Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52021BP1657

    Riżoluzzjoni (UE) 2021/1657 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għas-sena finanzjarja 2019

    IO L 340, 24.9.2021, p. 444–448 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1657/oj

    24.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/444


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1657 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta’ April 2021

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għas-sena finanzjarja 2019

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għas-sena finanzjarja 2019,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0098/2021),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira- fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 288 403 000, li jirrappreżenta żieda sinifikanti ta' 40,23 % meta mqabbel mal-2018; billi ż-żieda kienet relatata mal-ammont riportat mill-2018 u żieda fl-ammont ta' xogħol u ta' persunal; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kważi esklużivament derivat mill-baġit tal-Unjoni;

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 44,51 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 30,67 % meta mqabbla mal-2018; josserva li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni kienet ikkawżata minn nuqqas ta' allinjament bejn l-ippjanar baġitarju għal kompiti ġodda kif ippreżentat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji leġiżlattivi rispettivi mħejjija mill-Kummissjoni u d-data vera tad-dħul fis-seħħ tal-atti legali rilevanti jew it-tlestija ta' atti sussegwenti, kif ukoll l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tardivi ta' ċerti atti legali; jinnota li minħabba r-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit, l-Aġenzija raddet lura EUR 66 miljun lill-Kummissjoni f'approprjazzjonijiet ta' pagament, inklużi EUR 23 miljun li ma kinux mitluba meta ġie stabbilit il-baġit, u rriportat EUR 159 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn li kienu awtorizzati mill-bord tat-tmexxija; jinnota li dan iqajjem dubji dwar is-suppożizzjonijiet tal-ippjanar fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji leġiżlattivi mħejjija mill-Kummissjoni; jinnota li l-inkorporazzjoni ta' ammont sinifikanti ta' riżorsi fil-baġit għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li għadha ma ġietx adottata tirrappreżenta riskju serju għall-użu effiċjenti tal-approprjazzjonijiet, b'mod partikolari għal dawk l-approprjazzjonijiet li ma ġewx mitluba mill-Aġenzija nnifisha; jinnota li l-problema tal-implimentazzjoni tal-baġit ġiet irrappurtata mill-Qorti anke fis-sena finanzjarja 2018; jinnota li skont it-tweġiba tal-Aġenzija, ir-riskji assoċjati mal-inkorporazzjoni tar-riżorsi fil-baġit tal-Aġenzija għal leġiżlazzjoni li tkun għadha ma ġietx adottata huma rrappurtati b'mod sistematiku lill-bord tat-tmexxija; jistieden lill-Aġenzija biex flimkien mal-Kummissjoni, ittejjeb l-allinjament tal-ippjanar baġitarju mal-kalendarju tal-atti legali; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Aġenzija fit-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji leġiżlattivi rispettivi fl-aktar stadju bikri possibbli; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 92,28 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,80 % meta mqabbla mal-2018;

    2.

    Jinnota, rigward is-segwitu għall-kumment tal-awtorità ta' kwittanza magħmul fis-sena preċedenti dwar il-ftehim biex jinbnew il-kwartieri ġodda tal-Aġenzija fi Strasburgu, li l-Aġenzija rreġistrat dikjarazzjonijiet ta' difiża mal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Strasburgu fil-15 ta' Mejju 2018 u fil-15 ta' Frar 2019 u li t-taħditiet bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni barra mill-qrati reġgħu bdew f'April 2019; jinnota li bejn Diċembru 2019 u April 2020 sar it-tieni skambju ta' atti proċedurali fiż-żewġ każijiet fil-Qorti Amministrattiva ta' Strasburgu (talba finanzjarja u talba ta' trasferiment ġudizzjarju), u li fl-20 ta' Mejju 2020, il-Qorti Amministrattiva kkonfermat li l-fażi ta' qabel il-proċess kienet għaddiet għaż-żewġ każijiet; jinnota li s-seduti ta' smigħ għaż-żewġ kawżi saru fit-23 ta' Lulju 2020 u li l-Qorti Amministrattiva ċaħdet għalkollox iż-żewġ talbiet; jinnota li fit-22 ta' Settembru 2020, l-applikant ippreżenta żewġ appelli quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta' Nancy; jinnota li l-iskadenza biex l-Aġenzija tippreżenta d-dikjarazzjonijiet ta' difiża quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta' Nancy kienet l-10 ta' Frar 2021; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza hekk kif jinħarġu s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta' Nancy;

    Prestazzjoni

    3.

    Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tuża ċerti għodod bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-għadd ta' nuqqasijiet kritiċi identifikati matul it-testijiet tas-sigurtà, il-perċentwal tar-riskji għas-sigurtà identifikati ttrattati mill-kontrolli tas-sigurtà assigurati u l-proporzjon tal-attivitajiet identifikati fil-programm ta' ħidma annwali mwettaq jew li jkun qed jiġi skedat;

    4.

    Ifakkar lill-Aġenzija dwar il-ħtieġa li b'mod regolari twettaq rieżami u aġġornament tas-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha biex tiżgura l-kontribut effiċjenti tal-Aġenzija għall-politiki tal-Unjoni u l-għarfien espert tagħha fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tanalizza bir-reqqa l-eżiti tal-kejl tal-prestazzjoni tagħha u tuża dan l-analiżi biex ittejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività tagħha;

    5.

    Jisħaq li l-Aġenzija tal-Unjoni toffri kontribut importanti għal Ewropa aktar sikura billi tiżgura l-ogħla livelli ta' sigurtà tal-informazzjoni u protezzjoni tad-data għall-informazzjoni li tiġi fdata lilha, tipprovdi servizzi ta' kwalità għolja u tgħin biex il-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-Istati Membri jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għall-informazzjoni pproċessata; ifakkar li l-kapaċità tal-Aġenzija kemm li ttejjeb sistemi ta' informazzjoni eżistenti kif ukoll li tiżviluppa oħrajn ġodda ġiet imsaħħa bil-mandat il-ġdid tagħha li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2018; ifakkar li l-2019 kienet l-ewwel sena sħiħa wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1726 (2) u jilqa' l-isforzi li saru mill-Aġenzija biex tadatta ruħha għal dawn ir-regoli l-ġodda;

    6.

    Jinnota b'apprezzament li l-Aġenzija għandha l-għan li tiżgura l-kosteffiċjenza u l-ekonomija ta' skala permezz tal-aggruppament tar-riżorsi ma' aġenziji oħra u permezz tagħhom bil-parteċipazzjoni f'sejħiet għall-offerti interistituzzjonali u arranġamenti kuntrattwali ma' fornituri oħra tas-servizzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' servizzi orizzontali; iħeġġeġ lill-Aġenzija tespandi l-parteċipazzjoni tagħha f'kollaborazzjoni interistituzzjonali anke fl-oqsma taċ-ċibersigurtà jew tat-tranżizzjoni ekoloġika; jinnota li l-Aġenzija qed taħdem mill-qrib mal-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u li l-arranġamenti ta' ħidma u l-pjanijiet ta' kooperazzjoni huma fis-seħħ mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; iħeġġeġ u jitlob lill-Aġenzija biex b'mod attiv tkompli tfittex kooperazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki akbar u usa' ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza, b'mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà;

    7.

    Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti li saru mill-awtorità ta' kwittanza bħala parti mill-kwittanza tal-2018, li l-Aġenzija tiġġestixxi tliet sistemi tal-IT fuq skala kbira li huma separati u mhux integrati, u li l-iskedi ta' żmien u l-limitazzjonijiet ta' żvilupp differenti li jirriżultaw mill-oqfsa legali separati li jirregolaw dawn is-sistemi wasslu biex is-sistemi tal-IT kellhom jinbnew b'mod separat u mhux integrat; jinnota li l-Aġenzija varat is-sejħa għall-offerti ta' qafas tal-inġinerija trasversali li għandha l-għan li żżid b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-ekonomiji ta' skala u tirrifletti aktar mill-qrib l-istruttura organizzattiva l-ġdida tad-dipartiment tal-operazzjonijiet, u jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

    8.

    Jinnota li fl-2019, l-Aġenzija varat programm ta' trasformazzjoni korporattiva li ngħata l-isem "eu-LISA 2.0" bil-għan li tallinja l-organizzazzjoni tal-Aġenzija mal-mandat u r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħha filwaqt li tiżgura li l-proġett ta' riorganizzazzjoni jkun miftuħ, trasparenti u jinvolvi lill-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija kkonkludiet bidla fl-istruttura organizzattiva tagħha fl-1 ta' Settembru 2019 u li ġew imfassla u implimentati strutturi organizzattivi matriċi kompletament ġodda għad-dipartiment tal-operazzjonijiet u għad-dipartiment tat-tmexxija korporattiva;

    9.

    Jilqa' l-istruttura organizzattiva ġdida stabbilita mill-Aġenzija, li ssaħħaħ il-kapaċitajiet meħtieġa għall-ippjanar operazzjonali u l-akkwist sottostanti, inkluż l-għoti ta' input legali u tekniku; jitlob, madankollu, li jsiru aktar sforzi biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli ta' akkwist u li jkun hemm kontrolli interni u rappurtar aktar preċiżi;

    10.

    Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti mis-snin preċedenti u l-fatt li l-Aġenzija ilha mill-2019 tippubblika avviżi ta' postijiet tax-xogħol vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

    Politika dwar il-persunal

    11.

    Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet implimentata biss fil-livell ta' 89,53 %, b'154 aġent temporanju maħtura mill-172 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (imqabbla ma' 136 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 61 aġent kuntrattwali u 8 esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2019;

    12.

    Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrappurtat fl-2019 fost il-maniġers superjuri, il-bord tat-tmexxija (50 raġel u 8 nisa) u l-persunal; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforz tagħha biex tikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom għall-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija;

    13.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

    14.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-awditu tal-proċeduri ta' reklutaġġ wera li l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet skont il-kriterji ta' eliġibbiltà mhux dejjem kienet rigoruża biżżejjed, u f'każ wieħed wassal għat-trattament inugwali tal-kandidati; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li tirrikonoxxi l-osservazzjoni u timpenja ruħha li tiżgura li l-applikanti kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;

    15.

    Jinnota li l-ammont ta' xogħol tal-Aġenzija żdied b'mod sinifikanti matul is-snin u li l-għadd limitat ta' persunal għadu waħda mill-isfidi ewlenin għall-Aġenzija, kemm minn perspettiva ta' żmien qasir kif ukoll minn dik fit-tul; jinnota li l-Aġenzija stenniet li l-għadd ta' persunal jiżdied għal aktar minn 300 sa tmiem l-2020; jirrikonoxxi li ż-żieda fil-persunal hija soġġetta għal approvazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, u li l-Aġenzija qed tipprova timmitiga l-impatt ta' dan l-għadd limitat ta' persunal permezz ta' riprijoritizzazzjoni tal-kompiti u reklutaġġ rapidu; jirrimarka li l-prattika attwali li l-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' att legali jiġi rreklutat biss ladarba tali att legali jkun fis-seħħ tiddependi mill-persunal eżistenti għat-twettiq tal-miżuri ta' tħejjija għall-implimentazzjoni ta' tali att legali u tpoġġi piż żejjed fuq il-kapaċità tat-tim ewlieni tal-Aġenzija, u għaldaqstant jeżisti r-riskju li tolqot il-prestazzjoni tal-kompiti ta' kuljum tal-Aġenzija; jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-antiċipazzjoni ta' wħud mill-kuntratti tal-membri tal-persunal previsti fi proposta għal att legali sabiex l-Aġenzija tkun tista' tħejji ruħha b'mod effiċjenti għall-implimentazzjoni ta' tali att legali;

    16.

    Jinnota d-diffikultajiet li tħabbat wiċċha magħhom l-Aġenzija fir-reklutaġġ ta' persunal kwalifikat u ż-żamma ta' tali persunal għal perjodu itwal ta' żmien; jenfasizza r-rwol importanti li għandha f'din il-kwistjoni d-deċiżjoni annwali dwar il-koeffiċjent ta' korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet ta' uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni; jissottolinja li l-koeffiċjenti ta' korrezzjoni jvarjaw b'mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor, li għandu impatt serju fuq kemm l-aġenziji li jinsabu fi Stati Membri b'koeffiċjenti ta' korrezzjoni aktar baxxi huma kapaċi jirreklutaw u jżommu l-persunal u l-għarfien espert; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tistabbilixxi koeffiċjenti ta' korrezzjoni differenti bbażati fuq valutazzjoni reġjonali aktar milli nazzjonali; jenfasizza li l-kwartieri ġenerali tal-aġenziji li jinsabu fi Stati Membri b'koeffiċjenti ta' korrezzjoni aktar baxxi normalment jinsabu fi bliet kapitali fejn l-ispejjeż għall-għajxien u s-sussistenza huma wisq ogħla milli f'partijiet oħra tal-pajjiżi;

    17.

    Jinnota li fid-dawl tal-iskala u l-kumplessità tal-operazzjonijiet tagħha, l-Aġenzija ma tistax tevita li tuża kuntratturi privati u li l-Aġenzija tagħmel użu mis-servizzi ta' 96 fornitur estern tas-servizzi, apparti l-membri tal-persunal tal-kumpaniji kkuntrattati biex jappoġġaw lill-Aġenzija fit-tmexxija operattiva tas-sistemi eżistenti jew fl-iżvilupp ta' sistema ġodda; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija talbet l-approvazzjoni għal aktar membri tal-persunal (17-il aġent kuntrattwali) iżda li l-Kummissjoni ma tatx tali approvazzjoni; jinnota li d-dipendenza minn kuntratturi privati tista' titnaqqas biss permezz ta' żieda sostanzjali ulterjuri tal-persunal fi ħdan l-Aġenzija lil hinn miċ-ċifri tat-tabella tal-persunal preżenti tagħha;

    18.

    Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuni u l-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota li wara talba minn membru tal-persunal f'Ottubru 2018, l-Aġenzija fetħet inkjesta amministrattiva fl-2019 li tlestiet f'Settembru 2019 b'miżura dixxiplinarja; jirrikonxxi li nħareġ ilment kontra dik il-miżura dixxiplinarja u li l-Aġenzija wieġbet fit-3 ta' Awwissu 2020; jinnota li l-membru tal-persunal ikkonċernat ressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza sa Ġunju 2021 dwar il-progress li jkun sar u, jekk ikun applikabbli, dwar il-miżuri korrettivi meħuda wara deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali; jinnota li abbażi tad-data mill-konsulenti kunfidenzjali, kien hemm disa' każijiet ta' fastidju rrappurtati matul l-2019 iżda l-ebda wieħed mill-każijiet ma wassal biex il-membri tal-persunal fittxew appoġġ permezz ta' proċeduri formali jew informali;

    Akkwist

    19.

    Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, pagament ta' EUR 284 000 relatat mal-forniment ta' "manutenzjoni korrettiva tal-funzjonament tajjeb tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen' taħt kuntratt qafas (il-"kuntratt MWS") kien jirreferi għal perjodu ta' żmien mhux kopert mit-tul ta' żmien tal-kuntratt MWS, u b'riżultat ta' dan, ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali; jinnota li skont it-tweġiba tal-Aġenzija, dik il-kostatazzjoni tittratta l-estensjoni tal-manutenzjoni korrettiva tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għal raġunijiet operattivi inevitabbli li diġà kienet inkluża f'rapport dwar il-kontijiet tal-Aġenzija għas-sena 2018, u li ma setgħetx tittieħed azzjoni korrettiva;

    20.

    Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tal-kostatazzjonijiet tal-Qorti għas-sena preċedenti li l-formula ta' evalwazzjoni stipulata fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta għall-kuntratt MWS kienet differenti minn dik ikkomunikata fid-dokument ta' mistoqsija u tweġiba għall-offerenti u li l-Aġenzija għandha ssaħħaħ il-kontrolli interni relatati mal-akkwist; jinnota li skont is-segwitu tal-Aġenzija, il-valutazzjoni expost ma tintużax bħala funzjoni fi ħdan il-proċess ta' akkwist minħabba n-nuqqas ta' riżorsi umani allokati iżda li l-Aġenzija ħadet passi bl-għan li jiġi mitigat ir-riskju enfasizzat fl-osservazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kuntratti u tal-bejjiegħa u r-riassenjament tal-persunal responsabbli għat-tħejjija u l-evalwazzjoni tal-offerta għal rwoli operattivi oħra;

    21.

    Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tal-kostatazzjonijiet tal-Qorti għas-sena preċedenti, li l-Aġenzija żiedet il-prezzijiet ta' kuntratt qafas mingħajr ma emendatu u estendiet kuntratt speċifiku wieħed wara l-iskadenza tal-kuntratt qafas; jinnota li l-Aġenzija ħadet passi bil-għan li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-kuntratti u tal-bejjiegħa;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, etika u trasparenza

    22.

    Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li l-Aġenzija għandha fis-seħħ regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-membri tal-persunal; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija organizzat sessjoni waħda ta' taħriġ dwar l-etika u l-integrità b'enfasi fuq l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-frodi mogħtija minn rappreżentant tal-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), żewġ sessjonijiet ta' taħriġ dwar l-etika u l-kodiċi ta' kondotta li koprew il-prevenzjoni tal-fastidju u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta bl-involviment tal-counsellors kunfidenzjali tal-Aġenzija, u tliet sessjonijiet ta' taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota li fl-2019 ġew sottomessi 106 dikjarazzjonijiet ta' interess minn membri tal-persunal maħtura bħala aġenti jew verifikaturi fiċ-ċirkwiti operattivi u finanzjarji u minn persuni ġodda, li 21 minnhom iddikjaraw interess, u li fil-każ ta' membru wieħed tal-persunal, ġie rakkomandat li ma jipparteċipax f'diversi azzjonijiet biex jikkonforma mar-regoli li jipprevjenu l-kunflitti ta' interess; jinnota li f'Ġunju 2020, il-bord tat-tmexxija kien mistenni jadotta regoli ġodda dwar il-kunflitti ta' interess li japplikaw għall-membri kollha tal-persunal tal-Aġenzija, inkluż il-maniġment superjuri tagħha; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza sa Ġunju 2021 dwar il-progress li jkun sar;

    23.

    Jenfasizza l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' koordinament bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

    24.

    Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

    25.

    Jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, ma hemm l-ebda obbligu legali li s-CVs tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħha jiġu ppubblikati; jenfasizza, f'dak ir-rigward, li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jagħtu l-eżempju f'termini ta' trasparenza, u jistieden lill-membri tal-bord tat-tmexxija jippubblikaw is-CVs tagħhom fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija se tkompli tħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-bord tat-tmexxija biex jipprovdu s-CVs tagħhom sabiex tiżdied it-trasparenza; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza sa Ġunju 2021 dwar il-progress li jkun sar;

    Kontrolli interni

    26.

    Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern, b'riżultat tal-awditu dwar ir-Reklutaġġ tal-Persunal, il-Ġestjoni u l-Ikkuntrattar tal-Fornituri ta' Servizzi Strutturali (SSPs) u l-Etika Organizzattiva", li sar fl-2019, ikkonkluda żewġ kwistjonijiet "importanti ħafna"; jinnota li l-Aġenzija se tistabbilixxi pjan ta' azzjoni li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar;

    27.

    Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati ma' rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li għadhom miftuħa li fi tmiem l-2019 ir-rata ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar kienet ta' 62 % (ġew implimentati 21 minn 34 rakkomandazzjoni); jinnota li b'kollox 32 rakkomandazzjoni kienu miftuħa fi tmiem l-2019, u minnhom, l-ebda waħda ma kienet "kritika"; jinnota li fl-2020, l-Aġenzija ħadet azzjonijiet sodi u urġenti bil-għan li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet posposti, inkluż l-iffissar ta' dati ġodda għat-twettiq tal-miri; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza sa Ġunju 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar;

    28.

    Jinnota li l-Aġenzija adottat u użat il-qafas ta' kontroll intern rivedut kmieni fl-2019;

    29.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' operazzjonijiet u ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat akkost ta' kollox distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata mill-Aġenzija;

    30.

    Jinnota l-isforzi li saru biex jiżdiedu ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija;

    Kummenti oħra

    31.

    Jinnota li b'antiċipazzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-Aġenzija għamlet it-tħejjijiet kollha meħtieġa biex twettaq l-iskonnessjoni tar-Renju Unit u t-tħassir possibbli tad-data tar-Renju Unit mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u mill-Bażi tad-Data Ewropea tad-Dattiloskopija tal-Ażil kif u meta jkun meħtieġ mill-qafas legali; jinnota li l-Aġenzija għamlet it-tħejjijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) u l-linji gwida rispettivi tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-korpi ta' governanza tal-Aġenzija, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, ir-rapporti tal-istatistika u kwistjonijiet rilevanti oħra;

    32.

    Jilqa' l-preżenza attiva online tal-Aġenzija fl-2019; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħha biex iżżid il-viżibbiltà pubblika tagħha;

    33.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 107, 31.3.2020, p. 172.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.


    Fuq