Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020R1213

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

    C/2020/5675

    IO L 275, 24.8.2020, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1213/oj

    24.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/5


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1213

    tal-21 ta’ Awwissu 2020

    dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk jiġi konkluż, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li joriġina minn pajjiż terz, minn grupp ta’ pajjiżi terzi jew minn żona speċifika tal-pajjiż terz ikkonċernat ikunu joħolqu riskju inaċċettabbli, iżda li dak ir-riskju jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri, il-Kummissjoni għandha tneħħi lil dik il-pjanta, lill-prodott mill-pjanti jew lill-oġġett l-ieħor mil-lista tar-Regolament (UE) 2018/2019 u żżidha mal-lista msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (3)

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jinkludi l-ġeneri Albizia Durazz. u Robinia L. bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (4)

    Fl-24 ta’ Jannar 2019, Iżrael bagħat talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti mlaqqmin, inattivi għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm, tal-ispeċi Albizia julibrissin Durazzini, u ta’ pjanti mlaqqmin, inattivi għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm tal-ispeċi Robinia pseudoacacia L. (“il-pjanti speċifikati”). Din it-talba kienet sostnuta bid-dossiers tekniċi rispettivi.

    (5)

    Fit-13 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità, tal-pjanti Albizia julibrissin minn Iżrael (3). L-Awtorità identifikat lil Aonidiella orientalis, kumpless ta’ speċijiet li jinkludi lil Euwallacea fornicatus sensu stricto, Euwallacea fornicatior, Euwallacea whitforiodendrus u Euwallacea kuroshio (“Euwallacea fornicatus sensu lato”) u Fusarium euwallaceae (“il-pesti speċifikati”) bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti, u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien mill-pesti għal kull pest relatat ma’ dik il-komodità.

    (6)

    Fit-2 ta’ Marzu 2020, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità, tal-pjanti Robinia pseudoacacia minn Iżrael (4). Identifikat lil Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti, u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien mill-pesti għal kull pest relatat ma’ dik il-komodità.

    (7)

    Wara dawk l-opinjonijiet, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1214 (5) neħħa l-pjanti speċifikati mil-lista tal-pjanti ta’ riskju għoli tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

    (8)

    Barra minn hekk, u abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni jitqies li huwa mnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ miżuri li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti speċifikati. Għalhekk jenħtieġ jiġu adottati miżuri li jiżguraw il-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni.

    (9)

    Euwallacea fornicatus jappartjeni għall-familja ta’ Scolytidae (mhux Ewropea), li hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (6) bħala grupp ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni. Għal Euwallacea fornicatus sensu lato, hemm valutazzjoni tar-riskju fitosanitarju mwettqa minn Spanja (7) u rapport (8) ippubblikat mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“EPPO”) li jissuġġerixxu miżuri ta’ mitigazzjoni. Il-miżuri deskritti minn Iżrael fid-dossier jenħtieġ jiġu kumplementati bil-miżuri ssuġġeriti f’dik il-valutazzjoni tar-riskju tal-pesti u r-rapport rispettiv. Il-miżuri adottati huma soġġetti għal rieżami fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika u teknika addizzjonali.

    (10)

    Aonidiella orientalis u Fusarium euwallaceae għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072, iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskju sħiħa ulterjuri. Għalhekk, il-miżuri għal dawk iż-żewġ pesti huma bbażati fuq dawk deskritti minn Iżrael fid-dossier. Meta jiġi stabbilit li dawk il-pesti jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet, dawn se jiġu inklużi fil-lista tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u l-pjanti rilevanti se jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-miżuri rispettivi, meta ssir disponibbli valutazzjoni tar-riskju sħiħa fuq dawn il-pesti u tkun tiġġustifika dawk l-inklużjonijiet. Dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi rivedut skont dan.

    (11)

    Għal konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti jenħtieġ tissokta fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi terzi ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019.

    Artikolu 2

    Miżuri għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, li joriġinaw minn pajjiżi terzi

    Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, li joriġinaw mill-pajjiżi terzi ta’ oriġini rispettivi, kif elenkati fl-Anness, jistgħu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni biss jekk ikunu jikkonformaw mal-miżuri korrispondenti stabbiliti fih.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  EFSA PLH Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità, tal-pjanti Albizia julibrissin minn Iżrael. EFSA Journal 2020;18(1):5941. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.5941.

    (4)  EFSA PLH Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità, tal-pjanti Robinia pseudoacaci minn Iżrael. EFSA Journal 2020;18(3):6039. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6039.

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1214 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward tal-injam tal-Ulmus L. u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Albizia julibrissin Durazzini u tar-Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw mill-Iżrael (ara paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (7)  Analiżi tar-Riskju tal-Pesti għall-Ħanfusa tal-Ambrożja Euwallacea sp. inkluż l-ispeċijiet kollha tal-ġeneru Euwallacea li huma morfoloġikament simili għal E.fornicatus. Ministerio de Agricultura Alimentacion y Medio Ambiante. Spanja, Novembru 2015. https://pra.eppo.int/getfile/1517056f-e553-4617-aaee-13d180cb5bc3.

    (8)  Rapport ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Pesti għal Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae (EPPO, 2017). https://pra.eppo.int/getfile/ef7ea29b-e0ea-456f-a4a5-04c2a119a807.


    ANNESS

    Lista tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra, li joriġinaw minn pajjiżi terzi, u r-rekwiżiti korrispondenti għall-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi ta’ oriġini

    Miżuri

    1.

    Pjanti mlaqqmin, inattivi għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin, b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm tal-ispeċi Albizia julibrissin Durazzini;

    ex 0602 90 41

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    ex 0602 90 48

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    Il-pjanti huma ħielsa minn Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae.

    (ii)

    il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini. Dik ir-reġistrazzjoni tinkludi s-siti tal-produzzjoni rispettivi fil-post tal-produzzjoni.

    (iii)

    Il-pjanti jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    1.

    Il-pjanti b’dijametru inqas minn 2 cm fil-bażi taz-zokk,

    jew,

    2.

    Mill-anqas għal sitt xhur qabel l-esportazzjoni, il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni ta’ Euwallacea fornicatus sensu lato li hu soġġett għal spezzjonijiet uffiċjali fi żminijiet xierqa u li nstab ħieles mill-pest, ikkonfermat mill-inqas bin-nases li jiġu kkontrollati mill-inqas kull erba’ ġimgħat, inkluż minnufih qabel il-ġarr,

    jew,

    3.

    Sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ tal-veġetazzjoni, waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru mill-inqas kull erba’ ġimgħat, il-pjanti tkabbru f’sit tal-produzzjoni li nstab ħieles minn Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae, ikkonfermat għal Euwallacea fornicatus sensu lato, mill-inqas bin-nases; f’każ ta’ suspett tal-preżenza ta’ wieħed miż-żewġ pesti fis-sit tal-produzzjoni, ikunu twettqu trattamenti xierqa kontra l-pesti biex ikun żgurat li l-pesti ma jkunux preżenti; tiġi stabbilita żona tal-madwar ta’ 1 km, li tkun monitorjata fi żminijiet xierqa għal Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae u meta jinstab xi wieħed miż-żewġ pesti fuq xi pjanti ospitanti, dawk il-pjanti jenħtieġ jitneħħew minnufih u jinqerdu.

    (iv)

    Minnufih qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti b’dijametru ta’ 2 cm jew iżjed fil-bażi taz-zokk kienu soġġetti għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-pest, b’mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti, inkluż il-kampjunar distruttiv. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

    (b)

    Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213”.

    (ii)

    L-ispeċifikazzjoni ta’:

    liema rekwiżit tal-punt (a)(iii) hawn fuq f’din l-entrata ġie ssodisfat, u

    is-sit(i) tal-produzzjoni rreġistrat(i).

    2.

    Pjanti mlaqqmin, inattivi għat-tħawwil, bl-għeruq mikxufin,b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm tal-ispeċi Albizia julibrissin Durazzini;

    ex 0602 90 41

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    ex 0602 90 48

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    Il-pjanti huma ħielsa minn Aonidiella orientalis,

    (ii)

    Il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini. Dik ir-reġistrazzjoni tinkludi s-siti tal-produzzjoni rispettivi fil-post tal-produzzjoni. Dak il-post tal-produzzjoni jissodisfa wkoll wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    1.

    Il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni ta’ Aonidiella orientalis mill-anqas għal sitt xhur qabel l-esportazzjoni, li hu soġġett għal spezzjonijiet uffiċjali kull tliet ġimgħat u li nstab ħieles mill-pest, inkluż minnufih qabel il-ġarr,

    jew

    2.

    Sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ tal-veġetazzjoni, waqt spezzjonijiet uffiċjali mwettqa kull tliet ġimgħat, is-sit tal-produzzjoni nstab ħieles minn Aonidiella orientalis; f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-pest fis-sit tal-produzzjoni, twettqu trattamenti xierqa kontra l-pest biex ikun żgurat li l-pest ma jkunx preżenti; tiġi stabbilita żona tal-madwar ta’ 100 m, li tkun monitorjata fi żminijiet xierqa għal Aonidiella orientalis, u meta jinstab il-pest fuq xi pjanti, dawk il-pjanti jenħtieġ jitneħħew minnufih u jinqerdu.

    (iii)

    Minnufih qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti kienu soġġetti għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza ta’ Aonidiella orientalis, b’mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %;

    (b)

    Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213”.

    (ii)

    L-ispeċifikazzjoni ta’:

    liema rekwiżit tal-punt (a)(ii) hawn fuq f’din l-entrata ġie ssodisfat, u

    is-sit(i) tal-produzzjoni rreġistrat(i).

    3.

    Pjanti mlaqqmin, għat-tħawwil inattivi, tal-ispeċi Robinia pseudoacacia L., bl-għeruq mikxufin, b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm;

    ex 0602 90 41

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    ex 0602 90 48

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    Il-pjanti huma ħielsa minn Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae.

    (ii)

    Il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini. Dik ir-reġistrazzjoni tinkludi s-siti tal-produzzjoni rispettivi fil-post tal-produzzjoni

    (iii)

    Il-pjanti jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    1.

    Il-pjanti b’dijametru inqas minn 2 cm fil-bażi taz-zokk,

    jew,

    2.

    Mill-anqas għal sitt xhur qabel l-esportazzjoni, il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni ta’ Euwallacea fornicatus sensu lato li hu soġġett għal spezzjonijiet uffiċjali fi żminijiet xierqa u li nstab ħieles mill-pest, ikkonfermat mill-inqas bin-nases li jiġu kkontrollati mill-inqas kull erba’ ġimgħat, inkluż minnufih qabel il-ġarr,

    jew,

    3.

    Sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ tal-veġetazzjoni, waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru mill-inqas kull erba’ ġimgħat, il-pjanti tkabbru f’sit tal-produzzjoni li nstab ħieles minn Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae, ikkonfermat għal Euwallacea fornicatus sensu lato, mill-inqas bin-nases; f’każ ta’ suspett tal-preżenza ta’ wieħed miż-żewġ pesti fis-sit tal-produzzjoni, ikunu twettqu trattamenti xierqa kontra l-pesti biex ikun żgurat li l-pesti ma jkunux preżenti; tiġi stabbilita żona tal-madwar ta’ 1 km, li tkun monitorjata fi żminijiet xierqa għal Euwallacea fornicatus sensu lato u Fusarium euwallaceae u meta jinstab xi wieħed miż-żewġ pesti fuq xi pjanti ospitanti, dawk il-pjanti jenħtieġ jitneħħew minnufih u jinqerdu.

    (iv)

    Minnufih qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti b’dijametru ta’ 2 cm jew iżjed fil-bażi taz-zokk kienu soġġetti għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-pest, b’mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti, inkluż il-kampjunar distruttiv. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

    (b)

    Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213”.

    (ii)

    L-ispeċifikazzjoni ta’:

    liema rekwiżit tal-punt (a)(iii) hawn fuq f’din l-entrata ġie ssodisfat, u

    is-sit(i) tal-produzzjoni rreġistrat(i).


    Fuq