;

(b)

“informazzjoni” tfisser data xjentifika jew teknika u riżultati jew metodi ta' riċerka u żvilupp li jiġu minn riċerka konġunta u kwalunkwe data oħra meqjusa meħtieġa mill-parteċipanti għal attivitajiet kooperattivi, inklużi, kif meħtieg, mill-Partijiet infushom;

(ċ)

“proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967;

(d)

“riċerka konġunta” tfisser riċerka, żvilupp teknoloġiku jew proġetti ta’ demostrazzjoni li huma implimentati bi jew mingħajr appoġġ finanzjarju minn Parti waħda jew mit-tnejn u li jinvolvi kollaborazzjoni bejn partecipanti minn kemm il-Brażil kif ukoll il-Komunità. “Proġetti ta’ demostrazzjoni” huma proġetti magħmula bl-iskop li juru l-vijabilità ta’ teknoloġiji ġodda li joffru vantaġġ ekonomiku potenzjali imma li ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati direttament. Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin regolarment infurmati dwar attivitajiet ikkunsidrati bħala attivitajiet konġunti ta' riċerka taħt l-Artikolu VI;

(e)

“Parteċipant” jew “entitajiet ta’ riċerka” iffisru kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni, istituzzjoni ta’ riċerka jew kwalunkwe entità legali oħra jew impriża stabbilità fil-Brażil jew fil-Komunità nvoluta f’attivitajiet kooperattivi, inklużi l-Partijiet infushom.

Artikolu III

Prinċipji

L-attivitajiet kooperattivi għandhom jiġu mwettqa abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

vantaġġ reċiproku bbażat fuq bilanċ globali ta' vantaġġi;

(b)

aċċess reċiproku għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku mwettqa minn kull Parti;

(ċ)

l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni li tista' tikkonċerna l-attivitajiet ta' kooperazzjoni;

(d)

il-ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Artikolu IV

Oqsma ta' attività kooperattiva

Il-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim tista' tkopri l-oqsma kollha ta' interess reċiproku fejn iż-żewġ Partijiet qegħdin jimplimentaw jew jappoġġaw attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku (minn issa 'l quddiem imsejħa “RŻT”), skond l-Artikolu VI(3)(b). Tali attivitajiet għandhom ikunu ddisinjati biex jippromwovu l-avvanz tax-xjenza, l-kompetittività industrijali u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, b'enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

il-bijoteknoloġija;

it-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni,

il-bijoinformatika,

l-ispazju,

il-mikro- u n-nanoteknoloġiji,

ir-riċerka ta' materjali,

it-teknoloġiji nodfa,

il-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ambjentali,

il-bijosigurtà,

is-saħħa u l-mediċina,

l-aeronawtika,

il-metroloġija, l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità, u

x-xjenzi umani.

Artikolu V

Arranġamenti ta' kooperazzjoni u attivitajiet kooperattivi

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu:

(a)

il-parteċipazzjoni ta' entitajiet ta' riċerka fl-attivitajiet kooperattivi koperti minn dan il-Ftehim, skond il-linji politiċi u r-regolamenti interni tagħhom stess, bil-ħsieb li jiġu provduti opportunitajiet komparabbli għal parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka xjentifika u żvilupp teknoloġiku u li jsir użu tajjeb tal-benefiċċji ta' dan;

(b)

aċċess reċiproku għall-attivitajiet promossi minn kull Parti taħt il-programmi jew il-linji politiċi nazzjonali attwali.

2.   L-attivitajiet kooperattivi jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:

(a)

Proġetti konġunti tar-RŻT;

(b)

Żjarat u skambji ta’ xjentisti, riċerkaturi u esperti tekniċi;

(ċ)

Organizzazzjoni konġunta ta’ seminars, konferenzi, simpożji u workshops xjentifiċi, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ esperti f'dawk l-attivitajiet;

(d)

Azzjonijiet miftiehma bħall-ġbir ta’ proġetti ta' RŻT diġà implimentati skond il-proċeduri applikabbli fil-programmi ta' RŻT ta’ kull Parti u networks xjentifiċi;

(e)

Skambju u kondiviżjoni ta' tagħmir u materjali;

(f)

Skambji ta’ informazzjoni dwar prattiki, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għal kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, inkluża informazzjoni dwar il-politika fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija;

(g)

Kwalunkwe arranġamenti oħra rrakkomandati mill-Kumitat ta' Tmexxija stabbiliti skond l-Artikolu VI, li huma meqjusa konformi mal-linji politiċi u l-proċeduri applikabbli fiż-żewġ Partijiet.

3.   Proġetti konġunti ta' RŻT għandhom jitwettqu biss wara li l-parteċipanti jkunu kkonkludew Pjan Konġunt ta’ Ġestjoni tat-Teknoloġija, kit indikat fl-Anness għal dan il-Ftehim.

Artikolu VI

Koordinazzjoni u implimentazzjoni ta’ attivitajiet kooperattivi

1.   Il-koordinazzjoni u t-tħaffif ta' attivitajiet kooperattivi taħt dan il-Ftehim għandhom jinkisbu f'isem il-Komunità mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u f'isem il-Brażil mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi.

2.   L-aġenti eżekuttivi għandhom jistabbilixxu Kumitat ta' Tmexxija dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika li għandu jkun responsabbli għal-ġestjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat għandu jkun kompost minn rappreżentanti uffiċjali ta’ kull Parti, u għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

3.   Id-dmirijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jinkludu:

(a)

Il-proponiment u l-appoġġ ta' attivitajiet kooperattivi taħt dan il-Ftehim, skond l-Artikolu V;

(b)

L-indikazzjoni, għas-sena ta' wara, skond l-Artikolu V(1)(b), minn fost is-setturi potenzjali għal kooperazzjoni fir-RŻT, dawk is-setturi ta’ prijorità jew sotto-setturi ta’ interess reċiproku li fihom hi mfittxija l-kooperazzjoni;

(ċ)

Il-proponiment tal-ġbir flimkien ta' proġetti ta' interess reċiproku jew proġetti komplementari għal riċerkaturi fiż-żewġ Partijiet;

(d)

Li jsiru rakkomandazzjonijiet skond l-Artikolu V(2)(g);

(e)

L-għoti ta’ pariri lill-Partijiet dwar mezzi biex iżidu u jtejbu l-kooperazzjoni, b’mod konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f’dan il-Ftehim;

(f)

Ir-reviżjoni ta' l-implimentazzjoni u l-funzjonament effiċjenti ta’ dan il-Ftehim;

(g)

It-tħejjija ta' rapport annwali lill-Partijiet dwar l-istatus, il-livell milħuq u l-effettività tal-kooperazzjoni skond dan il-Ftehim. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim Kwadru dwar Kooperazzjoni konkluż bejn il-Partijiet fid-29 ta' Ġunju 1992.

4.   Il-Kumitat ta' Tmexxija, li jirrapporta lill-Kumitat Konġunt, għandu, bħala regola ġenerali, jiltaqa' annwalment, preferibbilment qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, skond skeda miftiehma konġuntament minn qabel. Il-laqgħat għandhom isiru alternativvament fil-Komunità u fil-Brażil. Laqgħat straordinarji jistgħu jsiru fuq talba ta' kwalunkwe Parti.

5.   L-ispejjeż imġarrba mir-rappreżentanti meta jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jitħallsu mill-Parti li huma jirrappreżentaw.

Artikolu VII

Finanzjament

Attivitajiet kooperattivi għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà ta' fondi suffiċjenti u għal-liġijiet, regolamenti, linji politiċi u programmi applikabbli tal-Partijiet. L-ispejjeż imġarrba mill-parteċipanti f'attivitajiet kooperattivi m'għandhomx, bħala regola ġenerali, jiġu mħallsa bit-trasferiment ta' fondi minn Parti waħda għall-oħra.

Artikolu VIII

Dħul ta' persunal u tagħmir

1.   Kull parti għandha tieħu l-passi xierqa kollha u tuża l-aħjar sforzi tagħha, fi ħdan il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorji ta' kull Parti, biex tiffaċilità d-dħul, il-permanenza fi u l-ħruġ mit-territorju tagħha, ta' persuni, materjal, data u tagħmir relatat ma' jew użat f'attivitajiet kooperattivi żviluppati mill-Partijiet skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, li għandhom jingħataw eżenzjonijiet mit-taxxi u dazji doganali, skond id-dispożizzjonijiet leġislattivi u regolatorji applikabbli fit-territorji ta' kull Parti.

2.   Fejn l-arranġamenti speċifiċi ta' kooperazzjoni ta' Parti waħda jipprovdu għall-għotja ta' għajnuna finanzjarja lill-parteċipanti tal-Parti l-oħra, l-għotjiet, il-kontributi finanzjarji jew simili mogħtija minn Parti waħda lill-parteċipanti tal-Parti l-oħra bħala appoġġ għall-dawn l-attivitajiet għandhom jingħataw eżenzjonijiet mit-taxxa u doganali, skond il-leġislazzjoni applikabbli fit-territorji ta' kull Parti.

Artikolu IX

Proprjetà intellettwali

Kwistjonijiet ta' proprjetà intelletwali skond dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati skond l-Anness li jifforma parti integrali ta' dan il-Ftehim.

Artikolu X

Attivitajiet Komunitarji favur pajjiżi li qed jiżviluppaw

Dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa l-parteċipazzjoni tal-Brażil, bħala pajjiż li qed jiżviluppa, f'attivitajiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka għall-iżvilupp.

Artikolu XI

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil.

Artikolu XII

Dħul fis-seħħ, tmiem u riżoluzzjoni tat-tilwim

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta ż-żewġ partijiet jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa biex jidħol fis-seħħ ġew kompletati.

2.   Dan il-Ftehim għandu inizjalment ikun validu għal perijodu ta' ħames snin u jista' jiġi mġedded bi ftehim bejn il-Partijiet wara evalwazzjoni matul is-sena preċedenti ta' kull perijodu ta' tiġdid sussegwenti.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi qbil tal-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista' jintemm fi kwalunkwe ħin minn kwalunkwe Parti b'avviż bil-miktub sitt xhur minn qabel mibgħut lill-Parti l-oħra permezz ta' mezzi diplomatiċi. L-iskadenza jew it-tmiem ta' dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa l-validità jew it-tul ta' kwalunkwe proġett konġunt ta' riċerka fis-seħħ, jew kwalunkwe drittijiet jew obbligi speċifiċi dovuti f'konformità ma' l-Anness.

5.   Il-kwistjonijiet jew tilwim kollha relatati ma' l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti permezz ta' qbil bejn il-Partijiet.

Magħmul fi Brasilia, fid-dsatax-il jum ta’ Jannar ta’ l-elfejn u sebgħa, f'żewġ oriġinali, bid-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż, is-Spanjol u l-Isvediż, il-verżjonijiet kollha huma ugwalment awtentiċi. Fil-każ ta' differenza fl-interpretazzjoni bejn kwalunkwe minn dawn il-lingwi, it-test bl-Ingliż għandu jieħu preċedenza.

Por la Comunidad Europea

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Voor de Europese Gemeenschap

Pela Comunidade Europeia

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image 1

Por la República Federativa de Brasil

For Den Føderative Republik Brasilien

Für die Föderative Republik Brasilien

Για την Ομοσπονδιακή Δημοκρατία της Βραζιλίας

For the Federative Republic of Brazil

Pour la République fédérative du Brésil

Per la Repubblica Federativa del Brasile

Voor de Federale Republiek Brazilië

Pela República Federativa do Brasil

Brasilian liittotasavallan puolesta

För Förbundsrepubliken Brasilien

Image 2

ANNESS

PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Skond l-Artikolu IX ta' dan il-Ftehim:

 

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proprjetà intelletwali maħluqa taħt dan il-Ftehim hija protetta adegwatament u effettivament.

 

Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jinformaw lil xulxin fi żmien adattat dwar kwalunkwe invenzjonijiet jew xogħlijiet oħra taħt dan il-Ftehim li jistgħu jiġġeneraw drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

I.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

A.

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “il-proprjetà intellettwali” għandha t-tifsira kif definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li ġiet iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967.

B.

Dan l-Anness ma jibdilx jew jippreġudika b'mod ieħor l-allokazzjoni ta’ drittijiet, interessi u proprjetà intellettwali bejn Parti u ċ-ċittadini jew il-parteċipanti tagħha, li ser ikunu stabbiliti mill-liġijiet u l-prattiki ta' kull Parti.

Ċ.

Tilwim dwar proprjetà intellettwali jiġi deċiż b'konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet parteċipanti konċernati jew, jekk meħtieġ, mill-Partijiet jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom. Jekk miftiehem mill-Partijiet, it-tilwim jista' jiġi ppreżentat lil tribunal ta' l-arbitraġġ, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali applikabbli fil-każ. Sakemm mhux miftiehem mod ieħor u approvat bil-miktub mill-Partijiet jew mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, japplikaw l-istandards ta' arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL).

D.

Jekk kwalunkwe mill-Partijiet jemmen li proġett konġunt ta' riċerka partikolari taħt dan il-Ftehim wassal għal, jew ser iwassal għall-ħolqien jew l-għoti ta' tip ta' proprjetà intellettwali li mhix protetta mill-leġislazzjoni applikabbli fit-territorju tal-Parti l-oħra, il-Partijiet għandhom immedjatament iżommu diskussjonijiet biex isibu soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat skond il-leġislazzjoni applikabbli.

II.   ALLOKAZZJONI TAD-DRITTIJIET

A.

Kull Parti, soġġetta għat-termini tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħha stess, tista', permezz ta' kuntratt, ikollha liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u bla ħlas biex tittraduċi, tirreproduċi, tadatta, titrasmetti u tiddistribwixxi fost il-pubbliku l-artikoli, ir-rapporti u l-kotba tekniċi u xjentifiċi iġġenerati direttament minn attivitajiet kooperattivi koperti minn dan il-Ftehim, sakemm id-dispożizzjonijiet legali dwar l-proprjetà u t-trasferiment tad-drittijiet ta' l-awtur għall-ħolqien tax-xogħol huma rispettati. Il-kopji kollha tax-xogħlijiet soġġetti għad-dritt ta' l-awtur prodotti f'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet u mqassma fost il-pubbliku għandhom isemmu l-ismijiet ta' l-awturi, ħlief fejn l-awturi speċifikament jastjenu minn dak id-dritt.

B.

Id-drittijiet għall-forom kollha ta' proprjetà intellettwali li mhumiex deskritti fit-Taqsima II A ser ikunu allokati kif ġej:

1.

Riċerkaturi viżitaturi, bħal xjentisti li jkunu qed iżuru primarjament biex javvanzaw l-edukazzjoni tagħhom, għandhom jirċievu drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond l-arranġamenti ma' l-istituzzjonijiet ospitanti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti dwar is-suġġett. Barra minn hekk, kull riċerkatur viżitatur imsemmi bħala inventur għandu jkun intitolat, bl-istess mod li r-riċerkaturi ta' l-istituzzjoni ospitanti huma ntitolati, għal sehem proporzjonali ta' kwalunkwe dritt ta' l-awtur riċevut mill-istituzzjoni ospitanti skond il-liċenzja għall-użu tal-proprjetà intellettwali.

2.

Rigward il-proprjetà intellettwali li hija jew li tista' tinħoloq permezz ta' riċerka konġunta, il-parteċipanti ser ifasslu pjan konġunt għall-ġestjoni tat-teknoloġija li ser jiġi nnegozjat fil-forma ta' kuntratt bil-miktub bejn il-parteċipanti fi proġetti konġunti ta' riċerka li jistabbilixxu minn qabel id-distribuzzjoni ġusta u bilanċjata tar-riżultati jew kwalunkwe benefiċċji li jiġu mill-kooperazzjoni, meta jitqies il-kontribut relattiv tal-Partijiet jew il-parteċipanti tagħhom, u b'konformità stretta mal-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali fis-seħħ f'kull Parti u l-ftehim internazzjonali dwar il-proprjetà intellettwali li l-Partijiet huma firmatarji għalih.

(a)

Jekk il-Partijiet jew il-parteċipanti tagħhom m'adottawx pjan konġunt għall-ġestjoni tat-teknoloġija fil-fażi inizjali tal-kooperazzjoni u jekk ma jistgħux jilħqu ftehim fi żmien raġonevoli, mhux iktar minn sitt xhur, minn meta Parti ssir konxja tal-ħolqien jew il-ħolqien possibbli tal-proprjetà intellettwali in kwistjoni bħala riżultat tar-riċerka konġunta, il-Partijiet għandhom immedjatament iżommu diskussjonijiet sabiex isibu soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli. Sakemm ikun hemm riżoluzzjoni tal-kwistjoni, tali proprjetà intellettwali għandha tkun il-proprjetà konġunta tal-Partijiet jew tal-parteċipanti tagħhom, sakemm mhux miftiehem konġuntament mod ieħor;

(b)

Jekk proġett konġunt ta' riċerka mwettaq taħt dan il-Ftehim iwassal għal kreazjoni li x'aktarx tkun protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li mhumiex koperti mill-leġislazzjoni fis-seħħ f'waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom immedjatament iżommu diskussjonijiet sabiex isibu soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli skond il-leġislazzjoni applikabbli.

III.   INFORMAZZJONI KUNFIDENZJALI

A.

Kull Parti u l-parteċipanti tagħha għandhom jipproteġu kwalunkwe sigriet ta' negozju u/jew sigriet industrijali identifikat bħala kunfidenzjali ġġenerat jew previst taħt dan il-Ftehim skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki applikabbli, kif miftiehem bejn il-Partijiet.

B.

L-ebda parti jew parteċipant ma jista' jiżvela informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief lil impjegati li jappartjenu għall-kategoriji ta' uffiċjali, kuntratturi jew sottokuntratturi; ir-rilaxx ta' informazzjoni għandu jkun strettament limitat għall-partijiet involuti fil-proġett konġunt ta' riċerka miftiehem bejn il-parteċipanti, u/jew il-persunal awtorizzat tal-korpi tal-gvern assoċjati mal-proġett jew ma' dan il-Ftehim.

Ċ.

L-informazzjoni tista' tiġi żvelata biss lill-partijiet b'awtorizzazzjoni bil-miktub u m'għandha, fl-ebda każ, tiġi rilaxxata b'mod aktar mifrux milli huwa strettament meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta' kompiti, dmirijiet jew kuntratti assoċjati ma' l-informazzjoni rilaxxata.

D.

Id-destinatarji ta' informazzjoni kunfidenzjali għandhom jintrabtu bil-miktub li jżommu tali informazzjoni kunfidenzjali, u l-Partijiet għandhom jiżguraw li dan l-obbligu jittwettaq.

E.

Parti għandha immedjatament tinnotifika lill-Parti l-oħra jekk hi ma tkunx, jew x'aktarx ma tkunx tista' tiggarantixxi li ma tiżvelax informazzjoni kunfidenzjali. Il-Partijiet ser jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw liema miżuri huma xierqa f'tali każ.

Na vrh