Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016R0369

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni

    ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 01/02/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/369/oj

    16.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 70/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/369

    tal-15 ta' Marzu 2016

    dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-assistenza u l-appoġġ reċiproċi fil-kuntest ta' diżastri huma kemm espressjoni fundamentali tal-valur universali ta' solidarjetà bejn il-bnedmin kif ukoll imperattiv morali, billi tali diżastri jistgħu jwasslu biex għadd sinifikanti ta' nies ma jkunux jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, bil-possibbiltà ta' effetti negattivi serji fuq ħajjithom u saħħithom.

    (2)

    L-impatt kemm tad-diżastri kkawżati mill-bniedem kif ukoll ta' dawk naturali fl-Unjoni qiegħed ikun dejjem eħrex. Dan huwa marbut ma' għadd ta' fatturi, bħat-tibdil fil-klima, iżda wkoll fatturi esterni kontributuri oħrajn u ċirkostanzi li qed jiżvolġu fil-viċinat tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati li qed taffettwa l-Unjoni bħalissa hija eżempju notevoli ta' sitwazzjoni fejn, minkejja l-isforzi li saru mill-Unjoni biex tindirizza l-kawżi primarji f'pajjiżi terzi, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri tista' tkun affettwata direttament.

    (3)

    Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-Kunsill Ewropew, fid-19 ta' Frar 2016, stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kapaċità li tipprovdi assistenza umanitarja internament, sabiex ikunu appoġġati pajjiżi li qed jiffaċċaw għadd kbir ta' refuġjati u migranti.

    (4)

    Id-diżastri kkawżati mill-bniedem jew dawk naturali jistgħu jkunu ta' tali skala u impatt li jistgħu jwasslu għal diffikultajiet ekonomiċi severi fi Stat Membru wieħed jew f'aktar. Jistgħu wkoll iseħħu fi Stat Membru jew f'diversi Stati Membri li diġà qegħdin jiffaċċaw diffikultajiet ekonomiċi serji għal raġunijiet oħra, bir-riżultat li ssir aktar akuta u gravi l-qagħda ekonomika ġenerali tal-Istati Membri kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati tkun affettwata b'mod negattiv, u l-assistenza u l-appoġġ ipprovduti lin-nies fil-bżonn, min-naħa tagħhom, ikunu affettwati b'mod negattiv.

    (5)

    Filwaqt li l-Unjoni diġà qiegħda f'pożizzjoni li tagħti appoġġ ta' natura makrofinanzjarja lill-Istati Membri, u li tesprimi solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta minn diżastri permezz tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 (1), bħalissa ma hemm l-ebda strument adatt disponibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex jindirizza, fuq bażi prevedibbli u indipendenti biżżejjed, il-ħtiġijiet umanitarji ta' nies milquta minn diżastri fl-Unjoni, bħal assistenza alimentari, kura tas-saħħa ta' emerġenza, kenn, ilma, sanità u iġjene, protezzjoni u edukazzjoni. L-assistenza reċiproka tista' tiġi offruta fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili skont id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), iżda l-operazzjoni ta' dak il-Mekkaniżmu hija bbażata fuq kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri. Jista' jkun hemm ukoll assistenza u appoġġ mogħtija permezz ta' strumenti eżistenti ta' politika u ta' finanzjament tal-Unjoni, bħal dawk li għandhom l-għan li jistabbilixxu spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni. Kwalunkwe tali assistenza u appoġġ, madankollu, ikunu aċċessorji u anċillari għall-kisba tal-objettivi ta' politika prinċipali ta' dawk l-istrumenti u, għalhekk, ikunu limitati fl-iskop u fl-iskala.

    (6)

    Għalhekk jidher meħtieġ li l-Unjoni taġixxi fi spirtu ta' solidarjetà biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni milquta minn diżastri fl-Unjoni, u li hija tikkontribwixxi biex jitnaqqas l-impatt ekonomiku ta' dawk id-diżastri fuq l-Istati Membri kkonċernati.

    (7)

    Fid-dawl tas-similaritajiet fl-indirizzar tal-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni milquta minn diżastri fl-Unjoni permezz tal-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza u fl-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-persuni milquta minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem f'pajjiżi terzi, l-operazzjonijiet kollha f'dan ir-Regolament għandhom isiru f'konformità ma' prinċipji umanitarji li dwarhom hemm qbil internazzjonali. Dawk l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri adatti għas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri b'dawk id-diffikultajiet u li jikkomplementaw l-azzjoni tal-Unjoni li tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tittejjeb l-effettività ta' sistemi għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem.

    (8)

    Fid-dawl tal-bżonn ta' azzjoni fi spirtu ta' solidarjetà, l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament għandu jkun iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll permezz ta' kontribuzzjonijiet li jistgħu jsiru minn donaturi oħrajn, pubbliċi jew privati.

    (9)

    Ir-rimborż ta' spejjeż u l-għoti ta' kuntratti għall-akkwist pubbliku u l-għotjiet taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), waqt li tkun ikkunsidrata n-natura speċifika tal-appoġġ ta' emerġenza. Għalhekk jinħtieġ li jiġi stipulat li għotjiet u kuntratti għall-akkwist pubbliku jistgħu jingħataw direttament jew indirettament, u l-għotjiet jistgħu jiffinanzjaw sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli u jingħataw b'effett retroattiv. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tiffinanzja operazzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza ta' kwalunkwe organizzazzjoni li, indipendentement min-natura legali tagħha, kemm jekk privata kif ukoll jekk pubblika, ikollha l-esperjenza meħtieġa u tuża għal dak l-għan ġestjoni diretta jew indiretta, skont kif ikun meħtieġ.

    (10)

    Barra minn hekk, huwa xieraq li wieħed iserraħ fuq organizzazzjonijiet li magħhom il-Kummissjoni kkonkludiet ftehimiet qafas ta' sħubija skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (4), fid-dawl tar-rilevanza tal-esperjenza miksuba minn dawk l-organizzazzjonijiet fl-għoti ta' għajnuna umanitarja f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Kull fejn ikun possibbli, għandu jkun imfittex l-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali, permezz ta' organizzazzjonijiet sħab, bi ftehimiet qafas ta' sħubija sabiex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji u l-effiċjenza ta' kwalunkwe appoġġ ta' emerġenza previst taħt dan ir-Regolament.

    (11)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, is-sejba u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati skorrettament u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    (12)

    Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-bażi għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju fil-każ ta' diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem li fir-rigward tagħhom, fi spirtu ta' solidarjetà, l-Unjoni tkun f'pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri, li jaġixxu waħedhom u b'mod mhux koordinat, li timmobilizza livelli adegwati ta' finanzjament u tużahom biex timplimenta operazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu potenzjalment isalvaw il-ħajja b'mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv, li b'hekk jippermetti azzjoni aktar effikaċi minħabba l-iskala u l-komplementarjetà tiegħu.

    (13)

    Minħabba l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (14)

    L-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament għandu jiġi mmonitorjat sew, filwaqt li jserraħ, fejn ikun meħtieġ, fuq il-konsulenza esperta l-aktar rilevanti li tkun disponibbli fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandha tiġi evalwata l-implimentazzjoni ġenerali ta' dan ir-Regolament.

    (15)

    Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas li fih jista' jingħata appoġġ ta' emerġenza tal-Unjoni permezz ta' miżuri speċifiċi adatti għas-sitwazzjoni ekonomika fil-każ ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem, attwali jew potenzjali. Tali appoġġ ta' emerġenza jista' jingħata biss fejn l-iskala u l-impatt eċċezzjonali tad-diżastru jkunu tali li jwasslu għal firxa wiesgħa ta' konsegwenzi umanitarji serji fi Stat Membru wieħed jew aktar u unikament f'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn ebda strument ieħor disponibbli għall-Istati Membri u għall-Unjoni ma jkun biżżejjed.

    2.   L-appoġġ ta' emerġenza mogħti taħt dan ir-Regolament għandu jkun ta' appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istat Membru milqut u jikkomplementahom. Għal dan l-għan, għandhom jiġu żgurati kooperazzjoni u konsultazzjoni li jkunu mill-qrib mal-Istat Membru milqut.

    Artikolu 2

    Attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza

    1.   Id-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament f'każ ta' diżastru attwali jew potenzjali għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, u għandha tispeċifika fejn xieraq il-perijodu tal-attivazzjoni.

    2.   Il-Kunsill għandu minnufih jeżamina l-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jiddeċiedi, skont l-urġenza tas-sitwazzjoni, dwar l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza.

    Artikolu 3

    Azzjonijiet eliġibbli

    1.   L-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament għandu jagħti rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet, li jikkomplementa r-rispons tal-Istati Membri affettwati, immirat lejn il-preservazzjoni tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tas-sofferenza umana, u ż-żamma tad-dinjità umana fejn ikun meħtieġ minħabba xi diżastru msemmi fl-Artikolu 1.

    2.   L-appoġġ ta' emerġenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista' jinkludi kwalunkwe azzjoni ta' għajnuna umanitarja li tkun eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1257/96, u konsegwentement jista' jinkludi assistenza, sokkors u, fejn meħtieġ, operazzjonijiet ta' protezzjoni biex tiġi salvata u ppreżervata l-ħajja f'diżastri jew immedjatament warajhom. Dan jista' jintuża wkoll biex jiffinanzja kull nefqa oħra relatata direttament mal-implimentazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament.

    3.   L-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament għandu jingħata u jiġi implimentat f'konformità mal-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza.

    4.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni jew minn organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tista' tagħżel, bħala organizzazzjonijiet sħab, organizzazzjonijiet nongovernattivi, servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri jew aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollhom il-konsulenza esperta rekwiżita. B'hekk, il-Kummissjoni għandha żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru milqut.

    Artikolu 4

    Tipi ta' intervent finanzjarju u proċeduri ta' implimentazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. B'mod partikolari, il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta' appoġġ taħt dan ir-Regolament għandu jkun implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c), rispettivament, tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament.

    2.   L-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament għandu jkun iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet li jistgħu jsiru minn donaturi oħra pubbliċi jew privati bħala dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    3.   Il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta' appoġġ taħt dan ir-Regolament li għandu jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jista' jingħata direttament mill-Kummissjoni mingħajr sejħa għal proposti, f'konformità mal-Artikolu 128(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tista' tidħol fi ftehimiet qafas ta' sħubija jew tibbaża fuq ftehimiet qafas ta' sħubija li diġà jeżistu u li ġew konklużi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1257/96.

    4.   Fejn il-Kummissjoni timplimenta operazzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza permezz ta' organizzazzjonijiet nongovernattivi, il-kriterji li jikkonċernaw il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali għandhom jitqiesu bħala sodisfatti fejn ikun hemm fis-seħħ ftehim qafas ta' sħubija bejn dik l-organizzazzjoni u l-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1257/96.

    Artikolu 5

    Spejjeż eliġibbli

    1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri kwalunkwe spiża diretta meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 3, inklużi x-xiri, il-preparazzjoni, il-ġbir, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta' oġġetti u servizzi taħt dawn l-azzjonijiet.

    2.   L-ispejjeż indiretti tal-organizzazzjonijiet sħab jistgħu jkunu koperti wkoll f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    3.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri wkoll spejjeż marbutin ma' attivitajiet ta' preparazzjoni, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditjar u ta' evalwazzjoni li jkunu meħtieġa għall-ġestjoni tal-appoġġ ta' emerġenza li għandu jingħata taħt dan ir-Regolament.

    4.   Il-finanzjament mill-Unjoni għall-azzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament jista' jkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

    5.   Nefqa mġarrba minn organizzazzjoni sieħba qabel id-data ta' sottomissjoni ta' applikazzjoni għal finanzjament tista' tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

    Artikolu 6

    Komplementarjetà u konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni

    Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u komplementarjetà ma' strumenti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk l-istrumenti li taħthom tista' tiġi offruta xi forma ta' assistenza jew appoġġ ta' emerġenza, bħar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    Artikolu 7

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u fejn xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri huma mogħtija s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha ta' għotjiet finanzjarji, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha, li rċevew fondi mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

    3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-kuntratti u ftehimiet ta' għotja kif ukoll ftehimiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 8

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   L-azzjonijiet li jirċievu appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari. Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza għal sitwazzjoni speċifika f'konformità mal-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill u, fejn xieraq, proposti biex jiġi terminat l-appoġġ.

    2.   Sas-17 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tissottometti evalwazzjoni tal-operazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Kunsill, flimkien ma' suġġerimenti għall-ġejjieni ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, proposti biex jiġi emendat jew imħassar.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u attivazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-Kunsill b'dan jiddeċiedi li jattiva l-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament mill-jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu għall-influss attwali ta' refuġjati u migranti fl-Unjoni, għal perijodu ta' tliet snin.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.G. KOENDERS


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

    (2)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

    (3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

    (5)  Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

    (6)  Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

    (7)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

    (8)  Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

    (9)  Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

    (10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


    Fuq