This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003F0568R(01)
Rettifika tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 192 tal-31 ta’ Lulju 2003) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 182)
Rettifika tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 192 tal-31 ta’ Lulju 2003) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 182)
ST/11320/2019/INIT
Úř. věst. L 255, 4.10.2019, pp. 7–10
(MT)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2003/568/corrigendum/2019-10-04/oj
|
4.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 255/7 |
Rettifika tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 192 tal-31 ta’ Lulju 2003 )
(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 182)
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill għandha taqra kif ġej:
“ ID-DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2003/568/ĠAI
tat-22 ta’ Lulju 2003
dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1)(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tad-Danimarka (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
|
(1) |
Flimkien mal-globalizzazzjoni, is-snin reċenti ġabu magħhom żieda fil-kummerċ transfruntier ta’ merkanzija u servizzi. Għalhekk kwalunkwe korruzzjoni fis-settur privat fi Stat Membru mhuwiex sempliċiment problema nazzjonali imma wkoll problema transnazzjonali, li tista’ tiġi megħluba b’mod iktar effettiv permezz ta’ azzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
Fis-27 ta’ Settembru 1996, il-Kunsill adotta l-Att li jfassal Protokoll mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (3). Il-Protokoll, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2002, fih definizzjonijiet ta’ reati ta’ korruzzjoni u pieni armonizzati għalihom. |
|
(3) |
Fis-26 ta’ Mejju 1997, il-Kunsill approva Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4). |
|
(4) |
Fit-22 ta’ Diċembru 1998, il-Kunsill adotta wkoll l-Azzjoni Konġunta 98/742/JHA dwar il-korruzzjoni fis-settur privat (5). F’konnessjoni mal-adozzjoni ta’ dik l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni bl-effett illi qablet li l-Azzjoni Konġunta tirrappreżenta l-ewwel pass fil-livell Ewropew lejn il-ġlieda kontra tali korruzzjoni, u li ser jiġu implimentati miżuri addizzjonali fi stadju iktar tard fid-dawl tal-eżitu tal-valutazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 89(2) tal-Azzjoni Konġunta. Għadu mhux disponibbli rapport dwar it-traspożizzjoni mill-Istati Membri ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-liġi nazzjonali. |
|
(5) |
Fit-13 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (6), li fiha l-korruzzjoni hija inkluża fil-lista ta’ reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li fir-rigward tagħhom mhix meħtieġa verifika minn qabel tal-kriminalità doppja. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa l-għan tal-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini tagħha b’livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għan li jrid jinkiseb billi jiġu pprevenuti u miġġielda r-reati, organizzati jew xorta oħra, inkluża l-korruzzjoni. |
|
(7) |
Skont il-punt 48 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-korruzzjoni hija qasam ta’ rilevanza partikolari meta jiġu stabbiliti r-regoli minimi dwar x’jikkostitwixxi reat kriminali fl-Istati Membri u l-pieni applikabbli. |
|
(8) |
Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali kienet approvata f’konferenza dwar in-negozjati fil-21 ta’ Novembru 1997, u l-Kunsill tal-Ewropa approva wkoll Konvenzjoni tal-Liġijiet Kriminali dwar il-Korruzzjoni, li nfetħet għall-firem fis-27 ta’ Jannar 1999. Din il-Konvenzjoni hija akkumpanjata bi Ftehim li jistabbilixxi l-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Infetħu wkoll negozjati għal Konvenzjoni tan-NU dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. |
|
(9) |
L-Istati Membri jagħtu importanza partikolari lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, billi jemmnu illi fiż-żewġ setturi l-korruzzjoni toħloq theddida għal soċjetà li tobdi l-liġijiet kif ukoll tgħawweġ il-kompetizzjoni fejn jidħol ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi kummerċjali u timpedixxi żvilupp ekonomiku b’saħħtu. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 1997 u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta’ Jannar 1999 ser iqisu kif jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. |
|
(10) |
Il-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa b’mod partikolari li jiġi żgurat li kemm il-korruzzjoni attiva u kemm dik passiva fis-settur privat huma reati kriminali fl-Istati Membri kollha, illi persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli minn dawn ir-reati, u li dawn ir-reati jġorru pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
|
— |
“persuna ġuridika” tfisser kull entità li jkollha dan l-istatus taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, għajr għall-Istati jew il-korpi l-oħra pubbliċi li jaġixxu fil-kapaċità ta’ awtorità statali u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali, |
|
— |
“ksur tad-dmirijiet” għandha tinftiehem skont il-liġijiet nazzjonali. Il-kunċett tal-ksur tad-dmirijiet fil-liġi nazzjonali għandu jkopri bħala minimu kull imġiba żleali li tikkostitwixxi ksur tad-dmirijiet statutorji, jew, skont il-każ, ksur tar-regolamenti jew tal-istruzzjonijiet professjonali, li japplikaw ġewwa n-negozju ta’ persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità fis-settur privat. |
Artikolu 2
Korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-imġiba intenzjonata li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta titwettaq fil-kors ta’ attivitajiet tan-negozju:
|
(a) |
il-wegħda, l-offerta jew il-għotja, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, lil persuna li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità għal entità fis-settur privat, ta’ kwalunkwe vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip, għaliha nfisha jew għal parti terza, sabiex din il-persuna twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet tagħha; |
|
(b) |
li titlob jew li tirċievi, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip, jew li taċċetta wegħda ta’ tali vantaġġ, għaliha nfisha jew għal parti terza, waqt li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità għal entità fis-settur privat, sabiex twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak li jkun. |
2. Il-paragrafu 1 japplika għall-attivitajiet tan-negozju ġewwa entitajiet bi qligħ u mingħajr qligħ.
3. Stat Membru jista’ jiddikjara illi ser jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 għal dik l-imġiba li tinvolvi, jew tista’ tinvolvi, tagħwiġ fil-kompetizzjoni fir-rigward tax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi kummerċjali.
4. Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu kkomunikati lill-Kunsill fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u għandhom ikunu validi għal ħames snin mit-22 ta’ Lulju 2005.
5. Il-Kunsill għandu jirrieżamina dan l-Artikolu fi żmien debitu qabel it-22 ta’ Lulju 2010 bil-ħsieb li jiġi kkunsidrat jekk għandux ikun possibbli li jiġġeddu d-dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-paragrafu 3.
Artikolu 3
Tixwix, għajnuna u assistenza
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi t-tixwix, l-għajnuna u l-assistenza tal-imġiba msemmija fl-Artikolu 2 jikkostitwixxu reati kriminali.
Artikolu 4
Pieni u sanzjonijiet oħra
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tkun punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikolu 2 tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas minn sena sa tliet snin ħabs.
3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skont ir-regoli u l-prinċipji kostituzzjonali tiegħu sabiex jiżgura illi meta persuna fiżika f’ċerta attività tan-negozju tkun instabet ħatja tal-imġiba msemmija fl-Artikolu 2, dik il-persuna tista’, fejn xieraq, għall-inqas fil-każijiet fejn kellha pożizzjoni ta’ tmexxija f’kumpanija fi ħdan in-negozju kkonċernat, tkun temporanjament ipprojbita milli tissokta din l-attività partikolari tan-negozju jew paragunabbli f’pożizzjoni jew f’kapaċità simili, jekk il-fatti stabbiliti jagħtu raġuni lil dak li jkun li jemmen illi jeżisti riskju ċar tal-abbuż tal-pożizzjoni jew tal-kariga b’korruzzjoni attiva jew passiva.
Artikolu 5
Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jiġu miżmuma responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn korp ta’ persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija ġewwa l-persuna ġuridika, abbażi ta’:
|
(a) |
setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika; |
|
(b) |
awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew |
|
(c) |
awtorità sabiex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika. |
2. Apparti l-każijiet previsti fil-paragrafu 1, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli meta n-nuqqas tas-sorveljanza jew tal-kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun għamlet possibbli t-twettiq ta’ reat tat-tip imsemmi fl-Artikoli 2 u 3 għall-benefiċċju ta’ din il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.
3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu l-awturi, ix-xewwiexa jew il-kompliċi f’reat tat-tip imsemmi fl-Artikoli 2 u 3.
Artikolu 6
Pieni għal persuni ġuridiċi
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(1) tkun punibbli b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu pieni oħra bħal:
|
(a) |
l-esklużjoni mill-intitolament għall-benefiċċji jew l-għajnuna pubbliċi; |
|
(b) |
l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet industrijali jew kummerċjali; |
|
(c) |
it-tqegħid taħt is-sorveljanza ġudizzjarja; jew |
|
(d) |
ordni ġudizzjarju ta’ stralċ; |
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(2) tkun punibbli b’pieni jew miżuri kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 7
Ġurisdizzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu rigward ir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3, fejn ir-reat ikun twettaq:
|
(a) |
fl-intier tiegħu jew f’parti minnu fit-territorju tiegħu; |
|
(b) |
minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu; jew |
|
(c) |
għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika illi għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. |
2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax ir-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-paragrafu 1(b) u (c), jew japplikahom biss f’każijiet jew f’ċirkostanzi speċifiċi, fejn ir-reat ikun twettaq ’il barra mit-territorju tiegħu.
3. Kwalunkwe Stat Membru li, skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu, ma jkunx għadu kkonsenja liċ-ċittadini tiegħu stess għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tar-reati msemmija fl-Artikolu 2 u 3 meta jitwettqu miċ-ċittadini tiegħu stess ’il barra mit-territorju tiegħu.
4. L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 għandhom jgħarrfu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, u jindikaw, meta opportun, il-każijiet jew iċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tapplika d-deċiżjoni.
Artikolu 8
Tħassir
L-Azzjoni Konġunta 98/742/ĠAI hija mħassra.
Artikolu 9
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas qabel it-22 ta’ Lulju 2005.
2. Sal-istess data, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Deċiżjoni Qafas. Fuq il-bażi ta’ rapport stabbilit bl-użu ta’ dan it-tagħrif u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, qabel it-22 ta’ Ottubru 2005, jagħmel analiżi biex jara safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 10
Applikazzjoni territorjali
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-Ġibiltà.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, fit-22 ta’ Lulju 2003.
Għall-Kunsill
Il-President
G. ALEMANNO ”
(2) Opinjoni tat-22 ta’ Novembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1.
(4) ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.