Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32024R3012

Regolament (UE) 2024/3012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti

PE/92/2024/REV/1

ĠU L, 2024/3012, 6.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3012/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3012/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3012

6.12.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/3012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrijail-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (“il-Ftehim ta’ Pariġi”) li ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 (4), il-komunità internazzjonali qablet li żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali ferm inqas minn 2 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li ssegwi sforzi biex tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC ogħla mil-livelli preindustrijali. Fit-13 ta’ Novembru 2021, il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC adottat ukoll il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, li jirrikonoxxi li l-impatt tat-tibdil fil-klima ser ikun ħafna aktar baxx b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 oC, meta mqabbla ma’ 2 oC, u tiddeċiedi li tkompli bl-isforzi biex tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi u ħadu impenji qawwija għall-implimentazzjoni tiegħu permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u permezz taż-żieda fl-assorbiment tal-karbonju.

(2)

Fuq skala globali, ir-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jindikaw probabbiltà dejjem tonqos li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC sakemm ma jseħħx tnaqqis rapidu u kbir fl-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra għall-bqija ta’ dan id-deċennju u fid-deċennji li ġejjin. Ir-rapporti tal-IPCC jiddikjaraw ukoll b’mod ċar li l-użu tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju (CO2) bħala kontrobilanċ għall-emissjonijiet residwi li diffiċli jitrażżnu huwa inevitabbli jekk għandhom jinkisbu emissjonijiet tas CO2 jew tal-gassijiet serra żero netti. Dan ser jirrikjedi l-użu fuq skala kbira ta’ attivitajiet sostenibbli għall-qbid tas-CO2 mill-atmosfera u l-ħżin fit-tul tiegħu f’riżervi ġeoloġiċi, fuq l-art jew fil-baħar, inkluż l-oċeani, jew fi prodotti li jservu fit-tul. Illum, u bil-politiki attwali, l-Unjoni mhix fit-triq li twassal għall-assorbiment tal-karbonju meħtieġ: l-assorbiment tal-karbonju fl-ekosistemi terrestri fl-aħħar snin kien qed jonqos, u attwalment mhu qed iseħħ l-ebda assorbiment industrijali sinifikanti tal-karbonju fl-Unjoni.

(3)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żviluppat qafas ta’ ċertifikazzjoni volontarja tal-Unjoni għal assorbimenti permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti (il-“qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni”), bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati u mħeġġa l-adozzjoni ta’ assorbiment tal-karbonju ta’ kwalità għolja u tat-tnaqqis fl-emissjonijiet mill-ħamrija ta’ kwalità għolja, b’rispett sħiħ tal-objettivi dwar il-bijodiversità tal-Unjoni u t-tniġġis żero, biex jikkomplementa t-tnaqqis bla heda fl-emissjonijiet mis-setturi kollha. Għaldaqstant, il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni ser ikun għodda li tappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari l-ilħuq kollettiv sal-2050 tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Jenħtieġ li kull assorbiment tal-karbonju u tnaqqis fl-emissjonijiet mill-ħamrija ċċertifikati skont il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) tal-Unjoni u tal-objettivi klimatiċi tagħha. Għalhekk, sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, jenħtieġ li dak l-assorbiment tal-karbonju u dak it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ma jikkontribwux għal NDCs ta’ partijiet terzi jew għal skemi internazzjonali ta’ konformità. L-Unjoni ntrabtet ukoll li tiġġenera emissjonijiet negattivi wara l-2050. Strument importanti biex jiżdied l-assorbiment tal-karbonju fl-ekosistemi terrestri huwa r-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, li jistabbilixxi mira tal-Unjoni ta’ assorbiment nett ta’ 310 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2 sal-2030 u jalloka l-miri lil kull Stat Membru.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Frar 2024 intitolata “Lejn Ġestjoni Industrijali tal-Karbonju ambizzjuża għall-UE”, il-Kummissjoni tipprevedi l-valutazzjoni tal-objettivi ġenerali għall-ħtiġijiet tal-assorbiment tal-karbonju skont l-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni għall-2040 u l-għan li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u l-emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem; tiżviluppa għażliet ta’ politika u mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-assorbiment industrijali tal-karbonju, inkluż jekk għandhomx jitqiesu fis-sistema tal-Unjoni għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u, jekk iva, kif; u b’mod parallel, tagħti spinta lir-riċerka, lill-innovazzjoni u lid-dimostrazzjoni bikrija tal-Unjoni għat-teknoloġiji industrijali ġodda għall-assorbiment tas-CO2 taħt Orizzont Ewropa, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Barra minn hekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għall-miri tal-Unjoni għall-assorbiment tal-karbonju, inkluż l-istabbiliment b’mod ċar ta’ mira separata għall-assorbiment permanenti tal-karbonju.

(5)

Qafas ta’ ċertifikazzjoni armonizzat tal-Unjoni mistenni jsaħħaħ l-integrità ambjentali u t-trasparenza tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin fi prodotti u jippromwovi l-fiduċja fiċ-ċertifikazzjoni tagħhom, waqt li jnaqqas il-kostijiet amministrattivi assoċjati. In-natura volontarja tal-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni tfisser li skemi pubbliċi u privati eżistenti u ġodda ta’ ċertifikazzjoni ser ikunu jistgħu japplikaw għar-rikonoxximent mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament iżda mhux ser ikunu obbligati jagħmlu dan sabiex joperaw fl-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 jistabbilixxi wkoll mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni ta’ tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030. Sabiex jiġi żgurat li jitwettqu biżżejjed sforzi ta’ mitigazzjoni sal-2030, il-kontribut tal-assorbiment nett għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 huwa limitat għal 225 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2.

(7)

Il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni ser jappoġġa l-iżvilupp tal-assorbimenti permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti fl-Unjoni li jirriżultaw f’impatt klimatiku pożittiv mingħajr ambigwità, waqt li jevita l-greenwashing. Fil-każ tal-agrikoltura karbonika, jenħtieġ li l-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni jippromwovi wkoll l-adozzjoni ta’ attivitajiet li jiġġeneraw kobenefiċċji għall-bijodiversità, u b’hekk jikkontribwixxu għall-miri tar-restawr tan-natura stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(8)

Huwa xieraq li l-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni jinkoraġġixxi wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi jenfasizza r-rwol tal-programmi ta’ riċerka rilevanti, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq għal teknoloġiji ġodda. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu mħeġġa jidħlu fi djalogu ta’ kooperazzjoni interdixxiplinari, bl-involviment tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali, xjenzjati, bdiewa u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(9)

Sabiex jiġu appoġġati l-operaturi li jkunu lesti jagħmlu sforzi addizzjonali biex b’mod sostenibbli jżidu l-assorbiment tal-karbonju jew inaqqsu l-emissjonijiet mill-ħamrija, il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li jqis it-tipi differenti ta’ attivitajiet, l-ispeċifiċitajiet tagħhom u l-impatt ambjentali relatat. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi definizzjonijiet ċari tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, u ta’ elementi oħra tal-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li jinkludi attivitajiet li jtejbu l-ħżin tal-karbonju f’riżervi ġeoloġiċi, fuq l-art jew fil-baħar, inkluż l-oċeani, u fi prodotti li jservu fit-tul. Jenħtieġ li l-attivitajiet jinkludu prattika jew proċess wieħed jew aktar li jassorbu l-karbonju mill-atmosfera. Ċerti attivitajiet, bħal dawk ibbażati fuq l-użu tal-faħam bijoloġiku, jistgħu jirriżultaw f’tipi differenti ta’ benefiċċji netti tal-assorbiment tal-karbonju u d-durati tal-ħżin tal-karbonju, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom iseħħu l-attivitajiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli xierqa ta’ monitoraġġ u responsabbiltà fil-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni applikabbli li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

(10)

Fil-każ tal-kultivazzjoni karbonika, l-attivitajiet rilevanti jistgħu jinkludu prattiki u proċessi mwettqa fl-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta. L-attivitajiet rilevanti jistgħu jinkludu wkoll prattiki jew proċessi li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-ħamrija jew li jirriżultaw fit-tnaqqis tar-rilaxx tal-karbonju fl-atmosfera minn raggruppamenti tal-karbonju fil-ħamrija, kif elenkati fit-Taqsima B, il-punti (e) u (f), tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/841, kif inhu l-każ, pereżempju, għal attivitajiet li jtejbu l-ġestjoni tal-ħamrija jew li jirrestawraw torbieri degradati. Barra minn hekk, ittnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija agrikola, li jikkorrispondi għall-emissjonijiet mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, sottokategorija tal-ħamrija agrikola, kif irrapportat fit-tabella 3.D tat-tabelli tal-format tar-rapportar komuni skont il-linji gwida ta’ rapportar tal-UNFCCC dwar l-inventarji annwali għall-Partijiet inklużi fl-Anness I ta’ dik il-Konvenzjoni, jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll fil-kwantifikazzjoni tal-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika dment li dak it-tnaqqis tal-emissjonijiet jirriżulta minn attività li, b’mod ġenerali, tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju mir-raggruppamenti tal-karbonju fil-ħamrija jew iżżid l-assorbiment tal-karbonju f’raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku. Għall-kuntrarju, jenħtieġ li attivitajiet, li la jirriżultaw f’assorbiment tal-karbonju u lanqas fi tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, bħal proġetti ta’ deforestazzjoni evitati jew proġetti tal-enerġija rinnovabbli, ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi r-rekwiżiti li permezz tagħhom l-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jkunu eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni skont il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-assorbimenti tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jiġu kkwantifikati b’mod preċiż u robust, u jenħtieġ li jiġu ġġenerati biss minn attivitajiet li jiġġeneraw benefiċċju ta’ assorbiment nett tal-karbonju jew benefiċċju nett ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, ikunu addizzjonali u jkollhom l-għan li jiżguraw il-ħżin fit-tul tal-karbonju. Jenħtieġ li ma jagħmlu l-ebda ħsara sinifikanti lill-ambjent u jenħtieġ li jkunu jistgħu jirriżultaw f’kobenefiċċju fir-rigward tal-objettivi ta’ sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jkunu soġġetti għal awditjar ta’ parti terza indipendenti mwettaq minn korpi ta’ ċertifikazzjoni sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u l-affidabbiltà tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-ħruġ u l-użu ta’ unitajiet iċċertifikati.

(12)

Regoli obbligatorji tal-Unjoni dwar l-ipprezzar tal-karbonju stabbiliti permezz tad-Direttiva 2003/87/KE jirregolaw it-trattament tal-emissjonijiet minn attivitajiet koperti minn dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/87/KE, ħlief fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid u l-ħżin tal-emissjonijiet tas-CO2 minn bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE, kif stabbilit fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE, f’konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE.

(13)

Jenħtieġ li attività tirriżulta f’benefiċċju nett ta’ assorbiment ta’ karbonju jew f’benefiċċju nett ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-ħamrija, b’hekk turi li qed tħalli impatt klimatiku pożittiv. Jenħtieġ li l-benefiċċju tal-assorbiment nett tal-karbonju jew il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-ħamrija jiġu kwantifikati wara żewġ passi.

(14)

Fl-ewwel pass għall-kwantifikazzjoni tal-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew tal-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, jenħtieġ li l-operaturi jikkwantifikaw l-ammont ta’ assorbiment addizzjonali tal-karbonju jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija li attività tkun iġġenerat meta mqabbla ma’ linja bażi. Fil-każ tal-kultivazzjoni karbonika, il-mod ta’ kwantifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe rilaxx tal-karbonju li jseħħ f’raggruppament tal-karbonju jitqies b’mod xieraq fil-kwantifikazzjoni tal-benefiċċju nett tal-attività. Jenħtieġ li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jistabbilixxu linji bażi standardizzati li jenħtieġ li jkunu rappreżentattivi ħafna tal-prestazzjoni standard ta’ prattiki u proċessi komparabbli f’ċirkostanzi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, regolatorji u teknoloġiċi simili u tqis il-kuntest ġeografiku, inkluż il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi u regolatorji lokali. Dan l-approċċ għall-istabbiliment tal-linji bażi standardizzati jenħtieġ li jiġi ppreferut għaliex jiżgura l-oġġettività, jimminimizza l-kostijiet tal-konformità u kostijiet amministrattivi oħra, u jirrikonoxxi b’mod pożittiv l-azzjoni ta’ dawk li daħlu l-ewwel li diġà kienu involuti f’attivitajiet eliġibbli. Fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika, jenħtieġ li jiġu ċċertifikati biss il-prattiki u l-proċessi li jmorru lil hinn mill-prattika komuni. Għalhekk, jenħtieġ li attività speċifika tal-kultivazzjoni karbonika ma tiġix ippremjata jekk tkun diġà adottata b’mod wiesa’ f’reġjun b’kundizzjonijiet pedoklimatiċi u regolatorji simili. Il-linji bażi standardizzata jenħtieġ li jiżguraw li, ladarba attività ssir il-prassi komuni, tali attività ma tkunx tista’ tiġi ċċertifikata aktar. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina mill-inqas kull ħames snin u taġġorna, fejn xieraq, il-linji bażi standardizzati fid-dawl taċ-ċirkostanzi regolatorji li qed jevolvu u tal-aħħar evidenza xjentifika disponibbli, biex tirriflettiżviluppi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, regolatorji u teknoloġiċi u biex tħeġġeġ ambizzjoni akbar maż-żmien f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji diġitali disponibbli, inkluż il-bażijiet tad-data elettroniċi u s-sistemi ta’ informazzjoni ġeografika, it-telerilevament, is-sistemi l-ġodda ta’ kwantifikazzjoni tal-karbonju fuq il-post, l-intelliġenza artifiċjali u l-apprendiment awtomatiku, u l-użu ta’ mapep elettroniċi biex jitnaqqsu l-kostijiet li jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ linji bażi standardizzati u biex tiġi żgurata r-robustezza tal-monitoraġġ tal-attivitajiet. Madankollu, meta ma jkunx possibbli li jiġu stabbiliti tali linji bażi standardizzati, jenħtieġ li tintuża linja bażi speċifika għall-attività bbażata fuq il-prestazzjoni individwali tal-operatur. Jenħtieġ li l-linji bażi speċifiċi għall-attività jiġu aġġornati mill-operatur fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ attività, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni applikabbli.

(15)

It-tieni pass għall-kwantifikazzjoni tal-benefiċċju nett jenħtieġ li jikkonsisti fit-tnaqqis ta’ kwalunkwe emissjoni ta’ gassijiet serra assoċjata li sseħħ matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-attività u relatata mal-implimentazzjoni tal-attività. L-emissjonijiet rilevanti ta’ gassijiet serra li jenħtieġ li jitqiesu jinkludu l-emissjonijiet diretti, bħal dawk li jirriżultaw mill-użu ta’ fertilizzanti, sustanzi kimiċi, fjuwil jew enerġija, inputs oħra ta’ materjal u trasportazzjoni, jew emissjonijiet indiretti, bħal dawk li jirriżultaw mit-tibdil fl-użu tal-art, b’riskji konsegwenti għas-sigurtà tal-ikel minħabba l-ispostament tal-produzzjoni agrikola, jew effetti ta’ spostament minħabba domanda konkorrenti għall-enerġija jew għas-sħana mormija. Jenħtieġ li kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra attribwita għall-implimentazzjoni tal-attività titnaqqas b’mod xieraq mill-benefiċċju nett ta’ assorbiment tal-karbonju jew mill-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, f’konformità mar-regoli tekniċi stabbiliti fil-metodoloġija ta’ ċertifikazzjoni applikabbli. Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-attività, bl-eċċezzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija agrikola, jenħtieġ li ma jitqiesx biex jiġi kkwantifikat il-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, iżda jenħtieġ li jitqies li huwa jipprovdi kobenefiċċju lejn l-objettiv tas-sostenibbiltà tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jiġi rrapportat fuq iċ-ċertifikati tal-konformità. Tali tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, bħall-kobenefiċċji l-oħra tas-sostenibbiltà, jista’ jżid il-valur tal-assorbiment tal-karbonju ċċertifikat jew tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija.

(16)

Operaturi li jwettqu attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika li topera jew li tikkontrolla attività, jew li lilha tkun ġiet delegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-attività. Fil-każ tal-kultivazzjoni karbonika, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “operatur” tapplika għal “bidwi” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), għal kwalunkwe persuna oħra li timmaniġġa attività f’ambjent terrestri jew kostali, għal sid jew maniġer ta’ foresta kif definit mil-liġi nazzjonali, jew għal entità pubblika kompetenti. Jenħtieġ li “grupp ta’ operaturi” tkopri kwalunkwe entità ġuridika li tirrappreżenta mill-inqas żewġ operaturi, inkluż kooperattivi jew organizzazzjonijiet tal-produtturi jew gruppi tal-produtturi, u jiżgura li dawk l-operaturi jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

(17)

Attività tirriżulta f’benefiċċju nett ta’ assorbiment tal-karbonju meta l-assorbiment tal-karbonju li jaqbeż il-linja bażi jegħleb kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dik l-attività. Pereżempju, fil-każ tal-assorbiment permanenti tal-karbonju li jinjetta l-karbonju taħt l-art, l-ammont ta’ karbonju maħżun b’mod permanenti jenħtieġ li jaqbeż l-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-enerġija mill-proċess industrijali. Bl-istess mod, fil-każ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta’ ħamrija mill-kultivazzjoni karbonika, il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija huwa pożittiv jekk it-tnaqqis fl-emissjonijiet mill-ħamrija meta mqabbel mal-linji bażi jaqbeż kwalunkwe żieda fil-gassijiet serra assoċjati mal-implimentazzjoni tal-attività. L-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika ġeneralment itejbu l-kwalità tal-ħamrija, li għandha impatt pożittiv fuq ir-reżiljenza u l-produttività tal-ħamrija, iżda f’xi ċirkostanzi, jistgħu jiġġeneraw ukoll tnaqqis fil-produzzjoni tal-ikel u għalhekk iwasslu għal effett ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minn tibdil indirett fl-użu tal-art, u għaldaqstant l-emissjonijiet indiretti relatati jenħtieġ li jitqiesu. Kwalunkwe karbonju maqbud u maħżun mill-afforestazzjoni jew mit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija permezz tat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri jenħtieġ li jaqbeż l-emissjonijiet mill-makkinarju li jintuża biex titwettaq l-attività jew mill-emissjonijiet tat-tibdil indirett fl-użu tal-art li jistgħu jiġu kkawżati mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(18)

Jenħtieġ li l-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, kif ukoll l-emissjonijiet diretti u indiretti korrispondenti ta’ gassijiet serra assoċjati, jiġu kkwantifikati b’mod rilevanti, konservattiv, preċiż, sħiħ, konsistenti, trasparenti u komparabbli. Jenħtieġ li l-inċertezzi fil-kwantifikazzjoni jiġu rrappurtati u kkalkulati għalihom kif dovut b’mod konservattiv sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ sopravalutazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 assorbit mill-atmosfera jew ta’ sottovalutazzjoni tal-kwantità ta’ emissjonijiet diretti u indiretti ta’ gassijiet serra ġġenerati minn attività. L-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis mill-emissjonijiet tal-ħamrija temporanji ġġenerati mill-kultivazzjoni karbonika jenħtieġ li jiġu kkwantifikati b’livell għoli ta’ akkuratezza biex tiġi żgurata l-ogħla kwalità u jixxejnu l-inċertezzi; u jenħtieġ li jkunu bbażati, fejn fattibbli, fuq l-użu ta’ metodoloġiji tas-saff 3 f’konformità mal-Linji Gwida 2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u kwalunkwe rfinar ulterjuri għal dawn il-Linji Gwida 2006 tal-IPCC. Barra minn hekk, sabiex jiġu inċentivati s-sinerġiji bejn l-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-bijodiversità, jeħtieġ li jkun meħtieġ monitoraġġ imtejjeb tal-art, u b’hekk tingħata għajnuna għall-protezzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-assorbimenti tal-karbonju bbażati fuq in-natura madwar l-Unjoni. Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet u tal-assorbiment jeħtieġ li jirrifletti mill-qrib dawk is-sinerġiji, jenħtieġ li jkun ibbażat fuq taħlita xierqa ta’ kejl fuq il-post b’telerilevament jew mudellar f’konformità mar-regoli li jinsabu fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, jenħtieġ li jagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġiji avvanzati disponibbli fil-programmi tal-Unjoni, bħall-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li jagħmel użu sħiħ tal-għodod diġà eżistenti, u jenħtieġ li jiżgura l-konsistenza mal-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra.

(19)

Fl-għażla tal-metodi rilevanti għall-kalkolu tal-emissjonijiet u tal-assorbiment tal-gassijiet serra, jenħtieġ li jiġi applikat approċċ konservattiv fuq l-istimi skont il-Linji Gwida tal-IPCC 2006 tal-Inventarju Nazzjonali tal-Gassijiet Serra, fejn applikabbli. Dan ifisser li l-metodi użati jenħtieġ li jirriżultaw fi stimi konservattivi tal-emissjonijiet jew tal-assorbiment sabiex l-emissjonijiet ma jiġux sottovalutati u l-assorbiment ma jiġix sopravalutat.

(20)

Il-qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li jinċentiva l-attivitajiet li huma addizzjonali, jiġifieri dawk li jmorru lil hinn mill-prattika standard. Għalhekk, dawk l-attivitajiet jenħtieġ li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti statutorji fil-livell ta’ operatur individwali, jiġifieri, jenħtieġ li l-operaturi jwettqu attivitajiet li ma humiex diġà imposti fuqhom mil-liġi applikabbli. Barra minn hekk, l-attivitajiet jenħtieġ li jsiru vijabbli finanzjarjament minħabba l-effett ta’ inċentiv taċ-ċertifikazzjoni. Tali effett huwa preżenti meta l-inċentiv li jinħoloq mid-dħul potenzjali li jirriżulta miċ-ċertifikazzjoni jibdel l-imġiba tal-operaturi b’tali mod li jinvolvu ruħhom fl-attività addizzjonali biex jiksbu assorbiment addizzjonali tal-karbonju jew tnaqqis addizzjonali tal-emissjonijiet tmill-ħamrija.

(21)

Linja bażi standardizzata jenħtieġ li tirrifletti l-kundizzjonijiet statutorji u tas-suq li fihom isseħħ l-attività. Jekk attività tiġi imposta fuq l-operaturi mil-liġi applikabbli, jew ma jkollha bżonn l-ebda inċentiv biex isseħħ, il-prestazzjoni tagħha tiġi riflessa f’tali linji bażi standardizzati. Għal din ir-raġuni, attività li tiġġenera assorbiment tal-karbonju jew tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija li jaqbżu tali linja bażi jenħtieġ li tiġi preżunta li hija addizzjonali. Għalhekk, l-użu ta’ linja bażi standardizzata jissimplifika d-dimostrazzjoni tal-addizzjonalità għall-operaturi u jnaqqas il-piż amministrattiv tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ operaturi fuq skala żgħira.

(22)

Hemm ir-riskju li l-karbonju atmosferiku jew bijoġeniku li jinqabad uli jinħażen permezz ta’ assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika jew il-ħżin tal-karbonju fi prodotti jista’ jiġi rilaxxat fl-atmosfera minħabba kawżi naturali jew antropoġeniċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu l-miżuri preventivi rilevanti kollha biex jimmitigaw dawk ir-riskji u jimmonitorjaw kif xieraq jekk il-karbonju jkunx għadu qed jinħażen matul il-perjodu ta’ monitoraġġ stabbilit għall-attività rilevanti Il-validità tal-unità ċċertifikata jenħtieġ li tiddependi fuq id-durata mistennija tal-ħżin u r-riskji differenti tat-treġġigħ lura assoċjati mal-attività partikolari. L-assorbiment permanenti tal-karbonju jagħti biżżejjed ċertezza dwar il-ħżin ta’ durata twila ħafna, jiġifieri, ta’ diversi sekli. Il-prodotti b’karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti jippreżentaw riskju baxx ħafna jew l-ebda riskju ta’ rilaxx tal-karbonju. Il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti huma aktar esposti għar-riskju ta’ rilaxx volontarju jew involontarju tal-karbonju fl-atmosfera. Sabiex jittieħed kont ta’ dak ir-riskju, il-validità tal-unità tas-sekwestru tal-kultivazzjoni karbonika u l-unità tal-ħżin tal-karbonju fil-prodott jenħtieġ li tkun soġġetta għal data ta’ skadenza li tikkoinċidi ma’ tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ rilevanti, li jenħtieġ li jkopri mill-anqas 35 sena ta’ ħżin tal-karbonju fil-prodotti. Minn hemm ’il quddiem, il-karbonju maqbud u maħżun jenħtieġ li jitqies rilaxxat fl-atmosfera, sakemm l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi ma jikkommettux ruħhom li jestendu l-perjodu ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jippromwovu l-estensjoni tal-perjodu tal-monitoraġġ tal-attivitajiet rilevanti tal-kultivazzjoni karbonika, bl-għan li jiżguraw li s-CO2 maqbud jinħażen fit-tul fil-ħamrija jew fil-bijomassa u li jipprovdu inċentivi finanzjarji lill-operaturi tal-kultivazzjoni karbonika fuq terminu twil. Għal dak il-għan, huwa xieraq li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jinċentivaw lill-operaturi li jestendu l-perjodu tal-monitoraġġ għal diversi drabi, bil-għan li jaħżnu l-karbonju maqbud għal mill-anqas diversi deċennji.

(23)

Minbarra l-miżuri li jittieħdu biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju fl-atmosfera matul il-perjodu ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jinkludu mekkaniżmi ta’ responsabbiltà xierqa biex jiġu indirizzati każijiet ta’ treġġigħ lura. Il-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li jinkludu wkoll regoli li jindirizzaw ir-riskju ta’ falliment tal-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà. Mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jinkludu riżervi kollettivi u mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni bil-quddiem. Sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja, jenħtieġ li japplikaw mekkaniżmi ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-ħżin ġeoloġiku u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, u l-miżuri korrettivi rilevanti, stabbiliti bid-Direttiva 2003/87/KE u bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza regolatorja, jenħtieġ li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni applikabbli jinkludu regoli ta’ monitoraġġ u mekkaniżmi ta’ responsabbiltà li huma konsistenti mar-regoli li jikkonċernaw il-karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti fil-prodotti stabbiliti f’atti delegati adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE.

(24)

L-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju permanenti, tal-kultivazzjoni karbonika u tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti għandhom potenzjal qawwi li jwasslu soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku għas-sostenibbiltà, anki jekk il-kompromessi ma jistgħux jiġu esklużi. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà sabiex jiżguraw li dawk l-attivitajiet ma jagħmlux ħsara sinifikanti lill-ambjent u jkunu jistgħu jiġġeneraw kobenefiċċji għall-objettivi: tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż is-saħħa tal-ħamrija u l-evitar tad-degradazzjoni tal-art; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż l-użu effiċjenti ta’ materjali b’bażi bijoloġika miksuba b’mod sostenibbli; u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis. Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika jiġġeneraw mill-inqas kobenefiċċji għall-objettiv tal-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż is-saħħa tal-ħamrija kif ukoll l-evitar tad-degradazzjoni tal-art. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà jqisu l-impatt tal-attività fl-Unjoni u barra minnha kif ukoll il-kundizzjonijiet lokali, u fejn xieraq, ikunu konsistenti mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar għall-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, u li jkunu konsistenti mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-materja prima mill-foresti u mill-bijomassa tal-agrikoltura stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-prattiki li jipproduċu effetti dannużi fuq il-bijodiversità, bħall-monokulturi tal-foresti li jipproduċu effetti dannużi fuq il-bijodiversità, jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni.

(25)

Il-prattiki tal-biedja u tal-forestrija li jassorbu s-CO2 mill-atmosfera jew li jnaqqsu l-emissjonijiet mill-ħamrija jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità klimatika u jenħtieġ li jiġu ppremjati, permezz tal-politika agrikola komuni jew permezz ta’ inizjattivi pubbliċi jew privati oħra. B’mod speċifiku, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis il-prattiki tal-biedja u tal-forestrija kif imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar iċ-Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli, inkluż l-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; l-agroforestrija u forom oħra ta’ biedja mħallta; l-użu ta’ għelejjel tat-titwiq, ħdim ta’ konservazzjoni tal-għelejjel ta’ kopertura u żieda fil-karatteristiċi tal-pajsaġġ; il-konverżjoni ta’ raba’ maħdum għal raba’ mistrieħ jew żoni ta’ serħan tal-art għal art bil-ħaxix permanenti; u r-restawr tat-torbiera u tal-artijiet mistagħdra. Meta tiżviluppa metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-ħtieġa li tikkontribwixxi għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, il-ħtieġa li tippromwovi l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, u l-ħtieġa li tevita l-akkwist tal-art għal skopijiet spekulattivi li jirriżultaw f’effetti negattivi fuq il-komunitajiet rurali, kif ukoll il-ħtieġa li tirrispetta d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni affettwati minn dawk l-attivitajiet, fejn rilevanti f’konformità mal-liġi nazzjonali, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Jenħtieġ li tippromwovi dawk l-attivitajiet li għandhom l-akbar potenzjal li jipprovdu kobenefiċċji pożittivi għall-bijodiversità, kif ukoll tqis l-istruttura tal-foresti fit-tul, l-istabbiltà fit-tul tar-raggruppamenti tal-karbonju, is-saħħa tal-ekosistema, ir-reżiljenza u r-riskju ta’ disturbi naturali.

(26)

L-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrapportaw il-kobenefiċċji li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ sostenibbiltà lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà. Għal dak il-għan, ir-rapportar tagħhom jenħtieġ li jikkonforma mal-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni mfassla apposta għall-attivitajiet differenti tal-assorbiment tal-karbonju, żviluppati mill-Kummissjoni. Il-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li, kemm jista’ jkun, jinċentivaw il-ġenerazzjoni ta’ kobenefiċċji għall-bijodiversità li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà, bil-ħsieb li jiġi ġġenerat primjum tas-suq għall-unitajiet iċċertifikati, billi jiġu inklużi, pereżempju, listi pożittivi ta’ attivitajiet meqjusa li jiġġeneraw kobenefiċċji. Dawk il-kobenefiċċji addizzjonali jagħtu aktar valur ekonomiku lill-unitajiet iċċertifikati u jirriżultaw fi dħul ogħla għall-operaturi. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni mfassla apposta dwar l-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika li jipprovdu kobenefiċċji sinifikanti għall-bijodiversità, u jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-art agrikola u tal-foresti.

(27)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi, permezz ta’ atti delegati, metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni dettaljati għat-tipi differenti ta’ attivitajiet previsti f’dan ir-Regolament filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom sabiex l-operaturi jkunu jistgħu japplikaw, b’mod standardizzat, verifikabbli, kosteffettiv u komparabbli, il-kriterji tal-kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk il-metodoloġiji jenħtieġ li jiżguraw iċ-ċertifikazzjoni robusta u trasparenti tal-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew tal-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerat mill-attività, filwaqt li jevitaw piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-operaturi jew għall-grupp ta’ operaturi, b’mod partikolari fuq bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u għas-sidien u l-maniġers tal-foresti żgħar, b’mod partikolari billi jippermettu l-użu ta’ regoli simplifikati ta’ ċertifikazzjoni u tal-awditjar bħall-awditjar ta’ grupp. Dawk il-metodoloġiji jenħtieġ li jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Assorbiment tal-Karbonju stabbilit mill-Kummissjoni u mal-atturi interessati l-oħra kollha.. Jenħtieġ li l-metodoloġiji jkunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, jibnu fuq skemi u metodoloġiji pubbliċi u privati eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju jew tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, u jqisu kwalunkwe standard u regola rilevanti adottati fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

(28)

Minħabba l-ħtieġa li l-assorbiment tal-karbonju jiżdied rapidament fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fl-ewwel stadju tal-iżvilupp tal-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni, tipprijoritizza l-attivitajiet li ġejjin: l-attivitajiet li huma l-aktar maturi, li jistgħu jagħtu kobenefiċċji ta’ sostenibbiltà jew li fir-rigward tagħhom il-liġi tal-Unjoni rilevanti għall-iżvilupp ta’ dawk il-metodoloġiji tkun diġà ġiet adottata; attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika li jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-art agrikola, il-foresti, u l-ambjent tal-baħar, kif ukoll attivitajiet li jaħżnu l-karbonju fi prodotti tal-kostruzzjoni bbażati fuq l-injam u b’bażi bijoloġika. Il-Fond għall-Innovazzjoni jistabbilixxi regoli rilevanti għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni għall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju u bil-qbid dirett mill-arja. Sabiex tiġi evitata domanda mhux sostenibbli għall-materja prima tal-bijomassa, il-benefiċċji finanzjarji relatati maċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li ma jwasslux għal żieda fil-kapaċità ta’ impjant tal-bijoenerġija lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-tħaddim tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju. Huwa xieraq li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni relatati mal-attivitajiet li jaħżnu l-karbonju fl-ambjent marittimu, inkluż l-oċeani, iqisu l-progress internazzjonali fir-rapportar dwar l-assorbiment tal-karbonju u l-aħħar informazzjoni xjentifika disponibbli u, meta disponibbli, is-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni mħejji skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2018/841. Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss l-użu sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi limitati tal-bijomassa, huwa xieraq li l-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni relatati mal-attivitajiet li jużaw il-bijomassa jiżguraw li jiġi applikat il-prinċipju tal-użu kaskata tal-bijomassa kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li jiddependu fuq ir-regoli u l-proċeduri eżistenti u l-evitar tad-duplikazzjoni. Ir-regoli għall-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dak il-prinċipju huma stabbiliti fl-Artikolu 3(3), (3a) u (3b) ta’ dik id-Direttiva.

(29)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni jkun kredibbli u affidabbli, jenħtieġ li l-attivitajiet ikunu soġġetti għal awditu indipendenti minn parti terza, imwettaq minn korpi ta’ ċertifikazzjoni. B’mod partikolari, l-attivitajiet kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti għal awditu ta’ ċertifikazzjoni inizjali qabel l-implimentazzjoni tagħhom, li jivverifika l-konformità tagħhom mal-kriterji ta’ kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż il-kwantifikazzjoni korretta tal-benefiċċji netti mistennija. L-attivitajiet kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti wkoll għal awditi perjodiċi ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull ħames snin, jew inkella aktar ta’ spiss kif speċifikat fil-metodoloġija ta’ ċertifikazzjoni applikabbli abbażi tal-karatteristiċi tal-attività rilevanti. Jenħtieġ li l-awditi taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid jivverifikaw il-konformità tal-attività mal-kriterji tal-kwalità ta’ dan ir-Regolament u l-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerat mill-attività. Bħala riżultat ta’ awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid, jenħtieġ li l-korp ta’ ċertifikazzjoni joħroġ rapport tal-awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid li jinkludi sommarju u fejn xieraq, ċertifikat aġġornat ta’ konformità. Jenħtieġ li jkun possibbli li jitwettqu awditi ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid aktar frekwenti, inkluż kull sena, għall-attivitajiet kollha, b’mod partikolari l-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika. Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi taċ-ċertifikazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, jenħtieġ li l-operaturi jkunu jistgħu jużaw informazzjoni ġeografika affidabbli pprovduta mill-aġenziji tal-pagamenti permezz tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ kif jinsab fir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-istruttura, il-format u d-dettalji tekniċi ta’ pjan ta’ attività u ta’ pjan ta’ monitoraġġ, u tar-rapporti tal-awditu ta’ ċertifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid.

(30)

Huwa essenzjali li l-operaturi tal-kultivazzjoni karbonika jingħataw għarfien, għodod u metodi mtejba għal valutazzjoni u l-ottimizzazzjoni aħjar ta’ assorbiment iċċertifikat tal-karbonju u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għall-implimentazzjoni kosteffiċjenti tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u biex jiġi żgurat l-involviment tal-operaturi fil-kultivazzjoni karbonika. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-bdiewa tal-Unjoni b’azjenda agrikola żgħira jew għas-sidien u l-maniġers tal-foresti żgħar li spiss ma jkollhomx l-għarfien u l-għarfien espert meħtieġ biex jimplimentaw l-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika u biex jikkonformaw mal-kriterji ta’ kwalità meħtieġa u mal-metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni relatati. Għalhekk, huwa xieraq li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jintalbu jiffaċilitaw il-forniment ta’ servizzi konsultattivi rilevanti lill-membri tagħhom. Il-politika agrikola komuni u l-għajnuna nazzjonali mill-Istat jistgħu, fost l-oħrajn, ikunu mezz sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju għal proġetti interattivi ta’ innovazzjoni li jinvolvu lill-bdiewa u lis-sidien u lill-maniġers tal-foresti, u għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza, l-iskambju tal-għarfien, it-taħriġ, u l-azzjonijiet ta’ informazzjoni.

(31)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Frar 2024 bl-isem “Securing our future – Europe’s 2040 climate target and path to climate neutrality by 2050 building a sustainable, just and prosperous society” (Niżguraw il-futur tagħna – il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta), il-Kummissjoni turi li l-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ negozju għall-katina tal-valur agroalimentari sostenibbli u l-ingranaġġ ta’ fondi privati f’sinerġija mal-fondi pubbliċi huma kruċjali. Dan jista’ jsir b’mekkaniżmi ġodda bbażati fuq is-suq biex tingħata spinta lill-ikel sostenibbli, billi dan jista’ jirriżulta kemm fi prezzi tal-ikel aħjar biex jirrifletti s-sostenibbiltà, kif ukoll fi gwadann ġust għall-bdiewa u sors ġdid ta’ finanzjament għall-investimenti. Huma biss il-koordinazzjoni soda mal-atturi industrijali kollha fil-katina tal-valur tal-ikel kollha u enfasi fuq il-prattiki leali tan-negozju tul dik il-katina kollha li jistgħu jippermettu l-inċentivi t-tajba għal prattiki ta’ biedja sostenibbli, jiżguraw dħul diċenti u sostenibbli għall-bdiewa u jiġġeneraw introjtu biex jappoġġaw it-tranżizzjoni.

(32)

Sabiex jiġi żgurat li l-verifika tkun akkurata, robusta u trasparenti, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni responsabbli għat-twettiq tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li jkollhom il-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa u jenħtieġ li jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew ikunu rikonoxxuti minn awtorità nazzjonali kompetenti. Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess possibbli, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li jkunu kompletament indipendenti mill-operatur jew mill-grupp ta’ operaturi li jwettqu l-attività soġġetta għaċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni billi jissorveljaw t-tħaddim tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni li huma akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ akkreditazzjoni, u billi jinformaw lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni rilevanti dwar is-sejbiet rilevanti ta’ nuqqas ta’ konformità.

(33)

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li jintużaw mill-operaturi biex juru l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għalhekk, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li joperaw abbażi ta’ regoli u proċeduri affidabbli u trasparenti u jenħtieġ li jiżguraw in-nonripudju tal-oriġini, u l-protezzjoni kontra l-frodi marbuta mal-informazzjoni u mad-data sottomessa mill-operaturi, kif ukoll l-akkuratezza, l-affidabbiltà, l-integrità ta’ tali informazzjoni u data. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li jkun hemm kontabbiltà korretta tal-unitajiet iċċertifikati tal-assorbiment tal-karbonju jew tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, b’mod partikolari billi jiġi evitat l-għadd doppju. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli tekniċi armonizzati dwar iċ-ċertifikazzjoni, inkluż standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u kontabbiltà u ta’ awditjar indipendenti li għandhom jiġu applikati minn skemi ta’ ċertifikazzjoni, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali meħtieġa fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-operaturi u għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat proċess ta’ ċertifikazzjoni kosteffettiv, dawk ir-regoli tekniċi armonizzati dwar iċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li jkollhom ukoll l-objettiv li jnaqqsu piż amministrattiv mhux meħtieġ minn fuq l-operaturi, jew gruppi ta’ operaturi, b’mod partikolari minn fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u s-sidien u l-maniġers tal-foresti żgħar.

(34)

Sabiex jiġi żgurat li l-kontroll taċ-ċertifikazzjoni jkun affidabbli u armonizzat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjonijiet li jirrikonoxxu skemi ta’ ċertifikazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-kompetenza teknika, l-affidabbiltà, it-trasparenza u l-awditjar indipendenti. Tali deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien u jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-kontenut u l-proċessi tar-rikonoxximent tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni mill-Unjoni.

(35)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (15), relatati mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja huma applikabbli, fejn rilevanti.

(36)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà sħiħa tal-unitajiet iċċertifikati, u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi u għadd doppju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi sa erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u minn hemm ’il quddiem iżżomm reġistru tal-Unjoni tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, tal-kultivazzjoni karbonika u tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti (ir-“reġistru tal-Unjoni”). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 30(5), il-punt (a), tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2018/841. Fejn titqajjem kwistjoni marbuta ma’ frodi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvestigaha u tieħu azzjoni xierqa, inkluż billi tħassar id-deċiżjonijiet rilevanti jew tikkanċella l-unitajiet affettwati. Pereżempju, jista’ jitqies li tkun twettqet frodi jekk jinħareġ aktar minn ċertifikat wieħed ta’ konformita’ għall-istess attività għaliex l-attività tkun ġiet irreġistrata taħt żewġ skemi differenti ta’ ċertifikazzjoni jew tkun ġiet irreġistrata darbtejn taħt l-istess skema. Jista’ jitqies li tkun twettqet frodi wkoll meta l-istess ċertifikat ta’ konformita’ jintuża diversi drabi biex issir l-istess talba bbażata fuq attività jew unità ċċertifikata. Jenħtieġ li r-reġistru tal-Unjoni juża sistemi awtomatizzati, inkluż mudelli elettroniċi, biex jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku, bħala minimu, l-informazzjoni li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-operazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni tiġi ffinanzjata minn tariffi fissi annwali li jitħallsu mill-utenti, proporzjonati għall-użu tagħhom tar-reġistru tal-Unjoni, u suffiċjenti sabiex jikkontribwixxu għall-kopertura tal-kostijiet tal-istabbiliment tiegħu u tal-kostijiet operatorji annwalitiegħu, bħal dawk għall-persunal jew l-għodod tal-IT. Jenħtieġ li r-riżorsi minn dawn it-tariffi jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-fini tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). B’mod partikolari, jenħtieġ li jkopri l-kostijiet tal-għodod, is-servizzi u s-sigurtà tal-IT, inkluż is-sistemi ta’ operazzjoni u ta’ liċenzjar, u l-kostijiet tal-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni tar-reġistru tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ atti delegati, tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa dwar ir-reġistru tal-Unjoni u l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-livell tat-tariffi tal-utent u l-irkupru tagħhom. Meta tistabbilixxi dawk ir-rekwiżiti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-ħtieġa li tiżgura sorveljanza suffiċjenti tan-negozjar ta’ unitajiet iċċertifikati. Jenħtieġ li matul kull l-aħħar trimestru tas-sena ta’ qabel is-sena kalendarja tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni wieħed jew aktar biex tistabbilixxi jew tirrevedi l-ammonti individwali ta’ tariffi tal-utent li għandhom jiġu applikati għal dik is-sena kalendarja. Sakemm jiġi stabbilit ir-reġistru tal-Unjoni, jenħtieġ li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-Kummissjoni jistabbilixxu u jżommu r-reġistri ta’ ċertifikazzjoni interoperabbli. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza u traċċabbiltà sħiħa fir-rigward tal-unitajiet iċċertifikati, u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi u ta’ għadd doppju, jenħtieġ li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jużaw ukoll sistemi awtomatizzati, inkluż mudelli elettroniċi, sabiex, bħala minimu, jagħmlu l-informazzjoni li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament disponibbli għall-pubbliku. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu standards u regoli tekniċi dwar il-funzjonament u l-interoperabbiltà ta’ dawk ir-reġistri ta’ ċertifikazzjoni. Jenħtieġ li unitajiet iċċertifikati jinħarġu biss mir-reġistri ta’ ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, mir-reġistru tal-Unjoni, wara l-ġenerazzjoni ta’ benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, abbażi ta’ ċertifikat validu tal-konformità li jirriżulta minn awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid. Sabiex jiġu evitati l-ħruġ doppju u l-użu doppju, jenħtieġ li ebda unità ċċertifikata ma tinħareġ aktar minn darba, u jenħtieġ li ma tintużax minn aktar minn persuna fiżika jew ġuridika waħda fi kwalunkwe ħin. Jenħtieġ li l-unitajiet tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, l-unitajiet tas-sekwestru fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika, l-unitajiet tal-ħżin tal-karbonju fil-prodott u l-unitajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jibqgħu distinti minn xulxin. Sabiex jitqies r-riskju inerenti li l-karbonju assorbit jitreġġa’ lura, jenħtieġ li l-unitajiet tas-sekwestru fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika u l-unitajiet tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti jiskadu fi tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ għall-attività rilevanti, u li jiġu kkanċellati fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni, sakemm l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi ma jintrabtux li jestendu l-perjodu ta’ monitoraġġ, f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-metodoloġija ta’ ċertifikazzjoni applikabbli.

(37)

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jaqdu rwol importanti biex juru l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għalhekk, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li regolarment jagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-attività tagħhom. Tali rapporti jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku, sħaħ jew, fejn xieraq, f’forma aggregata, sabiex tiżdied it-trasparenza u tittejjeb is-superviżjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, tali rappurtar ikun jipprovdi l-informazzjoni neċessarja sabiex il-Kummissjoni tirrapporta dwar t-tħaddim tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni bil-ħsieb li jiġu identifikati l-aħjar prattiki u biex tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq, sabiex tali prattiki tajbin jiġu promossi ulterjorment. Sabiex jiġi żgurat rapportar komparabbli u konsistenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji tekniċi dwar il-kontenut u l-format tar-rapporti mfassla mill-iskemi ta’ ċertifikazzjoni.

(38)

Sabiex l-elementi mhux essenzjali jiġu emendati jew issupplimentati f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment ta’ metodoloġiji dettaljati ta’ ċertifikazzjoni għat-tipi differenti ta’ attivitajiet, sabiex tistabbilixxi standards u regoli tekniċi dwar il-funzjonament tar-reġistru tal-Unjoni, u temenda l-Annessi I u II. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(39)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Sabiex teżerċita s-setgħa ta’ implimentazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi megħjuna fil-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(40)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sas-27 ta’ Diċembru 2027, u sussegwentement fi żmien sitt xhur mir-riżultat ta’ kull rendikont globali miftiehem skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jinżamm taħt rieżami fl-aspetti kollha, b’kont meħud: tal-iżviluppi rilevanti li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż il-konsistenza mar-Regolament (UE) 2018/841, ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u r-Regolament (UE) 2021/1119, kif ukoll id-Direttivi 2003/87/KE u (UE) 2018/2001; l-iżviluppi rilevanti li jikkonċernaw il-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż ir-regoli u l-linji gwida relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ dak il-Ftehim; il-progress teknoloġiku u xjentifiku, l-aħjar prattiki u l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-assorbiment tal-karbonju; il-potenzjal għall-ħżin permanenti tal-karbonju f’pajjiżi terzi, soġġett għall-eżistenza ta’ftehimiet internazzjonali msemmija fil-Kapitolu III ta’ tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill (21), filwaqt li jiġu previsti kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2009/31/KE biex jiġi żgurat li ħżin ġeoloġiku tas-CO2 li huwa maqbud ikun sigur b’mod permanenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; l-impatt ambjentali taż-żieda fl-użu tal-bijomassa li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-impatt fuq id-degradazzjoni tal-art u r-restawr tal-ekosistema; l-impatt fuq is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u l-ispekulazzjoni tal-art; u l-kost tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni.

(41)

Jenħtieġ li sal-31 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni tirrieżamina l-inklużjoni tal-agrikoltura fil-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC, is-sottokategoriji 3.A fermentazzjoni enterika u 3.B ġestjoni tad-demel, kif iddeterminat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament, fit-tnaqqis tal-emissjonijiet kopert minn dan ir-Regolament, filwaqt li tqis il-kostijiet tal-għażla, l-evoluzzjoni tal-qafas regolatorju, l-effetti negattivi possibbli li jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 kif proposta f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1119, jenħtieġ li tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, jenħtieġ li tressaq proposta leġiżlattiva. Fil-kuntest ta’ dak ir-rieżami, huwa xieraq li jiġi kkunsidrat kif l-unitajiet potenzjali ġġenerati minn tali attivitajiet jenħtieġ li jiġu kkategorizzati. Huwa xieraq ukoll li jitħaffef l-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ ċertifikazzjoni pilota għal attivitajiet li jnaqqsu l-emissjonijiet agrikoli mill-fermentazzjoni enterika u l-ġestjoni tad-demel, bi tħejjija għar-rieżami tal-2026 mill-Kummissjoni.

(42)

Huwa xieraq li ċ-ċertifikati ta’ konformità u l-unitajiet iċċertifikati jsostnu użi finali differenti, bħall-prova ta’ asserzjonijiet korporattivi marbuta mal-klima jew oħrajn marbuta mal-ambjent, inkluż fir-rigward tal-bijodiversità, jew l-iskambju ta’ unitajiet iċċertifikati permezz ta’ swieq volontarji tal-karbonju. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-ħtieġa għal rekwiżiti addizzjonali biex dan ir-Regolament jiġi allinjat mar-regoli u l-gwida fl-Artikolu 6(2) u (4) tal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-aħjar prattiki fis-swieq volontarji tal-karbonju. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tqabbel ir-rekwiżiti metodoloġiċi, inkluż il-linji bażi, il-perjodi ta’ monitoraġġ, il-perjodi ta’ attività, l-addizzjonalità, it-tnixxija, in-nonpermanenza u r-responsabbiltà, kif ukoll tindirizza r-rekwiżiti relatati mal-awtorizzazzjoni u l-aġġustamenti korrispondenti. Jenħtieġ li tidentifika wkoll jekk huwiex xieraq li ssir distinzjoni bejn l-użi finali għal kull tip ta’ unità, kif ukoll ir-rekwiżiti korrispondenti għall-użu ta’ unitajiet minn atturi privati jew partijiet terzi, inkluż għas-swieq volontarji tal-karbonju u l-iskemi ta’ konformità internazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni bħar-Regolamenti (UE) 2018/1999 u (UE) 2021/1119, u d-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), ir-reġistru għall-eżiti ta’ mitigazzjoni ttrasferiti internazzjonalment skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi msemmi fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u direttiva fil-futur dwar is-sostanzjar u l-komunikazzjoni ta’ asserzjonijiet ambjentali espliċiti.

(43)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-promozzjoni tal-użu ta’ assorbiment tal-karbonju ta’ kwalità għolja u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ta’ kwalità għolja waqt li jiġu minimizzati r-riskji tal-greenwashing, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jiffaċilita u jħeġġeġ l-użu tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin permanenti tal-karbonju fil-prodotti minn operaturi jew minn gruppi ta’ operaturi, bħala komplement għal tnaqqis sostnut tal-emissjonijiet fis-setturi kollha biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas volontarju tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija billi jistabbilixxi:

(a)

kriterji tal-kwalità għall-attivitajiet li jseħħu fl-Unjoni;

(b)

regoli għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerati mill-attivitajiet;

(c)

regoli għall-funzjonament u r-rikonoxximent ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni mill-Kummissjoni;

(d)

regoli dwar il-ħruġ u l-użu ta’ unitajiet iċċertifikati.

2.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari l-kisba kollettiva, sa mhux aktar tard mill-2050, tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. Għaldaqstant, l-assorbiment kollu tal-karbonju u t-tnaqqis kollu tal-emissjonijiet mill-ħamrija, iġġenerati skont dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-NDC tal-Unjoni u tal-objettivi klimatiċi tagħha u mhux għal NDCs ta’ parti terza jew għal skemi internazzjonali ta’ konformità.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-emissjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, bl-eċċezzjoni tal-qbid u tal-ħżin tal-emissjonijiet tas-CO2 minn bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE, kif stipulat fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE, f’konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“assorbiment tal-karbonju” tfisser l-assorbiment antropoġeniku tal-karbonju mill-atmosfera u l-ħżin durabbli tiegħu f’riżervi ġeoloġiċi, fuq l-art jew l-oċeani, jew fi prodotti li jservu fit-tul;

(2)

“tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija” tfisser it-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra minn raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku kif elenkat fit-Taqsima B, il-punti (e) u (f), tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/841 jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, is-sottokategorija 3D tal-ħamrija agrikola, kif determinat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skontu, fejn l-attività rilevanti, b’mod komprensiv, tnaqqas l-emissjoni tal-karbonju mir-raggruppamenti tal-karbonju fil-ħamrija jew iżid l-assorbiment tal-karbonju permezz tar-raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku;

(3)

“attività” tfisser prattika jew proċess wieħed jew aktar li jitwettqu minn operatur, jew minn grupp ta’ operaturi, li jirriżultaw f’assorbiment permanenti tal-karbonju, f’assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika jew permezz tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, jew fi tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija permezz tal-kultivazzjoni karbonika fejn tali kultivazzjoni karbonika, b’mod komplessiv, tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju mir-raggruppamenti tal-karbonju fil-ħamrija jew iżżid l-assorbiment tal-karbonju fir-raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku;

(4)

“raggruppament tal-karbonju bijoġeniku” tfisser bijomassa ħajja, mifrex, injam mejjet, materja organika mejta, ħamrija minerali u ħamrija organika kif elenkati fit-Taqsima B, il-punti (a) sa (f) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/841;

(5)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika li topera jew li tikkontrolla attività, jew li lilha tkun ġiet delegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-attività; fil-każ ta’ attività tal-kultivazzjoni karbonika, “operatur” tfisser bidwi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2115, kwalunkwe persuna oħra li timmaniġġa attività f’ambjent terrestri jew kostali, sid ta’ foresta jew maniġer ta’ foresta kif definit mil-liġi nazzjonali, jew entità pubblika kompetenti;

(6)

“grupp ta’ operaturi” tfisser entità ġuridika li tirrappreżenta mill-inqas żewġ operaturi u li hija responsabbli biex tiżgura li dawk l-operaturi jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

(7)

“perjodu ta’ attività” tfisser perjodu li matulu l-attività tiġġenera benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, u li jiġi ddeterminat fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli;

(8)

“perjodu ta’ monitoraġġ” tfisser perjodu li matulu t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija jew il-ħżin tal-karbonju jiġi mmonitorjat minn operatur jew minn grupp ta’ operaturi, li jkopri mill-inqas il-perjodu ta’ attività, u li huwa ddeterminat fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli;

(9)

“assorbiment permanenti tal-karbonju” tfisser kwalunkwe prattika jew proċess li, f’ċirkostanzi normali u bl-użu ta’ prattiki ta’ ġestjoni xierqa, jaqbdu u jaħżnu l-karbonju atmosferiku jew bijoġeniku għal diversi sekli, inkluż il-karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti fil-prodotti, u li ma jkunux ikkombinati mal-irkupru assistit tal-idrokarburi;

(10)

“kultivazzjoni karbonika” tfisser kwalunkwe prattika jew proċess, imwettqa fuq perjodu ta’ attività ta’ mill-inqas ħames snin, relatati mal-ġestjoni ta’ ambjent terrestri jew kostali u li jirriżultaw fil-qbid u l-ħżin temporanju tal-karbonju atmosferiku jew bijoġeniku fir-raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku, jew fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija;

(11)

“ħżin tal-karbonju fil-prodotti” tfisser kwalunkwe prattika jew proċess li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju atmosferiku jew bijoġeniku għal mill-inqas 35 sena fi prodotti li jservu fit-tul, jippermettu l-monitoraġġ fuq il-post tal-karbonju maħżun u huma ċċertifikati matul il-perjodu ta’ monitoraġġ;

(12)

“karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti fil-prodotti” tfisser karbonju maħżun kimikament fi prodott bir-riżultat li ma jidħolx fl-atmosfera waqt l-użu normali tal-prodott, inkluż kwalunkwe attività normali li sseħħ wara tmiem il-ħajja tal-prodott, f’konformità mal-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(13)

“ħżin ġeoloġiku tas-CO2” tfisser il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 1, tad-Direttiva 2009/31/KE;

(14)

“korp taċ-ċertifikazzjoni” tfisser korp indipendenti ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat jew rikonoxxut li jkun ikkonkluda ftehim ma’ skema taċ-ċertifikazzjoni biex iwettaq awditi taċ-ċertifikazzjoni u joħroġ ċertifikati tal-konformità;

(15)

“skema taċ-ċertifikazzjoni” tfisser organizzazzjoni li tiċċertifika l-konformità tal-attivitajiet u tal-operaturi bil-kriterji tal-kwalità u r-regoli taċ-ċertifikazzjoni stipulati f’dan ir-Regolament;

(16)

“awditu taċ-ċertifikazzjoni” tfisser awditu li jitwettaq minn korp taċ-ċertifikazzjoni;

(17)

“awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid” tfisser awditu li jitwettaq fil-proċess tat-tiġdid ta’ ċertifikat tal-konformità maħruġ minn korp taċ-ċertifikazzjoni;

(18)

“ċertifikat tal-konformità” tfisser dikjarazzjoni tal-konformità maħruġa minn korp taċ-ċertifikazzjoni li tiċċertifika li attività tikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(19)

“unità tal-assorbiment permanenti tal-karbonju” tfisser tunnellata metrika waħda ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ benefiċċju nett tal-assorbiment permanenti iċċertifikat tal-karbonju ġġenerata minn attività tal-assorbiment permanenti tal-karbonju u rreġistrata minn skema taċ-ċertifikazzjoni fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tagħha jew, kif applikabbli, fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 12;

(20)

“unità ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija” tfisser tunnellata metrika waħda ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ benefiċċju tat-tnaqqis nett iċċertifikat tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerata minn attività ta’ kultivazzjoni karbonika u rreġistrata minn skema taċ-ċertifikazzjoni fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tagħha jew, kif applikabbli, fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 12;

(21)

“treġġigħ lura” tfisser, fil-każ ta’ ħżin ġeoloġiku tas-CO2, it-tnixxija kif definita fl-Artikolu 3, il-punt 5, tad-Direttiva 2009/31/KE u, għal attivitajiet oħra, ir-rilaxx volontarju jew involontarju lura fl-atmosfera tal-karbonju maqbud u maħżun minn attività;

(22)

“unità ta’ sekwestru fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika” tfisser tunnellata metrika waħda ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju ċċertifikat tal-karbonju ġġenerata minn attività tal-kultivazzjoni karbonika u rreġistrata minn skema taċ-ċertifikazzjoni fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tagħha jew, kif applikabbli, fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 12;

(23)

“unità ta’ ħżin tal-karbonju fil-prodotti” tfisser tunnellata metrika waħda ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju ċċertifikat tal-karbonju ġġenerata minn attività tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti u rreġistrata minn skema taċ-ċertifikazzjoni fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tagħha jew, kif applikabbli, fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 12.

Artikolu 3

Eliġibbiltà għaċ-ċertifikazzjoni

L-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għandhom ikunu eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni skont dan ir-Regolament meta jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiġu ġġenerati minn attività li tikkonforma mal-kriterji tal-kwalità stipulati fl-Artikoli 4 sa 7;

(b)

jiġu vverifikati b’mod indipendenti f’konformità mal-Artikolu 9.

KAPITOLU 2

KRITERJI TAL-KWALITÀ

Artikolu 4

Kwantifikazzjoni

1.   Attività tal-assorbiment permanenti tal-karbonju għandha tipprovdi benefiċċju nett tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, li għandu jiġi kkwantifikat permezz tal-formula li ġejja:

Benefiċċju nett tal-assorbiment permanenti tal-karbonju = CRlinja bażi – CRtotali – GHGassoċjati > 0,

fejn:

(a)

CRlinja bażi hija l-ammont tal-assorbiment tal-karbonju taħt il-linja bażi;

(b)

CRtotali hija l-ammont tal-assorbiment tal-karbonju totali tal-attività;

(c)

GHGassoċjati hija ż-żieda fl-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-attività li huma attribwibbli għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż it-tibdil indirett fl-użu tal-art, ikkalkulata, fejn applikabbli, f’konformità mal-protokolli stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u kwalunkwe aġġornament ulterjuri għal dawn il-Linji Gwida 2006 tal-IPCC.

2.   Attività tal-kultivazzjoni karbonika għandha tipprovdi benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju jew benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, li għandu jiġi kkwantifikat permezz tal-formuli li ġejjin:

(a)

benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju = CRlinja bażi – CRtotali – GHGassoċjati > 0,

fejn:

(i)

CRlinja bażi hija l-ammont ta’ assorbiment tal-karbonju taħt il-linja bażi;

(ii)

CRtotali hija l-ammont ta’ assorbiment totali tal-karbonju tal-attività;

(iii)

GHGassoċjati hija ż-żieda fl-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-attività li huma attribwibbli għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż it-tibdil indirett fl-użu tal-art, ikkalkulata, fejn applikabbli, f’konformità mal-protokolli stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u kwalunkwe aġġornament ulterjuri għal dawn il-Linji Gwida 2006 tal-IPCC;

(b)

benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija = LSElinja bażi – LSEtotali + ASElinja bażi – ASEtotali – GHGassoċjati > 0,

fejn:

(i)

LSElinja bażi hija l-ammont ta’ emissjonijiet mill-ħamrija LULUCF taħt il-linja bażi;

(ii)

LSEtotali hija l-ammont totali ta’ emissjonijiet mill-ħamrija LULUCF tal-attività;

(iii)

ASElinja bażi hija l-ammont ta’ emissjonijiet mill-ħamrija agrikola taħt il-linja bażi;

(iv)

ASEtotali hija l-ammont totali ta’ emissjonijiet mill-ħamrija agrikola tal-attività;

(v)

GHGassoċjati hija ż-żieda fl-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-attività li huma attribwibbli għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż it-tibdil indirett fl-użu tal-art, ikkalkulata, fejn applikabbli, f’konformità mal-protokolli stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u kwalunkwe aġġornament ulterjuri għal dawn il-Linji Gwida 2006 tal-IPCC.

L-ambitu tal-kwantitajiet imsemmija fis-CRlinja bażi u fis-CRtotali jikkorrispondi għall-assorbiment nett tal-gassijiet serra inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/841.

L-ambitu tal-kwantitajiet imsemmija fl-LSElinja bażi u fl-LSEtotali jikkorrispondi għall-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra mir-raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku kif elenkati fit-Taqsima B, il-punti (e) u (f), tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/841.

L-ambitu tal-kwantitajiet imsemmija fl-ASElinja bażi u fl-ASEtotali jikkorrispondi għall-emissjonijiet mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, is-sottokategorija 3D tal-ħamrija agrikola.

3.   Il-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għandhom jirrikjedu diżaggregazzjoni skont il-gassijiet serra tal-kwantitajiet kollha msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Jekk l-emissjonijiet mill-ħamrija jiżdiedu bħala konsegwenza ta’ attività li tirriżulta f’assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika, dawn għandhom jiġu kkwantifikati u kkunsidrati fil-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju. B’mod partikolari, l-emissjonijiet mir-raggruppamenti tal-karbonju bijoġeniku kif elenkati fit-Taqsima B, il-punti (e) u (f), tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/841 għandhom jiġu kkwantifikati u rapportati bħala parti mis-CRtotali, u l-emissjonijiet mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, is-sottokategorija 3.D tal-ħamrija agrikola, għandhom jiġu kkwantifikati u rrapportati bħala GHGassoċjati.

Jekk emissjonijiet mill-ħamrija jonqsu bħala konsegwenza ta’ attività li tirriżulta f’assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika, dawn għandhom jiġu kkwantifikati, irrapportati u kkunsidrati bħala benefiċċju tat-tnaqqis nett tal-emissjonijiet mill-ħamrija.

Meta attività tirriżulta kemm f’benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju kif ukoll f’benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, il-metodoloġija rilevanti għandha tispeċifika r-regoli ta’ allokazzjoni għall-emissjonijiet diretti u indiretti assoċjati tal-gassijiet serra li jistgħu jkunu attribwiti għal dik l-attività.

5.   Attività ta’ ħżin tal-karbonju fil-prodott għandha tipprovdi benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju, li għandu jiġi kkwantifikat permezz tal-formula li ġejja:

benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju = CRlinja bażi – CRtotali – GHGassoċjati > 0,

fejn:

(a)

CRlinja bażi hija l-ammont tal-assorbiment tal-karbonju taħt il-linja bażi;

(b)

CRtotali hija l-ammont totali tal-assorbiment tal-karbonju tal-attività;

(c)

GHGassoċjati hija ż-żieda fl-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-attività li huma attribwibbli għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż it-tibdil indirett fl-użu tal-art, ikkalkulata, fejn applikabbli, f’konformità mal-protokolli stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u kwalunkwe aġġornament ulterjuri għal dawn il-Linji Gwida 2006 tal-IPCC.

6.   Il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 għandhom jiġu attribwitisinjal negattiv (-) jekk ikunu assorbiment nett ta’ gassijiet serra u sinjal pożittiv (+) jekk ikunu emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra; dawn għandhom jiġu espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2.

7.   L-assorbiment permanenti tal-karbonju, l-assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija u l-emissjonijiet assoċjati tal-gassijiet serra għandhom jiġu kkwantifikati b’mod rilevanti, konservattiv, akkurat, komplut, konsistenti, trasparenti u komparabbli, f’konformità mal-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. Il-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq taħlita xierqa ta’ kejl fuq il-post b’telerilevament jew mudellar skont ir-regoli stipulati fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

8.   Il-linji standardizzati msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 5 għandhom ikunu rappreżentattivi ferm tal-prestazzjoni standard ta’ prattiki u proċessi komparabbli f’ċirkostanzi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, teknoloġiċi u regolatorji simili u tikkunsidra l-kuntest ġeografiku, inkluż il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi u regolatorji lokali (“linja bażi standardizzata”).

9.   Il-linja bażi standardizzata għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina mill-inqas kull ħames snin u taġġorna, fejn xieraq, il-linja bażi standardizzata fid-dawl taċ-ċirkostanzi regolatorji li jkunu qed jevolvu u tal-aħħar evidenza xjentifika li tkun disponibbli. Il-linja bażi standardizzata aġġornata għandha tapplika biss għal attività li għaliha l-perjodu ta’ attività jibda wara d-dħul fis-seħħ tal-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

10.   B’deroga mill-paragrafu 8, fejn ikun debitament ġustifikat fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, inkluż minħabba n-nuqqas ta’ data jew l-assenza ta’ attivitajiet komparabbli suffiċjenti, operatur għandu juża linja bażi li tikkorrispondi mat-twettiq individwali ta’ attività speċifika (“linja bażi speċifika għal attività”).

11.   Il-linji bażi speċifiċi għal attività għandhom jiġu aġġornati perjodikament fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ attività, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

12.   Il-kwantifikazzjoni tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, l-assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għandha tikkunsidra l-inċertezzi b’mod konservattiv u f’konformità ma’ approċċi statistiċi rikonoxxuti. L-inċertezzi fil-kwantifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għandhom jiġu rrapportati kif suppost.

13.   Biex tiġi appoġġata l-kwantifikazzjoni tal-assorbiment temporanju tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerati minn attività tal-kultivazzjoni karbonika, l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi għandu, fejn ikun fattibbli, jiġbor data dwar l-assorbiment tal-karbonju u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra abbażi tal-użu tal-metodoloġiji tas-saff 3 f’konformità mal-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra u l-aġġornamenti għal dawn il-Linji Gwida2006 tal-IPCC, u b’mod li jkun kompatibbli mal-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) 2018/841 u l-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 5

Addizzjonalità

1.   Kwalunkwe attività għandha tkun addizzjonali. Għal dak l-għan, hija għandha tissodisfa ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

tmur lil hinn mir-rekwiżiti statutorji tal-Unjoni u nazzjonali fil-livell ta’ operatur individwali;

(b)

l-effett ta’ inċentiv taċ-ċertifikazzjoni skont dan ir-Regolament ikun meħtieġ biex l-attività ssir finanzjarjament vijabbli.

2.   Meta tintuża linja bażi standardizzata, l-addizzjonalità kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li ġiet osservata.

Meta tintuża linja bażi speċifika għal attività, l-addizzjonalità kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tintwera permezz ta’ testijiet speċifiċi tal-addizzjonalità f’konformità mal-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

Artikolu 6

Ħżin, monitoraġġ u responsabbiltà

1.   Operatur jew grupp ta’ operaturi għandhom juru li attività taħżen karbonju b’mod permanenti jew għandha l-għan li taħżen karbonju għal żmien twil.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, operatur jew grupp ta’ operaturi għandhom:

(a)

ikunu soġġetti għar-regoli ta’ monitoraġġ u għar-regoli ta’ mitigazzjoni ta’ kwalunkwe riskju identifikat ta’ treġġigħ lura li jseħħ matul il-perjodu ta’ monitoraġġ;

(b)

ikunu responsabbli biex jindirizzaw kwalunkwe treġġigħ lura tal-karbonju maqbud u maħżun minn attività li jseħħ matul il-perjodu ta’ monitoraġġ għal dik l-attivita’ permezz ta’ mekkaniżmi ta’ responsabbiltà xierqa f’konformità mal-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

3.   Ir-regoli ta’ monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), għandhom:

(a)

għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, ikunu konsistenti mar-regoli stipulati fl-Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 2009/31/KE;

(b)

għall-karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti fil-prodotti, ikunu konsistenti mar-regoli adottati skont l-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

għall-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, jiġu stipulati u debitament ġustifikati f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandhom:

(a)

għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, ikunu konsistenti mar-regoli stipulati fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/31/KE;

(b)

għall-karbonju magħqud kimikament b’mod permanenti fil-prodotti, ikunu konsistenti mar-regoli adottati skont l-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

għall-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, jiġu stabbiliti u debitament ġustifikati fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8 u jistgħu jinkludu riżervi kollettivi jew mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni bil-quddiem.

5.   Il-karbonju li jiġi assorbit u li sussegwentement maħżun b’attività tal-assorbiment tal-karbonju għandu jitqies li jkun ġie rilaxxat fl-atmosfera fi tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ, sakemm dak il-perjodu ta’ monitoraġġ ma jiġix estiż permezz ta’ ċertifikazzjoni ġdida tal-attività jew il-karbonju jinħażen b’mod permanenti skont il-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), u l-paragrafu 4, il-punti (a) u (b).

6.   L-attivitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għandhom ikunu soġġetti għal regoli ta’ monitoraġġ u mekkaniżmi ta’ responsabbiltà xierqa kif stipulat fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

Artikolu 7

Sostenibbiltà

1.   Attività ma għandha tagħmel ebda ħsara sinifikanti lill-ambjent u tista’ tiġġenera kobenefiċċji għal wieħed jew aktar mill-objettivi tas-sostenibbiltà li ġejjin:

(a)

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima lil hinn mill-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju u l-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2);

(b)

l-adattament għat-tibdil fil-klima;

(c)

l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar;

(d)

it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż l-użu effiċjenti ta’ materjali b’bażi bijoloġika miksuba b’mod sostenibbli;

(e)

il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis;

(f)

il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż is-saħħa tal-ħamrija kif ukoll l-evitar tad-degradazzjoni tal-art.

2.   Attività ta’ kultivazzjoni karbonika għandha mill-inqas tiġġenera kobenefiċċji għall-objettiv ta’ sostenibbiltà msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (f).

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, attività għandha tikkonforma mar-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8.

Ir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà għandhom:

(a)

jikkunsidraw l-impatt kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha u l-kundizzjonijiet lokali;

(b)

fejn xieraq, ikunu konsistenti mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(c)

jippromwovu s-sostenibbiltà tal-materja prima tal-bijomassa tal-foresti u tal-agrikoltura f’konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

4.   Meta operatur jew grupp ta’ operaturi jirrapportaw kobenefiċċji li jikkontribwixxu għall-objettivi tas-sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil hinn mir-rekwiżiti minimi tas-sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dak l-operatur jew grupp ta’ operaturi għandhom jikkonformaw mal-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni applikabbli stipulati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 8. Dawk il-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni għandhom jinkludu elementi biex jinċentivaw kemm jista’ jkun il-ġenerazzjoni ta’ kobenefiċċji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tas-sostenibbiltà, b’mod partikolari għall-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (f), ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni

1.   Operatur jew grupp ta’ operaturi għandhom jużaw il-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli biex jikkonformaw mal-kriterji tal-kwalita’ stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7 (il-“metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni”).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni, li għandhom jispeċifikaw, għal kull attività, l-elementi stipulati fl-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni għal dawk l-attivitajiet li jkunu l-aktar maturi, li jkollhom il-potenzjal li jagħtu l-akbar kobenefiċċji jew li għalihom il-liġi tal-Unjoni rilevanti għall-iżvilupp ta’ dawk il-metodoloġiji tkun diġà ġiet adottata.

Fil-każ ta’ attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika, bħala parti mill-prijoritizzazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis jekk l-attivitajiet jikkontribwux għall-ġestjoni sostenibbli tal-art agrikola, tal-foresti u tal-ambjent marittimu.

Fil-każ ta’ ħżin tal-karbonju fil-prodotti, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni għall-prodotti għall-bini bbażati fuq l-injam u dawk b’bażi bijoloġika.

3.   L-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 għandhom jagħmlu distinzjoni bejn attivitajiet relatati mal-assorbiment permanenti tal-karbonju, mal-kultivazzjoni karbonika u mal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti u jagħmlu distinzjoni ulterjuri bejn l-attivitajiet abbażi tal-karatteristiċi tagħhom.

Il-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni għandhom:

(a)

jiżguraw ir-robustezza u t-trasparenza tal-assorbiment tal-karbonju u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija;

(b)

jippromwovu l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

(c)

jikkontribwixxu għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u jevitaw l-ispekulazzjoni tal-art;

(d)

iqisu l-kompetittività tal-bdiewa u tas-sidien u l-maniġers tal-forestifl-Unjoni b’mod sostenibbli, b’mod partikolari għall-operaturi fuq skala żgħira;

(e)

jippromwovu s-sostenibbiltà tal-bijomassa f’konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(f)

jiżguraw il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-użu kaskata tal-bijomassa skont l-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(g)

jiżguraw l-evitar ta’ domanda mhux sostenibbli għall-materja prima tal-bijomassa;

(h)

jimminimizzaw il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq l-operaturi, b’mod partikolari fuq l-operaturi fuq skala żgħira, u jżommu l-proċess taċ-ċertifikazzjoni kemm jista’ jkun sempliċi, u faċli biex jintuża;

(i)

jiżguraw li l-każijiet ta’ treġġigħ lura jiġu indirizzati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ responsabbiltà xierqa bħal riżervi kollettivi jew mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni bil-quddiem u, bħala l-aħħar alternattiva, kanċellazzjoni diretta tal-unitajiet.

4.   Meta tkun qed tħejji l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(b)

il-metodoloġiji u l-istandards taċ-ċertifikazzjoni rilevanti tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali; u

(c)

l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli.

KAPITOLU 3

ĊERTIFIKAZZJONI

Artikolu 9

Ċertifikazzjoni tal-konformità

1.   Biex japplika għal ċertifikazzjoni tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, operatur jew grupp ta’ operaturi għandu jissottometti applikazzjoni għal skema taċ-ċertifikazzjoni.

Malli dik l-applikazzjoni tiġi aċċettata, l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi għandhom jissottomettu lil korp taċ-ċertifikazzjoni pjan tal-attività li jinkludi) evidenza ta’ konformità mal-Artikoli 4 sa 7 u l-benefiċċju nett mistenni tal-assorbiment tal-karbonju jew il-benefiċċju nett mistenni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerat mill-attività, upjan ta’ monitoraġġ.

Il-gruppi ta’ operaturi għandhom jispeċifikaw ukoll kif jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza, b’mod partikolari lill-operaturi tal-kultivazzjoni karbonika fuq skala żgħira.

Għall-attivitajiet tal-kultivazzjoni karbonika, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pariri lill-bdiewa fil-qafas tas-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data rilevanti dwar il-kultivazzjoni karbonika, fejn applikabbli, l-Istati Membri jistgħu jinkludu, fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116, l-informazzjoni ewlenija elenkata fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, inkluż prattiki ta’ ġestjoni relatati mal-attività tal-kultivazzjoni karbonika, id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-attività, in-numru jew il-kodiċi uniċi taċ-ċertifikat ta’ konformita’, l-isem tal-korp taċ-ċertifikazzjoni u l-isem tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

2.   L-iskema taċ-ċertifikazzjoni għandha taħtar korp taċ-ċertifikazzjoni, li għandu jwettaq awditu taċ-ċertifikazzjoni biex jivverifika li l-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun akkurata u affidabbli, u biex jikkonferma l-konformità tal-attività mal-Artikoli 4 sa 7.

Meta, bħala riżultat ta’ dak l-awditu taċ-ċertifikazzjoni, il-konformità tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun ġiet verifikata, il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu joħroġ rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni li jinkludi sommarju, u għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità li jkun fih, mill-inqas, l-informazzjoni stipulata fl-Anness II.

L-iskema taċ-ċertifikazzjoni għandha tirrieżamina r-rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat tal-konformità, u tagħmel ir-rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni, kollu kemm hu jew, fejn ikun meħtieġ biex tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, f’forma mqassra, u ċ-ċertifikat tal-konformità disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tiegħu jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 12 (ir-“reġistru tal-Unjoni”).

3.   Mill-inqas kull ħames snin, jew aktar ta’ spiss jekk ikun speċifikat hekk fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, abbażi tal-karatteristiċi tal-attività rilevanti, il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jwettaq awditi regolari taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid biex jikkonferma mill-ġdid il-konformità tal-attività mal-Artikoli 4 sa 7 u jivverifika l-benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija ġġenerat mill-attività. Bħala riżultat ta’ dak l-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu joħroġ rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid li jinkludi sommarju, u, fejn xieraq, għandu joħroġ ċertifikat aġġornat tal-konformità.

L-iskema taċ-ċertifikazzjoni għandha tirrieżamina r-rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid u ċ-ċertifikat aġġornat tal-konformità, u tagħmel ir-rapport tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, kollu kemm hu jew, fejn ikun meħtieġ biex tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, f’forma mqassra, u ċ-ċertifikat aġġornat tal-konformità, disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tiegħu jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni.

Ir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, ir-reġistru tal-Unjoni għandu joħroġ unitajiet iċċertifikati abbażi taċ-ċertifikat aġġornat tal-konformità li jirriżulta mill-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid.

4.   L-operatur jew il-grupp ta’ operaturi għandhom jappoġġaw lill-korp taċ-ċertifikazzjoni matul l-awditu taċ-ċertifikazzjoni u l-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, b’mod partikolari billi jagħtu aċċess għall-bini tal-attività u jipprovdi kwalunkwe data u dokumentazzjoni meħtieġa minn dak il-korp taċ-ċertifikazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-istruttura, il-format u d-dettalji tekniċi tal-pjan tal-attività u tal-pjan tal-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u tar-rapporti tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17.

Artikolu 10

Korpi taċ-ċertifikazzjoni

1.   Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni maħtura minn skemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jiġu rikonoxxuti minn awtorità kompetenti nazzjonali bħala li huma kompetenti sabiex ikopru l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew l-ambitu speċifiku tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

2.   Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom:

(a)

ikunu kompetenti biex iwettqu l-awditu taċ-ċertifikazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid;

(b)

ikunu legalment u finanzjarjament indipendenti minn operatur jew minn grupp ta’ operaturi; u

(c)

iwettqu fl-interess pubbliku l-attivitajiet meħtieġa skont dan ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (b), il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jew kwalunkwe parti mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni:

(a)

ma għandhomx ikunu operatur jew grupp ta’ operaturi, is-sid ta’ operatur jew ta’ grupp ta’ operaturi, jew ikunu proprjetà tagħhom;

(b)

ma għandux ikollhom relazzjonijiet ma’ operatur jew ma’ grupp ta’ operaturi li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw t-tħaddim tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jissottomettu, fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jiġi ssorveljat l-operat tagħhom, inkluż id-data, il-ħin u l-post tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid.

Meta l-Istati Membri jsibu kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, huma għandhom jinfurmaw lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-iskema taċ-ċertifikazzjoni rilevanti b’dan mingħajr dewmien.

L-informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba tiġi stabbilita, fir-reġistru tal-Unjoni.

KAPITOLU 4

SKEMI TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI

Artikolu 11

Operat tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni

1.   Sabiex tintwera l-konformità ma’ dan ir-Regolament, operatur jew grupp ta’ operaturi għandhom jieħdu sehem fi skema taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13.

2.   L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom joperaw b’mod indipendenti abbażi ta’ regoli u proċeduri affidabbli u trasparenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni u l-monitoraġġ interni, it-trattament tal-ilmenti u l-appelli, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, it-trasparenza u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, il-ħatra u t-taħriġ tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, u l-iżvilupp u l-ġestjoni tar-reġistri taċ-ċertifikazzjoni.

L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jistabbilixxu tariffi trasparenti u għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar dawk it-tariffi faċilment aċċessibbli għall-operaturi, inkluż billi jippubblikawhom fuq is-siti web tagħhom.

L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ lment u ta’ appell faċilment aċċessibbli. L-informazzjoni dwar dawk il-proċeduri għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni.

3.   L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jivverifikaw jekk l-informazzjoni u d-data sottomessi minn operatur jew minn grupp ta’ operaturi għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 9 kinux soġġetti għal awditjar indipendenti u jekk iċ-ċertifikazzjoni tal-konformità, inkluż ir-rapporti tal-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, twettqitx b’mod akkurat, affidabbli u kosteffettiv.

4.   L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għandhom mill-inqas darba fis-sena jippubblikaw fir-reġistri taċ-ċertifikazzjoni tagħhom jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni, lista tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni maħtura, li għal kull korp taċ-ċertifikazzjoni tiddikjara minn liema korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun ġie akkreditat jew minn liema awtorità nazzjonali kompetenti jkun ġie rikonoxxut u liema awtorità nazzjonali kompetenti tkun qed timmonitorjah.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura, il-format, id-dettalji tekniċi u l-proċess meħtieġa għall-finijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, li għandhom japplikaw għall-iskemi kollha taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17

Artikolu 12

Reġistru tal-Unjoni għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, u r-reġistri taċ-ċertifikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sas-27 ta’ Diċembru 2028, u minn hemm ’il quddiem iżżomm kif xieraq reġistru tal-Unjoni għall-assorbiment permanenti tal-karbonju, il-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, biex tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni relatata mal-proċess taċ-ċertifikazzjoni b’mod aċċessibbli, li jkun fih, mill-inqas, l-informazzjoni stipulata fl-Anness III.

Meta tistabbilixxi r-reġistru tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 30(5), il-punt (a), tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2018/841.

Ir-reġistru tal-Unjoni għandu juża sistemi awtomatizzati, inkluż mudelli elettroniċi, biex jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku b’mod sigur l-informazzjoni relatata mal-proċess taċ-ċertifikazzjoni, inkluż iċ-ċertifikati tal-konformità u ċ-ċertifikati aġġornati tal-konformità, biex jippermetti t-traċċar tal-kwantità ta’ unitajiet iċċertifikati u jevita l-għadd doppju.

Ir-reġistru tal-Unjoni għandu jiġi ffinanzjat minn tariffi fissi annwali li jitħallsu mill-utenti. Dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati għall-użu tar-reġistru tal-Unjoni u biżżejjed biex tingħata kontribuzzjoni li tkopri l-kostijiet tal-istabbiliment u l-kostijiet operatorji annwali tar-reġistru tal-Unjoni, bħal dawk tal-persunal jew tal-għodod tal-IT.

Ir-riżorsi minn dawn it-tariffi għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-fini tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dak id-dħul għandu, b’mod partikolari, ikopri l-kostijiet tal-għodod, is-servizzi u s-sigurtà tal-IT, inkluż is-sistemi ta’ operazzjoni u ta’ liċenzjar, u l-kostijiet tal-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni tar-reġistru tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 sabiex jissupplimentaw dan l-Artikolu billi jistipulaw ir-rekwiżiti meħtieġa fir-rigward tar-reġistru tal-Unjoni, inkluż regoli biex tiġi żgurata sorveljanza suffiċjenti tan-negozjar tal-unitajiet iċċertifikati, u l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi ddeterminat il-livell tat-tariffi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-irkupru tagħhom.

Matul l-aħħar trimestru ta’ kull sena ta’ qabel is-sena kalendarja tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni wieħed jew aktar biex tistabbilixxi jew tirrevedi l-ammonti individwali tat-tariffi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li għandhom jiġu applikati għal dik is-sena kalendarja.

3.   Sakemm jiġi stabbilit ir-reġistru tal-Unjoni, skema taċ-ċertifikazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm kif xieraq reġistru taċ-ċertifikazzjoni biex tagħmel l-informazzjoni relatata mal-proċess taċ-ċertifikazzjoni disponibbli għall-pubbliku b’mod sigur, inkluż iċ-ċertifikati tal-konformità u ċ-ċertifikati aġġornati tal-konformità, li jkun fih, mill-inqas, l-informazzjoni stipulata fl-Anness III, biex jippermetti t-traċċar tal-kwantità ta’ unitajiet iċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 9.

Reġistru taċ-ċertifikazzjoni għandu juża sistemi awtomatizzati, inkluż mudelli elettroniċi, u għandu jkun interoperabbli mar-reġistri ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni oħra rikonoxxuti sabiex jiġi evitat l-għadd doppju.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura, il-format u d-dettalji tekniċi tar-reġistri taċ-ċertifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni, taż-żamma jew tal-użu ta’ unitajiet iċċertifikati, inkluż kif imsemmi f’dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17.

4.   L-unitajiet iċċertifikati għandhom jinħarġu mir-reġistri taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, mir-reġistru tal-Unjoni wara l-ġenerazzjoni ta’ benefiċċju nett tal-assorbiment tal-karbonju jew benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija, abbażi ta’ ċertifikat validu tal-konformità li jirriżulta minn awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid.

Kwalunkwe unità ċċertifikata ma għandhiex tinħareġ aktar minn darba u ma għandhiex tintuża minn aktar minn persuna fiżika jew ġuridika waħda f’mument partikolari.

L-unitajiet tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, l-unitajiet tas-sekwestru fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika, l-unitajiet tal-ħżin tal-karbonju fil-prodott u l-unitajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija għandhom jibqgħu distinti minn xulxin.

5.   L-unitajiet tas-sekwestru fil-kuntest tal-kultivazzjoni karbonika u l-unitajiet tal-ħżin tal-karbonju fil-prodotti għandhom jiskadu fi tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ għall-attività rilevanti, u li jiġu kkanċellati fir-reġistru taċ-ċertifikazzjoni jew, ladarba jiġi stabbilit, fir-reġistru tal-Unjoni, sakemm ma tingħatax prova tal-ħżin fit-tul tal-karbonju assorbit permezz ta’ monitoraġġ li jkompli għaddej, skont ir-regoli stipulati fil-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

Artikolu 13

Rikonoxximent tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni

1.   Biex juru l-konformità ma’ dan ir-Regolament, operatur jew grupp ta’ operaturi jistgħu jużaw biss skema taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuta mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni. Tali deċiżjoni għandha tkun valida għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin u għandha ssir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru tal-Unjoni.

2.   Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ skema taċ-ċertifikazzjoni pubblika.

Ir-rappreżentant legali ta’ skema taċ-ċertifikazzjoni privata għandu jinnotifika lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ dik l-iskema taċ-ċertifikazzjoni privata.

3.   Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni xierqa mal-iskema taċ-ċertifikazzjoni, tħassar deċiżjoni li tirrikonoxxi dik l-iskema skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta l-iskema taċ-ċertifikazzjoni tonqos milli timplimenta r-regoli stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(5).

Meta Stat Membru jew kwalunkwe parti interessata oħra jqajmu tħassib debitament sostanzjat li skema taċ-ċertifikazzjoni ma toperax f’konformità mar-regoli stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(5) li jikkostitwixxu l-bażi għad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-kwistjoni u għandha tieħu azzjoni xierqa, inkluż li tħassar id-deċiżjoni rilevanti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura, il-format u d-dettalji tekniċi tal-proċessi ta’ rikonoxximent u notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17.

Artikolu 14

Rekwiżiti ta’ rappurtar

1.   Kull sena, sat-30 ta’ April, kull skema taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxuta mill-Kummissjoni li tkun ilha topera għal mill-anqas 12-il xahar, għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-operazzjonijiet tagħha, inkluż deskrizzjoni ta’ kwalunkwe każ ta’ frodi u miżuri ta’ rimedju relatati, li jkopri s-sena kalendarja preċedenti.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu disponibbli għall-pubbliku, kollha kemm huma jew, fejn ikun meħtieġ biex tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, f’forma aggregata.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura, il-format u d-dettalji tekniċi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Emendi għall-Annessi

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 biex temenda l-Anness I sabiex tadattah għal tipi ta’ attivitajiet ġodda u emerġenti u għall-progress xjentifiku u tekniku.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 biex temenda l-Anness II sabiex tadattah għall-progress tekniku.

Artikolu 16

Eżerċizzju ta’ delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 8, 12 u 15 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mis-26 ta’ Diċembru 2024.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8, 12 u 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettw l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8, 12 jew 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mil-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 44(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1999. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 18

Rieżami

1.   Dan ir-Regolament għandu jinżamm taħt rieżami fl-aspetti kollha, filwaqt li jitqiesu:

(a)

l-iżviluppi rilevanti li jikkonċernaw il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-konsistenza tiegħu mar-Regolamenti (UE) 2018/841, (UE) 2018/842 u (UE) 2021/1119 u d-Direttivi 2003/87/KE u (UE) 2018/2001;

(b)

l-iżviluppi rilevanti li jikkonċernaw il-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż ir-regoli u l-linji gwida relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ dak il-Ftehim;

(c)

il-progress teknoloġiku u xjentifiku, l-aħjar prattiki u l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-assorbiment tal-karbonju;

(d)

il-potenzjal għall-ħżin permanenti tal-karbonju f’pajjiżi terzi, soġġett għall-eżistenza ta’ ftehimiet internazzjonali msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/1735, filwaqt li jiġu previsti kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2009/31/KE biex jiġi żgurat li l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 li huwa maqbud ikun sigur b’mod permanenti u ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

(e)

l-impatt ambjentali taż-żieda fl-użu tal-bijomassa li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-impatt fuq id-degradazzjoni tal-art u r-restawr tal-ekosistema;

(f)

l-impatt fuq is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u l-ispekulazzjoni tal-art; u

(g)

il-kost tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni.

2.   Sas-27 ta’ Diċembru 2027, u sussegwentement fi żmien sitt xhur mill-eżitu ta’ kull rendikont globali miftiehem skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   Sal-31 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, is-sottokategorija 3. A tal-fermentazzjoni enterika u s-sottokategorija 3.B tal-ġestjoni tad-demel, kif iddeterminat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament, filwaqt li tqis il-kostijiet tal-għażla, l-evoluzzjoni tal-qafas regolatorju, l-effetti negattivi possibbli li jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 kif proposti f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/1119, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun ibbażat, fost oħrajn, fuq metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni pilota għal attivitajiet li jnaqqsu l-emissjonijiet agrikoli mill-fermentazzjoni enterika u mill-ġestjoni tad-demel.

Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva li takkumpanja dak ir-rapport biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC tal-agrikoltura, is-sottokategorija 3.A tal-fermentazzjoni enterika u s-sottokategorija 3.B tal-ġestjoni tad-demel, kif iddeterminat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

4.   Sal-31 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rekwiżiti addizzjonali meħtieġa biex tallinja dan ir-Regolament mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-aħjar prattiki, inkluż l-aġġustamenti korrispondenti, l-awtorizzazzjoni tal-parti ospitanti u l-metodoloġiji. F’dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-użu ta’ unitajiet iċċertifikati biex jiġu kkumpensati għall-emissjonijiet iġġenerati barra mill-NDC tal-Unjoni u l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tkun akkumpanjata, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 83.

(2)   ĠU C 157, 3.5.2023, p. 58.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2024.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(12)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall- ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).


ANNESS I

Elementi tal-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8

Meta jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin fil-metodoloġiji taċ-ċertifikazzjoni, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull attività:

(a)

it-tip ta’ attività u deskrizzjoni tal-prattiki u l-proċessi koperti, inkluż il-perjodu ta’ attività u l-perjodu ta’ monitoraġġ;

(b)

ir-regoli għall-identifikazzjoni tal-bjar kollha tal-assorbiment tal-karbonju u s-sorsi kollha tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), (2) u (5);

(c)

ir-regoli għall-kalkolu tal-linja bażi msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(i), fl-Artikolu 4(2), il-punti (b)(i) u (iii), jew fl-Artikolu 4(5), il-punt (a);

(d)

ir-regoli għall-kalkolu tal-assorbiment totali tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(ii), jew fl-Artikolu 4(5), il-punt (b);

(e)

ir-regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet mill-ħamrija LULUCF imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (b)(ii);

(f)

ir-regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet mill-ħamrija agrikola msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (b)(iv);

(g)

ir-regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-GHGassoċjati msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (c), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(iii), fl-Artikolu 4(2), il-punt (b)(v) jew fl-Artikolu 4(5), il-punt (c);

(h)

ir-regoli għall-aġġornament tal-linji bażi standardizzati msemmija fl-Artikolu 4(9) u għall-aġġornament tal-linja bażi speċifika għall-attività msemmija fl-Artikolu 4(11);

(i)

ir-regoli li jagħtu kont tal-inċertezzi b’mod konservattiv fil-kwantifikazzjoni tal-assorbiment permanenti tal-karbonju, l-assorbiment temporanju tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija msemmija fl-Artikolu 4(12);

(j)

ir-regoli għat-twettiq tat-testijiet speċifiċi tal-addizzjonalità msemmija fl-Artikolu 5(2);

(k)

ir-regoli dwar il-monitoraġġ u r-regoli dwar il-mitigazzjoni ta’ kwalunkwe riskju identifikat ta’ treġġigħ lura tal-karbonju maħżun imsemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a);

(l)

ir-regoli dwar mekkaniżmi ta’ responsabbiltà xierqa msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (b), u l-Artikolu 6(4), inkluż ir-regoli dwar ir-riskju ta’ falliment tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà rilevanti;

(m)

ir-regoli għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 6(5);

(n)

ir-regoli dwar il-monitoraġġ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija msemmija fl-Artikolu 6(6);

(o)

ir-regoli dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 7(3);

(p)

ir-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-kobenefiċċji msemmija fl-Artikolu 7(4).


ANNESS II

Informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fiċ-ċertifikat tal-konformità msemmi fl-Artikolu 9

Iċ-ċertifikat tal-konformità għandu jinkludi l-informazzjoni minima li ġejja:

(a)

l-isem u t-tip tal-attività, inkluż il-prattiki u l-proċessi, u l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi;

(b)

il-post tal-attività, inkluż il-post ġeografikament espliċitu tal-konfini tal-attività, li jħares ir-rekwiżiti għal mappa bi skala ta’ 1:5 000 għall-Istat Membru;

(c)

it-tul tal-perjodu ta’ attività, inkluż id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem;

(d)

l-isem tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni;

(e)

l-isem, l-indirizz u l-logo tal-korp taċ-ċertifikazzjoni;

(f)

in-numru jew il-kodiċi uniku taċ-ċertifikat tal-konformità;

(g)

il-post, id-data tal-ħruġ u l-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat tal-konformità;

(h)

referenza għall-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 8;

(i)

il-benefiċċju nett tal-assorbiment permanenti tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(1), il-benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija msemmi fl-Artikolu 4(2), il-punt (b), jew il-benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(5);

(j)

l-assorbiment tal-karbonju taħt il-linja bażi msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(i), jew fl-Artikolu 4(5), il-punt (a); jew l-emissjonijiet mill-ħamrija taħt il-linja bażi msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (b)(i) u (iii);

(k)

l-assorbiment totali tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(ii), jew fl-Artikolu 4(5), il-punt (b); jew l-emissjonijiet totali mill-ħamrija msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (b)(ii) u (iv);

(l)

iż-żieda fl-emissjonijiet diretti u indiretti tal-GHGassoċjati msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (c), fl-Artikolu 4(2), il-punt (a)(iii), fl-Artikolu 4(2), il-punt (b)(v), u fl-Artikolu 4(5), il-punt (c);

(m)

diżaggregazzjoni skont il-gassijiet, is-sorsi, il-bjar tal-karbonju u l-ħażniet fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punti (j), (k) u (l)

(n)

it-tul tal-perjodu ta’ monitoraġġ tal-attività;

(o)

l-ammont ta’ bijomassa użata u prova tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 7(3);

(p)

kwalunkwe kobenefiċċju ta’ sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 7;

(q)

għall-kultivazzjoni karbonika, il-kobenefiċċji msemmija fl-Artikolu 7(2);

(r)

referenza għal kwalunkwe ċertifikazzjoni internazzjonali jew nazzjonali oħra, inkluż in-numru jew il-kodiċi uniċi taċ-ċertifikazzjoni ta’ konformita’;

(s)

it-tip ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà, il-kontribut tal-attività għall-mekkaniżmu u l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(t)

il-kwantità u l-validità tal-unitajiet iċċertifikati;

(u)

kwalunkwe inċertezza fil-kwantifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija f’konformità mal-Artikolu 4(12).


ANNESS III

Informazzjoni minima li għandha tinsab fir-reġistru tal-Unjoni u fir-reġistri taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 12

Ir-reġistru tal-Unjoni u r-reġistri taċ-ċertifikazzjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni minima li ġejja għal kull attività u għal kull unità ċċertifikata:

(a)

l-isem u t-tip tal-attività, u l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi;

(b)

il-post tal-attività, inkluż il-post ġeografikament espliċitu tal-konfini tal-attività, li jħares ir-rekwiżiti għal mappa bi skala ta’ 1:5 000 għall-Istat Membru;

(c)

it-tul tal-perjodu ta’ attività, inkluż id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem;

(d)

l-isem tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi dik l-iskema msemmija fl-Artikolu 13, ir-regoli u l-proċeduri tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni u l-lista tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni maħtura msemmija fl-Artikolu 11, u r-rapporti annwali tagħha msemmija fl-Artikolu 14;

(e)

referenza għall-metodoloġija taċ-ċertifikazzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 8;

(f)

il-benefiċċju nett tal-assorbiment permanenti tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(1), il-benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), il-benefiċċju nett tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija msemmi fl-Artikolu 4(2), il-punt (b); jew il-benefiċċju nett tal-assorbiment temporanju tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 4(5);

(g)

kwalunkwe kobenefiċċju ta’ sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 7;

(h)

l-istatus taċ-ċertifikazzjoni, inkluż iċ-ċertifikati tal-konformità u r-rapporti tal-awditi taċ-ċertifikazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid imsemmija fl-Artikolu 9; il-kwantità u l-istatus tal-unitajiet iċċertifikati, pereżempju jekk humiex maħruġa, irtirati, skaduti, ikkanċellati jew allokati għal riżerva, u l-użu finali tal-unitajiet iċċertifikati, u tal-entità li tuża l-unitajiet iċċertifikati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3012/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Fuq