Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2758

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2758 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2023/8511

ĠU L, 2023/2758, 13.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2758/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2758/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2758

13.12.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2758

tat-12 ta’ Diċembru 2023

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/477 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar il-miżuri li l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu relattivament għall-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji ma’ miżuri ta’ salvagwardja (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (“il-Brażil”), mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran (“l-Iran”), mill-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) u mill-Ukrajna (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Fit-18 ta’ Jannar 2021, wara talba mressqa mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“l-EUROFER” jew “l-applikant”), il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu għal eżami tad-dumping sa fejn kien ikkonċernat produttur Russu wieħed, PAO Severstal. Madankollu, fit-18 ta’ Marzu 2022, EUROFER, irtirat it-talba tagħha u l-investigazzjoni tar-rieżami sussegwentement intemmet bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/624 (4).

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti (5), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami ta’ skadenza tal-miżuri oriġinali skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba għal rieżami ġiet ippreżentata fl-4 ta’ Lulju 2022 mill-EUROFER f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet imsejsa fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għal rikorrenza u kontinwazzjoni ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(5)

Wara li ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti evidenza suffiċjenti għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ottubru 2022, bdiet rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.4.   Terminazzjoni ta’ miżuri kontra l-Ukrajna

(6)

Fit-23 ta’ Novembru 2022, l-applikant irtira t-talba tiegħu għal investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-miżuri oriġinali sa fejn kienet ikkonċernata l-Ukrajna. Sussegwentement, fis-16 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza sa fejn l-importazzjonijiet mill-Ukrajna kienu kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku u li tkompli l-investigazzjoni tar-rieżami dwar l-importazzjonijiet mill-Brażil, mill-Iran u mir-Russja (7).

(7)

Minħabba li l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza vis-à-vis l-Ukrajna ġiet itterminata, il-miżuri oriġinali kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mill-Ukrajna skadew awtomatikament 5 snin wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali.

1.5.   Miżuri fis-seħħ

(8)

Il-miżuri anti-dumping fis-seħħ bħalissa, u li huma soġġetti għal din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, huma għalhekk dawk applikabbli għall-importazzjonijiet mill-Brażil, l-Iran u r-Russja (“il-pajjiżi kkonċernati”). Il-miżuri huma imposti fil-forma ta’ dazju fiss għal kull tunnellata u r-rati tad-dazju jvarjaw bejn EUR 54,50 u EUR 63,00/tunnellata għall-Brażil, EUR 57,50/tunnellata għall-Iran u bejn EUR 17,60 u EUR 96,50/tunnellata għar-Russja.

1.6.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(9)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.7.   Partijiet interessati

(10)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikant, lil produtturi oħrajn magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi magħrufa u lill-awtoritajiet fil-pajjiżi kkonċernati, lil importaturi magħrufa, utenti, negozjanti, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u stednithom jipparteċipaw.

(11)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.8.   Kummenti dwar il-bidu

(12)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar il-bidu mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa u mill-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ tal-Federazzjoni Russa (“GOR”), mill-Gvern Federali tal-Brażil (“GBR”), irrappreżentat mill-Missjoni tal-Brażil tal-Unjoni Ewropea, u l-produtturi Brażiljani Usinas Siderúrgicas de Minas Gerais S.A (“USIMINAS”) u Companhia Siderúrgica Nacional (“CSN”),

(13)

Il-GOR fakkar li s-sanzjonijiet tal-Unjoni li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna affettwaw l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Huwa żied li fis-26 ta’ Marzu 2022 l-Unjoni imponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni fuq il-prodotti tal-ħadid u tal-azzar Russi u allega li mit-tieni trimestru tal-2022, l-importazzjonijiet Russi ta’ kważi t-tipi kollha ta’ HRF waqfu. Skont il-GOR, dawn is-sanzjonijiet għandhom natura dejjiema u fiż-żmien tal-investigazzjoni ma kien hemm l-ebda sinjal li dawn kienu se jittaffew. Għalhekk, il-GOR afferma li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis li s-sanzjonijiet għandhom effett fuq il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping – b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni u tad-dikjarazzjoni tal-applikant fit-Talba li s-swieq ta’ pajjiżi terzi ma setgħux jassorbu il-kapaċità tal-azzar Russa (8). Fir-rigward tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-GOR argumenta li t-tfixkil tal-flussi kummerċjali u tal-ktajjen tal-provvista minħabba s-sanzjonijiet naqqas l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-fornituri Russi minħabba r-riskju perċepit ta’ restrizzjonijiet kummerċjali. Barra minn hekk, skont il-GOR, biex ir-rabtiet kummerċjali bejn l-Unjoni u r-Russja jerġgħu jissaħħu se jirrikjedi ħafna żmien u sforzi. Fl-aħħar, il-GOR afferma wkoll li l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu ma setgħetx tiġi stabbilita minħabba l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet tal-Unjoni.

(14)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-GOR li l-importazzjonijiet Russi ta’ kważi t-tipi kollha ta’ HRF waqfu mit-tieni trimestru tal-2022, il-Kummissjoni nnotat li r-raba’ pakkett ta’ sanzjonijiet, li għalih saret referenza mill-GOR, impona projbizzjoni fuq l-importazzjoni fuq 21 biss minn 24 kodiċi NM imsemmija fil-premessa (42) (9). Madankollu, b’mod importanti, skont l-Artikolu 3g, il-paragrafu 2 tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/428, din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ma kinitx tapplika għall-eżekuzzjoni sas-17 ta’ Ġunju 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2022, jew ta' kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Għalhekk, ħlief għall-aħħar 13-il jum tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, is-sanzjonijiet ma kellhom l-ebda impatt fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Russja. Barra minn hekk, ġiet imposta projbizzjoni fuq l-importazzjoni fuq it-tliet (3) kodiċi NM li jifdal biss wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami bis-saħħa tat-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet (10). Din l-aħħar projbizzjoni fuq l-importazzjoni ma kinitx tapplika għall-eżekuzzjoni sat-8 ta’ Jannar 2023 ta’ kuntratti konklużi qabel is-7 ta’ Ottubru 2022. Għalhekk, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Russja setgħu jkomplu wkoll fit-tieni trimestru tal-2022. It-tieni, fir-rigward tal-impatt prospettiv tas-sanzjonijiet fuq il-prodott ikkonċernat mir-Russja, il-Kummissjoni fakkret li dawk is-sanzjonijiet huma marbuta mal-aggressjoni militari mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u s-sitwazzjoni ġeopolitika sottostanti. L-ambitu, il-modulazzjoni, u/jew id-durata tagħhom huma għalhekk imprevedibbli. Barra minn hekk, il-miżuri anti-dumping għandhom tul ta’ ħajja ta’ ħames snin. Meta wieħed iqis dawn l-inċertezzi u l-fatt li l-Kunsill jista’ jemenda ulterjorment l-ambitu u d-durata preċiżi tas-sanzjonijiet fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni sabet li dawn ma kinux jipprekludu l-bidu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u ma jistax ikollhom effett fil-konklużjonijiet tagħha fuq il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping, la fir-rigward tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni, u lanqas fir-rigward tad-devjazzjoni tal-flussi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni minħabba s-sitwazzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, u dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. B’mod partikolari, il-GOR ma ġab l-ebda evidenza biex jappoġġa l-fehma li speċifikament it-tkomplija tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat mir-Russja se tirrikjedi ħafna żmien u sforzi. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(15)

Barra minn hekk, il-GOR afferma li l-informazzjoni msemmija fit-talba dwar l-espansjoni ppjanata tal-kapaċità, ibbażata fuq ir-rapport tal-OECD dwar l-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar għall-2021 (11), ma kinitx akkurata. B’mod partikolari, il-GOR allega li l-ebda wieħed mill-proġetti tal-produzzjoni tal-azzar fir-Russja elenkati fit-talba ma ġie implimentat u li l-kumpanija Don-Metal kienet negozjant ta’ ruttam tal-metall u mhux produttur. Barra minn hekk, skont il-GOR, il-kumpanija Novolipetsk Steel (NLMK) ma kinitx qed tespandi l-kapaċità tagħha, kif irrapportat fit-talba abbażi ta’ rapport tal-istampa ta’ Steel Business Briefing (“SBB”) iżda kienet qed twettaq modernizzazzjoni ambjentali tal-produzzjoni eżistenti tal-azzar.

(16)

Il-Kummissjoni nnotat li, anke mingħajr ma qieset il-biċċiet ta’ evidenza kkontestati mill-GOR, l-evidenza ta’ kapaċità żejda ppreżentata mill-EUROFER (12) fit-talba baqgħet mhux sfidata. Filwaqt li huwa minnu li rieżami ta’ skadenza huwa eżerċizzju li jħares ’il quddiem u li l-espansjoni ppjanata tal-kapaċità tabilħaqq jista’ jkollha rwol fil-valutazzjoni ta’ jekk id-dumping huwiex probabbli li jkompli jew li jerġa’ jseħħ, il-kapaċità żejda eżistenti – minflok il-kapaċità żejda futura – hija indikatur ferm aktar b’saħħtu tal-probabbiltà. Għalhekk, it-talba kienet tinkludi biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(17)

Barra minn hekk, il-GOR iddikjara li l-Anness 5 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba ma kienx jinkludi l-kalkolu tad-dumping għar-Russja u li l-pakkett ta’ annessi bit-tikketta “HRFS_ER_Annexes_Part1” ma kien jinkludi l-ebda data dwar il-prezz tal-esportazzjoni.

(18)

Il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li l-fajl fl-Anness 5 ttikkettat bħala “Kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ erba’ (4) pajjiżi” involontarjament kien jinkludi biss l-ewwel paġna tad-dokument, it-talba għal rieżami pprovdiet l-elementi kollha meħtieġa għall-kalkolu tad-dumping (13) u indikat il-marġni medju tad-dumping li jirriżulta għall-pajjiżi kkonċernati (14). Tabilħaqq, kif muri mill-premessa (19), il-GOR wettaq il-kalkolu tad-dumping għar-Russja abbażi tad-data tat-talba għal rieżami u pprovda kummenti dwaru. B’mod partikolari, fir-rigward tad-data dwar il-prezz tal-esportazzjoni, peress li kien ċar mit-talba għal rieżami (15), l-EUROFER ibbażat il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-kalkolu tagħha fuq il-prezzijiet CIF mid-data tal-Eurostat, li hija disponibbli għall-pubbliku, u, alternattivament, fuq il-prezzijiet FOB mid-data tal-esportazzjoni tal-Monitoraġġ tad-Data dwar il-Kummerċ (“TDM”), it-tnejn aġġustati kif xieraq għall-prezzijiet EXW. Kif spjegat fit-talba għal rieżami (16), id-data dwar l-esportazzjoni tat-TDM ġiet ipprovduta fl-Anness 6. L-Anness 6 kien parti mill-pakkett ta’ annessi msemmi mill-GOR, l-istess bħall-Anness 5. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. Fi kwalunkwe każ, fit-18 ta’ Novembru 2022, l-EUROFER ippreżentat l-Anness 5 sħiħ sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw kummenti fi żmien xieraq.

(19)

Fl-aħħar, il-GOR afferma li l-uniku prezz tal-esportazzjoni li seta’ jsib fit-talba għal rieżami kien il-prezz tal-esportazzjoni Russu lejn l-Unjoni mill-Eurostat li, għall-perjodu identifikat fit-talba, ġie stabbilit għal EUR 823 għal kull tunnellata (17). Meta qabblu mal-valur normali għall-istess perjodu, aġġustat mill-merkanzija interna stmata, u b’hekk jikkorrispondi għal EUR 650-750 għal kull tunnellata, huwa argumenta li l-importazzjonijiet Russi ma kinux oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni.

(20)

Il-Kummissjoni nnotat li fit-talba għal rieżami EUROFER ippreżentat żewġ settijiet ta’ prezzijiet domestiċi Russi fl-Anness 5: Il-prezzijiet EXW mir-Rieżami tal-Azzar tas-Swieq li Qed Jiżviluppaw ippubblikat mill-MEPS International Ltd. (“MEPS”) u l-prezzijiet CPT mill-SBB (18). Kif muri fl-Anness 5, l-EUROFER ikkalkolat il-marġni tad-dumping fit-talba abbażi ta’ data domestika mill-MEPS. Fil-fatt, id-data mill-MEPS ġiet ipprovduta wkoll għall-Brażil u għall-Ukrajna (għall-kuntrarju tad-data mill-SBB, li kienet disponibbli biss għar-Russja) u l-EUROFER ikkalkolat il-marġni tad-dumping b’mod konsistenti fi tlieta mill-pajjiżi kkonċernati b’data mill-istess sors. Imbagħad, l-EUROFER għamlet żewġ kalkoli tad-dumping paralleli, fejn qabblet il-prezzijiet domestiċi mill-MEPS kemm mal-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Eurostat kif ukoll mit-TDM fil-livell tal-EXW. Fiż-żewġ każijiet, l-EUROFER sabet dumping. Minflok, il-GOR għażel b’mod arbitrarju li juża biss il-prezzijiet domestiċi CPT mill-SBB. Imbagħad, dan aġġusta l-prezzijiet domestiċi CPT mil-livell SBB għal EXW mill-merkanzija interna stmata. Min-naħa l-oħra, ma għamel l-ebda aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni CIF mill-Eurostat. Għalhekk, huwa qabbal b’mod żbaljat il-prezzijiet domestiċi EXW mal-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF. B’hekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(21)

USIMINAS iddikjarat li l-metodoloġija użata mill-EUROFER biex tintwera l-eżistenza prima facie ta’ rikorrenza ta’ dumping ta’ importazzjonijiet mill-Brażil, u b’mod partikolari biex tiġi ddeterminata l-esportazzjoni tal-Brażil bl-użu ta’ data mit-Turkija, miċ-Ċili u mill-Portugall, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, u ġiet applikata ħażin. Skont USIMINAS, skont l-Artikoli 2(8) u 2(9) tar-Regolament bażiku, il-prezz tal-esportazzjoni jista’ jinbena biss meta ma jkun hemm l-ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni. Minħabba li f’dan il-każ, kien hemm esportazzjonijiet mill-Brażil lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar, USIMINAS argumentat li t-talba għal rieżami jenħtieġ li kellha tuża l-prezzijiet tal-esportazzjoni attwali tal-Brażil lejn l-Unjoni u għalhekk il-Kummissjoni kienet żbaljata li taċċetta l-informazzjoni ppreżentata fit-talba għal rieżami.

(22)

Il-Kummissjoni fakkret li f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, rieżami ta’ skadenza għandha tinbeda meta t-talba għal rieżami jkun fiha evidenza biżżejjed li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’kontinwazzjoni jew f’rikorrenza ta’ dumping u dannu. Fit-talba għal rieżami, l-applikant argumenta li l-iskadenza tal-miżuri tirriżulta fir-rikorrenza ta’ dumping mill-Brażil, u li l-importazzjonijiet jerġgħu lura għas-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, f’konformità mal-prezzijiet kurrenti tagħhom fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Biex jappoġġa l-argument tiegħu, u fid-dawl tal-volumi żgħar ta’ importazzjonijiet mill-Brażil lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar, l-applikant uża l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Brażil lejn il-pajjiżi terzi kollha, u separatament lejn it-Turkija, iċ-Ċili u l-Portugall. Il-Kummissjoni qieset li dawn il-prezzijiet kienu element rilevanti għall-valutazzjoni tagħha tal-merti tal-fajl, u li flimkien ma’ informazzjoni oħra pprovduta mill-applikant, kienu jikkostitwixxu evidenza suffiċjenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(2) għall-bidu tal-investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(23)

USIMINAS, iddikjarat li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma kellhiex taċċetta l-analiżi kumulattiva tal-EUROFER bħala evidenza prima facie suffiċjenti għall-bidu tal-każ. Barra minn hekk, USIMINAS, CSN u l-GBR sostnew li valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma kinitx iġġustifikata, fid-dawl tal-kundizzjonijiet differenti ta’ kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet mill-Brażil u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi investigati l-oħrajn, il-volumi negliġibbli tal-importazzjonijiet u l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Brażil.

(24)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Tabilħaqq, it-talba għal rieżami ddikjarat li hemm sitwazzjoni fraġli għall-industrija tal-Unjoni bi probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. Għalhekk, l-applikant kellu jipprovdi evidenza dwar l-evoluzzjoni probabbli tal-importazzjonijiet mill-Brażil fin-nuqqas ta’ miżuri. F’dan ir-rigward, it-talba eżaminat fatturi bħall-kapaċità żejda fil-Brażil, il-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet mill-Brażil lejn pajjiżi terzi, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni (inkluż kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għall-Brażil). Dawn il-fatturi kollha ġew analizzati individwalment għall-Brażil minflok fuq bażi kumulattiva. Il-volum attwali tal-importazzjonijiet kien tabilħaqq ipprovdut fuq bażi kumulattiva, iżda dan ma kienx bħala tali l-bażi biex tintlaħaq konklużjoni dwar ir-rikorrenza tad-dannu. Għalhekk, it-talba għal rieżami tqieset li kien fiha biżżejjed evidenza għall-bidu tal-każ.

1.9.   Kampjunar

(25)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.9.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(26)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tar-rappreżentattività f’termini tad-daqs tal-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott taħt rieżami filwaqt li l-post ġeografiku tqies ukoll. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 25 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni u 26 % tal-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma wasal l-ebda kumment sostantiv u l-kampjun proviżorju ġie kkonfermat.

1.9.2.   Kampjunar tal-importaturi

(27)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(28)

Madankollu, l-ebda importatur mhux relatat ma ppreżenta ruħu u pprovda l-informazzjoni mitluba.

1.9.3.   Kampjunar ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati

(29)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi kollha fil-pajjiżi ikkonċernati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjonijiet tal-Brażil, l-Iran u r-Russja sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw lil produtturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(30)

Erba’ produtturi fil-Brażil ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun.

(31)

F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ żewġ gruppi ta’ produtturi magħmula minn tliet produtturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, li jkopri 98 % tal-volum totali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-Brażil fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa kkonċernati u l-awtoritajiet tal-Brażil ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment dwar il-kampjunar.

(32)

Fil-każ tal-Iran, produttur wieħed ippreżenta tweġiba għall-kampjunar. Għalhekk, minħabba l-għadd baxx ta’ produtturi li wieġbu, il-kampjunar ma kienx meħtieġ.

(33)

Fil-każ tar-Russja, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba ta’ kampjunar mill-produtturi Russi.

1.10.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(34)

Il-Kummissjoni bagħtet links għall-kwestjonarji lill-uniku produttur tal-Iran li ppreżenta ruħu, lill-produtturi Brażiljani u tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online (19) fil-jum tal-bidu.

(35)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, iż-żewġ gruppi ta’ produtturi Brażiljani inklużi fil-kampjun u l-produttur Iranjan.

1.11.   Verifika

(36)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu u tal-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (RCCs) tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji li ġejjin permezz ta’ vidjokonferenza:

 

Produtturi tal-Unjoni

ArcelorMittal Poland (Dąbrowa Górnicza, il-Polonja)

Tata Steel Ijmuiden (IJmuiden, In-Netherlands)

ThyssenKrupp Steel Europe AG (Duisburg, il-Ġermanja)

 

Il-produttur esportatur fl-Iran

Mobarakeh Steel Company (Mobarakeh, Esfahan, l-Iran)

(37)

Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi esportaturi fil-Brażil

ArcelorMittal Brasil S.A (Serra, il-Brażil)

Companhia Siderúrgica Nacional, (São Paulo, il-Brażil)

1.12.   Żvelar

(38)

Fil-25 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien biħsiebha żżomm id-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(39)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew meqjusa mill-Kummissjoni u ttieħdu f’kunsiderazzjoni, fejn xieraq. USIMINAS talbet u ngħatat seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2023.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(40)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri ċerti prodotti rromblati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f’koljaturi jew le (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b’laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin (“HRF” jew “il-prodott taħt rieżami”).

(41)

Il-prodotti li ġejjin ma humiex koperti minn dan ir-rieżami:

prodotti ta’ azzar inossidabbli u azzar elettriku bis-siliċju bil-granijiet orjentati,

prodotti tal-azzar tal-għodda u tal-azzar ta’ veloċità għolja,

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr diżinji mqabbżin, ta’ ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 600 mm jew aktar, u

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr disinji mqabbżin, ta’ ħxuna ta’ 4,75 mm jew aktar, iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 2 050 mm jew aktar.

(42)

Il-prodott taħt rieżemi attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (il-kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (il-kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7226191091, 7226191095), 7226 91 91 u 7226 91 99.

(43)

Prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-azzar huma prodotti permezz ta’ laminazzjoni termali. Dan huwa proċess li jifforma l-metall li bih metall sħun jiġi mgħoddi minn par wieħed jew aktar ta’ laminaturi termali biex titnaqqas il-ħxuna u biex il-ħxuna ssir uniformi, li permezz tiegħu t-temperatura tal-metall tkun ogħla mit-temperatura ta’ rikristallizzazzjoni tiegħu. Jistgħu jiġu pprovduti f’diversi forom; f’koljaturi (mogħtija ż-żejt jew le, imnaddfin bl-aċidu jew le), maqtugħin f’tulijiet (folji) jew fi strixxi rqaq.

(44)

Hemm żewġ użi prinċipali tal-prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-azzar. L-ewwel nett, dawn huma l-materjal ewlieni għall-produzzjoni ta’ diversi prodotti tal-azzar downstream b’valur miżjud, li jibdew minn prodotti tal-azzar ċatti u miksija b’laminazzjoni bil-kesħa. It-tieni, dawn jintużaw bħala input industrijali li jinxtara mill-utenti finali għal varjetà ta’ applikazzjonijiet, inkluż fil-kostruzzjoni (il-produzzjoni ta’ tubi tal-azzar), fil-bini ta’ bastimenti, f’kontenituri tal-gass, f’karozzi, f’reċipjenti taħt pressjoni u f’pipelines tal-enerġija.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(45)

Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami li joriġina mill-Brażil, l-Iran u r-Russja.

2.3.   Prodott simili

(46)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza kkonfermat li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni,

il-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Brażil, l-Iran u r-Russja,

il-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ mill-produtturi esportaturi lill-bqija tad-dinja, u

il-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(47)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   DUMPING

3.1.   Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil

3.1.1.   Kummenti preliminari

(48)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-Brażil komplew, għalkemm f’livelli aktar baxxi milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2016). L-importazzjonijiet tal-HRF mill-Brażil ammontaw għal madwar 1,38 % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 1,79 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. F’termini assoluti, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Brażil naqas minn 608 541 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali għal 478 692 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.1.2.   Dumping

 

3.1.3.   Valur normali

(49)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull produttur esportatur fil-kampjun kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-volum ta’ bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(50)

Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fuq livell domestiku li kienu identiċi jew komparabbli għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi b’bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(51)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ b’esportazzjoni tat-tip tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-bejgħ domestiku kien rappreżentattiv għat-tipi ta’ prodotti kollha ħlief wieħed esportat lejn is-suq tal-Unjoni minn wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(52)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon ta’ bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku effettiv għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(53)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum ta’ bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz ta’ bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost tal-input ikkalkolat, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

l-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni ta’ unità.

(54)

F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(55)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott ta’ bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta’ prodotti biss matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew anqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun inqas mill-kost tal-produzzjoni ta’ unità.

(56)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li aktar minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu ħalla profitt u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali kien ikkalkolat bħala medju ponderat tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(57)

Għat-tip ta’ prodott mhux mibjugħ fis-suq domestiku, l-ispejjeż medji ponderati tal-SG&A u l-profitt tat-tranżazzjonijiet kollha magħmula fis-suq domestiku żdiedu mal-kost tal-produzzjoni tat-tip ta’ prodott peress li ma kien hemm l-ebda bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott minn produtturi Brażiljani oħrajn.

3.1.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(58)

Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni lil kumpaniji relatati. Il-kumpaniji relatati li jinsabu fl-Unjoni prinċipalment użaw l-HRF biex jimmanifatturaw prodotti oħrajn. L-investigazzjoni ma żvelatx li l-kumpaniji relatati li ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju xtraw HRF minn kumpaniji mhux relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma jekk il-prezz relatat kienx prezz ta’ distakkament, meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali meta l-Kummissjoni kkonfermat li l-prezzijiet relatati kienu prezzijiet ta’ distakkament.

(59)

Madankollu, billi f’investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi ddeterminat marġni tad-dumping iżda biss il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li jintuża prezz tal-esportazzjoni bħal dan kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.1.5.   Tqabbil

(60)

Għal kull tip ta’ prodott, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(61)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u dawk anċillari u l-imballaġġ.

3.1.6.   Marġnijiet tad-dumping

(62)

Għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott taħt rieżami, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(63)

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati indikattivi espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, kienu ta’ 16,2 % u 18,7 % għall-produtturi inklużi fil-kampjun rispettivament. Għalhekk ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(64)

Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni finali, CSN sostniet li l-marġni tad-dumping tagħha kif ikkalkulat mill-Kummissjoni x’aktarx kien se jiġi ddikjarat b’mod eċċessiv. B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li l-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ CSN lejn il-kumpanija relatata tagħha fl-UE kienu distakkati, kien probabbli li dan il-bejgħ sar bi prezzijiet li kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq ħieles. Dan kien minħabba li skont CSN, il-prezzijiet ta’ trasferiment huma ġeneralment aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq ħieles. Barra minn hekk, fid-dawl tal-inflazzjoni għolja fil-Brażil u l-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju, ikun aktar xieraq li l-marġni tad-dumping jiġi kkalkulat bl-użu ta’ medji ta’ kull xahar għall-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, aktar milli medji matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni ta’ rieżami. Abbażi ta’ metodoloġija bħal din, CSN affermat li xorta jkun hemm dumping iżda ftit aktar baxx.

(65)

Il-Kummissjoni nnotat li CSN ma ssostanzjatx l-affermazzjoni rigward il-prezz ta’ trasferiment. Barra minn hekk, anki jekk il-metodoloġija tal-kalkolu tad-dumping issuġġerita minn CSN tiġi aċċettata, id-differenza fil-marġni tad-dumping tkun żgħira u għalhekk ma tibdilx il-konklużjonijiet dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet ta’ CSN ġew miċħuda.

3.2.   Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran

3.2.1.   Kummenti preliminari

(66)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet ta’ HRF mill-Iran prattikament sparixxew. Il-Kummissjoni analizzat il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping fit-taqsima li jmiss.

3.3.   Il-Federazzjoni Russa

3.3.1.   Kummenti preliminari

(67)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-Russja komplew, għalkemm f’livelli aktar baxxi milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali. Skont il-Eurostat, l-importazzjonijiet ta’ HRF mir-Russja ammontaw għal madwar 3,55 % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 4,29 % matul l-investigazzjoni oriġinali. F’termini assoluti, il-volum tal-importazzjonijiet mir-Russja naqas minn 1 455 436 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali għal 1 224 699 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(68)

Kif imsemmi fil-premessa (33), l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi mir-Russja ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, fis-27 ta’ Ottubru 2022, permezz tan-Nota għall-fajl dwar il-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha li, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tas-sejbiet relatati mar-Russja. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment f’dan ir-rigward.

(69)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħal siti web uffiċjali ta’ kumpaniji, l-informazzjoni fit-talba għal rieżami u l-informazzjoni miksuba mill-partijiet li kkooperaw matul l-investigazzjoni tar-rieżami (jiġifieri l-applikant).

3.3.2.   Dumping

 

3.3.3.   Valur normali

(70)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi Russi, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli sabiex tistabbilixxi valur normali fir-Russja. Għal dan l-għan, intużat l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant.

(71)

Il-Kummissjoni ma setgħetx tirkupra data disponibbli għall-pubbliku dwar il-prezzijiet domestiċi tal-HRF fir-Russja. Għalhekk, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi fir-Russja stabbiliti minn listi medji tal-prezzijiet domestiċi għal kojls b’laminazzjoni termali mill-MEPS matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li magħhom żdiedu l-kostijiet tal-ipproċessar biex jinkiseb il-prezz tal-HRF. Sabiex jinkisbu l-prezzijiet ta’ kif joħorġu mill-fabbrika, il-kostijiet tat-trasport intern tnaqqsu kif stmat mill-applikant fit-talba għal rieżami.

3.3.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(72)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi Russi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat fuq il-bażi tad-data CIF tal-Eurostat korretta għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Għalhekk, il-prezz CIF tnaqqas mill-kost tat-trasport tal-ferrovija tal-merkanzija u dak domestiku kif stmat mill-applikant fit-talba għal rieżami.

3.3.5.   Tqabbil

(73)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika kif stabbilit hawn fuq.

3.3.6.   Marġni tad-dumping

(74)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, kien ta’ madwar 5 %. Għalhekk ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

4.1.   Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil

(75)

Wara s-sejba li tindika l-eżistenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni investigat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni ta’ dumping, f’każ li l-miżuri jiskadu. L-elementi addizzjonali segwenti kienu analizzati: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-Brażil u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

4.1.1.   Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fil-Brażil

(76)

Fit-talba għal rieżami, l-applikant ipprovda informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni, il-produzzjoni, il-konsum u l-kapaċità ta’ riżerva fil-Brażil.

(77)

F’termini ta’ kapaċità ta’ riżerva tal-HRF, l-applikant iddikjara li abbażi tad-data tas-CRU (20) kien hemm kapaċità ta’ riżerva eżistenti għas-sena 2020 ta’ aktar minn 6,6 miljun tunnellata meta mqabbel mal-livell ta’ produzzjoni ta’ HRF fil-Brażil (21). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-kalkoli tal-kapaċità ta’ riżerva ppreżentati mill-applikant jużaw il-kapaċità nominali (“nameplate”), li hija l-kapaċità massima li tista’ tinkiseb b’mod teoretiku f’kundizzjonijiet ideali, pereżempju, il-produzzjoni ta’ taħlita speċifika ta’ prodotti u mingħajr ma titqies kwalunkwe pawża ppjanata jew mhux ippjanata fil-manutenzjoni. Għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ riżerva f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li huwa aktar xieraq li tintuża, fejn disponibbli, il-kapaċità ta’ produzzjoni li tirrappreżenta l-kwantità massima li tista’ tiġi prodotta b’mod realistiku filwaqt li jitqiesu dawn il-fatturi.

(78)

L-investigazzjoni żvelat li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu żiedu l-użu tal-kapaċità tagħhom fir-rigward tal-2019 u l-2020 u kienu qed jipproduċu qrib il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom, b’rati ta’ użu ta’ aktar minn 90 %. Għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun instabet li kienet limitata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, dan għandu jitqies fil-kuntest tal-importazzjonijiet mill-Brażil lejn l-Unjoni li komplew f’livelli kemxejn imnaqqsa biss meta mqabbla mal-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni.

4.1.2.   Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(79)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-produtturi esportaturi Brażiljani jżidu l-bejgħ tal-esportazzjonijiet tagħhom bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat il-livell tal-prezz tal-produtturi Brażiljani fis-suq domestiku tagħhom kif ukoll l-esportazzjonijiet mill-Brażil lejn swieq ta’ pajjiżi terzi u qabblithom mal-livell tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni.

(80)

L-investigazzjoni żvelat li l-prezzijiet domestiċi fil-Brażil tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu ogħla mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-prezzijiet ta’ produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun fl-2020.

(81)

Fir-rigward tal-prezzijiet lil pajjiżi terzi, għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun b’bejgħ sinifikanti ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, il-prezzijiet lejn pajjiżi terzi kienu ġeneralment aktar baxxi (b’medja ta’ 12 %) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan huwa konsistenti mad-data dwar it-tqabbil tal-prezzijiet mill-GTA, li turi li l-prezz tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tal-esportaturi Brażiljani kollha huwa aktar baxx mill-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(82)

Barra minn hekk, sabiex ikollha indikazzjoni tal-imġiba tal-ipprezzar probabbli meta jsiru esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri, il-Kummissjoni qabblet ukoll il-prezz tal-esportazzjoni Brażiljan lejn pajjiżi terzi mal-valur normali Brażiljan għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li esporta wkoll lejn pajjiżi terzi. It-tqabbil sar fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Fuq din il-bażi, il-valur normali nstab li kien ogħla mill-prezz tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, bid-differenza espressa bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera ta’ madwar 20 %.

(83)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun żiedu b’mod sinifikanti s-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-bejgħ totali tagħhom, f’termini ta’ volum. Huwa mfakkar li dan il-bejgħ sar bi prezzijiet oġġett ta’ dumping. Għalhekk, huwa probabbli li, jekk il-miżuri jiskadu, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ikomplu jiżdiedu.

(84)

Il-GBR sostna li l-produtturi tal-HRF Brażiljani huma ffokati fuq is-servizz tas-swieq domestiċi u reġjonali tagħhom u ma għandhom l-ebda inċentiva biex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni.

(85)

L-investigazzjoni żvelat li għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, aktar minn 50 % tal-bejgħ tagħhom matul il-PIR tabilħaqq sar fis-suq domestiku. Madankollu, iż-żieda msemmija hawn fuq tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni bħala sehem mill-bejgħ totali tagħhom seħħet anke jekk il-prezzijiet fis-suq domestiku Brażiljan kienu ogħla mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(86)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni, GBR tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-produtturi Brażiljani tal-HRF ma għandhomx l-inċentivi biex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni u rreferiet għall-allegat fokus tal-produtturi Brażiljani fuq is-swieq domestiċi u reġjonali, il-kapaċità żejda limitata fil-Brażil, il-Mekkaniżmu tal-UE ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), u d-dazji ta’ salvagwardja tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar.

(87)

Fir-rigward tas-swieq fokus u l-kapaċità żejda disponibbli tal-produtturi Brażiljani, kif imsemmi fil-premessa (81), is-suq tal-Unjoni huwa aktar attraenti minn swieq oħra tal-esportazzjoni. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-kapaċità żejda limitata fil-Brażil ma tipprevjenix żieda ulterjuri fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. Fir-rigward tal-argumenti dwar is-CBAM u l-miżuri ta’ salvagwardja, dawn huma indirizzati fil-premessa (211) hawn taħt.

4.1.3.   Konklużjoni

(88)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet mill-Brażil bi prezzijiet oġġett ta’ dumping naqsu biss bi ftit meta mqabbla mal-investigazzjoni oriġinali, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ prezzijiet u l-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Brażil lejn pajjiżi terzi huma taħt il-prezzijiet domestiċi, huwa probabbli li l-produtturi Brażiljani se jkomplu jesportaw lejn l-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

4.2.   Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran

(89)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ esportazzjonijiet mill-Iran lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni investigat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri jiġu rrevokati. Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fl-Iran, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

4.2.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fl-Iran

(90)

Fit-talba għal rieżami u f’sottomissjonijiet sussegwenti, l-applikant ipprovda kalkoli tal-kapaċità tal-azzar HRF u tal-kapaċità ta’ riżerva fl-Iran abbażi ta’ żewġ sorsi ta’ informazzjoni, Plantfacts u CRU (22). Skont dawn il-kalkoli, l-Iran kellu għad-dispożizzjoni tiegħu kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Bħal fil-każ tal-Brażil kif spjegat fil-premessa (77), il-Kummissjoni qieset li dawn il-kalkoli jużaw il-kapaċità nominali u li jkun aktar xieraq għall-valutazzjoni tagħha li tuża l-kapaċità tal-produzzjoni, fejn disponibbli.

(91)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-produttur esportatur li kkoopera mill-Iran kien qed jipproduċi qrib il-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva tiegħu kienet limitata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(92)

Madankollu, l-investigazzjoni żvelat ukoll li l-kumpanija kienet bdiet il-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid li fih isir irrumblar fis-sħana biex iżżid b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-azzar HRF tagħha. Skont id-dikjarazzjonijiet attribwiti lid-direttur maniġerjali tal-kumpanija f’Jannar 2020 (23), il-proġett ikun jammonta għal 4,5 miljun tunnellata ta’ kapaċità annwali ta’ HRF u kien ippjanat li jitlesta fi żmien 900 jum.

(93)

Matul il-kontroverifika mill-bogħod, li twettqet matul il-vidjokonferenza, il-kumpanija ddikjarat li l-proġett kien qed jiffaċċja dewmien sinifikanti, madankollu mingħajr ma pprovdiet evidenza xierqa f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li l-impjant il-ġdid li fih isir irrumblar fis-sħana kellu l-għan li jservi biss is-suq domestiku minħabba t-tkabbir sinifikanti li kien mistenni f’dan is-suq. Sabiex tissostanzja din l-asserzjoni, il-kumpanija ppreżentat tbassir intern li juri l-projezzjonijiet tagħha tal-evoluzzjoni tas-suq domestiku.

(94)

Il-Kummissjoni nnotat li jekk il-projezzjonijiet tal-kumpanija mmaterjalizzaw (fl-aktar xenarju probabbli għall-evoluzzjoni tas-suq domestiku), filwaqt li jitqies is-sehem mis-suq kurrenti tal-kumpanija, l-operat tal-impjant il-ġdid li fih isir irrumblar fis-sħana jirriżulta f’kapaċità ta’ riżerva, ferm aktar minn (1) miljun tunnellata fis-sena.

(95)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-snin li ġejjin, se jkun hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti disponibbli fl-Iran, li tista’ tintuża għall-esportazzjonijiet, inklużi l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

4.2.2.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(96)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx probabbli li l-produtturi esportaturi tal-Iran jibdew jesportaw il-prodott taħt rieżami bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni qabblet il-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet tal-produttur Iranjan li kkoopera lejn pajjiżi terzi mal-livell tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni u l-livell tal-prezz tal-produttur Iranjan li kkoopera fis-suq domestiku mal-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet tiegħu lejn swieq ta’ pajjiżi terzi.

(97)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF lejn pajjiżi terzi mill-Iran, kif ipprovduti mill-produttur li kkoopera fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi nstabu li kienu mill-inqas 14 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, is-suq tal-Unjoni huwa aktar attraenti meta mqabbel ma’ destinazzjonijiet possibbli oħrajn tal-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami u l-produtturi Iranjani għandhom inċentiv ekonomiku biex idawru l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(98)

Barra minn hekk, sabiex ikollha indikazzjoni tal-imġiba probabbli tal-prezzijiet lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri, il-Kummissjoni qabblet ukoll il-prezz tal-esportazzjoni tal-Iran lejn pajjiżi terzi mal-valur normali tal-Iran bl-użu tad-data pprovduta mill-produttur esportatur li kkoopera għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. It-tqabbil sar fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Fuq din il-bażi, id-differenza fil-prezzijiet bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi stabbiliti bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera kienet madwar 3 %. Madankollu, matul il-proċess ta’ kontroverifika mill-bogħod ma kienx possibbli li jiġi vverifikat li l-valur totali tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kienu tħallsu. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet attwali tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jistgħu jkunu saħansitra aktar baxxi, u li d-differenza ta’ hawn fuq bejn il-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni tista’ tkun saħansitra ogħla. Dan jissuġġerixxi li, jekk il-miżuri kellhom jiskadu, u l-prezzijiet li bihom il-produttur esportatur Iranjan jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jkunu konformi mal-pajjiżi terzi oħrajn osservati matul ir-rieżami, il-marġnijiet tad-dumping x’aktarx ikunu sinifikanti.

(99)

Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur Iranjan li kkoopera sostna li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx korretta minħabba li ma kien hemm l-ebda kontinwazzjoni ta’ dumping. Il-produttur esportatur ikkontesta wkoll il-konklużjonijiet fejn tidħol il-kapaċità żejda. Billi l-kummenti pprovduti mill-kumpanija huma bbażati fuq informazzjoni kunfidenzjali, il-Kummissjoni indirizzathom fuq dokument separat mibgħut biss lill-kumpanija.

4.2.3.   Konklużjoni

(100)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li minħabba l-kapaċità ta’ riżerva li mistennija ssir disponibbli fl-Iran, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Iran lejn pajjiżi terzi huma taħt il-prezzijiet domestiċi, hemm probabbiltà kbira ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Iran f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

4.3.   Il-Federazzjoni Russa

(101)

Wara s-sejba tal-eżistenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni investigat il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri jiġu rrevokati. L-elementi addizzjonali segwenti kienu analizzati: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-Russja, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-kapaċità ta’ assorbiment possibbli ta’ swieq ta’ pajjiżi terzi.

4.3.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-Russja

(102)

Fit-talba għal rieżami, l-applikant ipprovda informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni, il-produzzjoni, il-konsum u l-kapaċità ta’ riżerva fir-Russja.

(103)

F’termini tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-HRF, l-applikant ipprovda żewġ settijiet ta’ data tas-CRU sensittiva soġġetta għad-drittijiet tal-awtur (24). Barra minn hekk, huwa ppreżenta (25) r-rapport tal-OECD dwar l-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar għall-2021 (26). F’termini tal-produzzjoni tal-HRF, l-applikant ipprovda l-istess żewġ settijiet ta’ data tas-CRU sensittiva soġġetta għad-drittijiet tal-awtur (27), kif ukoll data sensittiva alternattiva minn Plantfacts soġġetta għad-drittijiet tal-awtur (28). Barra minn hekk, huwa ppreżenta silta mir-rapport tal-OECD dwar l-Iżviluppi tas-Suq tal-Azzar għar-raba’ trimestru tal-2021 (29). F’termini ta’ konsum u ta’ kapaċità ta’ riżerva tal-HRF, l-applikant ipprovda sett ta’ data tas-CRU sensittiva soġġetta għad-drittijiet tal-awtur (30).

(104)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Russi, il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-HRF fir-Russja fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar grezz irrapportata fir-rapport tal-OECD dwar l-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar, imqassam għall-HRF abbażi ta’ data mill-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar (“Worldsteel”). L-ewwel nett, l-aħħar rapport tal-OECD dwar l-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar wera xejra dejjem akbar tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar grezz fir-Russja (31), li tikkorrispondi għal medja ta’ 90,5 miljun tunnellata ta’ kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar grezz fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Worldsteel irrapportat li l-HRF (inklużi prodotti tal-istrixxi rrumblati bis-sħana) u l-kojls illaminati bis-sħana (li huma, kif irrapportat mill-applikant, il-forma li fiha normalment jiġu esportati l-HRF (32)) ammontaw għal medja ta’ 21,7 % tal-volum tal-esportazzjoni globali tal-prodotti lesti bl-azzar (b’hekk ġew esklużi l-ingotti u l-prodotti nofshom lesti) fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (33). Dan il-perċentwal għall-HRF ġie applikat għall-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar grezz fir-Russja, u dan irriżulta f’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ HRF fir-Russja ta’ 19,6-il miljun tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(105)

Il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha dwar il-produzzjoni tal-HRF fir-Russja fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami fuq data mqassma dwar il-produzzjoni tal-azzar grezz mill-Worldsteel. Tabilħaqq, Worldsteel irrapportat produzzjoni medja ta’ azzar grezz fir-Russja ta’ 74,3 miljun tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (34). Bl-applikazzjoni tal-istess sehem ta’ HRF irrapportat hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li r-Russja pproduċiet 16,1-il miljun tunnellata ta’ HRF fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, bħala stima konservattiva.

(106)

Il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha dwar il-konsum tal-HRF fir-Russja fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami fuq data mqassma dwar il-konsum tal-azzar grezz minn Worldsteel. Fil-fatt, Worldsteel irrapportat konsum medju ta’ azzar grezz fir-Russja ta’ 42,8 miljun tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (35). Bl-applikazzjoni tal-istess sehem tal-HRF u kojls b’laminazzjoni termali rrapportat hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-konsum tar-Russja ta’ HRF fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien jammonta għal 9,3 miljun tunnellata, bħala stima konservattiva.

(107)

Abbażi tad-data ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li r-Russja kellha kapaċità ta’ riżerva ta’ 3,5 miljun tunnellata meta mqabbla mal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li hija 10 % tal-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni. Barra minn hekk, meta wieħed iqabbel il-kapaċità tal-produzzjoni mal-konsum domestiku, il-konsum naqas b’10 miljun tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li huwa kważi 30 % tal-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni.

(108)

L-eċċess fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni huwa inċentiv biex titkompla l-esportazzjoni. Huwa ċar li l-esportaturi Russi jridu jisfruttaw il-possibbiltajiet eżistenti kollha biex iżidu l-produzzjoni biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kapaċitajiet installati tagħhom. L-aktar mod ovvju huwa li jiġi ppenetrat kwalunkwe suq miftuħ madwar id-dinja u x’aktarx bi prezzijiet oġġett ta’ dumping bħalma għadu l-każ fl-investigazzjoni kurrenti.

(109)

Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi Russi għandhom kapaċitajiet ta’ riżerva sinifikanti, li jistgħu jintużaw għall-esportazzjoni tal-HRF bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

4.3.2.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(110)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-produtturi Russi jżidu l-bejgħ tal-esportazzjoni tagħhom bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat il-livell tal-prezz tal-produtturi Russi fis-suq domestiku tagħhom, kif ukoll il-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet Russi lejn swieq ta’ pajjiżi terzi, u qabblithom mal-livell tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni.

(111)

Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni Russi użati biex jiddeterminaw l-attraenza tas-suq tal-Unjoni ġew stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u abbażi tad-data u l-informazzjoni tal-GTA fit-talba għal rieżami.

(112)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet domestiċi Russi użati biex jiġi stabbilit il-valur normali mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. It-tqabbil wera li l-prezzijiet domestiċi medji Russi kienu 17 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-prezzijiet fl-Unjoni kienu aktar attraenti mill-prezzijiet fir-Russja.

(113)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-esportazzjoni FOB Russi lejn pajjiżi terzi mill-bażi tad-data tal-GTA, aġġustati mill-kost tal-ferrovija tal-merkanzija mir-Russja lejn l-Unjoni indikat fit-talba għal rieżami, mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-bażi tad-data tal-GTA ma inkluditx data għall-2022 minħabba li l-awtoritajiet doganali Russi ssospendew il-pubblikazzjoni tal-istatistika sa avviż ulterjuri wara l-aggressjoni militari mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk, il-Kummissjoni użat id-data tal-2021 u qisitha applikabbli wkoll għall-ewwel nofs tal-2022. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi fl-2021 kienu madwar 21 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, is-suq tal-Unjoni huwa aktar attraenti meta mqabbel ma’ destinazzjonijiet possibbli oħrajn tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-produtturi Russi għandhom inċentiv ekonomiku biex ibiddlu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jiġu rrevokati.

(114)

Barra minn hekk, sabiex ikollha indikazzjoni tal-imġiba probabbli tal-ipprezzar lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri, il-Kummissjoni qabblet ukoll il-prezzijiet tal-esportazzjoni FOB Russi mill-bażi tad-data tal-GTA, aġġustati għall-kost tat-trasport fir-Russja indikati fit-talba għal rieżami, mal-prezzijiet domestiċi Russi użati biex jiġi stabbilit il-valur normali. Għalhekk, it-tqabbil sar fil-livell ta’ kif jpħroġ mill-fabbrika. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni użat id-data tal-2021 u qisitha applikabbli wkoll għall-ewwel nofs tal-2022. Fuq din il-bażi, id-differenza fil-prezz bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni Russi lejn pajjiżi terzi fl-2021, aġġustata mill-kost tat-trasport fir-Russja, u l-valur normali kienet ta’ madwar 15 % tal-prezz CIF fil-fruntiera lejn l-Unjoni. Il-valur normali li huwa ogħla bi 15 % jikkonferma li, jekk il-miżuri jiskadu, l-esportazzjonijiet Russi lejn l-Unjoni x’aktarx isiru bi prezz aktar baxx mill-prezzijiet domestiċi Russi.

4.3.2.1.   Kapaċità tal-assorbiment possibbli tas-swieq ta’ pajjiżi terzi

(115)

Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Russja huma fis-seħħ fl-Indoneżja, fil-Messiku, fit-Tajlandja, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti tal-Amerka (36). B’konsegwenza ta’ dan, dawn is-swieq ta’ pajjiżi terzi, li huma konsumaturi sinifikanti ta’ prodotti tal-azzar, huma inqas attraenti għall-produtturi esportaturi Russi. Dan huwa element addizzjonali li jappoġġa s-sejba li l-kapaċità ta’ produzzjoni kurrenti tar-Russja x’aktarx tispiċċa fis-suq tal-Unjoni, jekk il-miżuri jiġu rrevokati.

4.3.3.   Konklużjoni

(116)

Meta titqies il-kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fir-Russja u filwaqt li titqies l-evidenza dwar l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk il-miżuri jiskadu, x’aktarx li l-produtturi esportaturi Russi jattivaw il-kapaċità ta’ riżerva u saħansitra aktarx li jdawru l-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping u f’volumi sinifikanti.

(117)

Fid-dawl tas-sejbiet tagħha dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u dwar l-iżvilupp probabbli tal-esportazzjonijiet jekk il-miżuri jiskadu, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mir-Russja tirriżulta fil-kontinwazzjoni tad-dumping.

5.   DANNU

5.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(118)

Skont l-applikant il-prodott simili kien manifatturat minn 21 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(119)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ġiet stabbilita għal madwar 70 miljun tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħat-talba għar-rieżami ta’ skadenza, it-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju u t-tweġiba għall-kwestjonarju makro sottomessa mill-EUROFER. Kif huwa indikat fil-premessa (26), il-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun irrappreżentaw 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżemi.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(120)

Il-prodott taħt rieżami jitqies bħala materjal primarju għall-produzzjoni ta’ diversi prodotti downstream b’valur miżjud, li jibdew bi prodotti b’laminazzjoni fil-kiesaħ. Minħabba li l-industrija tal-Unjoni hija fil-biċċa l-kbira integrata vertikalment u tipproduċi kemm il-prodott taħt rieżami kif ukoll il-prodotti downstream, kemm is-suq kaptiv kif ukoll dak ħieles ġew analizzati separatament, fejn xieraq.

(121)

Id-distinzjoni bejn suq kaptiv u suq ħieles hija rilevanti għall-analiżi tad-dannu għaliex il-prodotti ddestinati għas-suq kaptiv ma jiġux esposti għal kompetizzjoni diretta mill-importazzjonijiet, u l-prezzijiet tat-trasferiment jiġu stabbiliti fil-gruppi skont politiki varji ta’ prezzijiet. Għall-kuntrarju, il-produzzjoni destinata għas-suq ħieles hija f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, u l-prezzijiet huma stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Is-suq ħieles kumplessiv jinkludi bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati u bejgħ mhux kaptiv lil kumpaniji relatati.

(122)

Biex tipprovdi stampa kemm jista’ jkun kompluta tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet data għall-attività kollha tal-industrija tal-Unjoni relatata mal-prodott simili u ddeterminat jekk il-produzzjoni kinitx iddestinata għas-suq kaptiv jew għas-suq ħieles. Il-Kummissjoni sabet li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili kienet iddestinata għas-suq kaptiv.

(123)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni abbażi ta’ (a) il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi magħrufa kollha fl-Unjoni, kif huwa rrapportat fit-tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER u (b) l-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi kollha kif huwa rrapportat mill-Eurostat. Il-konsum tas-suq kaptiv tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-użu kaptiv u l-bejgħ kaptiv fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi magħrufa kollha fl-Unjoni, kif huwa rrapportat fit-tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(124)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

74 399 168

64 954 323

75 357 797

74 386 585

Indiċi

100

87

101

100

Suq kaptiv

42 010 993

36 988 575

40 424 417

39 811 331

Indiċi

100

88

96

95

Suq ħieles

32 388 175

27 965 748

34 933 380

34 575 254

Indiċi

100

86

108

107

Sors:

il-Eurostat, () Tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(125)

Il-konsum totali tal-Unjoni naqas drastikament bi 13 % fl-2020 minħabba tnaqqis fid-domanda kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, dan it-tnaqqis ġie segwit minn irkupru mmexxi mill-irkupru fid-domanda għall-azzar li seħħ fl-2021 u li kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-konsum totali tal-Unjoni kien kapaċi jerġa’ jiżdied għal-livelli tal-2019.

(126)

Ix-xejra tal-konsum tas-suq kaptiv kienet kważi identika għax-xejra totali tal-konsum tal-Unjoni, u naqset drastikament sal-2020 bi 12 %, segwita minn irkupru fil-perjodu ta’ wara l-COVID-19. Madankollu, il-konsum tas-suq kaptiv laħaq biss 95 % tal-livelli tal-2019.

(127)

Il-konsum tas-suq ħieles segwa xejra simili għal dik tal-konsum totali tal-Unjoni. Dan naqas drastikament b’14 % fl-2020 u rkupra b’mod qawwi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u żdied b’7 % meta mqabbel mal-2019.

5.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

5.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(128)

Kif innotat fil-premessa (35), ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni minn xi produttur fir-Russja, filwaqt li kien hemm kooperazzjoni minn produttur Iranjan wieħed u minn erba’ produtturi Brażiljani li minnhom il-Kummissjoni kkampjunat żewġ produtturi.

(129)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi ta’ tqabbil bejn il-volumi tal-importazzjoni u l-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni, kif huwa rrapportat fit-Tabella 1 hawn fuq.

(130)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u sehem mis-suq

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

IL-BRAŻIL (38)

91 725

174 104

185 506

478 692

Indiċi

100

190

202

522

Sehem mis-suq

0,28  %

0,62  %

0,53  %

1,38  %

Indiċi

100

221

189

493

L-IRAN

3 377

0

0

0

Sehem mis-suq

0,010  %

0  %

0  %

0  %

IR-RUSSJA

1 350 435

1 508 376

2 037 080

1 224 699

Indiċi

100

112

151

91

Sehem mis-suq

4,17  %

5,39  %

5,84  %

3,55  %

Indiċi

100

129

140

85

Volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

1 468 537

1 682 480

2 158 713

1 616 013

Indiċi

100

115

147

110

Sehem mis-suq

4,46  %

6,02  %

6,36  %

4,93  %

Indiċi

100

134

142

110

Sors:

Il-Eurostat, it-tweġiba għall-Kwestjonarju Makro mill-EUROFER, l-istatistika tas-Sorveljanza, it-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi esportaturi Brażiljani inklużi fil-kampjun. L-ishma mis-suq ġew stabbiliti billi tqabblu l-volumi tal-importazzjonijiet mal-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni kif irrapportat fit-tabella 1.

(131)

L-importazzjonijiet mill-Brażil varjaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-2020, il-livell tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni żdied, segwit minn żieda żgħira u mbagħad żieda aktar qawwija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. L-importazzjonijiet mill-Iran lejn l-Unjoni waqfu kompletament wara l-2019. L-importazzjonijiet mir-Russja varjaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Meta mqabbla mal-2019, l-importazzjonijiet Russi żdiedu drastikament fl-2020 u fl-2021. Dan ġie segwit minn tnaqqis żgħir matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

5.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz

(132)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-Eurostat u l-kalkolu mill-ġdid li sar għall-Brażil kif spjegat fin-nota 38 f’qiegħ il-paġna.

(133)

Fin-nuqqas ta’ prezzijiet affidabbli fil-Brażil, kif spjegat fil-premessa (58), u fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet mill-Iran, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz miż-żewġ pajjiżi. Fir-rigward tar-Russja, intużat data statistika mill-Eurostat biex jiġi stabbilit il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz, kif spjegat hawn taħt fil-premessa (138).

(134)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

IL-BRAŻIL

467

425

1 035

939

Indiċi

100

91

221

201

L-IRAN

504

IR-RUSSJA

443

391

744

897

Indiċi

100

88

168

202

Il-pajjiżi kkonċernati

445

394

769

909

Indiċi

100

89

173

204

Sors:

Il-Eurostat, l-istatistika tas-Sorveljanza, it-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi esportaturi Brażiljani inklużi fil-kampjun (ara n-nota 38 f’qiegħ il-paġna).

(135)

Bl-eċċezzjoni tal-Iran li waqqaf l-esportazzjoni wara l-2019, il-prezzijiet medji tal-pajjiżi kkonċernati segwew l-istess xejra matul il-perjodu kkonċernat. Wara tnaqqis fil-prezzijiet fl-2020, ġiet osservata żieda qawwija fil-prezzijiet medji bejn l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, bl-eċċezzjoni tal-Brażil, fejn il-prezzijiet bejn l-2021 u l-PIR naqsu. Għar-Russja u l-Brażil, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet żdiedu b’aktar mid-doppju matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn EUR 443/tunnellata fl-2019 għal EUR 897/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għar-Russja, u minn EUR 467/tunnellata għal EUR 939/tunnellata għall-Brażil.

(136)

Wara d-divulgazzjoni, GBR u USIMINAS argumentaw li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikkalkula mill-ġdid id-data Brażiljana ma kinitx ċara u ma setgħetx tiġi vverifikata mill-partijiet interessati. Huma talbu lill-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament fuq l-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjoni fl-analiżi tagħha. USIMINAS żiedet li d-data dwar l-importazzjoni kkalkolata mill-Kummissjoni għawġet l-indikaturi bħall-prezzijiet tal-importazzjoni u l-volumi totali tal-importazzjonijiet. Barra minn hekk, kemm GBR kif ukoll USIMINAS affermaw li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Brażiljani kien ġie ddikjarat b’mod eċċessiv, u li s-sehem tas-suq Brażiljan kellu jiġi espress bħala perċentwal tal-konsum aggregat. L-istess affermazzjoni tressqet minn CSN, filwaqt li żiedet li meta wieħed iħares lejn il-bejgħ Brażiljan kollu u t-tqabbil tiegħu mal-konsum tas-suq ħieles biss, joħloq asimmetrija fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sehem mis-suq, peress li mhux biss dan jgħolli b’mod artifiċjali s-suq tal-importazzjonijiet Brażiljani fl-UE, iżda jirriżulta wkoll f’valutazzjoni kumulattiva mhux ġustifikata tal-importazzjonijiet Brażiljani b’importazzjonijiet Russi. Dwar il-kwistjoni tat-tqabbil mas-suq ħieles, b’mod partikolari, il-GBR irrefera għall-paragrafi 7.272 u 7.273 tar-rapport tal-bord tal-31 ta’ Ottubru 2018 dwar it-tilwima “Il-Marokk — Miżuri Anti-Dumping fuq Ċerti Azzar Illaminat bis-Sħana mit-Turkija (WT/DS513/R)”, li talab lil awtorità investigattiva biex tanalizza l-partijiet kollha tal-istat tal-industrija domestika, biex tiżgura li l-awtorità ma tiffokax biss fuq partijiet tal-industrija domestika li kienu qed jaħdmu ħażin u li jeskludu lil dawk li sejrin tajjeb, u viċi versa.

(137)

Kif diġà ġie spjegat fin-nota 38 f’qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni nnotat diskrepanza bejn id-data tal-Eurostat u d-data tal-bejgħ ivverifikata tal-kumpaniji fil-kampjun lill-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-volumi tal-bejgħ ivverifikati taż-żewġ kumpaniji fil-kampjun lejn l-UE kienu ogħla mill-volumi totali tal-importazzjonijiet Brażiljani rrapportati kemm mill-Eurostat kif ukoll mis-Sorveljanza. Id-data statistika għalhekk ma setgħetx titqies esklussivament għad-determinazzjoni tal-volumi tal-importazzjoni mill-Brażil. Minflok, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-istatistika tal-importazzjoni mill-bażi tad-data tas-Sorveljanza aġġustata bil-volumi tal-bejgħ ivverifikati miż-żewġ kumpaniji fil-kampjun biex tistabbilixxi l-volumi totali tal-importazzjoni. L-aġġustament sar fuq il-bażi tal-kodiċi addizzjonali TARIC tal-kumpanija rispettiva fil-kampjun fil-bażi tad-data ta’ Sorveljanza, li pprovdiet informazzjoni speċifika għall-kumpaniji. Il-Kummissjoni ma setgħetx tiżvela d-data dettaljata li hija s-sies ta’ din il-metodoloġija ta’ kalkolu, peress li dan jikkostitwixxi ksur tal-kunfidenzjalità lejn il-produtturi esportaturi li kkooperaw skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni aġġustat il-prezzijiet tal-importazzjoni, il-volumi totali tal-importazzjoni u l-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni kif xieraq, kif diġà spjegat fin-nota 38 f’qiegħ il-paġna. Dwar l-affermazzjonijiet li jikkonċernaw il-kalkolu tas-sehem mis-suq, il-Kummissjoni stabbiliet is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet abbażi ta’ tqabbil bejn il-volumi tal-importazzjonijiet u l-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni, f’konformità mal-metodoloġija fl-investigazzjoni oriġinali (39) kif meħtieġ mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-bejgħ ristrett u l-bejgħ lil partijiet relatati huma żewġ kunċetti differenti. Biex il-bejgħ jitqies ristrett, ix-xerrej (relatat) ma jistax ikollu għażla libera ta’ fornitur. Kif diġà tfakkar fil-premessa (58). Fil-każ preżenti, ma hemm l-ebda indikazzjoni jew prova li dan il-bejgħ kien esklużiv. Fil-fatt, dawk il-kumpaniji jidhru li setgħu jġibu, u fil-fatt ġabu minn partijiet terzi fl-investigazzjoni oriġinali. Dwar l-affermazzjonijiet li tali metodoloġija tirriżulta f’valutazzjoni kumulattiva mhux ġustifikata tal-importazzjonijiet Brażiljani b’importazzjonijiet Russi, il-Kummissjoni fakkret li s-sehem mis-suq Brażiljan u Russu ġie kkalkolat separatament, u li l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ analiżi tad-dannu l-ewwel twettqet fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li fl-analiżi tagħha tal-istat tal-industrija tal-Unjoni, hija eżaminat kemm il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll is-suq ristrett u ħieles separatament (eż., il-premessa (157)). B’mod partikolari, dan ġie kkonfermat mill-paragrafu 7.6.2.1.2.1 ta’ WT/DS513/R, fejn il-Korp tal-Appell afferma li f’każijiet fejn l-awtoritajiet investigattivi jeżaminaw parti waħda mill-industrija domestika, huma għandhom, fil-prinċipju, jeżaminaw bl-istess mod il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

(138)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mir-Russja, minħabba li ntużat data statistika, seta’ jiġi stabbilit biss prezz medju għal kull tunnellata għal varjetà kbira ta’ tipi ta’ prodotti. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni fil-livell tat-tip ta’ prodott, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq kalkolu preċiż tat-twaqqigħ tal-prezz iżda kellha tillimita lilha nnifisha għal tqabbil tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet medji għal kull tunnellata.

(139)

Il-prezz tal-esportazzjonijiet Russi ddeterminat b’dan il-mod tqabbel mal-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ matul l-investigazzjoni tar-rieżami tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun imposti fuq il-klijenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ta’ kif joħorġu mill-fabbrika.

(140)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fl-istess livell ta’ kummerċ u, b’analoġija ma’ metodoloġija preċiża ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan wera li bħala medja l-prezzijiet tal-esportazzjoni Russi lejn l-Unjoni jkunu aktar baxxi mill-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni, b’madwar 5 %.

5.4.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra l-Brażil, l-Iran u r-Russja

(141)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi minbarra l-Brażil, l-Iran u r-Russja kienu prinċipalment mit-Turkija u mill-Indja.

(142)

Il-volum (aggregat) tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

 

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

It-total tal-pajjiżi terzi kollha, ħlief il-pajjiżi kkonċernati

Volum (tunnellati)

5 757 331

4 262 990

7 505 856

8 182 615

 

Indiċi

100

74

130

142

 

Sehem mis-suq

17,76  %

15,24  %

21,53  %

23,73  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

491

442

768

907

 

Indiċi

100

90

156

184

Sors:

il-Eurostat.

(143)

L-importazzjonijiet totali tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi minbarra l-pajjiżi kkonċernati naqsu bi 42 % (minn 5,75 għal 8,18 miljun tunnellata) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Iż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni ssarfet ukoll f’żieda tas-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi b’6 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, l-Unjoni importat HRF minn aktar minn 40 pajjiż, bl-ebda wieħed mill-pajjiżi terzi l-oħrajn ma jkollu sehem mis-suq ta’ aktar minn 4 % fis-suq tal-Unjoni (40).

5.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.5.1.   Kummenti ġenerali

(144)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(145)

Kif huwa msemmi fil-premessa (26), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(146)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data pprovduta mill-applikant li kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(147)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(148)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost ta’ unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

(149)

Kif huwa spjegat fil-premessi (122)–(123), sabiex tipprovdi stampa kemm jista’ jkun kompluta tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet data għall-produzzjoni kollha tal-prodott ikkonċernat u ddeterminat jekk il-produzzjoni kinitx destinata għas-suq kaptiv jew għas-suq ħieles. Fejn kien rilevanti u possibbli, il-Kummissjoni analizzat separatament l-indikaturi tad-dannu relatati mas-suq ħieles u dak kaptiv.

5.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

5.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(150)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

70 920 480

61 096 994

69 531 100

68 417 802

Indiċi

100

86

98

96

Kapaċità ta’ produzzjoni

92 584 290

91 965 705

93 249 147

93 214 413

Indiċi

100

99

101

101

Użu tal-kapaċità

77 %

66 %

75 %

73  %

Indiċi

100

87

97

96

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(151)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod ġenerali b’madwar 4 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bi tnaqqis sinifikanti fl-2020 segwit minn irkupru fl-2021 minħabba l-irkupru fid-domanda għall-azzar. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-volum tal-produzzjoni naqas bi ftit meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

(152)

Filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet bi ftit matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni b’1 %, l-użu tal-kapaċità segwa l-istess xejra negattiva bħall-volum tal-produzzjoni u l-konsum u naqas b’4 % bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

5.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(153)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq fis-suq ħieles

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Bejgħ fis-suq ħieles

25 185 306

22 020 277

25 204 938

24 689 248

Indiċi

100

87

100

98

Sehem mis-suq

77,7  %

78,7  %

72,3  %

71,6  %

Indiċi

100

101

93

92

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(154)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni segwa xejra simili għall-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan naqas fl-2020 għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (125), segwit minn irkupru fl-2021. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-volum tal-bejgħ naqas b’2 % meta mqabbel mal-2019.

(155)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ konsum tal-Unjoni żdied bi ftit mill-2019 sal-2020 minn 77,7 għal 78,7 %. Bejn l-2020 u l-2021, dan naqas b’6 punti perċentwali. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-industrija tal-Unjoni kompliet titlef is-sehem mis-suq, li naqas minn 72,3 % għal 71,6 %. Kif jidher fit-tabelli 1 u 4, dan it-tnaqqis huwa spjegat mill-fatt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi baqa’ jiżdied bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li jispjega t-telf tal-industrija tal-Unjoni fis-sehem mis-suq ħieles.

(156)

Il-volum kaptiv tal-industrija tal-Unjoni bħala sehem tal-produzzjoni totali żviluppa matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 7

Il-volum kaptiv fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

 

2019

2020

2021

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum kaptiv fis-suq tal-Unjoni

42 010 993

36 988 575

40 424 417

39 811 331

Indiċi

100

88

96

95

Produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni

70 920 480

61 096 994

69 531 100

68 417 802

% tal-volum kaptiv meta mqabbel mal-produzzjoni totali

59,23

60,54

58,13

58,18

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(157)

Il-volum kaptiv tal-industrija tal-Unjoni (magħmul minn użu kaptiv u bejgħ kaptiv fis-suq tal-Unjoni) naqas bi 12 % mill-2019 sal-2020 u rkupra b’7 punti perċentwali meta mqabbel mal-2020 fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li rriżulta fi tnaqqis ġenerali ta’ 5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn madwar 42 miljun tunnellata għal kważi 40 miljun tunnellata mill-bidu sa tmiem il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. B’mod ġenerali, is-suq kaptiv u ħieles segwa l-istess xejra. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżvilupp tas-suq kaptiv ma kellu l-ebda impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles.

(158)

Is-sehem mis-suq kaptiv tal-industrija tal-Unjoni (espress bħala perċentwal tal-produzzjoni totali) baqa’ relattivament stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u varja bejn 58,13 % u 60,54 %.

5.5.2.3.   Tkabbir

(159)

F’kuntest ta’ konsum stabbli u tnaqqis fil-produzzjoni, l-industrija tal-Unjoni tilfet il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fis-suq ħieles. B’mod ġenerali, ma kienx hemm tkabbir għall-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(160)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

L-impjiegi u l-produttività

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Għadd ta’ impjegati

38 980

36 207

38 470

39 937

Indiċi

100

93

99

102

Produttività (unità/impjegat)

1 819

1 687

1 807

1 713

Indiċi

100

93

99

94

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju makro mill-EUROFER.

(161)

L-għadd ta’ impjegati involuti fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami naqas drastikament mill-2019 sal-2020 u żdied minn dak iż-żmien sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali dan irriżulta f’żieda żgħira ta’ 2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(162)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala output (tunnellati) għal kull impjegat, naqset b’6 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(163)

Kif spjegat fil-premessa (128), ma kienx hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi mir-Russja. Matul dan il-proċediment, produttur esportatur Iranjan wieħed u żewġ produtturi Brażiljani biss ikkoperaw bis-sħiħ.

(164)

Kif muri qabel, kien hemm indikazzjonijiet li d-dumping kompla jikkonċerna l-importazzjonijiet mill-Brażil (ara l-premessa (63)) u mir-Russja (ara l-premessa (74)) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-marġinijiet indikattivi kollha tad-dumping kienu ogħla mil-livell de minimis.

(165)

Għall-Iran, kif huwa spjegat fil-premessa (66), ma kienx possibbli li tiġi stabbilita determinazzjoni tad-dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, l-investigazzjoni ffokat fuq il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri anti-dumping jiġu revokati.

(166)

Minkejja l-fatt li kien għad hemm dumpinggħall-Brażil u għar-Russja, għalkemm f’volumi żgħar, l-analiżi tal-indikaturi tad-dannu turi li l-miżuri fis-seħħ kellhom impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, il-miżuri anti-dumping imposti wara l-investigazzjoni oriġinali ppermettew lill-industrija tal-Unjoni tirkupra minn dumping fil-passat. Dan ġie kkonfermat ukoll mis-sejbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni anti-dumping kontra prodotti ċatti b’laminazzjoni termali mit-Turkija (41). L-industrija tal-Unjoni rnexxielha tirkupra mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja, mill-Brażil u mill-Iran sa tmiem l-2018. Madankollu, l-irkupru tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni waqaf f’daqqa u ġie mreġġa’ lura fl-2019, meta l-industrija tal-Unjoni kellha tikkompeti ma’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mit-Turkija, fejn ġiet sfurzata tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha taħt il-kostijiet biex iżżomm is-sehem mis-suq tagħha u b’hekk issofri dannu materjali. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra l-importazzjonijiet mit-Turkija fl-2021 u l-irkupru ta’ wara l-COVID, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet u rkuprat sa tmiem il-PIR. Għalhekk, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx għadha titqies bħala li ġarrbet dannu.

5.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

5.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(167)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fis-suq ħieles

526

464

744

954

Indiċi

100

88

141

181

Kost unitarju tal-produzzjoni

557

534

669

800

Indiċi

100

96

120

144

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(168)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 12 % bejn l-2019 u l-2020 u żdiedu drastikament mill-2020 sal-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami li rriżultaw f’żieda ġenerali ta’ 81 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Ix-xejra tal-prezzijiet tal-bejgħ għal kull unità matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienet influwenzata mit-tfixkil serju kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u mit-tkomplija tad-domanda wara l-pandemija. Mill-2021, id-domanda għolja għall-azzar, il-provvista ristretta u ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni kienu l-fatturi li influwenzaw iż-żieda f’daqqa u sinifikanti fil-prezz tal-bejgħ tal-unità.

(169)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni żdied b’44 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020, il-kost unitarju tal-produzzjoni kien ogħla mill-prezz tal-bejgħ unitarju. In-nuqqas ta’ kapaċità għall-industrija tal-Unjoni li tirrifletti ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fil-prezz tal-bejgħ tagħha matul dan il-perjodu kien minħabba l-volumi kbar ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mit-Turkija, li niżżlu l-prezzijiet (42). Fl-2020, kemm il-kost tal-produzzjoni kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu, iżda l-kost tal-produzzjoni sa ċertu punt inqas. Dan kien dovut għat-tnaqqis qawwi fis-suq matul il-pandemija tal-COVID-19, li naqqas il-prezzijiet b’mod sinifikanti filwaqt li l-kost tal-produzzjoni kien inqas affettwat. Fl-2021 il-kost unitarju tal-produzzjoni żdied minħabba żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-komoditajiet. Din ix-xejra kompliet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, fejn l-aggressjoni militari mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna aggravat il-kriżi tal-enerġija li diġà ilha għaddejja mill-2021. Madankollu, minħabba l-irkupru ta’ wara l-COVID, id-domanda żdiedet ukoll u konsegwentement, il-prezzijiet żdiedu wkoll b’mod sinifikanti (kważi rduppjaw bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami), saħansitra aktar miż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni fl-istess perjodu.

5.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(170)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

69 352

69 748

78 444

81 000

Indiċi

100

101

113

117

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(171)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kostijiet lavorattivi medji baqgħu stabbli mill-2019 sal-2020 u minn dak iż-żmien żdiedu, u dan irriżulta f’żieda ġenerali ta’ 17 % fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. L-għadd ta’ impjegati matul dan il-perjodu żdied ukoll.

5.5.3.3.   Inventarji

(172)

Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

Inventarji

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Stokkijiet tal-għeluq (tunnellati)

533 200

390 880

522 405

476 151

Indiċi

100

73

98

89

Stokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

4,5

3,8

4,6

4,3

Indiċi

100

84

121

94

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(173)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-istokkijiet tal-HRF tal-industrija tal-Unjoni naqsu, bi tnaqqis drastiku fl-2020, li huwa spjegat mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, u l-irkupru kważi sħiħ fl-2021 segwit minn tnaqqis fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. L-industrija tal-HRF fl-Unjoni hija kkaratterizzata minn kuntratti qafas (ta’ kull xahar, trimestrali, annwali) bejn il-produtturi u l-klijenti li jiffissaw il-kwantitajiet u l-prezzijiet. Dawn il-kuntratti qafas huma implimentati permezz ta’ ordnijiet ta’ xiri skont il-ħtiġijiet tal-klijenti. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni tista’ tippjana l-produzzjoni u l-inventarji tagħha. Għaldaqstant, u kif ġie stabbilit ukoll fl-investigazzjoni oriġinali, l-istokkijiet ma humiex meqjusa bħala indikatur importanti tad-dannu għal din l-industrija, peress li l-biċċa l-kbira tat-tipi tal-prodott simili huma prodotti mill-industrija tal-Unjoni abbażi ta’ ordnijiet speċifiċi tal-utenti.

5.5.3.4.   Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(174)

Il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 12

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Profittabbiltà tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-Unjoni (% tal-fatturat tal-bejgħ)

–8,1

–18,8

13,9

18,3

Indiċi

- 100

- 231

170

224

Fluss ta’ flus (EUR)

-6 211 922

- 130 468 840

645 183 908

984 716 910

Indiċi

- 100

-2 100

10 386

15 852

Investimenti (EUR)

433 154 031

181 406 902

394 535 083

351 855 569

Indiċi

100

42

91

81

Redditu fuq l-investimenti

–6,7  %

–13,8  %

17,1  %

27,2  %

Indiċi

- 100

- 206

254

405

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(175)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili fis-suq ħieles tal-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(176)

Il-profittabbiltà segwiet xejra ta’ kurva forma ta’ qanpiena invertita u żdiedet b’mod ġenerali b’26,4 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-2019 iġġarrab tnaqqis u laħqet l-aktar livell baxx tagħha, jiġifieri -18 %, fl-2020 fil-qalba tal-pandemija. Fl-2021, il-profitt reġa’ lura b’mod qawwi għal 13,9 % u żdied aktar biex laħaq 18,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(177)

L-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi mit-Turkija żdiedu malajr fl-2017 u fl-2018 (43), u dan spjega l-profittabbiltà baxxa fl-2019. Dan ġie aggravat mix-xokkijiet ikkawżati mill-pandemija globali fl-2020, bħat-tfixkil fil-katina tal-provvista u t-tnaqqis fil-konsum tal-azzar. Żieda qawwija fid-domanda tal-azzar, flimkien ma’ żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ, wasslu għal profitti eċċezzjonalment għoljin fl-2021, li mmarkaw sena eċċezzjonali għall-industrija tal-Unjoni. Din ix-xejra kompliet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u dan jimmarka profittabbiltà saħansitra ogħla għall-industrija tal-Unjoni.

(178)

Il-fluss ta’ flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod simili għall-profittabbiltà: rekord negattiv fl-2019, segwit minn tnaqqis drastiku ulterjuri fl-2020, u rkupru qawwi fl-2021, li żdied saħansitra aktar fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(179)

Bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-investimenti naqsu b’19 %. B’mod ġenerali, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-flussi ta’ investiment segwew distribuzzjoni ta’ kurva forma ta’ qanpiena invertita: l-investiment naqas b’mod sinifikanti fl-2020, segwit minn żieda drastika fl-2021. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-investiment naqas bi ftit meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. B’mod ġenerali, l-investimenti kellhom l-għan li jtejbu l-kwalità u l-ekoloġizzazzjoni tal-produzzjoni.

(180)

Ir-redditu fuq l-investimenti (ROI) huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Meta mqabbel mal-2019, ir-redditu fuq l-investiment iddeterjora fl-2020, u rkupra fl-2021. B’mod ġenerali, l-ROI tjieb b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2019. Fil-fatt, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-ROI żdied b’20 punt perċentwali.

(181)

Il-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li jżidu l-kapital ma ġietx affettwata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li ra rkupru rapidu mill-pandemija.

5.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(182)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet ta’ HRF mill-Brażil, l-Iran u r-Russja fl-2017, l-importazzjonijiet mill-Brażil naqsu, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-Russja baqgħu b’mod ġenerali f’livelli simili meta mqabbla mal-investigazzjoni oriġinali. Fil-każ tal-Iran, l-importazzjonijiet ta’ HRF fl-Unjoni waqfu kompletament fl-2020, u ppermettew lill-industrija tal-Unjoni tibda tirkupra mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 dwar l-importazzjonijiet tal-HRF li joriġinaw mit-Turkija (44), l-industrija tal-Unjoni kienet irkuprat sa tmiem l-2018. Madankollu, l-irkupru tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni waqaf f’daqqa u ġie mreġġa’ lura fl-2019, meta l-industrija tal-Unjoni kellha tikkompeti ma’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mit-Turkija, u ġiet sfurzata tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha taħt il-kostijiet biex iżżomm is-sehem mis-suq tagħha u b’hekk tikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni (45). F’Lulju 2021, il-Kummissjoni imponiet miżuri definittivi kontra t-Turkija u bis-saħħa ta’ diversi fatturi involuti, kif huwa spjegat fil-premessa (177), is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet u rkuprat sa tmiem l-2021. Kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa (177), l-industrija tal-Unjoni setgħet tkompli tibbenefika minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ titjib matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami li rriżultaw f’żieda ulterjuri fil-profittabbiltà tagħha.

(183)

B’mod aktar partikolari, il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tad-dannu, b’mod partikolari l-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, l-impjiegi u l-produttività segwew xejra simili matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Din ix-xejra kienet ikkaratterizzata minn tnaqqis drastiku fl-2020 u rkupru fl-2021, li kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għal livelli simili jew kemxejn ogħla minn dawk fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni fl-2019. Ir-raġuni għal din ix-xejra irregolari tinsab fil-biċċa l-kbira fil-koinċidenza ta’ influss konsiderevoli ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx ta’ HRF mit-Turkija u d-dinamika unika maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19. Il-lockdowns u l-interruzzjonijiet tal-attività industrijali wasslu għal livelli ta’ konsum baxxi ħafna u domanda baxxa għall-azzar fl-2020, filwaqt li d-domanda u l-prezzijiet tal-azzar żdiedu fl-2021 matul l-irkupru ta’ wara l-COVID li wassal, fost l-oħrajn, għal profitti għoljin għall-industrija tal-azzar fl-2021 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(184)

Il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profitt, il-fluss tal-flus u l-ROI segwew xejra simili kkaratterizzata wkoll minn tnaqqis qawwi fl-2020, u rkupru fl-2021. Madankollu, dawn l-indikaturi żdiedu b’mod drammatiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2019, sena li fiha l-industrija tal-Unjoni tqieset li ġarrbet dannu mill-importazzjonijiet mit-Turkija.

(185)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(186)

Madankollu, l-indikaturi ma jistgħux jiġu analizzati mingħajr ma jitqiesu l-kundizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli tas-suq tal-azzar tal-2021 u l-ewwel nofs tal-2022. Fl-2020, it-tnaqqis fl-attività industrijali kkawżat mill-pandemija u t-tnaqqis konsegwenti fid-domanda għall-azzar, wasslu għal tnaqqis serju fir-ritmu tal-prestazzjoni tal-industrija tal-azzar, u tal-ekonomija globali b’mod ġenerali. Fl-2021, xprunat minn żieda fid-domanda, il-konsum tal-azzar irkupra b’mod qawwi lura għal prezzijiet ogħla. Dawn il-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq ġew riportati għall-ewwel nofs tal-2022. Madankollu, ix-xejra pożittiva ta’ wara l-COVID esperjenzata matul l-2021 intemmet fit-tieni trimestru tal-2022 minħabba żidiet severi fil-kostijiet tal-enerġija u inflazzjoni għolja. Dan ifisser li ċ-ċirkostanzi favorevoli esperjenzati matul l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami x’aktarx li ma jibqgħux għaddejjin. Kif ġie nnotat f’każijiet preċedenti, l-HRF huwa komodità sensittiva ħafna għall-prezzijiet, u l-kompetizzjoni hija bbażata primarjament fuq il-prezz (46). Dan ifisser li volumi kbar ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jistgħu jwasslu għal produtturi tal-Unjoni mingħajr għażla ħlief li jbaxxu l-prezzijiet tagħhom sabiex iżommu s-sehem mis-suq, li jwassal għal dannu.

6.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

(187)

Fil-premessa (185), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Min-naħa l-oħra, kif spjegat fil-premessi (88), u (117) il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping x’aktarx ikompli fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping, u, kif spjegat fil-premessa (100), id-dumping x’aktarx jerġa’ jseħħ fil-każ tal-Iran. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(188)

F’dan ir-rigward, ġew analizzati l-elementi li ġejjin mill-Kummissjoni: (1) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-pajjiżi kkonċernati u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, u (2) il-livell probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u l-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-pajjiżi kkonċernati, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(189)

Kif diġà deskritt fil-premessa (78), iż-żewġ produtturi inklużi fil-kampjun fil-Brażil operaw kważi b’kapaċità sħiħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Iż-żewġ produtturi kienu żiedu l-bejgħ tagħhom lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, billi żiedu l-użu tal-kapaċità tagħhom meta mqabbel mas-snin preċedenti, kif iddikjarat fil-premessa (78). Iż-żieda sinifikanti fil-bejgħ għall-esportazzjoni fl-investigazzjoni tar-rieżami kienet indikatur li s-suq tal-Unjoni għadu attraenti għall-produtturi esportaturi mill-Brażil, minkejja l-miżuri kurrenti.

(190)

L-uniku produttur li kkoopera mill-Iran kien qed jopera b’mod simili bi kważi kapaċità sħiħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (il-premessa (91)). Għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva tagħha kienet limitata. Madankollu, wara investigazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija kienet qed tippjana b’mod attiv li żżid il-kapaċità tal-azzar HRF tagħha, li tirriżulta f’madwar (1) miljun tunnellata fis-sena f’kapaċità ta’ riżerva, li tista’ tintuża għall-esportazzjoni, inkluż lejn l-Unjoni (il-premessa (95)). Għar-raġuni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-snin li ġejjin, se jkun hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fl-Iran li tista’ tintuża għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi nstabu li kienu mill-inqas 14 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u b’hekk is-suq tal-Unjoni sar aktar attraenti f’termini ta’ prezzijiet, meta mqabbel ma’ destinazzjonijiet possibbli oħrajn tal-esportazzjoni.

(191)

Kif iddikjarat fil-premessa (107), il-Kummissjoni sabet li r-Russja kellha kapaċità ta’ riżerva ta’ 3,5 miljun tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li hija 10 % tal-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni. Għalhekk, ġie konkluż li l-produtturi Russi għandhom biżżejjed kapaċitajiet ta’ riżerva, li jistgħu jintużaw għall-esportazzjoni ta’ HRF bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, tqabbil tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet domestiċi Russi u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (il-premessa (112)) sab li l-prezzijiet domestiċi Russi kienu bħala medja 17 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk jikkonfermaw l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Russi.

(192)

Is-suq tal-Unjoni huwa fost l-akbar swieq ta’ ċerti prodotti tal-azzar ċatti b’laminazzjoni termali madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni (il-prezz medju mitlub mill-industrija tal-Unjoni kien ta’ EUR 954/tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) huma ogħla mill-prezz medju mitlub mill-produtturi esportaturi Brażiljani u Iranjani lill-bqija tad-dinja, u mill-produtturi Russi lill-Unjoni. Peress li, kif huwa spjegat fil-premessa (186) hawn fuq, l-HRF huwa prodott ta’ komodità sensittiv ħafna għall-prezz, l-esportaturi Brażiljani, Iranjani u Russi jkollhom inċentiv qawwi biex jidderieġu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiskadu.

(193)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jżidu l-bejgħ tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

6.2.   Il-livelli tal-prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati u l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni

6.2.1.   Il-Brazil

(194)

Kif iddikjarat fil-premessa (133), il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għall-Brażil. Abbażi tad-data tal-Eurostat, il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Brażil kien taħt il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ħlief għall-2021. Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-esportazzjonijiet mill-Brażil lejn l-Unjoni Ewropea (il-premessa (31)), iżda billi ż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun mill-Brażil kienu qed ibigħu lil partijiet relatati fl-Unjoni, u fin-nuqqas ta’ bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod affermattiv li l-prezz tal-bejgħ relatat kien affidabbli biżżejjed biex jintuża bħala indikazzjoni għal prezz probabbli ta’ miżuri anti-dumping assenti. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat l-imġiba kurrenti tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Brażiljani fis-swieq tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi tagħhom biex tivvaluta l-imġiba probabbli tal-ipprezzar fis-suq tal-Unjoni, jekk il-miżuri jiskadu.

(195)

Il-prezz tal-esportazzjoni mill-Brażil lejn swieq oħrajn ta’ pajjiżi terzi ntuża bħala indikatur biex tiġi stabbilita l-imġiba probabbli tal-ipprezzar mingħajr miżuri. It-tqabbil sar bl-użu tad-data tal-GTA għall-bejgħ għall-esportazzjoni mill-Brażil lejn il-bqija tad-dinja, u ġiet iffiltrata mill-aqwa 10 pajjiżi f’termini ta’ kwantitajiet, li kienu jirrappreżentaw madwar 90 % tal-bejgħ mill-Brażil lejn pajjiżi terzi. It-tqabbil indika li l-livell tal-prezz tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi (ikkalkolat għal madwar EUR 820/tunnellata bħala l-prezz tal-art ħieles għaċ-ċirkolazzjoni) kien madwar 13 sa 14 % inqas mill-prezz tal-bejgħ medju kurrenti tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles, u wkoll taħt il-prezz mhux dannuż stabbilit għal madwar EUR 920/tunnellata.

(196)

Billi l-analiżi ta’ hawn fuq uriet li l-produtturi esportaturi Brażiljan setgħu jbigħu fi swieq terzi bi prezzijiet taħt il-prezz tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-esportaturi Brażiljan ikunu jistgħu jbaxxu l-prezzijiet tagħhom lejn l-UE u jeżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet.

6.2.2.   L-Iran

(197)

L-importazzjonijiet mill-Iran lejn l-Unjoni prattikament sparixxew matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni eżaminat l-imġiba kurrenti tal-ipprezzar tal-uniku produttur esportatur li kkoopera fl-Iran fis-swieq tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tiegħu biex tivvaluta l-prezz probabbli tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jiskadu.

(198)

It-tqabbil sar bl-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Iran lejn il-bqija tad-dinja, u indika li l-prezz li x’aktarx jintuża ħieles għaċ-ċirkolazzjoni fl-Unjoni tal-esportazzjonijiet ta’ HRF tal-Iran, ikun, fin-nuqqas ta’ miżuri, mhux aktar minn EUR 830 sa EUR 840/tunnellata.

(199)

It-tqabbil tal-prezzijiet bejn il-prezz tal-esportazzjoni tal-Iran iddeterminat b’dan il-mod u l-prezz tal-bejgħ medju ponderat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tal-produtturi tal-Unjoni, aġġustat għal livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, wera li bħala medja, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Iran lejn l-Unjoni jkunu aktar baxxi mill-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 10 sa 13 %. Il-prezzijiet mill-Iran ikunu wkoll taħt il-prezz mhux dannuż stabbilit fil-premessa (195).

6.2.3.   Ir-Russja

(200)

L-importazzjonijiet mir-Russja matul il-PIR saru bi prezzijiet taħt il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, bi prezz ta’ EUR 897/tunnellata. Kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa (140), ir-riżultat tat-tqabbil tal-prezzijiet bejn l-esportazzjonijiet Russi lejn l-Unjoni u l-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni wera differenza fil-prezz ta’ madwar 5 %. Il-prezzijiet mir-Russja ġew stabbiliti wkoll taħt il-prezz mhux dannuż ta’ EUR 920/tunnellata.

6.2.4.   Konklużjoni

(201)

L-HRF huwa prodott ta’ komodità sensittiv ħafna għall-prezz u kif ġie osservat fl-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-HRF miċ-Ċina kif ukoll fl-investigazzjoni dwar il-prodott identiku mit-Turkija, livelli pjuttost modesti ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet flimkien ma’ volumi kbar huma suxxettibbli li jkollhom impatt sinifikanti u immedjat fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni (47). F’dawk iż-żewġ investigazzjonijiet, il-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz taħt 5 % ġiegħlu lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ (jew titlef is-sehem mis-suq) sa tali punt li ġarrbet dannu materjali fuq terminu qasir.

(202)

Minħabba li l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet għadha kemm irkuprat minn perjodu ta’ taqlib u ekonomikament diffiċli, inkluża l-pandemija tal-COVID-19, b’telf akkumulat, għadha f’sitwazzjoni fraġli. Għalhekk huwa probabbli ħafna li l-kontinwazzjoni ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Brażil u mir-Russja u r-rikorrenza ta’ dumping mill-Iran f’volumi sinifikanti u prezzijiet taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni, il-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet, il-profittabbiltà u l-ħtiġijiet tal-investiment, li jirriżulta f’rikorrenza ta’ dannu materjali.

(203)

Wara d-divulgazzjoni, USIMINAS sostniet li l-industrija domestika tal-Unjoni ma kinitx fraġli, minħabba li l-indikaturi bħall-profitt u r-redditu fuq l-investiment żdiedu ħafna matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Barra minn hekk, kemm USIMINAS kif ukoll CSN argumentaw li ma seta’ jkun hemm l-ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu, peress li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet minkejja żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Hija rreferiet ukoll għall-volumi baxxi ta’ importazzjoni tal-Brażil bi prezzijiet għoljin u l-kapaċità żejda limitata fil-Brażil.

(204)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif iddikjarat fil-premessa (166), l-industrija tal-Unjoni tqieset li ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet tas-suq eċċezzjonalment favorevoli (il-premessa (186)) u li, minħabba li l-industrija tal-Unjoni sempliċiment irpiljat minn perjodu turbolenti u ekonomikament diffiċli kkaratterizzat minn telf akkumulat, kienet għadha f’sitwazzjoni fraġli għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (201) u (202). Barra minn hekk, kif spjegat fit-taqsima 6.2.1, il-Kummissjoni kellha tanalizza l-imġiba tal-ipprezzar attwali tal-produtturi esportaturi Brażiljani fis-swieq tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi tagħhom, li wriet li l-Brażil ikun jista’ jeżerċita pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(205)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(206)

L-industrija tal-Unjoni tinsab fi 15-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja). Hija timpjega kważi 40 000 impjegat fir-rigward tal-prodott taħt rieżami.

(207)

Fin-nuqqas ta’ miżuri, l-industrija tal-Unjoni mhux se tkun aktar protetta kontra ż-żieda probabbli ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Brażil, l-Iran u r-Russja, li se jikkawża dannu materjali. L-effett tal-miżuri anti-dumping se jkun pożittiv għall-produtturi tal-Unjoni, peress li l-miżuri se jgħinu lill-industrija tal-Unjoni tkompli l-irkupru tagħha mid-dumping tal-passat. Għalhekk huwa ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li l-miżuri jitħallew.

7.1.1.   L-interess tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati

(208)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-utenti u lill-importaturi mhux relatati kollha magħrufa. L-ebda utent jew importatur mhux relatat ma ppreżenta ruħu u kkoopera f’din l-investigazzjoni billi ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni għall-kuntrarju, il-kontinwazzjoni tal-miżuri ma titqiesx kontra l-interess tal-utenti u tal-importaturi.

(209)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat jekk il-miżuri kontra l-Brażil, l-Iran u r-Russja jkollhomx effett negattiv fuq is-sigurtà tal-provvista, peress li hemm ukoll miżuri fis-seħħ fuq l-HRF kontra t-Turkija u ċ-Ċina. Il-livell tal-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni kien ta’ 73 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u l-kapaċità tal-produzzjoni totali qabżet il-konsum totali tal-Unjoni bi 18-il miljun tunnellata, skont id-data tal-kwestjonarju makro tal-EUROFER. Barra minn hekk, minkejja l-miżuri kontra xi wħud mill-esportaturi ewlenin tal-HRF, kważi 40 pajjiż esportaw il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u b’hekk urew li l-impożizzjoni ta’ miżuri ma taffettwax id-diversifikazzjoni tal-provvista. Għal dawn ir-raġunijiet u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-utenti u l-importaturi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda riskju potenzjali fil-livell tal-provvista għall-utenti downstream.

(210)

Wara l-bidu, USIMINAS affermat ukoll li l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) ikollha impatt negattiv għall-aċċess lejn is-suq tal-Unjoni minħabba l-obbligi ta’ rapportar u s-soprataxxi onerużi marbuta mas-CBAM. Din l-affermazzjoni saret wara d-divulgazzjoni. Barra minn hekk, kemm GBR kif ukoll USIMINAS argumentaw li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta b’mod sinifikanti mill-miżuri ta’ salvagwardja. CSN żiedet li minħabba s-salvagwardji tal-azzar, il-volumi tal-importazzjoni tal-HRF Brażiljani ma jiżdidux, u li l-importazzjonijiet mill-Brażil ma setgħux jikkawżaw dannu, peress li d-dazju residwu li l-Brażil kien soġġett għalih kien ogħla mid-dazju anti-dumping ad valorem attwali applikabbli għal CSN. Għalhekk, CSN argumentat li mhuwiex raġonevoli li jitqies li d-dannu x’aktarx jerġa’ jseħħ minħabba l-importazzjonijiet mill-Brażil.

(211)

Il-Kummissjoni fakkret li s-CBAM daħal fis-seħħ biss f’Ottubru 2023 u li matul perjodu tranżitorju, sal-2026, l-importaturi se jkollhom jirrapportaw biss l-emissjonijiet integrati fil-merkanzija tagħhom mingħajr ma jġarrbu l-ebda imposta finanzjarja. Ir-raġuni ddikjarata għal dan il-perjodu tranżitorju hija li l-partijiet jingħataw żmien biex jaġġustaw qabel ma tidħol fis-seħħ is-sistema finali u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ tfixkil fil-kummerċ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li huwa prematur li ssir kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt potenzjali tas-CBAM fuq il-flussi kummerċjali futuri tal-HRF. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-miżuri ta’ salvagwardja ma jistgħux jitqiesu ta’ natura dejjiema, u li l-miżura attwalment fis-seħħ (48) ma għandha l-ebda impatt fuq il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ żieda fl-importazzjonijiet fin-nuqqas ta’ dazji antidumping. Meta titqies in-natura temporanja tas-salvagwardji tal-azzar, il-Kummissjoni għalhekk sabet li dawn ma setgħux ikollhom effett fuq il-konklużjonijiet tagħha f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn iż-żewġ affermazzjonijiet.

7.1.2.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(212)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti ta’ interess għall-Unjoni kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(213)

Abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni u r-rikorrenza ta’ dumping, ir-rikorrenza ta’ dannu u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jinżammu l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa.

(214)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(215)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) biex ikunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(216)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, din iż-żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(217)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mill-pajjiżi ikkonċernati u manifatturat mill-entitajiet legali msemmijin. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

(218)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (49). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(219)

Esportatur jew produttur li ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li kien intuża sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju applikabbli bħalissa għall-esportazzjonijiet tiegħu jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex isir soġġett għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li ntuża sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju applikabbli għall-esportazzjonijiet tiegħu; (ii) ma huwiex relatat ma’ kwalunkwe produttur esportatur soġġett għad-dazji anti-dumping; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

(220)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (50) meta jkollu jiġi rrimborżat ammont wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-kapital tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(221)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (51), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ tliet snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1029, il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024. Il-prodott taħt rieżami huwa waħda mill-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-miżura ta’ salvagwardja. Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, kemm id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota kif ukoll id-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Peress li din l-akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma’ miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott taħt rieżami għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja.

(222)

Dan ifisser li meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jaqbeż il-livell ad valorem tad-dazji anti-dumping ekwivalenti skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazji ta’ salvagwardja u ta’ dawk anti-dumping, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jiġi stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell ad valorem tad-dazji anti-dumping ekwivalenti f’dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u d-dazji anti-dumping ogħla imposti skont dan ir-Regolament. Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura għandha tiġi sospiża.

(223)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti llaminati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, kemm jekk ikunu f’koljaturi u kemm jekk ma jkunux (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b’laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (il-kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (il-kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7226191091, 7226191095), 7226 91 91 u 7226 91 99 u li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa.

Il-prodotti li ġejjin ma humiex koperti minn dan ir-rieżami:

(i)

prodotti ta’ azzar inossidabbli u azzar elettriku bis-siliċju bil-granijiet orjentati;

(ii)

prodotti tal-azzar tal-għodda u tal-azzar ta’ veloċità għolja;

(iii)

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr diżinji mqabbżin, ta’ ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 600 mm jew aktar; u

(iv)

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr disinji mqabbżin, ta’ ħxuna ta’ 4,75 mm jew aktar, iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 2 050 mm jew aktar.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġejjin:

Pajjiż

Kumpanija

Rata tad-dazju definittiva — euro għal kull tunnellata netta

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Brazil

ArcelorMittal Brasil S.A.

54,5

C210

 

Aperam Inox América do Sul S.A.

54,5

C211

 

Companhia Siderúrgica Nacional

53,4

C212

 

Usinas Siderúrgicas de Minas Gerais S.A. (USIMINAS)

63,0

C213

 

Gerdau Açominas S.A.

55,8

C214

L-Iran

Mobarakeh Steel Company

57,5

C215

Ir-Russja

Novolipetsk Steel

53,3

C216

 

Public Joint Stock Company Magnitogorsk Iron Steel Works (PJSC MMK)

96,5

C217

 

PAO Severstal

17,6

C218

3.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun id-dazju ad valorem kif stabbilit fit-tabella ta’ hawn taħt

Kumpanija

Rata tad-dazju definittiva — euro għal kull tunnellata netta

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-kumpaniji Brażiljani l-oħrajn kollha

63,0

C999

Il-kumpaniji Iranjani l-oħrajn kollha

57,5

C999

Il-kumpaniji Russi l-oħrajn kollha

96,5

C999

4.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott taħt rieżami) mibjugħ biex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

5.   L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2015 u t-30 ta’ Ġunju 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwiex relatat ma’ kwalunkwe produttur esportatur soġġett għad-dazji anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

jew effettivament esporta l-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

6.   Għall-produtturi msemmija individwalment u fil-każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha l-ħsara qabel tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għaldaqstant, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (52), ir-rata tad-dazju definittiv stipulat hawn fuq għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas. Id-dazju pagabbli mbagħad għandu jkun id-differenza bejn ir-rata imnaqqsa tad-dazju definittiv u l-prezz nett imnaqqas, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-iżdoganar tal-merkanzija.

7.   Għall-kumpaniji l-oħrajn kollha u f’każijiet fejn il-merkanzija saritilha ħsara qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat abbażi tal-ammonti stipulati hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

8.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Fejn id-dazju tariffarju tal-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għal prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, kemm jekk f’koljaturi kif ukoll jekk le (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħduma aktar minbarra dawk b’laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin u li jaqbeż il-livell ad valorem ekwivalenti tad-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2), għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż.

Fejn id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għal prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, kemm jekk f’koljaturi kif ukoll jekk le (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħduma aktar minbarra dawk b’laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin u li jaqbeż il-livell ad valorem ekwivalenti tad-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2), id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u d-dazju anti-dumping ogħla stabbilit fl-Artikolu 1(2).

Il-parti tal-ammont ta’ dazju anti-dumping li ma tinġabarx skont il-paragrafu 3 għandha tiġi sospiża.

Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu limitati fiż-żmien għall-perjodu tal-applikazzjoni tad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 11.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta’ Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (ĠU L 258, 6.10.2017, p. 24).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/624 tat-12 ta’ April 2022 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti rrumblati bis-sħana tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor li joriġinaw fir-Russja (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 185).

(5)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 31, 21.1.2022, p. 7).

(6)   ĠU C 384, 5.10.2022, p. 3.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/365 tas-16 ta’ Frar 2023 li jtemm l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU L 50, 17.2.2023, p. 56).

(8)  Talba, p. 41.

(9)  Ara l-Artikolu 1(8) u l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/428 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 87I, 15.3.2022, p. 13), li introduċa l-Artikolu 3g u l-Anness XVII fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(10)  Ara l-Artikolu 1(4)(d) u l-Anness 4 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1904 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 259I, 6.10.2022, p. 3), li żied il-paragrafu 3 mal-Artikolu 3g tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 u ħa post l-Anness XVII tiegħu.

(11)  OECD (2021), L-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar – 2021, DSTI/SC(2021)5/FINAL, disponibbli fuq: https://www.oecd.org/industry/ind/latest-developments-in-steelmaking-capacity-2021.pdf. Silta rilevanti ġiet ipprovduta wkoll fl-Anness 17 tat-talba.

(12)  Talba, paragrafu 29.

(13)  Talba, paragrafi 53-62.

(14)  Talba, paragrafu 63.

(15)  Talba, paragrafu 58.

(16)  Talba, paragrafu 45.

(17)  Talba, paragrafu 55.

(18)  Kif iddefinit fil-premessa 15.

(19)  https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2629

(20)  Id-data tas-CRU hija soġġetta għad-drittijiet tal-awtur.

(21)  Talba, paragrafu 29.

(22)  Soġġett għad-drittijiet tal-awtur.

(23)  Ara, pereżempju https://financialtribune.com/articles/domestic-economy/101877/msc-s-annual-rolling-capacity-to-rise-by-45m-tons and https://en.eghtesadonline.com/news/785310/MSC-s-Annual-Rolling-Capacity-to-Rise-by-4-5m-Tons, l-aħħar aċċessat fit-23 ta’ Novembru 2023.

(24)  Talba, paragrafi 29-30.

(25)  Talba, Anness 17.

(26)  OECD (2021), L-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar2021, cit., p. 45.

(27)  Talba, paragrafi 29-30.

(28)  Talba, paragrafu 31.

(29)  OECD (2022), Żviluppi tas-Suq tal-AzzarQ4 2021, DSTI/SC(2021)9/FINAL, disponibbli fuq: https://www.oecd.org/industry/ind/steel-market-developments-Q4-2021.pdf. Silta rilevanti ġiet ipprovduta wkoll fl-Anness 17 tat-talba.

(30)  Talba, paragrafu 29.

(31)  OECD (2023), Latest Developments in Steelmaking Capacity (L-Aħħar Żviluppi fil-Kapaċità tal-Produzzjoni tal-Azzar) — 2023, DSTI/SC(2023)3/FINAL, disponibbli fuq: https://www.oecd.org/industry/ind/latest-developments-in-steelmaking-capacity-2023.pdf.

(32)  Talba, paragrafu 53.

(33)  World Steel Association (2023), World Steel in Figures – 2023, p. 25, disponibbli fuq: https://worldsteel.org/wp-content/uploads/World-Steel-in-Figures-2023-4.pdf.

(34)  https://worldsteel.org/steel-topics/statistics/annual-production-steel-data/?ind=P1_crude_steel_total_pub/CHN/IND/RUS

(35)  World Steel Association (2023), World Steel in Figures2023, cit., p. 15.

(36)  Abbażi tal-informazzjoni tal-Portal tad-Data dwar ir-Rimedji Kummerċjali tad-WTO, disponibbli fuq: https://trade-remedies.wto.org/en, u tal-Portal tad-WTO għan-Notifika tal-Anti-dumping, disponibbli fuq: https://ad-notification.wto.org/.

(37)  L-estrazzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni mwettqa fit-22 ta’ Ġunju 2023.

(38)  Minħabba diskrepanza bejn id-data rrapportata tal-Eurostat u d-data vverifikata tal-kwestjonarju miż-żewġ produtturi esportaturi Brażiljani inklużi fil-kampjun, l-importazzjonijiet mill-Brażil ġew ikkalkolati billi żdiedet id-data dwar il-volumi u l-valuri tal-importazzjoni mill-bqija tal-Brażil, iffiltrata permezz tal-kodiċi addizzjonali TARIC fis-Sorveljanza, mal-volumi u l-valuri vverifikati tal-importazzjoni miż-żewġ produtturi esportaturi Brażiljani inklużi fil-kampjun. Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Brażil, il-volumi tal-importazzjoni totali u l-konsum tas-suq ħieles tal-UE ġew aġġustati kif xieraq.

(39)   ĠU L 258, 6.10.2017, p. 51.

(40)  It-Turkija u l-Indja kienu l-uniċi pajjiżi b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 3 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, filwaqt li l-Ġappun, it-Tajwan, l-Ukrajna u l-Eġittu biss kellhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 2 %.

(41)  Il-Premessa 139, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/9 tas-6 ta’ Jannar 2021 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 3, 7.1.2021, p. 4).

(42)   Ibid.

(43)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).

(44)  Il-Premessa 210, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).

(45)   Ibid.

(46)  Il-Premessa 157, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).

(47)  Il-Premessa 98, Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/9 tas-6 ta’ Jannar 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 3, 7.1.2021, p. 4).

(48)  Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ tliet snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029, il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(49)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(50)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(51)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(52)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2758/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top