Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32008D0773

2008/773/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Ottubru 2008 li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għas-sena 2008, għal proġett bi prova fil-qasam tal-professjonisti tas-saħħa

SL L 264, 3.10.2008, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/773/oj

3.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 264/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Ottubru 2008

li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għas-sena 2008, għal proġett bi prova fil-qasam tal-professjonisti tas-saħħa

(2008/773/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 49(6)(a) u 75 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 80/154/KEE tal-21 ta’ Jannar 1980 li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-professjoni tal-qwiebel u li tinkludi miżuri għall-iffaċilitar ta’ l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (3) u l-emendi sussegwenti tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (4),

Billi:

(1)

Il-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — is-Sena Finanzjarja 2008 fiha l-linja baġitarja 04.04.11 - “Proġett bi prova — Sitwazzjoni ta' impjieg ġdid fis-settur tas-saħħa: l-aħjar prassi għat-titjib ta' taħriġ u kwalifiki professjonali ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa u r-rimunerazzjoni tagħhom.”

(2)

L-Artikolu 49(6)(a) tar-Regolament Finanzjarju jistipula li approprjazzjonijiet għal skemi bi prova ta' natura sperimentali maħsuba biex jittestjaw il-fattibilità ta' azzjoni u l-utilità tagħha jista' jkun implimentat mingħajr att bażiku sakemm l-azzjonijiet li huma maħsuba biex jiffinanzjaw ikunu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità jew l-Unjoni u l-approprjazzjonijiet ta' impenn rilevanti jiddaħħlu fil-baġit għal sentejn finanzjarji suċċessivi biss:

(3)

Skond l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, l-impenn tal-infiq għandu jkun preċedut minn deċiżjoni ta' finanzjament li tiddetermina l-elementi essenzjali ta' azzjoni li tinvolvi l-infiq mill-baġit;

(4)

Din l-azzjoni se tappoġġja l-green paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-forza tax-xogħol tal-UE għas-saħħa ppjanata għat-tieni nofs tal-2008.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-proġett bi prova msemmi fl-Anness huwa approvat u għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-linja baġitarja 040411 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2008 sa massimu ta' EUR 1 000 000.

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-“Saħħa u l-Konsumatur” huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu.

Magħmula fi Brussell, 2 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 33, 11.2.1980, p. 1.

(4)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS

Ambitu: professjonisti tas-saħħa

Bażi ġuridika: L-Artikoli 49(6)(a) u 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

Proġett bi prova taħt il-linja baġitarja: 04 04 11.

L-għanijiet politiċi: L-Awtorità Baġitarja titlob lill-Kummissjoni fl-approprjazzjoni tagħha biex tiffinanzja l-inizjattivi li jgħinu t-trattament tas-sitwazzjoni ta' impjieg ġdid fis-settur tas-saħħa partikolarment f'relazzjoni mal-kwalifiki professjonali u d-dmirijiet imwettqa mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, assistenti tal-kura tas-saħħa u infermiera b'ħiliet aktar baxxi. Il-miżuri jinkludu:

l-analiżi tal-fatturi u politiki mmirati biex jintlaħaq aħjar il-bżonn ta' miżuri biex jiżdied il-forniment u titjieb il-kwalifika tal-persunal tal-kura tas-saħħa fit-tul;

il-promozzjoni ta' politiki ta' skambju u l-aħjar prassi mmirati biex jiffaċċjaw iż-żieda fil-konsum tal-kura minħabba bidla demografika;

il-finanzjament ta' inizjattivi li jeżaminaw l-effetti transkonfinali fuq is-servizzi tas-saħħa;

attenzjoni għall-effetti tal-livelli differenti ta' rimunerazzjoni, li jistgħu joħorġu minn dan il-kuntest, studji, laqgħat mal-esperti u kampanja ta' informazzjoni. Għandha tinstab soluzzjoni wkoll biex jinżamm il-livell ta' kura fis-sistemi ta' saħħa nazzjonali.

Il-ħidmiet tal-proġett huma konformi mal-green paper ippjanata tal-Kummissjoni dwar il-forza tax-xogħol tal-UE għas-saħħa li se tibda proċess ta' kunsiderazzjoni dettaljata ta' ppjanar tal-forza tax-xogħol u forniment u l-impatt ta' mobilità ta' ħaddiema tas-saħħa fi ħdan l-Istati Membri u fi ħdan l-UE.

Approprjazzjonijiet 2008: Linja tal-baġit 04 04 11 proġett bi prova: Sitwazzjoni ta' impjieg ġdid fis-settur tas-saħħa: l-aħjar prassi għat-titjib ta' taħriġ u kwalifiki professjonali ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa u r-rimunerazzjoni tagħhom. EUR 1 000 000

Għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi ppjanati: 4.

L-ewwel azzjoni se tkun kontribuzzjoni ta' massimu ta' EUR 100 000 għal studju dwar “Is-Servizzi, is-Setturi u l-Prodotti tal-Kura tas-Saħħa fl-Ewropa, Valutazzjoni tal-qagħda Kurrenti, Opportunitajiet, Sfidi u Impatt Soċjo-Ekonomiku” mniedi mid-DĠ Intrapriża u Industrija flimkien mad-DĠ Saħħa u Konsumaturi. L-azzjoni għandha tkun implimentata permezz ta' sejħa miftuħa għall-offerti. Il-proċedura tal-għażla hija mistennija titlesta f'Settembru 2008.

It-tieni waħda se tkun għotja diretta ta' massimu ta' EUR 400 000 u 80 % lill-osservatorju tad-WHO għall-organizzazzjoni ta' workshops dwar l-iskambju ta' l-aħjar prassi dwar politiki biex tinżamm il-forza tax-xogħol fil-kura tas-saħħa. Kif previst mill-Artikolu 168 (1) (f) tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, l-għotja se tingħata mingħajr sejħa għall-proposti minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' din l-azzjoni u l-grad għoli ta' speċjalizzazzjoni tad-WHO.

It-tielet waħda se tkun għotja diretta ta' massimu ta' EUR 300 000 u 60 % lill-OECD għal studju li jivvaluta l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera u l-politiki ta' promozzjoni ta' ġestjoni iktar effiċjenti tal-forza tax-xogħol tal-infermiera. Kif previst mill-Artikolu 168 (1) (f) tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, l-għotja se tingħata mingħajr sejħa għall-proposti minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' din l-azzjoni u l-grad għoli ta' speċjalizzazzjoni tal-OECD.

Ir-raba' waħda se tkun l-organizzazzjoni ta' workshop fi Brussell f'Diċembru 2008 għal massimu ta' EUR 200 000. Il-workshop se jkun iffinanzjat permezz ta' bosta kuntratti wara l-pubblikazzjoni tal-green paper dwar il-forza tax-xogħol tal-UE għas-saħħa biex iniedi kampanja ta' informazzjoni, irawwem id-dibattitu u jinkoraġġixxi l-kontribuzzjoni mmirata lejn l-identifikazzjoni ta' l-aħjar prassi.


Fuq