Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32025R1003

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1003 tal-24 ta’ Jannar 2025 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni ta’ derivattivi OTC li trid tintuża għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2) u fl-Artikoli 10 u 21

C/2025/417

ĠU L, 2025/1003, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1003/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Statutul juridic al documentului care este în vigoare

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1003/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1003

22.5.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1003

tal-24 ta’ Jannar 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni ta’ derivattivi OTC li trid tintuża għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2) u fl-Artikoli 10 u 21

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw swaps tar-rati tal-imgħax OTC u swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu OTC għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u fl-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(2)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu d-derivattivi OTC f’termini ta’ klassi tal-assi, billi tindika jekk derivattiv OTC huwiex qiegħed jagħmel referenza għal rata, kreditu, rati tal-kambju, ekwitajiet, komoditajiet, jew klassijiet tal-assi mhux standard oħrajn.

(3)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu d-derivattivi OTC f’termini ta’ tip ta’ strument billi tindika jekk derivattiv OTC huwiex swap, opzjoni, jew forward.

(4)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC f’termini ta’ tip ta’ assi sottostanti, billi tindika, abbażi tal-ISO 10962 (CFI) 2021, jekk derivattiv tar-rata tal-imgħax OTC huwiex swap fiss għal varjabbli, fiss għal fiss jew varjabbli għal varjabbli (bażi).

(5)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC f’termini ta’ munita nozzjonali, billi tindika jekk swap tar-rati tal-imgħax OTC huwiex iddenominat fi kwalunkwe waħda mill-erba’ muniti msemmija fl-Artikolu 8a(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u, jekk iva, billi tidentifika l-munita rilevanti b’referenza għall-kodiċi tal-munita bi tliet karattri ISO 4217.

(6)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC f’termini tat-tip ta’ konsenja, billi jintuża l-ISO 10962 (CFI) 2021 biex jiġi ddeterminat jekk swap tar-rati tal-imgħax OTC huwiex konsenjabbli (fiżiku) jew mhux konsenjabbli (flus kontanti).

(7)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw l-iskeda nozzjonali għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC, billi jintuża l-ISO 10962 (CFI) 2021 biex jiġi indikat jekk l-iswap għandux skeda nozzjonali kostanti, akkreditanti, amortizzanti jew personalizzata.

(8)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC f’termini tar-rati ta’ referenza sottostanti tagħhom.

(9)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati b’ċerti termini standard tan-negozju assoċjati mar-rata ta’ referenza sottostanti. Il-konvenzjonijiet standard tan-negozju rilevanti jenħtieġ li jirriflettu l-elementi kritiċi tad-data (CDE) definiti fil-gwida teknika riveduta tas-CDE tal-Kumitat tas-Sorveljanza Regolatorja (ROC) minħabba li dawk l-attributi huma standardizzati, appoġġjati fil-livell internazzjonali u miżmuma mill-ROC. L-erba’ CDE huma: (i) il-konvenzjoni applikabbli dwar l-għadd ta’ jiem fissi, (ii) il-frekwenza ta’ pagament fiss, (iii) il-konvenzjoni dwar l-għadd ta’ jiem varjabbli, (iv) il-frekwenza ta’ pagament varjabbli.

(10)

Sabiex jiġu identifikati swaps tar-rati tal-imgħax OTC li ma jikkonformawx mat-termini standard tan-negozju assoċjati mar-rati ta’ referenza sottostanti tagħhom, jenħtieġ li d-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni tippermetti wkoll determinazzjoni tal-konvenzjoni ta’ aġġustament tal-jiem ta’ negozju, id-dewmien tal-iffissar, il-kalendarju tal-pagament u li l-kuntratt ma jinkludi l-ebda pagament addizzjonali.

(11)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC fir-rigward tat-terminu tar-rati ta’ referenza sottostanti, billi tidentifika t-terminu tar-rata ta’ referenza sottostanti f’jiem, ġimgħat, xhur, jew snin, kif applikabbli.

(12)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddistingwu l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC bit-termini standard tar-rati ta’ referenza sottostanti, billi tindika t-termini standard applikabbli għal kull waħda mir-rati ta’ referenza sottostanti.

(13)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk swap tar-rati tal-imgħax OTC huwiex konkluż għal wieħed mit-termini sħaħ tas-sena kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8a(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. F’każ li jiġi konkluż swap tar-rati tal-imgħax OTC għal terminu sħiħ tas-sena kollha, jenħtieġ li d-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni tidentifika t-terminu tal-kuntratt espress bħala numru sħiħ u tindika l-unità tal-perjodu ta’ żmien applikabbli.

(14)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk swap tar-rati tal-imgħax OTC huwiex b’bidu spot, jiġifieri, isir effettiv wara normalment jumejn ta’ negozju wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jew huwiex b’bidu forward, li jfisser li l-kuntratt ta’ swap tar-rati tal-imgħax OTC isir effettiv fi kwalunkwe data tal-bidu li jintlaħaq qbil dwarha fil-livell kuntrattwali.

(15)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk swap tal-imgħax OTC jużax il-kalendarju, is-Suq Monetarju Internazzjonali jew kwalunkwe konvenzjoni oħra (mhux standard) tar-riskedar.

(16)

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC jenħtieġ li ma tinkludix id-data ta’ skadenza ta’ kuljum jew id-data effettiva ta’ swap tar-rati tal-imgħax peress li tali attributi jipprevjenu tqabbil sinifikanti tal-prezzijiet għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC.

(17)

L-Identifikatur Uniku tal-Prodott (UPI) ISO 4914 huwa identifikatur uniku tal-prodott li ntlaħaq qbil fuqu fil-livell globali żviluppat bħala għodda ta’ identifikazzjoni għar-rata tal-imgħax OTC u għall-iswaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu, bl-intenzjoni li tiġi ffaċilitata l-aggregazzjoni tar-riskju tad-data minn repożitorji kummerċjali fi swieq globali tad-derviattivi OTC. Madankollu, l-ISO 4914 (UPI) għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC ma fihx id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni l-oħra li hija meħtieġa biex jiġu identifikati kif xieraq l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u fl-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Għalhekk, l-ISO 4914 (UPI) jenħtieġ li jiġi kkomplementat minn dik id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni l-oħra. Għal dak il-fini, l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jagħti s-setgħa lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika, fost l-oħrajn, l-istandards u l-formati tad-data għad-data ta’ referenza tal-istrumenti finanzjarji, inklużi l-metodi u l-arranġamenti għall-forniment tad-data u kwalunkwe aġġornament tagħha lill-ESMA u t-trażmissjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, u l-forma u l-kontenut ta’ tali data. Il-metodi u l-arranġamenti għall-forniment tad-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni jinkludu l-għażla li jkun meħtieġ li d-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni kollha stabbilita f’dan ir-Regolament tiġi rrapportata bħala parti minn identifikatur uniku.

(18)

Sabiex ikun hemm allinjament bejn dan ir-Regolament u r-Regolament Delegat adottat skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u sabiex il-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti dwar id-data ta’ referenza, jenħtieġ li mill-1 ta’ Settembru 2026, l-iswaps tar-rati tal-imgħax OTC u l-iswaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu OTC jiġu identifikati bid-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament.

(19)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 27da(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jirrikjedi li l-ESMA tibda l-proċedura tal-għażla għall-ħatra ta’ fornitur uniku ta’ tape konsolidat għad-derivattivi OTC jew għas-subklassijiet rilevanti ta’ derivattivi OTC fi żmien 3 xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux qabel 6 xhur mill-bidu tal-proċedura tal-għażla għall-ħatra ta’ fornitur uniku ta’ tape konsolidat għall-ishma u għall-fondi negozjati fil-borża. Sabiex tiġi żgurata t-tnedija f’waqtha tal-proċedura tal-għażla għall-ħatra ta’ fornitur uniku ta’ tape konsolidat għad-derivattivi OTC jew għas-subklassijiet rilevanti ta’ derivattivi OTC, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC u swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu OTC

1.   Mill-1 ta’ Settembru 2026, għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u fl-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, għandha tintuża d-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC stabbilita fit-Tabella 1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Mill-1 ta’ Settembru 2026, għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u fl-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għal swaps tar-rati tal-imgħax OTC u swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu OTC għandha tinkludi wkoll l-Identifikatur Uniku tal-Prodott (UPI) ISO 4914.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/600/oj.


ANNESS

Tabella 1

Data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għal swaps ta’ rata tal-imgħax OTC soġġetti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

 

Data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni

Struzzjonijiet

1

Klassi tal-assi

Biex jiġi ddeterminat jekk derivattiv OTC hux qed jirreferenzja rata, kreditu, rati tal-kambju, ekwitajiet, komoditajiet, jew klassijiet oħra ta’ assi mhux standard.

2

Tip ta’ strument

Biex jiġi ddeterminat jekk derivattiv OTC hux swap, opzjoni, jew forward.

3

Tip ta’ assi sottostanti

Biex jiġi ddeterminat jekk swap ta’ rata tal-imgħax OTC hux swap fiss għal varjabbli, swap fiss għal fiss, jew swap varjabbli għal varjabbli (bażi).

4

Munita nozzjonali

Biex jiġi ddeterminat jekk swap tar-rati tal-imgħax OTC hux iddenominat fi kwalunkwe waħda mill-erba’ muniti msemmija fl-Artikolu 8a(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u biex tiġi identifikata l-munita rilevanti.

5

Tip ta’ konsenja

Biex jiġi ddeterminat jekk swap ta’ rata tal-imgħax OTC hux konsenjabbli (fiżiku) jew mhux konsenjabbli (flus kontanti).

6

Skeda nozzjonali

Biex jiġi ddeterminat jekk l-iswap għandux skeda nozzjonali kostanti, akkreditata, amortizzata jew personalizzata.

7

Rata ta’ referenza sottostanti

Biex jiġu identifikati r-rata u t-terminu tar-rata li tirreferi għaliha l-iswap ta’ rata tal-imgħax OTC.

8

Termini standard tan-negozju assoċjati mar-rata ta’ referenza sottostanti

Biex jiġu identifikati t-termini standard tan-negozju assoċjati ma’ kull waħda mir-rati ta’ referenza sottostanti. It-tabella 2 tispeċifika t-termini standard tan-negozju għar-rati ta’ referenza għal swaps ta’ rata tal-imgħax OTC soġġetti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

9

Terminu kuntrattwali

Biex jiġi ddeterminat jekk it-terminu kuntrattwali ta’ swap ta’ rata tal-imgħax OTC huwiex wieħed mit-termini sħaħ tas-sena kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8a(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. F’każ li tiġi konkluża swap ta’ rata tal-imgħax OTC għal terminu sħiħ ta’ sena kollha, biex jiġi ddeterminat it-terminu tal-kuntratt espress bħala numru sħiħ u l-unità tal-perjodu ta’ żmien applikabbli.

10

Kumpens Effettiv tad-Data

Biex jiġi ddeterminat jekk swap ta’ rata tal-imgħax OTC huwiex spot (normalment jumejn ta’ negozju wara l-konklużjoni) jew forward (kwalunkwe data tal-bidu oħra maqbula).

11

Konvenzjoni tar-Riskedar

Biex jiġi ddeterminat jekk swap tal-imgħax OTC jużax il-kalendarju, l-IMM jew kwalunkwe konvenzjoni oħra (mhux standard) dwar konvenzjoni tar-riskedar.


Tabella 2

Termini standard tan-negozju għar-rati ta’ referenza għal swaps ta’ rata tal-imgħax OTC soġġetti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(2), u l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Familja tar-Rata ta’ Referenza

EUR-EURIBOR

EUR-EuroSTR

USD-SOFR

GBP-SONIA

JPY-TONA

Konvenzjoni ta’ aġġustament tal-jiem ta’ negozju

Sussegwentement modifikati

Sussegwentement modifikati

Sussegwentement modifikati

Sussegwentement modifikati

Sussegwentement modifikati

Konvenzjoni dwar l-Għadd ta’ Jiem Fissi

30360 (ISDA)

Act360

Act360

Act365.FIXED

Act365.FIXED

Frekwenza ta’ Pagament Fiss

Annwali

Annwali

Annwali

Annwali

Annwali

Konvenzjoni dwar l-Għadd ta’ Jiem Varjabbli

Act360

Act360

Act360

Act365.FIXED

Act365.FIXED

Frekwenza ta’ Pagament Varjabbli

Semi (6M RR)/Quart (3M RR)

Annwali

Annwali

Annwali

Annwali

Dewmien tal-Iffissar

2BD

0BD

0BD

0BD

0BD

Kalendarju tal-Iffissar

EUTA

EUTA

USGS

GBLO

JPTO

Kalendarju tal-Pagamenti

EUTA

EUTA

USNY

GBLO

JPTO

Pagamenti Addizzjonali

L-EBDA

L-EBDA

L-EBDA

L-EBDA

L-EBDA

Konvenzjoni tar-Riskedar

STD

IMM

STD

IMM

STD

IMM

STD

IMM

STD

IMM

Kumpens Effettiv tad-Data

2BD

Li jmiss

2BD

Li jmiss

2BD

Li jmiss

0BD

Li jmiss

2BD

Li jmiss


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1003/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Sus