EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62001CJ0243

Presuda Suda od 6. studenog 2003.
Kazneni postupak protiv Piergiorgio Gambelli i dr.
Zahtjev za prethodnu odluku: Tribunale di Ascoli Piceno - Italija.
Slobodno pružanje usluga.
Predmet C-243/01.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2003:597

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Novembru 2003 (*)

“Dritt ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ġbir fi Stat Membru ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi u trażmissjoni, permezz ta’ l-internet, lejn Stat Membru ieħor – Projbizzjoni taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jirriżerva lil ċerti organizzazzjonijiet id-dritt li jiġbru l-imħatri”

Fil-Kawża C-243/01,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mit-Tribunale di Ascoli Piceno (l-Italja) u li hija intiża li, fil-proċeduri kriminali li qegħdin quddiem din il-qorti kontra

Piergiorgio Gambelli et,

tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti tal-Awla, D. A. O. Edward (Relatur) u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: S. Alber,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–        għal M. Gambelli et, minn D. Agnello, avvocato,

–        għal M. Garrisi, minn R. A. Jacchia, A. Terranova u I. Picciano, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Belġjan, minn F. van de Craen, bħala aġent, assistit minn P. Vlaemminck, avocat,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Apessos u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Fraguas Gadea, bħala aġent,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn N. Mackel, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn B. Hernqvist, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u M. Patakia, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ M. Gambelli et, irrappreżentati minn D. Agnello, ta’ M. Garrisi, irrappreżentat minn R. A. Jacchia u A. Terranova, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat minn A. Cingolo, avvocato dello Stato, tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn P. Vlaemminck, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn M. Apessos, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn L. Fraguas Gadea, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn P. Boussaroque, bħala aġent, tal-Gvern Portugiż, irrappreżentat minn A. Barros, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn E. Bygglin, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn A. Aresu u M. Patakia, fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B'digriet tat-30 ta’ Marzu 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju sussegwenti, it-Tribunale di Ascoli Piceno, ressaq, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

2        Din il-kwistjoni tqajmet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li nbdew kontra M. Gambelli u 137 akkużat ieħor (iktar ’il quddiem “Gambelli et”) li ġew akkużati li organizzaw illegament imħatri klandestini u li huma proprjetarji ta’ ċentri li fihom isiru attivitajiet ta’ ġbir u trażmissjoni ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-imħatri, fejn tali attività tikkostitwixxi reat ta’ frodi kontra l-Istat.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond l-Artikolu 43 KE:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l- Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital”.

4        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 48 KE jipprovdi li “Il-kumpanniji jew ditti stabbiliti in konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċju reġistrati jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità, għandhom [...] ikunu meqjusa bħala persuni naturali ċittadini ta’ l-Istati Membri.

5        L-Artikolu 46(1) KE jipprovdi li “[i]d-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u l-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, ma jippreġudikawx l-implementazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta’ ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”.

6        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 KE jipprovdi li “[f]il-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Skond l-Artikolu 88 tar-Regio Decreto Nru 773, Testo Unico delle Leggi di Pubblica Sicurezza (Digriet Irjali Nru 773 li japprova t-test uniku tal-liġijiet fil-qasam tas-sigurtà pubblika), tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931, iktar ’il quddiem id-“digriet irjali”), ebda liċenzja ma tista’ tingħata għall-ġbir ta’ mħatri, bl-eċċezzjoni ta’ mħatri fuq it-tlielaq, regatti, logħob tal-ballun u kompetizzjonijiet oħra tal-istess tip meta l-ġbir ta’ l-imħatri jikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa għall-andament utli tal-kompetizzjoni.

8        Skond il-Legge Finanziaria n° 388 (liġi finanzjarja nru 388), tat-23 ta’ Diċembru 2000 (suppliment ordinarju tal-GURI, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 388”), il-liċenzja għan-negozju tal-imħatri tingħata esklużivament lil dawk li jkunu konċessjonarji jew li jkunu awtorizzati mill-ministeru jew minn entità oħra li l-liġi tirriżervalha l-fakultà li torganizza jew tinnegozja fl-imħatri. L-imħatri jistgħu jirrigwardaw kemm ir-riżultat ta’ avvenimenti sportivi magħmula taħt il-kontroll tal-Comitato olimpico nazionale italiano (Kumitat olimpiku nazzjonali Taljan, iktar ’il quddiem il-“CONI”) jew ta’ organizzazzjonijiet li jiddependu minn dan il-kumitat, kif ukoll ir-riżultat ta’ tlielaq taż-żwiemel organizzati permezz ta’ l-Unione nazionale per l’incremento delle razze equine (Unjoni nazzjonali għat-titjib tar-razez ekwini, iktar ’il quddiem l-“UNIRE”).

9        L-Artikoli 4, 4a u 4b tal-Liġi Nru 401, tat-13 ta’ Diċembru 1989, li tirregola s-settur tal-logħob u ta’ l-imħatri klandestini u l-protezzjoni ta’ l-iżvolġiment tajjeb tal-kompetizzjonijiet sportivi (GURI Nru 294, tat-18 ta’ Diċembru 1989), kif emendata mil-Liġi Nru 388/00 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 401/89”), li, fl-Artikolu 37(5) tagħha introduċiet l-Artikoli 4a u 4b fil-Liġi Nru 401/89, jipprovdu:

“Parteċipazzjoni illegali fl-organizzazzjoni tal-logħob jew ta’ l-imħatri

Artikolu 4

1.       Kull min jipparteċipa abbużivament fl-organizzazzjoni ta’ lotteriji, imħatri jew kompetizzjonijiet ta’ tbassir legalment irriżervati għall-Istat jew għal organizzazzjonijiet oħra konċessjonarji jkun suġġett għal piena ta’ priġunerija bejn sitt xhur u tliet snin. Din l-istess piena tista’ tiġi imposta fuq kull persuna li torganizza mħatri jew kompetizzjonijiet ta’ tbassir fuq attivitajiet sportivi mmexxija mill-[CONI] u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt l-awtorità tagħha jew l-[UNIRE]. Kull minn jipparteċipa abbużivament fl-organizzazzjoni pubblika ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet oħra ta’ persuni jew annimali, kif ukoll fuq logħob ta’ kapaċità, ikun suġġett għal piena minn tliet xhur sa sena ta’ priġunerija u ta’ multa ta’ mhux inqas minn miljun lira.

2.      Kull min jirreklama għall-kompetizzjonijiet, il-logħob jew l-imħatri organizzati skond il-modalitajiet deskritti fil-paragrafu 1, mingħajr madankollu ma jkun kompliċi għal wieħed mid-delitti li huma ddefiniti hemmhekk, ikun suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet xhur u multa ta’ bejn mitt elf lira u miljun lira.

3.      Kull min jipparteċipa f’kompetizzjoni, f’logħob jew f’imħatri organizzati skond il-metodi deskritti fil-paragrafu 1, mingħajr madankollu ma jkun kompliċi ta’ wieħed mid-delitti li huma ddefiniti hemmhekk, jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet xhur jew għal multa ta’ bejn mitt elf lira u miljun lira.

[…]

Artikolu 4a

Is-sanzjonijiet previsti fl-artikolu preżenti huma applikabbli għal kull minn jeżerċita fl-Italja, mingħajr liċenzja u mingħajr awtorizzazzjoni jew liċenzja skond l-Artikolu 88 tad-[digriet irjali], attività organizzata sabiex jiġi aċċettat jew miġbur jew, fi kwalunkwe każ, li tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni jew il-ġbir, ikun xi jkun il-mod, inkluż bit-telefon jew bil-kompjuter, imħatri ta’ kull tip, aċċettati minn kwalunkwe persuna fl-Italja jew f’pajjiż ieħor.

Artikolu 4b

[...] is-sanzjonijiet previsti f’dan l-artikolu japplikaw għal kull min jiġbor jew jirreġistra skedi tal-lottu, kompetizzjonijiet ta’ tbassir jew imħatri bit-telefon jew bil-kompjuter, mingħajr ma jkollu awtorizzazzjoni biex juża dawn il-mezzi biex iwettaq dawn l-operazzjonijiet ta’ ġbir jew ta’ reġistrazzjoni”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-ministeru pubbliku u l-qorti inkwirenti tat-Tribunale di Fermo (l-Italja) ikkonstataw l-eżistenza ta’ organizzazzjoni mifruxa u mxerrda ta’ aġenziji Taljani, li huma mqabbda permezz ta’ l-internet mal-bookmaker Stanley International Betting Ltd (iktar ’il quddiem “Stanley”), stabbilita f’Liverpool (ir-Renju Unit) u li magħha huma affiljati Gambelli et li huma l-akkużati fil-kawża prinċipali. Huma jinsabu akkużati li kkollaboraw, fit-territorju Taljan, mal-bookmaker barrani fl-attività tal-ġbir ta’ mħatri li normalment hija rriżervata bil-liġi għall-Istat, u li b’hekk kisru l-Liġi Nru 401/89.

11      Dan l-aġir, li huwa meqjus li jmur kontra s-sistema tal-monopolju fuq l-imħatri sportivi mogħti lill-CONI u li jikkostitwixxi r-reat previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, iseħħ bil-mod kif ġej: il-persuna li tagħmel l-imħatra tinforma lill-persuna responsabbli fl-aġenzija Taljana bil-partiti li fuqhom hija tkun ser tagħmel l-imħatra b’indikazzjoni tas-somma mpoġġija; permezz ta’ l-internet, din l-aġenzija tibgħat it-talba ta’ aċċettazzjoni lill-bookmaker, b’indikazzjoni tal-logħob tal-futbol nazzjonali kkonċernati u bl-imħatra; il-bookmaker, permezz ta’ l-internet u f’ħin reali, jibgħat il-konferma tal-aċċettazzjoni ta’ l-imħatra; din il-konferma tintbagħat mill-aġenzija Taljana lill-persuna li tagħmel l-imħatra u din tħallas is-somma dovuta lill-aġenzija, somma li mbagħad tintbagħat lill-bookmaker f’kont miftuħ apposta barra mill-pajjiż.

12      Stanley hija kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Britanniku li hija rreġistrata fir-Renju Unit u li teżerċita l-attività ta’ bookmaker abbażi ta’ liċenzja mogħtija mill-belt ta’ Liverpool skond il-Betting, Gaming and Lotteries Act. Hija awtorizzata teżerċita l-attività fir-Renju Unit u barra r-Renju Unit. Hija torganizza u tiġġestixxi l-imħatri abbażi ta’ liċenzja brittannika billi tagħżel l-avvenimenti u r-rati filwaqt li tieħu r-riskju finanzjarju. Stanley tħallas il-premji mirbuħa u tħallas id-diversi taxxi dovuti fir-Renju Unit, apparti t-taxxi fuq is-salarji u l-bqija. Hija suġġetta għal kontrolli rigorużi li jikkonċernaw ir-regolarità ta’ l-attivitajiet tagħha, kontrolli li jsiru minn kumpannija ta’ awdituri privata kif ukoll mill-Inland Revenue u l-Customs & Excise.

13      Stanley toffri lill-pubbliku Ewropew firxa wiesgħa ta’ mħatri fissi li jirrigwardaw avvenimenti sportivi nazzjonali, Ewropej jew mondjali. L-individwi għandhom il-possibbiltà li jipparteċipaw minn darhom stess permezz ta’ diversi sistemi, bħalma huwa l-internet, il-faks jew it-telefon, fl-imħatri organizzati u nnegozjati minnha.

14      Il-preżenza ta’ Stanley fl-Italja bħala impriża sseħħ permezz ta’ ftehim kummerċjali konklużi ma’ operaturi jew intermedjarji Taljani li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ ċentri ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni. Dawn iċ-ċentri jipprovdu lill-utenti bil-kompjuters, jiġbru u jirreġistraw il-talbiet għall-imħatri u jibgħatuhom lil Stanley.

15      L-akkużati fil-kawża prinċipali huma rreġistrati fil-Camera di Commercio (Kamra tal-Kummerċ) fil-kapaċità tagħhom ta’ proprjetarji ta’ impriżi għall-ġestjoni ta’ ċentri ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni u kienu ġew awtorizzati mill-Ministero delle Poste e delle Comunicazioni (Ministeru tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet) biex jibgħatu informazzjoni.

16      Il-qorti tal-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale di Fermo ħarġet digriet ta’ sekwestru provviżorju u l-imsemmija akkużati kienu suġġetti ta’ tiftix personali fuqhom u saru kontrolli fuq l-aġenziji tagħhom, id-djar u l-vetturi tagħhom. L-akkużat Garrisi, li huwa membru tal-bord tad-diretturi ta’ Stanley, ittieħed fil-kustodja tal-pulizija.

17      L-akkużati fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għar-ritrattazzjoni quddiem it-Tribunale di Ascoli Piceno kontra d-digrieti ta’ sekwestru taċ-ċentri ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni tagħhom.

18      It-Tribunale di Ascoli Piceno jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, għas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289). Huwa jqis li d-domandi magħmula fil-kawża quddiemu ma jikkorrispondux perfettament madankollu għall-fatti li ġew eżaminati diġà mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija. L-emendi reċenti għal-Liġi Nru 401/89 jitolbu eżami ġdid tal-kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

19      It-Tribunale di Ascoli Piceno jirreferi, f’dan il-kuntest, għax-xogħol parlamentari relatat mal-Liġi Nru 388/00, fejn jirriżulta li r-restrizzjonijiet introdotti minnha fil-Liġi Nru 401/89 kienu meħtieġa qabel xejn minħabba n-neċċessità li jkunu protetti t-“Totoricevitori” tal-isports, li huma kategorija ta’ impriżi privati. Din il-qorti tafferma li f’dawn ir-restrizzjoni hija ma tara ebda problema ta’ ordni pubblika li tista’ tiġġustifika l-limitazzjoni tad-drittijiet iggarantiti bir-regoli Komunitarji jew kostituzzjonali.

20      L-imsemmija qorti tenfasizza li l-legalità tal-ġbir u tat-trażmissjoni tal-imħatri fuq avvenimenti sportivi barranin, li setgħet tiġi detotta mid-diċitura oriġinali ta’ l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, kienet wasslet biex tinbet u toħloq katina ta’ operaturi li investew kapital u ħolqu infrastrutturi fis-settur tal-logħob u ta’ l-imħatri. Dawn l-operaturi f’daqqa waħda raw li l-legalità tas-sitwazzjoni tagħhom intmisset wara l-emendi tal-leġiżlazzjoni li seħħet bil-Liġi Nru 388/00 li tipprojbixxi – taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali – it-twettiq ta’ attivitajiet minn kwalunkwe persuna u fi kwalunkwe post, ta’ ġbir, aċċettazzjoni, reġistrazzjoni u trażmissjoni ta’ offerti ta’ imħatri, b’mod partikolari fuq l-avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-dawl, minn naħa, tar-rigorożità tal-projbizzjoni introdotta, flimkien ma’ sanzjonijiet kriminali li jistgħu jrendu impossibbli fil-prattika li l-impriżi jew l-operaturi Komunitarji legalment ikkostitwiti jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-logħob u ta’ l-imħatri fl-Italja u, min-naħa l-oħra, ta’ l-importanza ta’ l-interess pubbliku intern protett li għalih jiġu ssagrifikati l-libertajiet Komunitarji.

22      It-Tribunale di Ascoli Piceno jsostni, barra minn hekk, li għandu jivverifika l-portata tad-diskrepanza apparenti bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola b’mod rigoruż l-attività tal-ġbir ta’ l-imħatri fuq l-isports minn impriżi Komunitarji barranin u, min-naħa l-oħra, l-espansjoni qawwija tal-logħob u ta’ l-imħatri li l-Istat Taljan jixtieq fuq livell nazzjonali bil-għan li jkollu iktar dħul.

23      Il-qorti msemmija tosserva li l-proċedura li hija għandha quddiemha tqajjem, minn naħa, kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jikkonċernaw il-kompatibbilità tal-emendi leġiżlattivi ta’ l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89 mal-Kostituzzjoni Taljana, li tipproteġi l-inizjattiva ekonomika privata għall-attivitajiet li mhumiex suġġetti għall-ġbir ta’ taxxi mill-Istat u, min-naħa l-oħra, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-inkompatibbiltà tar-regola msemmija f’dan l-artikolu mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi transkonfinali. Il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali mqajma ġew rinvjati mit-Tribunale di Ascoli Piceno quddiem il-Corte costituzionale (l-Italja).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Ascoli Piceno ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Hemm inkompatibbiltà (bil-konsegwenzi kollha li din iġġib fid-dritt Taljan) bejn, minn naħa l-Artikoli 43 et seq u 49 et seq tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi transkonfinali u, min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni Taljana li tinsab fl-Artikoli 4(1) et seq, 4a u 4b tal-Liġi Nru 401/89 (kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 37(5) tal-Liġi Nru 388 tat-23 ta’ Diċembru 2000) li tipprojbixxi – permezz ta’ sanzjonijiet kriminali – it-twettiq ta’ attivitajiet, minn kwalunkwe persuna u fi kwalunkwe post, ġbir, aċċettazzjoni, reġistrazzjoni u trażmissjoni ta’ offerti ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq l-avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ liċenzja u awtorizzazzjoni preskritti fid-dritt nazzjonali?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25      Gambelli et isostnu li, billi tipprojbixxi ċ-ċittadini Taljani milli jinnegozjaw ma’ kumpanniji barranin biex ipoġġu l-imħatri u jirċievu b’hekk is-servizzi offruti minn dawn il-kumpanniji permezz ta’ l-internet, billi tpprojbixxi l-intermedjarji Taljani milli joffru l-imħatri ġestiti minn Stanley, billi tipprekludi din ta’ l-aħħar milli tistabbilixxi ruħha fl-Italja permezz tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-intermedjarji u milli toffri b’hekk is-servizzi tagħha f’dan l-Istat minn Stat Membru ieħor u, fl-aħħar nett, billi toħloq u żżomm monopolju fis-settur tal-logħob u ta’ l-imħatri, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni kemm għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Din ir-restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C 275/92, Ġabra p. I1039), tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C 124/97, Ġabra p. I6067), u Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità teżamina l-emendi introdotti f’din il-leġiżlazzjoni bil-Liġi Nru 388/00 u ma eżaminatx il-problemi mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment.

26      L-akkużati fil-kawża prinċipali jenfasizzaw f’dan ir-rigward li l-Istat Taljan m’għandu ebda politika koerenti intiża li tillimita, jekk mhux li telimina, l-attivitajiet tal-logħob, fis-sens tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Läärä et, punt 37, u Zenatti, punt 36. It-tħassib li l-awtoritajiet nazzjonali jsemmu fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuni li jagħmlu l-imħatri kontra l-perikli tal-frodi, tas-salvagwardja tal-ordni pubblika jew tat-tnaqqis tal-okkazjonijiet tal-logħob bil-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi tal-imħatri, fuq livell kemm individwali kif ukoll soċjali, u tal-inkoraġġiment għall-infiq li dawn jinvolvu, mhuwiex iġġustifikat u dan peress li dan l-Istat qiegħed iżid il-provvista tal-logħob u ta’ l-imħatri u jħajjar ukoll lin-nies biex jilgħabu l-flus billi jiffaċilita s-sistema tal-ġbir, sabiex iżid id-dħul fiskali. Il-fatt li l-organizzazzjoni ta’ l-imħatri hija rregolata b’liġijiet finanzjarji juri l-veru motivazzjoni ekonomika ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.

27      L-għan tal-leġiżlazzjoni Taljana huwa wkoll li din tipproteġi lill-konċessjonarji tal-monopolju nazzjonali billi jrenduh impenetrabbli għall-operaturi ta’ l-Istati Membri l-oħra billi s-sejħiet għall-offerti jipprevedu kriterji dwar l-istruttura tal-kumpannija li ma jistgħux ikunu sodisfatti minn kumpannija b’kapital azzjonarju kkwotata fil-borża, imma biss minn persuni fiżiċi, u jimponu l-kundizzjoni li dawn irid ikollhom post u jkunu ilhom sew konċessjonarji.

28      L-akkużati fil-kawża prinċipali jsostnu li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li kumpannija bħalma hija Stanley, li topera kompletament b’mod legali u li hija debitament ikkontrollata fir-Renju Unit, tiġi ttrattata mil-leġiżlazzjoni Taljana bl-istess mod bħal operatur li jorganizza logħob klandestin, meta l-elementi kollha marbutin mal-interess ġenerali huma salvagwardjati bil-leġiżlazzjoni britannika u l-operaturi intermedjarji Taljani marbutin bil-kuntratt ma’ dik il-kumpannija, bħala stabbilimenti sekondarji jew sussidjarji, huma rreġistrati mal-ordni tal-fornituri tas-servizzi u rreġistrati mal-Ministeru tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet, li magħhom huma joperaw u li jagħmluhom kontrolli u verifiki perjodiċi.

29      Din is-sitwazzjoni, li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, tmur kontra l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku f’dak li jikkonċerna s-setturi li għandhom ma ġewx armonizzati. Hija tmur ukoll kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità, u dan iktar u iktar meta l-piena kriminali għandha tikkostitwixxi l-ultima ratio li għaliha Stat Membru jista’ jirrikorri meta l-miżuri jew l-istrumenti l-oħra ma jwasslux biex jiżguraw protezzjoni xierqa tal-beni li għandhom ikunu protetti. F’dan il-każ, skond il-leġiżlazzjoni Taljana, peress li l-persuna li tagħmel l-imħatra tkun fit-territorju Taljan, hija mhux biss tiċċaħħad mill-possibbiltà li tirrikorri għand il-bookmakers stabbiliti fi Stat Membru ieħor, anki permezz ta’ l-operaturi stabbiliti fl-Italja, iżda hija ukoll suġġetta għal piena kriminali.

30      Il-Gvern Taljan, tal-Belġju, Elleniku, Spanjol, Franċiż, tal-Lussemburgu, Portugiż, Finlandiż u Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni, jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schindler, Läärä et u Zenatti.

31      Il-Gvern Taljan jirreferi għas-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, biex jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 401/89 mal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment. Kemm l-aspett eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija, jiġifieri l-awtorizzazzjoni amminstrattiva biex titwettaq l-attività ta’ ġbir u ġestjoni ta’ mħatri fit-territorju Taljan, kif ukoll il-kwistjoni li qamet fil-kawża prinċipali, jiġifieri, l-eżistenza ta’ sanzjoni kriminali li tipprojbixxi din l-attività meta din issir minn operaturi li ma jiffurmawx parti mis-sistema ta’ monopolju ta’ l-Istat fil-qasam ta’ l-imħatri, għandhom l-istess għan, jiġifieri dak li jipprojbixxu tali attività u jnaqqsu l-opportunitajiet prattiċi ta’ logħob barra mill-każijiet espressament previsti mil-liġi.

32      Skond il-Gvern Belġjan, jekk ikun hemm suq uniku tal-logħob tal-flus, dan ma jagħmilx ħlief jinkoraġġixxi iktar lill-konsumaturi biex iberbqu u jkollu effetti negattivi sostanzjali fuq is-soċjetà. Il-livell ta’ protezzjoni introdott bil-Liġi Nru 401/89 u s-sistema restrittiva ta’ awtorizzazzjoni huma ta’ natura li jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri li jillimitaw u jikkontrollaw b’mod strett il-provvista ta’ logħob kif ukoll ta’ l-imħatri, u hija proporzjonata fir-rigward ta’ l-għanijiet, mingħajr ma tinvolvi ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

33      Il-Gvern Elleniku jikkunsidra li l-organizzazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard u ta’ l-imħatri fuq avvenimenti sportivi għandha tibqa’ taħt il-kontroll ta’ l-Istat u titwettaq fil-forma ta’ monopolju. It-twettiq tagħha minn organizzazzjonijiet privati għandu effetti diretti bħalma huma d-dgħajjfin tal-ordni soċjali, l-inkoraġġiment għat-twettiq ta’ reati kif ukoll l-isfruttament tal-persuni li jagħmlu l-imħatri u tal-konsumaturi in ġenerali.

34      Il-Gvern Spanjol isostni li kemm l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, minħabba sistema stretta ta’ awtorizzazzjonijiet jew liċenzji, kif ukoll il-projbizzjoni kontra l-ftuħ ta’ sussidjarji ta’ aġenziji barranin biex jittieħdu mħatri fi Stati Membri oħra huma kompatibbli mal-politika biex tiġi limitata l-provvista sakemm dawn il-miżuri jkunu ġew adottati bil-għan li jnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob u l-ħajra tad-domanda għalih.

35      Il-Gvern Franċiż isostni li l-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-ġbir ta’ l-imħatri jsir permezz tal-kompjuter u li l-avvenimenti sportivi li jintlagħbu l-imħatri fuqhom iseħħu esklużivament fit-territorju Taljan –li ma kienx il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq – ma jippreġudikax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jingħad li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet marbutin mal-logħob tal-flus, mal-lotteriji u mal-magni ta’ l-islott, huma kompatibbli mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, peress li għandhom għan ta’ interess ġenerali bħalma hija l-prevenzjoni tal-frodi jew il-protezzjoni tal-persuni li jagħmlu l-imħatri kontra tagħhom stess. Għaldaqstant l-Istati Membri huma ġġustifikati li jirregolaw l-attività ta’ l-operaturi fil-qasam ta’ l-imħatri f’ċirkustanzi li ma jkunux diskriminatorji, fejn l-intensità u l-portata tar-restrizzjonijiet jifformaw parti mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qrati ta’ l-Istati Membru li jevalwaw jekk l-awtoritajiet nazzjonali rrispettawx proporzjon ġust fl-għażla tal-mezzi użati, fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

36      F’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, il-Gvern Franċiż isostni li r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-kumpanniji Taljani indipendenti marbutin b’kuntratt ma’ Stanley ma jippreġudikawx id-dritt ta’ dan il-bookmaker li jistabbilixxi ruħu liberament fl-Italja.

37      Skond il-Gvern tal-Lussemburgu, il-leġiżlazzjoni Taljana tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ organizzazzjoni ta’ l-imħatri fl-Italja, peress li hija tipprojbixxi lil Stanley milli teżerċita l-attivitajiet tagħha fit-territorju Taljan kemm direttament permezz tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi transkonfinali, kif ukoll indirettament permezz ta’ l-aġenziji Taljani konnessi permezz ta’ l-internet. Bl-istess mod, hija tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, dawn l-ostakoli huma ġġustifikati meta huma jkollhom għanijiet ta’ interess ġenerali, bħalma hija x-xewqa li tiġi rregolata u kkontrollata l-kilba għal-logħob, u huma xierqa u proporzjonati għal dawn l-għanijiet safejn dawn ma jinvolvux diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, peress li kemm il-korpi Taljani kif ukoll dawk stabbiliti barra mill-pajjiż għandhom jiksbu l-istess permess mogħti mill-Ministeru tal-Finanzi sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni, teħid u ġbir ta’ mħatri fit-territorju Taljan.

38      Il-Gvern Portugiż jirrileva li l-pern tal-kawża prinċipali huwa importanti għaż-żamma, fl-Italja bħal f’kull Stat Membru ieħor, tal-operat tal-lotteriji taħt sistema ta’ monopolju pubbliku u għall-konservazzjoni ta’ sors importanti ta’ dħul għall-Istati, li jissostitwixxi l-irkupru obbligatorju tat-taxxi u jservi biex jiffinanzja l-politika soċjali, kulturali u sportiva. F’dak li jikkonċerna l-attività tal-logħob, l-istruttura tas-suq u l-kompetizzjoni libera jwasslu għal distribuzzjoni mill-ġdid, li tmur kontra l-ordni soċjali, tal-flus miġbura fil-kuntest ta’ din l-attività, peress li dawn ġeneralment jiġu trasferiti mill-pajjiżi fejn l-ammonti li jintlagħbu huma modesti lejn pajjiżi fejn l-ammonti msemmija huma ikbar u l-ammont tar-rebħ iktar attraenti. Il-persuni li jagħmlu l-imħatri ta’ l-Istati Membri ż-żgħar jiffinanzjaw b’hekk il-baġit soċjali, kulturali u sportiv ta’ l-Istati Membri l-ikbar u, fl-Istati l-iktar żgħar, it-tnaqqis fid-dħul mil-logħob iġiegħel lill-gvernijiet biex jiffinanzjaw b’mod ieħor l-azzjoni soċjali pubblika u l-attivitajiet l-oħra soċjali, sportivi u kulturali ta’ l-Istat, li jwassal, f’dawn l-Istati, f-żieda fit-taxxi u fi tnaqqis ta’ dawn fl-Istati l-kbar. Barra minn hekk, it-tqassim tas-suq tal-logħob tal-lotterija u tal-lottu ta’ Istat bejn tliet jew erba’ operaturi kbar fl-Unjoni Ewropea joħloq tibdil strutturali fin-netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ logħob legalment operat mill-Istati, u jġib miegħu telf kbir ta’ mpjiegi u joħloq distakk fil-livelli ta’ qgħad fid-diversi Stati Membri.

39      Il-Gvern Finlandiż jinvoka, b’mod partikolari, is-sentenza Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ħtieġa u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati minn Stat Membru għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl ta’ l-għanijiet imfittxija mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-Istat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jiżguraw, b’mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ l-applikazzjoni tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw l-eżistenza tagħha u jekk ir-restrizzjonijiet humiex proporzjonati ma’ dawn l-għanijiet, fid-dawl tal-fatt li dik il-leġiżlazzjoni għandha tapplika bla distinzjoni għall-operaturi kollha kemm jekk ikunu ġejjin mill-Italja jew minn xi Stat Membru ieħor.

40      Skond il-Gvern Svediż, il-fatt li l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi għandha interess fiskali ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn imorru kontra d-dritt Komunitarju sakemm huma jkunu proporzjonati u ma jinvolvux ebda diskriminazzjoni bejn l-operaturi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. L-emendi għal-leġiżlazzjoni Taljana li jirriżultaw mil-Liġi Nru 388/00 jippermettu li jiġi eskluż li korp li fl-Italja ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni biex jiġbor l-imħatri, jevita l-leġiżlazzjoni billi jeżerċita l-attività tiegħu minn Stat Membru ieħor u jipprojbixxi lill-korpi barranin li jorganizzaw l-imħatri fil-pajjiż tagħhom stess milli jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Italja. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 36 u 34 tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et u Zenatti, rispettivament, is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar is-suġġett.

41      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqis li l-emendi leġiżlattivi li jirriżultaw mil-Liġi Nru 388/00 isemmu biss espliċitament dak li kien diġà inkluż fil-Liġi Nru 401/89, mingħajr ma jintroduċu fil-verità kategorija ġdida ta’ ksur. Ir-raġunijiet ta’ ordni soċjali għal-limitazzjoni ta’ l-effetti negattivi ta’ l-attivitajiet ta’ l-imħatri fuq il-partiti tal-futbol u li jiġġustifikaw il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżerva għal ċerti korpi d-dritt li jiġbru dawn l-imħatri jibqgħu l-istess indipendentement mill-Istat Membru li fih iseħħu dawn l-attivitajiet. Il-fatt li, fis-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, l-avvenimenti sportivi li fuqhom kienu jsiru l-imħatri kienu jseħħu barra mill-pajjiż, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tirrigwarda partiti tal-futbol li seħħew fl-Italja, għandux importanza. Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 25, p. 399 - 414), ma tapplikax għall-imħatri, b’mod li s-soluzzjoni li għandha tingħata mhijiex differenti min dik adottata fis-sentenza msemmija.

42      Il-Kummissjoni ssostni li l-kawża m’għandhiex tkun eżaminata mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment, u dan peress li l-aġenziji ġestiti mill-akkużati fil-kawża prinċipali huma indipendenti u jaġixxu bħala ċentri għall-ġbir ta’ l-imħatri u intermedjarji fir-relazzjonijiet bejn il-klijenti Taljani tagħhom u Stanley, u mhumiex subordinati għal-istess Stanley. Madankollu, anki jekk tiġi adottata l-ipotesi ta’ l-applikabbiltà tad-dritt ta’ stabbiliment, ir-restrizzjonijiet li daħħlet il-leġiżlazzjoni Taljana huma ġġustifikati minħabba l-istess raġunijiet ta’ politika soċjali bħal dawk irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et u Zenatti, għal dak li jikkonċerna r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

43      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana dwar il-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-imħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel ġestiti mill-UNIRE. Fir-rigward tas-settur tal-lottu, li ġie liberalizzat, il-Kummissjoni fakkret is-sentenza tas-26 ta’ April 1994, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C 272/91, Ġabra p. I-1409), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi rriżervat il-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għal-liċenzja ta’ sistema kompjuterizzata tal-logħob tal-lottu għall-korpi, kumpanniji, konsorzji jew gruppi li l-kapital azzjonarju tagħhom, meħud individwalment jew fit-totalità tiegħu, huwa fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-pubbliku, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha b’mod partikolari taħt it-Trattat KE.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħalma hija l-Liġi Nru 401/89 in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

45      Għandu jiġi mfakkar li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, inklużi r-restrizzjonijiet għall-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji, huma pprojbiti bl-Artikolu 43 KE.

46      Safejn kumpannija, bħalma hija Stanley, stabbilita fi Stat Membru, twettaq attività ta’ ġbir ta’ mħatri permezz ta’ organizzazzjoni ta’ aġenziji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, bħalma huma dawk li ġew akkużati fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta’ dawn l-aġenziji jikkostitwixxu ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment.

47      Barra minn hekk, b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Taljan irrikonoxxa li l-leġiżlazzjoni Taljana li tikkonċerna s-sejħiet għal offerti għall-attivitajiet ta’ mħatri fl-Italja fiha xi restrizzjonijiet. Skond dan il-gvern, il-fatt li ebda organizzazzjoni ma ngħatat awtorizzazzjoni għal dawn l-attivitajiet, ħlief dak li għandu l-monopolju f’dan il-qasam, isib spjegazzjoni fil-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana hija magħmula b’mod li l-liċenzja ma tistax tingħata ħlief lil ċerti persuni.

48      Issa, safejn in-nuqqas ta’ operaturi barranin fost il-konċessjonarji fis-settur ta’ l-imħatri fuq avvenimenti sportivi fl-Italja huwa dovut għall-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tas-sejħiet għal offerti teskludi, fil-prattika, il-possibbiltà għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju kkwotati fis-swieq irregolati minn Stati Membri oħra li jiksbu liċenzji, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi, prima facie, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u dan anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika bla distinzjoni għal kull kumpannija b’kapital azzjonarju li tista’ tkun interessata f’dawn il-liċenzji, kemm jekk stabbilita fl-Italja jew fi Stat Membru ieħor.

49      Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Taljana biex wieħed jipparteċipa fis-sejħiet għal offerti biex jingħataw l-imsemmija liċenzji jikkostitwixxu ukoll ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

50      Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

51      L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ġewwa l-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li huwa d-destinatarju tal-provvista. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 50 KE, dan jikkwalifika bħala “servizzi” dawk is-servizzi li normalment jingħataw bi ħlas, safejn ma jkunux regolati minn disposizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni.

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-importazzjoni ta’ dokumenti pubbliċitarji u ta’ biljetti ta’ lotterija fi Stat Membru biex ikunu jistgħu jipparteċipaw ir-residenti ta’ dan l-Istat f’lotterija organizzata fi Stat Membru ieħor hija marbuta ma’ attività ta’ “servizzi” (sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). B’analoġija, l-attività li tikkonsisti fil-fatt li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru jitħallew jipparteċipaw f’logħob ta’ mħatri organizzati fi Stat Membru ieħor, anki jekk dawn l-imħatri jkollhom bħala suġġett avvenimenti sportivi organizzati fl-ewwel Stat Membru, hija marbuta ma’ attività ta’ “servizzi” fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE.

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna s-servizzi li fornitur joffri bit-telefon lil destinatarji potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huwa jipprovdi mingħajr ma jiċċaqlaq mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit (sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, Ġabra p. I-1141, punt 22).

54      Jekk wieħed jittrasponi din l-interpretazzjoni għall-kwistjoni tal-kawża prinċipali, minnha jirriżulta li l-Artikolu 49 KE jikkonċerna s-servizzi li fornitur bħal Stanley, stabbilit fi Stat Membru, f’dan il-każ fir-Renju Unit, joffri permezz ta’ l-Internet – u għalhekk mingħajr ma jiċċaqlaq minn pajjiżu – lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fir-Repubblika Taljana, b’tali mod li kull restrizzjoni ta’ dawn l-attivitajiet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dan il-fornitur.

55      Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi mhux biss il-libertà ta’ fornitur li joffri u jagħti s-servizzi lid-destinatarji stabbiliti fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fit-territorju tiegħu jkun jinsab dan il-fornitur, iżda wkoll il-libertà li d-destinatarju jirċievi jew jibbenefika mis-servizzi offruti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun imxekkel b’xi restrizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16, u tas-26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr, C-294/97, Ġabra p. I-7447, punti 33 u 34).

56      Issa, b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Taljan ikkonferma li l-attività ta’ individwu li, fl-Italja, jaqbad mid-dar tiegħu, permezz ta’ l-internet, ma’ bookmaker stabbilit fi Stat Membru ieħor, billi juża l-karta tal-kreditu tiegħu bħala mezz ta’ pagament, tikkostitwixxi reat ippenalizzat bl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89.

57      Tali projbizzjoni, irrinforzata permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, fuq il-parteċipazzjoni f’logħob ta’ mħatri organizzati fi Stati Membri li huma differenti minn dak li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-persuna li tagħmel l-imħatra tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

58      L-istess jgħodd għall-projbizzjoni, mogħnija ukoll b’sanzjonijiet kriminali, imposta fuq intermedjarji bħall-akkużati fil-kawża prinċipali biex ma jkunx iffaċilitat l-għoti ta’ servizzi ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi organizzati minn fornitur, bħal Stanley, stabbilit fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih dawn l-intermedjarji jeżerċitaw l-attività tagħhom, peress li tali projbizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tal-bookmaker għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dan, anki jekk l-intermedjarji huma stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji ta’ l-imsemmija servizzi.

59      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-leġiżlazzjoni Taljana fuq l-imħatri, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk tali restrizzjonijiet jistgħux ikunu ammessi bħala miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew iġġustifikati, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

61      Dwar l-argumenti mressqa b’mod partikolari mill-Gvern Elleniku u dak Portugiż biex jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-logħob ta’ l-ażżard u ta’ l-imħatri, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li t-tnaqqis tad-dħul fiskali mhuwiex waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 46 KE u ma jikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata biex tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 28, u tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner, C 136/00, Ġabra p. I-8147, punt 56).

62      Kif jirriżulta mill-punt 36 tas-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, ir-restrizzjonijiet għandhom fi kwalunkwe każ jirriflettu t-tħassib li jitnaqqsu b’mod konkret l-okkażjonijiet fejn jista’ jsir logħob u l-finanzjament ta’ attivitajiet soċjali permezz ta’ taxxa fuq id-dħul minn logħob awtorizzat għandu jikkostitwixxi biss konsegwenza benefika inċidentali, u mhux il-ġustifikazzjoni reali, tal-politika restrittiva implementata.

63      Min-naħa l-oħra, kif fakkru kemm il-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et u Zenatti, li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet li tinvolvi l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ordni soċjali.

64      Fi kwalunkwe każ, biex ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ikunu ġġustifikati, dawn għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C 19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32, u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).

65      Fil-fatt, skond din il-ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet imsemmija għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu adatti sabiex jiggarantixxu il-kisba ta’ l-għan imfittex u m’għandhomx jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fi kwalunkwe każ, huma għandhom jiġu applikati b’mod li mhuwiex diskriminatorju.

66      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti bil-Liġi Nru 401/89 jirrispettawx dawn il-kundizzjonijiet. Għal dan l-għan, hija għandha tikkunsidra l-elementi speċifikati fil-punti li ġejjin.

67      L-ewwel nett, għalkemm fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, Läärä et u Zenatti, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-logħob jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi, u l-prevenzjoni tal-frodi u l-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob, xorta waħda r-restrizzjonijiet bbażati fuq dawn ir-raġunijiet u fuq il-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali iridu jkunu adatti biex jiggarantixxu li l-għanijiet imsemmija jintlaħqu fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu biex jillimitaw l-attivitajiet ta’ l-imħatri b’mod koerenti u sistematiku.

68      F’dan ir-rigward, billi rreferiet għax-xogħol preparatorju marbut mal-Liġi Nru 388/00, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-Istat Taljan qed isegwi fuq livell nazzjonali politika ta’ espansjoni qawwija tal-logħob u ta’ l-imħatri bil-għan li jikseb il-fondi, filwaqt li jipproteġi lill-konċessjonarji tal-CONI.

69      Issa, safejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jħajru u jinkoraġixxu lill-konsumaturi sabiex jieħdu sehem fil-lotteriji, fil-logħob ta’ l-ażżard jew fil-logħob ta’ l-imħatri sabiex it-Teżor pubbliku jibbenefika mill-aspett finanzjarju, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jistgħux jinvokaw l-ordni pubbliku soċjali marbut mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet fejn isir logħob sabiex jiġġustifikaw miżuri bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

70      Sussegwentement, ir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tas-sejħiet għal offerti għandhom japplikaw mingħajr ebda differenza fis-sens li għandhom japplikaw bl-istess mod u bl-istess kriterji għall-operaturi stabbiliti fl-Italja u għal dawk provenjenti minn Stati Membri oħra.

71      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fis-sejħiet għal offerti għal-liċenzji biex jiġu organizzati mħatri fuq avvenimenti sportivi humiex stabbiliti b’mod li fil-prattika jistgħu jkunu sodisfatti fil-prattika b’mod iktar faċli mill-operaturi Taljani milli mill-operaturi barranin. F’dak il-każ, l-istess kundizzjonijiet ma jkunux qegħdin jirrispettaw il-kriterju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

72      Fl-aħħar nett, ir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Taljana m’għandhomx jeċċedu dawk li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan in kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk is-sanzjoni kriminali imposta fuq kull persuna li tagħmel l-imħatri mir-residenza tagħha fl-Italja, permezz ta’ l-internet, ma’ bookmaker stabbilit fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxix sanzjoni sproporzjonata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C 193/94, Ġabra p. I-929, punti 34 sa 39, u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C 459/99, Ġabra P. I-6591, punti 89 sa 91), u dan speċjalment peress li l-parteċipazzjoni fl-imħatri hija inkoraġġuta meta din isseħħ fil-kuntest ta’ logħob organizzat minn korpi nazzjonali awtorizzati.

73      Barra minn hekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-kwistjoni dwar jekk il-fatt li jiġu imposti restrizzjonijiet, mogħnija b’sanzjonijiet kriminali li jistgħu jwasslu għal sena ħabs, fuq intermedjarji li jiffaċilitaw il-provvista ta’ servizzi minn bookmaker stabbilit fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih l-istess servizzi jiġu offruti, billi fil-fondi tagħhom ikollhom konnessjoni permezz ta’ l-internet ma’ dak il-bookmaker li tkun disponibbli għall-persuni li jagħmlu l-imħatri, jikkostitwixxix restrizzjoni li teċċedi dak li hu neċessarju biex tiġi miġġielda l-frodi, speċjalment peress li l-fornitur tas-servizzi huwa suġġett fl-Istat Membru ta’ istabbiliment għal sistema regolatorja ta’ kontrolli u sanzjonijiet, peress li l-intermedjarji huma kkostitwiti legalment u peress li, qabel l-emendi leġiżlattivi li jirriżultaw mil-Liġi Nru 388/00, dawn l-intermedjarji kienu jsostnu li huma kienu awtorizzati jittrasmettu l-imħatri fuq avvenimenti sportivi barranin.

74      F’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni Taljana fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, anki jekk l-għan mfittex mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru huwa li jiġi evitat ir-riskju li l-konċessjonarji tal-logħob ikunu implikati f’attivitajiet kriminali jew frawdolenti, il-fatt li tiġi eskluża l-possibbiltà għall-kumpanniji b’kapital azzjonarju kkwotati fuq is-swieq regolati ta’ Stati Membri oħrajn li jiksbu liċenzji sabiex jorganizzaw imħatri sportivi fl-Italja, speċjalment meta jeżistu mezzi oħra biex jiġu kkontrollati l-kontijiet u l-attivitajiet ta’ dawn il-kumpannija, jista’ jidher bħala miżura li teċċedi dak li hu neċessarju biex tiġi evitata l-frodi.

75      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li hija timponi jidhrux sproporzjonati fir-rigward ta’ l-istess għanijiet.

76      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi – taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali – it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ ġbir, aċċettazzjoni, reġistrazzjoni u trażmissjoni ta’ offerti ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq l-avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE rispettivament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li hija timponi jidhrux sproporzjonati fir-rigward ta’ l-istess għanijiet.

 Fuq l-ispejjeż

77      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Taljan, tal-Belġju, Elleniku, Spanjol, Franċiż, Lussemburgiż, Portugiż, Finlandiż u Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Bi tweġiba għad-domanda li tressqet quddiemha mit-Tribunale di Ascoli Piceno, b’digriet tat-30 ta’ Marzu 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi – taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali – it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ ġbir, aċċettazzjoni, reġistrazzjoni u trażmissjoni ta’ offerti ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq l-avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE rispettivament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li hija timponi jidhrux sproporzjonati fir-rigward ta’ l-istess għanijiet.

Skouris

Jann

Timmermans

Cunha Rodrigues

Edward

Schintgen

Macken

Colneric

von Bahr

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, illum 6 ta’ Novembru 2003.

Reġistratur

 

       Il-President

R. Grass

 

       V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq