Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011TN0359
Case T-359/11: Action brought on 7 July 2011 — Makhlouf v Council
Kawża T-359/11: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Lulju 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill
Kawża T-359/11: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Lulju 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill
IO C 282, 24.9.2011, p. 25–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 282/25 |
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill
(Kawża T-359/11)
2011/C 282/54
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Hefez Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentanti: P. Grollet u G. Karouni, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrent; |
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent; |
— |
tannulla d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2011/302/PESK, li permezz tagħha l-anness tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK huwa sostitwit bit-test li jidher fl-anness tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent; |
— |
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż skont l-Artikoli 87 u 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
(1) |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq. Ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura peress li sofra s-sanzjonijiet inkwistjoni mingħajr ma l-ewwel instema’, mingħajr ma kellu l-opportunità jiddefendi ruħu u mingħajr ma kellu konoxxenza tal-elementi li abbażi tagħhom ittieħdu dawn il-miżuri. |
(2) |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE. Ir-rikorrent jallega li l-Kunsill impona fuqu miżuri restrittivi, mingħajr ma kkomunikalu r-raġunijiet, bil-għan li huwa jkun jista’ jista’ jesponi l-motivi tad-difiża tiegħu. Ir-rikorrent jallega li l-konvenut kien sodisfatt b’formulazzjoni ġenerika u sterotipata, mingħajr ma semma’ b’mod preċiż il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li ġegħluh jieħu dik id-deċiżjoni. |
(3) |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-garanzija rigward id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrent isostni li, mhux biss ma setax isostni l-perspettiva tiegħu b’mod utli quddiem il-Kunsill, iżda anki li fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta’ motivi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikawha, huwa ma kienx fil-pożizzjoni li jeżerċita r-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. |
(4) |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità. |
(5) |
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-proprjetà, sa fejn il-miżuri restrittivi, u aktar preċiżament il-miżura tal-iffriżar ta’ fondi, tikkostitwixxi preġudizzju sproporzjonat fil-konfront tad-dritt fundamentali tar-rikorrent li jiddisponi mill-beni tiegħu b’mod liberu. |
(6) |
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata, sa fejn il-miżuri tal-iffriżar ta’ fondi u li jirrestrinġu l-libertà li wieħed imur u jiġi jikkostitwixxu bl-istess mod preġudizzju sproporzjonat fil-konfront tad-dritt fundamentali tar-rikorrent. |