Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0300-20100201

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/300/2010-02-01

2008R0300 — MT — 01.02.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 300/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 097 9.4.2008, p. 72)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI(UE) Nru 18/2010 tat-8 ta’ Jannar 2010

  L 7

3

12.1.2010




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 300/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fis-16 ta’ Jannar 2008.

Billi:

(1)

Sabiex jiġu protetti persuni u merkanzija fl-Unjoni Ewropea, atti ta’ interferenza illegali ma’ inġenji ta’ l-ajru ċivili, li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili, għandhom jiġu evitati bl-istabbiliment ta’ regoli komuni għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili. Dan l-objettiv għandu jinkiseb permezz ta’ l-istabbiliment ta’ regoli u standards komuni bażiċi dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni kif ukoll mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità.

(2)

Huwa mixtieq, fl-interessi tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili in ġenerali, li tiġi provduta l-bażi għal interpretazzjoni komuni ta’ l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta’ Diċembru 1944.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ( 3 ) ġie adottat b’riżultat ta’ l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti. Huwa meħtieġ approċċ komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u għandhom jiġu kkonsidrati l-iżjed mezzi effettivi ta’ offerti ta’ assistenza wara atti terroristiċi li jkollhom impatt maġġuri fil-qasam tat-trasport.

(4)

Il-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 għandu jiġi rivedut fil-kuntest ta’ l-esperjenza miksuba, u r-Regolament innifsu għandu jiġi mħassar u mibdul b’ dan ir-Regolament li jimmira għas-simplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-kjarifika tar-regoli eżistenti u t-titjib tal-livelli ta’ sigurtà.

(5)

Minħabba l-ħtieġa għal aktar flessibilità fl-adozzjoni ta’ miżuri u proċeduri ta’ sigurtà sabiex il-valutazzjonijiet tar-riskju li qed jevolvu jiġu sodisfatti u sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, dan ir-Regolament għandu jistipula l-prinċipji bażiċi ta’ x’għandu jsir sabiex l-avjazzjoni ċivili tiġi salvagwardjata minn atti ta’ interferenza illegali mingħajr ma jidħol fid-dettalji tekniċi u proċedurali ta’ kif għandhom jiġu implimentati.

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal ajruporti li jaqdu l-avjazzjoni ċivili li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, għal operaturi li jipprovdu servizzi f’ajruporti bħal dawn u għal entitajiet li jipprovdu merkanzija u/jew servizzi lil jew permezz ta’ ajruporti bħal dawn.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni dwar reati u ċerti atti oħra mwettqa abbord inġenji ta’ l-ajru, Tokyo, 1963, il-Konvenzjoni dwar it-trażżin tal-ħtif illegali ta’ l-inġenji ta’ l-ajru, l-Aja, 1970, u l-Konvenzjoni għat-trażżin ta’ atti illegali kontra s-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili, Montreal 1971, dan ir-Regolament għandu jkopri wkoll miżuri ta’ sigurtà li japplikaw abbord inġenji ta’ l-ajru, jew matul titjira, ta’ trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità.

(8)

Kull Stat Membru jżomm l-kompetenza li jiddeċiedi dwar jekk għandhux ipoġġi uffiċjali tas-sigurtà matul it-titjira fuq inġenji ta’ l-ajru reġistrati f’dak l-Istat Membru u fuq titjiriet ta’ trasportaturi ta’ l-ajru liċenzjati minnhom kif ukoll biex jiżguraw, skond il-paragrafu 4.7.7 ta’ l-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u taħt it-termini ta’ dik il-Konvenzjoni, li tali uffiċjali huma persunal tal-gvern li huma magħżula u mħarrġa b’mod speċjali, b’kont meħud ta’ l-aspetti ta’ sigurtà abbord inġenju ta’ l-ajru.

(9)

Id-diversi tipi ta’ avjazzjoni ċivili mhux bilfors jippreżentaw l-istess livell ta’ theddid. Fl-istabbiliment ta’ standards komuni bażiċi dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni, id-daqs ta’ l-inġenju ta’ l-ajru, in-natura ta’ l-operazzjoni u/jew il-frekwenza ta’ operazzjonijiet fl-ajruporti għandhom jitqiesu bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiġu permessi l-għotjiet ta’ derogi.

(10)

L-Istati Membri għandhom ikunu permessi wkoll, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, japplikaw miżuri aktar strinġenti minn dawk li għandhom jiġu stabbiliti f’ dan ir-Regolament.

(11)

Pajjiżi terzi jistgħu jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ miżuri li huma differenti minn dawk stabbiliti f’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruport fi Stat Membru lejn, jew minn fuq, dak il-pajjiż terz. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali li għalih hija parti l-Komunità, għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni li teżamina l-miżuri meħtieġa mill-pajjiż terz.

(12)

Anke jekk, fi Stat Membru wieħed, jista’ jkun hemm żewġ korpi jew aktar involuti fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità unika responsabbli għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istandards ta’ sigurtà.

(13)

Sabiex ikunu definiti r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards komuni bażiċi tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni u sabiex jiġu deskritti liema miżuri huma meħtieġa mill-operaturi u entitajiet oħra għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jfassal programm nazzjonali għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili. Barra minn hekk, kull operatur ta’ l-ajruport, trasportatur ta’ l-ajru u entità li jkunu qed jimplimentaw standards tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandhom ifasslu, japplikaw u jżommu programm ta’ sigurtà sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u ma’ kwalunkwe programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili li huwa applikabbli.

(14)

Sabiex jimmonitorja l-konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili, kull Stat Membru għandu jfassal u jiżgura l-implimentazzjoni ta’ programm nazzjonali sabiex jiġi kkontrollat il-livell u l-kwalità tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

(15)

Sabiex ikun hemm monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni minn Stati Membri ta’ dan ir-Regolament, u sabiex isiru wkoll rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet għal għarrieda.

(16)

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tippubblika miżuri li għandhom impatt dirett fuq il-passiġġieri. Atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards komuni bażiċi tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni li jkun fihom informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà, flimkien ma’ rapporti ta’ spezzjonijiet tal-Kummissjoni u t-tweġibiet ta’ l-awtoritajiet xierqa għandhom jitqiesu bħala “informazzjoni klassifikata ta’ l-UE” fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-regoli interni ta’ proċedura ( 4 ). Dawk il-punti m’għandhomx jiġu pubblikati u għandhom ikunu disponibbli biss għal dawk l-operaturi u l-entitajiet b’interess leġittimu.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta’ poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 5 ).

(18)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex taddotta miżuri ġenerali jemendaw elementi mhux essenzjali ta’l-istandards bażiċi komuni billi jissupplimentawhom, jistabbilixxu kriterji li jippermettu lill-Istati Membri li jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni u jaddottaw miżuri ta’ sigurta’ alternattiva, u jaddottaw speċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll ta’ kwalità. Billi dawk huma miżuri ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b’ elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(19)

Meta l-iskadenzi normali ma jistgħux jiġu osservati minħabba raġunijiet imperativi ta’ urġenza, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tapplika l-proċedura b’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ regoli komuni għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili.

(20)

L-għan tas-“sistema ta’ kontroll tas-sigurtà unika” (“one-stop security”) għat-titjiriet kollha fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi avvanzat.

(21)

Barra minn hekk, m’għandux ikun meħtieġ li passiġġieri u/jew il-bagalji tagħhom jiġu skrinjati mill-ġdid fuq titjiriet minn pajjiżi terzi li jkollhom standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti b’dan ir-Regolament. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li japplika miżuri iżjed strinġenti, u għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u l-Istati Membri, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, ftehim bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, li jirrikonoxxu li l-istandards ta’ sigurtà applikati fil-pajjiż terz huma ekwivalenti għall-istandards komuni, għandhom jiġu mħeġġa peress li dawn ikabbru s-sistema ta’ kontroll tas-sigurtà unika (one-stop security).

(22)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni, inklużi dawk relatati mat-trasport ta’ merkanzija perikoluża.

(23)

Għandhom jiġu pprovduti penali għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-penali, li jistgħu jkunu ta’ natura ċivili jew amministrattiva, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(24)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà, miftiehma f’Kordoba fit-18 ta’ Settembru 2006 matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta’ Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà magħmula f’Londra fit-2 ta’ Diċembru 1987, u l-konformità sħiħa magħha tiġi meqjusa li tikkostitwixxi konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ l-1987.

(25)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri s-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali u li jipprovdi għal interpretazzjoni komuni ta’ l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tar-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DAN ir-Regolament:



Artikolu 1

Objettivi

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Huwa jipprovdi wkoll il-bażi għal interpretazzjoni komuni ta’ l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

2.  Il-mezzi sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 għandhom ikunu:

(a) l-istabbiliment ta’ regoli komuni u standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni;

(b) mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn li ġejjin:

(a) l-ajruporti kollha jew partijiet minn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru li m’humiex użati esklussivament għal finijiet militari;

(b) l-operaturi kollha, inklużi trasportaturi ta’ l-ajru, li jipprovdu servizzi f’ajruporti msemmijin fil-punt (a);

(ċ) l-entitajiet kollha li japplikaw standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni li joperaw f’postijiet li jinsabu fit-territorju jew barra mit-territorju ta’ ajruporti u jipprovdu merkanzija u/jew servizzi lil ajruporti msemmijin fil-punt (a) jew minn ajruporti msemmijin fil-punt (a).

2.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà hija mifhuma bħala li hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tat-tilwima dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

1. “avjazzjoni ċivili” tfisser kwalunkwe operazzjoni fl-ajru mwettqa b’inġenju ta’ l-ajru ċivili, ħlief operazzjonijiet imwettqin minn inġenji ta’ l-ajru ta’ l-istat li huma msemmijin fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

2. “sigurtà ta’ l-avjazzjoni” tfisser taħlita ta’ miżuri u riżorsi umani u materjali maħsubin għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili;

3. “operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża impenjata, jew li toffri li timpenja ruħha, f’operazzjoni ta’ trasport bl-ajru;

4. “trasportatur ta’ l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li għandha liċenzja operattiva valida, jew l-ekwivalenti;

5. “trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju” tfisser trasportatur ta’ l-ajru b’liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers ( 6 );

6. “entità” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża, minbarra operatur;

7. “oġġetti pprojbiti” tfisser armi, splussivi jew tagħmir perikoluż ieħor, oġġetti jew sustanzi li jistgħu jintużaw biex isir att ta’ intereferenza illegali li jimmina s-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili;

8. “skrinjar” tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi jew mezzi oħra li huma maħsubin biex jidentifikaw u/jew jikxfu oġġetti projbiti;

9. “kontroll tas-sigurtà” tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi sabiex ma jitħallewx jiġu introdotti oġġetti projbiti;

10. “kontroll fuq l-aċċess” tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi li permezz tagħhom jista’ jiġi prevenut id-dħul ta’ persuni mhux awtorizzati jew vetturi mhux awtorizzati, jew it-tnejn;

11. “iż-żona ta’ l-ajru” (“airside”) tfisser iż-żona ta’ moviment ta’ ajruport, u artijiet u bini li jmissu magħha jew partijiet minnhom, li l-aċċess għalihom huwa ristrett;

12. “iż-żona ta’ l-art” (“landside”) tfisser dawk in-naħat ta’ ajruport, u artijiet u bini li jmissu magħhom jew partijiet minnhom, li mhumiex fiż-żona ta’ l-ajru;

13. “żona ta’ sigurtà ristretta” tfisser parti miż-żona ta’ l-ajru li fiha, minbarra l-fatt li l-aċċess ikun ristrett, jiġu applikati standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni oħrajn;

14. “żona demarkata” tfisser żona li hija separata permezz ta’ kontroll fuq l-aċċess minn żoni ta’ sigurtà ristretta, jew, jekk iż-żona demarkata nnifisha hija żona ta’ sigurtà ristretta, minn żoni ta’ sigurtà ristretta oħra ta’ ajruport;

15. “kontroll ta’ l-isfond” tfisser kontroll reġistrat ta’ l-identità ta’ persuna, inkluża kwalunkwe kondotta kriminali, bħala parti mill-valutazzjoni ta’ kemm l-individwu huwa xieraq li jkollu aċċess mingħajr skorta għal żoni ta’ sigurtà ristretta ta’ xi ajruport;

16. “passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta fi trasferiment” tfisser passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta li jitilqu fuq inġenju ta’ l-ajru differenti minn dak li waslu fuqu;

17. “passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta fi tranżitu” tfisser passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta li jitilqu fuq l-istess inġenju ta’ l-ajru li waslu fuqu;

18. “passiġġier potenzjalment problematiku” tfisser passiġġier li jkun qed jiġi deportat, jew persuna li titqies bħala inammissibbli għal raġunijiet ta’ immigrazzjoni jew persuna f’kustodja legali;

19. “bagalji tal-kabina” tfisser bagalji maħsuba għal ġarr fil-kabina ta’ inġenju ta’ l-ajru.

20. “bagalji ta’ l-istiva” tfisser bagalji maħsuba għal ġarr fl-istiva ta’ inġenju ta’ l-ajru;

21. “bagalji ta’ l-istiva akkumpanjati” tfisser bagalji, li nġarru fl-istiva ta’ inġenju ta’ l-ajru, li jkunu ġew reġistrati għal titjira minn passiġġier li jkun qed jivvjaġġa fuq dik l-istess titjira;

22. “posta tat-trasportatur ta’ l-ajru” tfisser posta li l-oriġini u d-destinazzjoni tagħha huma t-tnejn trasportatur ta’ l-ajru;

23. “materjali tat-trasportatur ta’ l-ajru” tfisser materjali li l-oriġini u d-destinazzjoni tagħhom huma t-tnejn trasportatur ta’ l-ajru jew li jintużaw minn trasportatur ta’ l-ajru;

24. “posta” tfisser dispaċċi ta’ korrispondenza u merkanzija oħra għajr posta tat-trasportatur ta’ l-ajru mibgħutin minn jew maħsubin għal kunsinna għal servizzi postali skond ir-regoli ta’ l-Unjoni Postali Universali;

25. “merkanzija” tfisser kwalunkwe proprjetà maħsuba għall-ġarr fuq inġenju ta’ l-ajru, ħlief bagalji, posta, posta ta’ trasportatur ta’ l-ajru, materjali ta’ trasportaturi ta’ l-ajru u provvisti għal matul it-titjira;

26. “aġent regolat” tfisser trasportatur ta’ l-ajru, aġent, speditur ta’ merkanzija jew kwalunkwe entità oħra li tiżgura l-kontrolli ta’ sigurtà fir-rigward ta’ merkanzija jew posta;

27. “kunsinnatarju magħruf” tfisser kunsinnatarju li joriġina merkanzija jew posta għalih innifsu u li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta’ sigurtà li huma biżżejjed biex jippermettu l-ġarr ta’ dik il-merkanzija jew posta fuq kwalunkwe inġenju ta’ l-ajru;

28. “kunsinnatarju in konto” tfisser kunsinnatarju li joriġina merkanzija jew posta għalih innifsu u li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta’ sigurtà li huma biżżejjed biex jippermettu l-ġarr ta’ dik il-merkanzija fuq inġenji ta’ l-ajru għall-merkanzija biss jew ta’ posta fuq inġenji ta’ l-ajru għall-posta biss;

29. “kontroll ta’ sigurtà ta’ l-inġenju ta’ l-ajru” tfisser spezzjoni ta’ dawk il-partijiet ta’ ġewwa ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li għalihom il-passiġġieri setgħa kellhom aċċess, flimkien ma’ spezzjoni ta’ l-istiva ta’ l-inġenju ta’ l-ajru sabiex jiġu individwati oġġetti projbiti u interferenzi illegali ma’ l-inġenju ta’ l-ajru;

30. “tfittxija ta’ sigurtà ta’ l-inġenju ta’ l-ajru” tfisser spezzjoni tal-parti ta’ ġewwa u l-parti ta’ barra ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li jkunu aċċessibbli sabiex jiġu individwati oġġetti projbiti u interferenzi illegali ma’ l-inġenju ta’ l-ajru li jimminaw is-sigurtà ta’ l-inġenju ta’ l-ajru;

31. “uffiċjal ta’ sigurtà abbord titjira” tfisser persuna li hija impjegata minn xi stat sabiex tivvjaġġja fuq inġenju ta’ l-ajru ta’ trasportatur ta’ l-ajru liċenzjat minnu bil-għan li jipproteġi dak l-inġenju ta’ l-ajru u l-okkupanti tiegħu kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà tat-titjira.

Artikolu 4

Standards bażiċi komuni

1.  L-istandards bażiċi komuni għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness.

Standards bażiċi komuni addizzjonali mhux previsti fid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu ma’ l-Anness skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

2.  Għandhom jiġu adottati miżuri ġenerali, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 billi jissupplimentawhom, skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

Dawn il-miżuri ġenerali għandhom jikkonċernaw:

(a) metodi ta’ skrinjar permessi;

(b) kategoriji ta’ oġġetti li jistgħu jkunu pprojbiti;

(ċ) għal dak li jirrigwarda kontroll, raġunijiet biex jingħata aċċess għaż-żona ta’ l-arju u żoni ta’ sigurtà ristretta;

(d) metodi permessi għall-eżami ta’ vetturi, kontrolli ta’ sigurtà fuq inġenji ta’ l-ajru u tiftix ta’ sigurtà fuq inġenji ta’ l-ajru;

(e) kriterji biex tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza ta’ standards ta’ sigurtà ta’ pajjiżi terzi;

(f) kondizzjonijiet li taħthom merkanzija u posta għandhom jiġu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà, kif ukoll il-proċess għall-approvazzjoni jew ħatra ta’ aġenti regolatorji, konsenjaturi magħrufin u konsenjaturi in konto;

(g) kondizzjonijiet li taħthom posta bl-ajru u materjal ta’ l-inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà;

(h) kondizzjonijiet li taħthom fornimenti ta’ waqt it-titjira u fornimenti ta’ l-ajruport għandhom jiġu skrinjati jew soġġetti għal kontrolli oħra ta’ sigurtà, kif ukoll il-proċess għall-approvazzjoni jew ħatra ta’ fornituri regolati u fornituri magħrufa;

(i) kriterji għad-definizzjoni ta’ partijiet kritiċi ta’ żoni ta’ sigurtà ristretta;

(j) kriterji għal reklutaġġ tal-persunal u metodi ta’ taħriġ;

(k) kondizzjonijiet li taħthom proċeduri ta’ sigurtà speċjali jew eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà jistgħu jiġu applikati; u

(l) kwalunkwe miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 billi jissupplimentawhom, li ma kinux previsti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 19(4).

3.  Miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 u l-miżuri ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19 (2).

Dawn għandhom jinkludu:

(a) rekwiżiti u proċeduri għal skrinjar;

(b) lista ta’ oġġetti projbiti;

(ċ) rekwiżiti u proċeduri għal kontroll ta’ l-aċċess;

(d) rekwiżiti u proċeduri għall-eżami ta’ vetturi, kontrolli ta’ sigurtà fuq inġenji ta’ l-ajru u tiftix ta’ sigurtà fuq inġenji ta’ l-ajru;

(e) deċiżjonijiet biex tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza ta’ standards ta’ sigurtà applikati f’pajjiż terz;

(f) għal dak li jirrigwarda merkanzija u posta, proċeduri għall-approvazzjoni jew ħatra ta’, u l-obbligi li jridu jiġu sodisfatti minn, aġenti regolatorji, konsenjaturi magħrufin u konsenjaturi in konto;

(g) rekwiżiti u proċeduri għal kontrolli ta’ sigurtà ta’ posta b’inġenju ta’ l-arju u materjali ta’ l-inġenju ta’ l-ajru;

(h) għal dak li jirrigwarda fornimenti għal waqt it-titjira u fornimenti ta’ l-ajruport, proċeduri għall-approvazzjoni jew ħatra ta’, u l-obbligi li jridu jiġu sodisfatti minn, fornituri regolati u fornituri magħrufa;

(i) definizzjoni ta’ partijiet kritiċi ta’ żoni ta’ sigurtà ristretta;

(j) rekwiżiti ta’ reklutaġġ u taħriġ tal-persunal;

(k) proċeduri ta’ sigurtà speċjali jew eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà;

(l) speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri għall-approvazzjoni u l-użu ta’ tagħmir ta’ sigurtà;u

(m) rekwiżiti u proċeduri fir-rigward ta’ passiġġieri potenzjalment problematiċi.

4.  Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ l-emenda ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ deċiżjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3), tistabbilixxi kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 u jadottaw miżuri ta’ sigurtà alternattivi li jipprovdu livell ta’ protezzjoni adegwat abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju lokali. Tali miżuri alternattivi għandhom jiġu ġustifikati b’raġunijiet marbutin mad-daqs ta’ l-inġenju ta’ l-ajru, jew b’raġunijiet marbutin man-natura, l-iskala jew il-frekwenza ta’ l-operazzjonijiet jew ta’ attivitajiet rilevanti oħrajn.

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 19(4).

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1. Fejn Stat Membru jkollu raġuni biex jemmen li l-livell ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ġie kompromess minħabba ksur fis-sigurtà, huwa għandu jiżgura li tittieħed azzjoni adegwata u f’waqtha biex tirrettifika dak il-ksur u tiżgura s-sigurtà kontinwa ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 5

Spejjeż ta’ sigurtà

Soġġett għar-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, kull Stat Membru jista’ jiddetermina f’liema ċirkostanzi, u sa liema punt, l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ sigurtà meħuda taħt dan ir-Regolament biex jipproteġu l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali jistgħu jitħallsu mill-Istati, l-entitajiet ta’ l-ajruport, l-inġenji ta’ l-ajru, aġenziji responsabbli oħra, jew l-utenti. Jekk xieraq, u f’konformità mal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu ma’ utenti għall-ispejjeż ta’ miżuri ta’ sigurtà iżjed strinġenti meħuda taħt dan ir-Regolament. Sa fejn jista’ jiġi previst, kwalunkwe drittijiet jew trasferimenti ta’ spejjeż ta’ sigurtà għandhom ikunu direttament relatati ma’ l-ispejjeż ta’ forniment tas-servizzi ta’ sigurtà kkonċernati u għandhom ikunu mfassla biex jirkupraw mhux iżjed mill-ispejjeż rilevanti involuti.

Artikolu 6

Miżuri aktar strinġenti applikati minn Stati Membri

1.  L-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri aktar strinġenti mill-istandards bażiċi komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 4. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u b’konformità mal-liġi Komunitarja. Dawk il-miżuri għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati mar-riskju li jkun qed jiġi indirizzat.

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali miżuri mill-iktar fis possibbli wara l-applikazzjoni tagħhom. Malli tirċievi tali informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrasmetti din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

3.  L-Istati Membri m’humiex meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni fejn il-miżuri konċernati jkunu limitati għal titjira partikolari f’data speċifika.

Artikolu 7

Miżuri ta’ sigurtà meħtieġa minn pajjiżi terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali li għalih il-Komunità hija parti, Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar miżuri meħtieġa minn pajjiż terz jekk dawn ikunu differenti mill-istandards bażiċi komuni kif stabbilit fl-Artikolu 4 fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruport fi Stat Membru għal, jew minn fuq, dak il-pajjiż terz.

2.  Fuq talba ta’ l-Istat Membru konċernat jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura notifikata taħt il-paragrafu 1 u tista’, skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2), tfassal rispons xieraq għall-pajjiż terz konċernat.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx jekk:

(a) l-Istat Membru konċernat japplika l-miżuri konċernati skond l-Artikolu 6; jew

(b) il-ħtieġa tal-pajjiż terz hija limitata għal titjira partikolari f’data speċifika.

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 300 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi Memorandum ta’ Fehim li jikkonċerna verifki ma’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità ta’ l-Istati Membri ma’ l-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

Artikolu 9

Awtorità kompetenti

Fejn, fi Stat Membri wieħed, ikun hemm żewġ korpi jew aktar involuti fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili, dak l-Istat Membru għandu jinnomina awtorità waħda (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-awtorità kompetenti) li għandha tkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fl-Artikolu 4.

Artikolu 10

Programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili

1.  Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Dak il-programm għandu jiddefinixxi r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fl-Artikolu 4 u għandu jiddeskrivi l-miżuri meħtieġa minn operaturi u entitajiet oħra għal din il-għan.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tagħmel disponibbli bil-miktub fuq bażi ta’ “ħtieġa għall-għarfien” il-partijiet adatti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili tagħha għal operaturi u entitajiet li hija tqis li għandhom interess leġittimu.

Artikolu 11

Programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità

1.  Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità.

Dak il-programm għandu jippermetti lill-Istat Membru li jikkontrolla l-kwalità tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili sabiex jimmonitorja l-aderenza kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili tiegħu.

2.  L-ispeċifikazzjonijiet għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jiġu adottati permezz ta’ l-emenda ta’ dan ir-Regolament permezz taż-żieda ta’ anness skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 19(4).

Il-programm għandu jippermetti l-iskoperta u t-tiswija mgħaġġla tan-nuqqasijiet. Huwa għandu jipprovdi wkoll li l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet kollha responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni li jinsabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat għandhom ikunu monitorjati direttament u regolarment minn, jew taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti.

Artikolu 12

Programm ta’ sigurtà ta’ l-ajruporti

1.  Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm ta’ sigurtà ta’ l-ajruporti.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandu jsegwi operatur ta’ ajruport sabiex jaderixxi kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li fih jinsab l-ajruport.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta’ kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif l-aderenza ma’ dawn il-metodi u l-proċeduri għandha tiġi mmonitorjata mill-operatur ta’ l-ajruport.

2.  Il-programm tas-sigurtà ta’ l-ajruport għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti, li tista’ tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun il-każ.

Artikolu 13

Programm ta’ sigurtà ta’ trasportatur ta’ l-ajru

1.  Kull trasportatur ta’ l-ajru għandu jfassal, japplika u jżomm programm ta’ sigurtà ta’ trasportatur ta’ l-ajru.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li t-trasportatur ta’ l-ajru għandu jsegwi sabiex ikun konformi kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li minnu jkun jipprovdi s-servizzi.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta’ kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif il-konformità ma’ dawn il-metodi u l-proċeduri għandha tiġi mmonitorjata mit-trasportatur ta’ l-ajru.

2.  Fuq talba, il-programm tas-sigurtà ta’ trasportatur ta’ l-ajru għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti, li tista’ tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun xieraq.

3.  Fejn programm tas-sigurtà ta’ trasportatur ta’ l-ajru tal-Komunità jkun ingħata validità mill-awtorità xierqa ta’ l-Istat Membru li jagħti l-liċenzja operattiva, it-trasportatur ta’ l-ajru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra kollha bħala li ssodisfa ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jitlob mingħand kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru dettalji dwar l-implimentazzjoni minnu:

(a) tal-miżuri ta’ sigurtà applikati minn dak l-Istat Membru taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6; u/jew

(b) tal-proċeduri lokali li huma applikabbli fl-ajruporti li huwa jservi.

Artikolu 14

Programm tas-sigurtà ta’ l-entità

1.  Kull entità li taħt il-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili msemmi fl-Artikolu 10 hija meħtieġa tapplika standards tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandha tfassal, tapplika u żżomm programm ta’ sigurtà.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-entità sabiex tkun konformi mal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet tagħha f’dak l-Istat Membru.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta’ kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif l-aderenza ma’ dawn il-metodi u l-proċeduri għandha tiġi monitorjata mill-entità stess.

2.  Fuq talba, il-programm tas-sigurtà ta’ l-entità li tapplika l-istandards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandu jiġi sottomess lill-awtorità kompetenti, li tista’ tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun xieraq.

Artikolu 15

Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f’kooperazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat, għandha twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet ta’ ajruporti, operaturi u entitajiet li japplikaw standards tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni, sabiex timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri u, kif xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet biex titjieb is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni. Għal dan il-fini, l-awtorità kompetenti għandha tinforma bil-miktub lill-Kummissjoni dwar l-ajruporti kollha fit-territorju tagħha li jservu l-avjazzjoni ċivili minbarra dawk koperti bl-Artikolu 4(4).

Il-proċeduri biex isiru l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

2.  Spezzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ ajruporti, operaturi u entitajiet li japplikaw standards ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni m’għandhomx jiġu mħabbrin. Il-Kummissjoni għandha, sew minn qabel ispezzjoni, tinforma lill-Istat Membru konċernat dwarha.

3.  Kull rapport ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni għandu jiġi kkomunikat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat, li għandu, fit-tweġiba tiegħu, jindika l-miżuri meħuda għar-rimedju ta’ kwalunkwe defiċjenza identifikata.

Ir-rapport, flimkien mat-tweġiba ta’ l-awtorità kompetenti, sussegwentement għandu jiġi komunikat lill-awtoritajiet adatti ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 16

Rapport Annwali

Kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, u tinfurmahom bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u bl-impatt tiegħu fuq it-titjib tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni.

Artikolu 17

Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati

Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni, magħmul minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni jew li huma direttament affettwati minnha. Ir-rwol ta’ dan il-grupp għandu jkun biss dak ta’ jagħti pariri lill-Kummissjoni. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19 għandu jżomm infurmat lill-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati matul il-proċess regolatorju kollu.

Artikolu 18

Tixrid ta’ informazzjoni

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tippubblika miżuri li għandhom impatt dirett fuq il-passiġġieri. Madankollu, id-dokumenti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala “informazzjoni klassifikati ta’ l-UE” skond it-tifsira tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom:

(a) miżuri u proċeduri kif imsemmijin fl-Artikoli 4(3), 4(4), 6(1) u 7(1), jekk ikun fihom informazzjoni ta’ sigurtà sensittiva;

(b) ir-rapporti ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet ta’ l-awtoritajiet xierqa, kif imsemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 19

Proċedura ta’ Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 20

Ftehim bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

Meta jkun xieraq, u f’konformità mal-liġi Komunitarja, jistgħu jiġu maħsuba ftehim li jirrikonoxxu li l-istandards ta’ sigurtà applikati f’pajjiż terz huma ekwivalenti għall-istandards tal-Komunità li fi ftehim ta’ l-avjazzjoni bejn il-Komunità u pajjiż terz skond l-Artikolu 300 tat-Trattat, sabiex tiġi avvanzata l-mira ta’ “sistema ta’ kontroll tas-sigurtà unika” għat-titjiriet kollha bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

Artikolu 21

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad- disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali jridu jkunu effettivi, propozjonati u dissważivi.

Artikolu 22

Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament

Il-Kummissjoni ser tirrapporta, mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, dwar il-prinċipji tal-finanzjament ta’ l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili. Dan ir-rapport ser iqis liema passi jeħtieġ li jittieħdu sabiex jiġi żgurat li miżati ta’ sigurtà jintużaw esklussivament biex jintlaħqu spejjeż ta’ sigurtà, u biex tittejjeb it-trasparenza ta’ tali miżati. Ir-rapport ser jindirizza wkoll il-prinċipji neċessarji biex tiġi ssalvagwardjata kompetizzjoni bla xkiel bejn l-ajruporti u bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru, u l-metodi differenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ sigurtà bejn dawk li jħallsu t-taxxi u l-utenti. Ir-rapport tal-Kummissjoni ser ikun akkumpanjat, jekk xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 23

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru. 2320/2002 huwa b’ dan imħassar.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.  Huwa għandu japplika mid-data imsemmija fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 4(2) u 4(3), iżda mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.  B’eċċezzjoni għall-paragrafu 2, l-Artikoli 4(2), 4(3), 4(4), 8, 11(2), 15(1) it-tieni subparagrafu, 17, 19 u 22 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




►M1  ANNESS I ◄

STANDARDS BAŻIĊI KOMUNI GĦAS-SALVAGWARDJA TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI KONTRA ATTI TA’ INTERFERENZA ILLEGALI (ARTIKOLU 4)

1.   SIGURTÀ TA’ L-AJRUPORT

1.1.   Rekwiżiti ta’ l-ippjanar ta’ ajruport

1. Meta jiġu ddisinjati u mibnija faċilitajiet ġodda ta’ ajruport jew isir tibdil fil-faċilitajiet eżistenti ta’ ajruport, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni stabbiliti f’dan l-Anness u ta’ l-atti implimentattivi tiegħu.

2. Fl-ajruporti, għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni li ġejjin:

(a) iż-żona ta’ l-art (landside);

(b) iż-żona ta’ l-ajru (airside);

(ċ) żoni ta’ sigurtà ristretta; u

(d) partijiet kritiċi ta’ żoni ta’ sigurtà ristretta.

1.2.   Kontroll fuq l-Aċċess

1. Aċċess għaż-żona ta’ l-ajru għandu jkun ristrett sabiex id-dħul minn persuni u vetturi mhux awtorizzati f’dawn l-inħawi jiġi prevenut.

2. L-aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta għandu jkun kontrollat sabiex persuni u vetturi mhux awtorizzati ma jidħlux f’dawn iż-żoni.

3. Persuni u vetturi jistgħu biss jingħataw aċċess għan-naħa ta’ l-ajru u żoni ta’ sigurtà ristretta jekk ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa.

4. Persuni, inklużi membri ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira, għandhom ikunu temmew kontroll ta’ l-isfond qabel ma tinħarġilhom karta ta’ l-identità ta’ l-ekwipaġġ jew karta ta’ l-identità ta’ l-ajruport li tawtorizza aċċess bla skorta għal żoni ta’ sigurtà ristretta.

1.3.   Skrinjar ta’ persuni minbarra passiġġieri u l-oġġetti li jġorru

1. Persuni minbarra passiġġieri, flimkien ma’ l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati fuq bażi kontinwa aleatorja meta jidħlu fiż-żoni ta’ sigurtà ristretta sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

2. Il-persuni kollha minbarra passiġġieri, flimkien ma’l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati meta jidħlu fil-partijiet kritiċi taż-żoni ta’ sigurtà ristretta sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn il-partijiet.

1.4.   Eżami tal-vetturi

Vetturi li jidħlu f’żona ta’ sigurtà ristretta għandhom jiġu eżaminati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

1.5.   Sorveljanza, ronda u kontrolli fiżiċi oħra

Għandu jkun hemm sorveljanza, rondi u kontrolli fiżiċi oħrajn f’ajruporti u, fejn xieraq, fiż-żoni kollha biswit b’aċċess pubbliku, sabiex tiġi identifikata mġieba suspettuża ta’ persuni, jiġu identifikati vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati biex jitwettaq att ta’ interferenza illegali u sabiex jinżammu lura persuni mit-twettiq ta’ tali atti.

2.   ŻONI DEMARKATI TA’ L-AJRUPORTI

Inġenji ta’ l-ajru pparkjati f’żoni demarkati ta’ ajruporti li għalihom japplikaw il-miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 4(4), għandhom ikunu separati minn inġenji ta’ l-ajru li għalihom japplikaw bis-sħiħ l-istandards bażiċi komuni, sabiex jiġi żgurat li l-istandards ta’ sigurtà applikati għal inġenji ta’ l-ajru, passiġġieri, bagalji, merkanzija u posta ta’ dawn ta’ l-aħħar ma jiġux kompromessi.

3.   SIGURTÀ TA’ L-INĠENJI TA’ L-AJRU

1. Qabel it-tluq, inġenju ta’ l-ajru għandu jiġi soġġett għal kontroll jew tfittxija ta’ sigurtà ta’ inġenji ta’ l-ajru sabiex jiġi żgurat li l-ebda oġġett iprojbit ma jkun preżenti abbord. Inġenju ta’ l-ajru fi transitu jista’ jiġi soġġett għal miżuri oħra xierqa.

2. Kull inġenju ta’ l-ajru għandu jiġi protett minn interferenza mhux awtorizzata.

4.   PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

4.1.   Skrinjar ta’ passiġġieri u bagalji tal-kabina

1. Il-passiġġieri kollha ta’ oriġini, ta’ trasferiment u ta’ transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu skrinjati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’żoni ta’ sigurtà ristretta u abbord inġenji ta’ l-ajru.

2. Passiġġieri ta’ trasferiment u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) jaslu minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards komuni bażiċi; jew

(b) jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3. Passiġġieri fi transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru; jew

(b) ma jitħalltux ma’ passiġġieri li se jitilqu li jkunu diġà ġew skrinjati minbarra dawk li jitilgħu fuq l-istess inġenju ta’ l-ajru; jew

(ċ) jaslu minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards komuni bażiċi; jew

(d) jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulartorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

4.2.   Protezzjoni tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina

1. Il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu protetti minn interferenzi mhux awtorizzati mill-punt li fih jiġu skrinjati sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li fuqu jinġarru.

2. Passiġġieri għat-tluq li jkunu ġew skrinjati m’għandhomx jitħalltu ma’ passiġġieri li jkunu qed jaslu, dment li:

(a) il-passiġġieri ma jaslux minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni, jew dak l-Istat Membru, ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri li qed jaslu u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew skrinjati skond l-istandards bażiċi komuni; jew

(b) il-passiġġieri jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

4.3.   Passiġġieri potenzjalment problematiċi

Qabel it-tluq passiġġieri potenzjalment problematiċi għandhom jiġu soġġetti għal miżuri ta’ sigurtà adatti.

5.   BAGALJI TA’ L-ISTIVA

5.1.   Skrinjar tal-bagalji ta’ l-istiva

1. Il-bagalji kollha ta’ l-istiva għandhom jiġu skrinjati qabel ma jiġu mgħobbija fuq inġenju ta’ l-ajru sabiex l-introduzzjoni ta’ oġġetti projbiti f’żoni ta’ sigurtà ristretta u abbord inġenju ta’ l-ajru tiġi prevenuta.

2. Bagali ta’ l-istiva fi trasferiment jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a) jaslu minn Stat Membru, sakemm il-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma provdewx informazzjoni li dawk il-bagalji ta’ l-istiva ma jistgħux jitqiesu bħala mgħoddija mill-kontrolli tekniċi ta’ sigurtà bl-istandards komuni; jew

(b) jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta’ sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3. Bagalji ta’ l-istiva fi transitu jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru.

5.2.   Protezzjoni tal-bagalji ta’ l-istiva

Bagalji ta’ l-istiva li għandhom jinġarru fuq inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt li fih jiġu skrinjati jew li ġew aċċettati fil-kura tat-trasportatur ta’ l-ajru, skond liema jiġi l-ewwel, sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li fuqu għandhom jinġarru.

5.3.   Tqabbil tal-bagalji

1. Kull biċċa tal-bagalja fl-istiva għandha tiġi identifikata bħala akkumpanjata jew mhux akkumpanjata.

2. Bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati m’għandhomx jinġarru, sakemm dawk il-bagalji jew ikunu ġew separati minħabba fatturi li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-passiġġier, jew ikunu ġew suġġetti għal kontrolli xierqa ta’ sigurtà.

6.   MERKANZIJA U POSTA

6.1.   Kontrolli ta’ sigurtà għal merkanzija u posta

1. Il-merkanzija u l-posta kollha għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà qabel ma jiġu mgħobbijin fuq inġenju ta’ l-ajru. Trasportatur ta’ l-ajru ma għandux jaċċetta merkanzija jew posta għall-ġarr fuq inġenju ta’ l-ajru ħlief jekk ikun applika dawk il-kontrolli huwa nnifsu jew l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet ikkonfermata jew ikun ingħata kont tagħha minn aġent regolat, kunsinnatarju magħruf jew kunsinnatarju in konto.

2. Merkanzija fi trasferiment u posta fi trasferiment jistgħu jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà alternattivi hekk kif dettaljati f’att implimentattiv.

3. Merkanzija fi transitu u posta fi transitu jistgħu jiġu eżenti minn kontrolli ta’ sigurtà jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta’ l-ajru.

6.2.   Protezzjoni ta’ merkanzija u posta

1. Merkanzija u posta li għandhom jinġarru fuq inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt minn fejn jiġu applikati kontrolli ta’ sigurtà sat-tluq ta’ l-inġenju ta’ l-ajru li jinġarru fuqu.

2. Merkanzija u posta li m’humiex protetti adegwatament minn interferenza mhux awtorizzata wara li jkunu ġew applikati kontrolli ta’ sigurtà għandhom jiġu skrinjati.

7.   POSTA U MATERJALI TAT-TRASPORTATURI TA’ L-AJRU

Posta u materjali tat-trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà u wara dan protetti sakemm jitgħabbew fuq l-inġenju ta’ l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta’ l-ajru.

8.   PROVVISTI GĦAT-TITJIRA

Provvisti għat-titjira, inkluż l-ikel u x-xorb, maħsubin għall-ġarr jew l-użu abbord inġenju ta’ l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà u wara dan protetti sakemm jittellgħu fuq l-inġenju ta’ l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta’ l-ajru.

9.   PROVVISTI TA’ L-AJRUPORT

Provvisti maħsubin għall-bejgħ jew l-użu f’żoni ta’ sigurtà ristretta ta’ l-ajruporti, inklużi l-provvisti għall-ħwienet tal-bejgħ mingħajr dazju u r-ristoranti, għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta’ sigurtà sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni.

10.   MIŻURI TA’ SIGURTÀ MATUL TITJIRA

1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni applikabbli:

(a) persuni mhux awtorizzati ma għandhomx jitħallew jidħlu fil-kompartiment ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira matul titjira;

(b) passiġġiera potenzjalment problematiċi għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta’ sigurtà adatti matul titjira.

2. Għandhom jittieħdu miżuri ta’ sigurtà adatti bħal taħriġ ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira u l-persunal tal-kabina biex atti ta’ interferenza illegali jiġu prevenuti matul titjira.

3. M’għandhomx jinġarru armamenti abbord inġenju ta’ l-ajru, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinġarru fl-istiva, ħlief jekk ikunu intlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ sigurtà skond il-liġijiet nazzjonali u tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-Istati involuti.

4. Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal uffiċjali ta’ sigurtà ta’ matul it-titjira jekk dawn iġorru armamenti.

11.   REKLUTAĠĠ U TAĦRIĠ TAL-PERSUNAL

1. Persuni li jimplimentaw, jew li huma responsabbli għall-implimentazzjoni, l-iskrinjar, il-kontroll fuq l-aċċess jew għal kontrolli ta’ sigurtà oħra għandhom jiġi reklutati, imħarrġin u, fejn xieraq, iċċertifikati sabiex jiġi żgurat li huma adegwati għall-impjieg u kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet li jiġu assenjati għalihom.

2. Persuni minbarra passiġġieri, li jeħtieġu aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta għandhom jingħataw taħriġ fil-qasam tas-sigurtà, qabel tinħarġilhom jew karta ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-ajruport jew karta ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-ekwipaġġ.

3. It-taħriġ kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jsir fuq bażi inizjali u rikorrenti.

4. L-istrutturi li jieħdu ħsieb it-taħriġ tal-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikollom il-kwalifiki meħtieġa.

12.   TAGĦMIR TA’ SIGURTÀ

Tagħmir użat għal skrinjar, kontroll fuq l-aċċess u kontrolli ta’ sigurtà oħra għandu jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet definiti u jkun kapaċi jwettaq il-kontrolli ta’ sigurtà kkonċernati.

▼M1




ANNESS II

Speċifikazzjonijiet komuni għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li għandu jiġu implimentat minn kull Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

1.   DEFINIZZJONIJIET

1.1. Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “volum annwali tat-traffiku” tfisser l-għadd totali ta’ passiġġieri li jaslu, jitilqu u li jkunu fi tranżitu (jingħaddu darba)

(2) “awtorità xierqa” tfisser l-awtorità nazzjonali nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 biex tkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

(3) “awditur” tfisser kwalunkwe persuna li jwettaq attivitajiet nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa;

(4) “ċertifikazzjoni” tfisser l-evalwazzjoni u l-konferma formali mill-awtorità xierqa jew f’isimha li persuna jkollha l-kompetenzi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet ta’ awditur f’livell aċċettabli kif iddefinit mill-awtorità xierqa;

(5) “attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità” tfisser kwalunkwe proċedura jew proċess użat(a) fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(6) “nuqqas” tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(7) “spezzjoni” tfisser eżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri u l-proċeduri tas-sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex qed jitwettqu b’mod effikaċi u fl-istandard meħtieġ u biex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas;

(8) “intervista” tfisser kontroll orali minn awditur biex jiġi stabbilit jekk humiex jiġu implimentati miżuri jew proċeduri speċifiċi ta’ sigurtà;

(9) “osservazzjoni” tfisser kontroll viżiv minn awditur li qed tiġi implimetata miżura jew proċedura ta’ sigurtà;

(10) “kampjun rappreżentattiv” tfisser għażla li tkun saret fost l-għażliet possibli għall-monitoraġġ li jkollha għadd u firxa biżżejjed sabiex tipprovdi bażi għall-konklużjonijiet ġenerali dwar l-istandards tal-implimentazzjoni;

(11) “verifika tas-sigurtà” tfisser eżami bir-reqqa tal-miżuri u l-proċeduri ta’ sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex jiġu implimentati bis-sħiħ u fuq bażi kontinwa;

(12) “test” tfisser prova tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, meta l-awtorità xierqa tissimula l-intenzjoni li twettaq azzjoni ta’ interferenza illegali bl-iskop li tiġi eżaminata l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà eżistenti;

(13) “verifika” tfisser azzjoni meħuda minn awditur biex jiġi stabbilit jekk miżura speċifika ta’ sigurtà hijiex attwalment fis-seħħ;

(14) “vulnerabbiltà” tfisser kwalunkwe dgħufija fil-miżuri u l-proċeduri implimentati li tista’ tiġi sfruttata biex jitwettaq att ta’ interferenza illegali.

2.   SETGĦAT TAL-AWTORITÀ XIERQA

2.1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtorità xierqa bis-setgħat neċessarji għall-monitoraġġ u l-infurzar tar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament u l-atti implimentattivi tiegħu, inkluża s-setgħa li timponi penali skont l-Artikolu 21.

2.2. L-awtorità xierqa għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità u għandha jkollha s-setgħat neċessarji biex tesiġi li jissewwa nuqqas identifikat f’perjodu ta’ żmien stabbilit.

2.3. Għandha tiġi stabbilita strateġija gradwali u proporzjonata rigward l-attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqas u l-miżuri ta’ infurzar. Din l-istrateġija għandha tikkonsisti minn passi progressivi li għandhom jiġu segwiti sakemm tinkiseb il-korrezzjoni, fosthom:

(a) parir(i) u rakkomandazzjonijiet;

(b) twissija formali;

(c) avviż ta’ infurzar;

(d) sanzjonijiet amministrattivi u proċedimenti legali.

L-awtorità xierqa tista’ tneħħi wieħed jew aktar minn dawn il-passi, speċjalment jekk in-nuqqas ikun serju u rikorrenti.

3.   OBJETTIVI U KONTENUT TAL-PROGRAMM NAZZJONALI TA’ KONTROLL TAL- KWALITÀ

3.1. L-objettivi tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità huma li jivverifikaw li l-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni huma implimentati b’mod effettiv u kif suppost u li jiddeterminaw il-livell ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-programm nazzjonali ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, permezz ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità.

3.2. Il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) struttura, responsabbiltajiet u riżorsi tal-organizzazzjoni;

(b) deskrizzjonijiet tal-impjiegi, u kwalifiki neċessarja għall-awdituri;

(c) attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità, li jinkludu l-ambitu tal-verifiki ta’ sigurtà, spezzjonijiet, testijiet u, wara ksur fis-sigurtà attwali jew potenzjali, investigazzjonijiet, frekwenza tal-verifiki tas-sigurtà u ta’ spezzjonijiet u wkoll klassifikazzjoni ta’ konformità;

(d) stħarriġ, meta jkun hemm raġuni biex issir valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ sigurtà;

(e) attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet li jipprovdu d-dettalji li jikkonċernaw ir-rappurtar ta’ nuqqasijiet, segwitu u korrezzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(f) miżuri ta’ infurzar u, fejn xieraq, penali, kif speċifikat fil-punti 2.1 u 2.3 ta’ dan l-Anness;

(g) rappurtar ta’ attivitajiet imwettqa ta’ monitoraġġ tal-konformità fosthom, fejn xieraq, l-iskambju ta’ tagħrif bejn il-korpi nazzjonali dwar il-livelli tal-konformità;

(h) proċess ta’ monitoraġġ tal-ajruport, l-operatur u l-miżuri interni tal-entità għall-kontroll tal-kwalità;

(i) proċess li jirreġistra u janaliżża r-riżultati tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġu identifikati x-xejriet u jitmexxa l-iżvilupp tal-politika fil-ġejjieni.

4.   MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ

4.1. L-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet l-oħra kollha b’responsabbiltajiet għas-sigurtà tal-avjazzjoni għandhom jiġu mmonitorjati regolarment biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet jiġu osservati u korreġuti fil-pront.

4.2. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq skont il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, u għandu jqis il-livell tat-theddida, it-tip u n-natura tal-operazzjonijiet, l-istandard tal-implimentazzjoni, ir-riżultati tal-kontroll intern tal-kwalità tal-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet u fatturi u valutazzjonijiet oħra li jaffetwaw il-frekwenza tal-monitoraġġ.

4.3. Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-miżuri interni ta’ kontroll tal-kwalità tal-ajruporti, l-operaturi u entitajiet oħra.

4.4. Il-monitoraġġ f’kull ajruport individwali għandu jkun magħmul minn taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità u jipprovdi stampa komprensiva tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fil-qasam.

4.5. Il-ġestjoni, it-tfassil tal-prijoritajiet u l-organizzazzjoni tal-programm ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jitwettqu indipendentement mill-implimentazzjoni operattiva tal-miżuri li ttieħdu skont il-programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

4.6. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom jinkludu verifiki ta’ sigurtà, spezzjonijiet u testijiet.

5.   METODOLOĠIJA

5.1. Il-metodoloġija biex jitwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ għandha tikkonforma ma’ strateġija standardizzata, li tinkludi t-tqassim tal-kompiti, l-ippjanar, il-preparazzjoni, l-attivita’ fil-post, il-klassifikazzjoni tas-sejbiet, it-tlestija tar-rapport u l-proċess ta’ korrezzjoni.

5.2. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom isiru abbażi ta’ ġbir sistematiku ta’ tagħrif permezz ta’ osservazzjonijiet, intervisti, eżami ta’ dokumenti u verifiki.

5.3. Il-monitoraġġ ta’ konformità għandu jinkludi kemm l-attivitajiet innotifikati kif ukoll dawk li ma kienux innotifikati.

6.   VERIFIKI TA’ SIGURTÀ

6.1. Verifika ta’ sigurtà għandha tkopri:

(a) il-miżuri kollha ta’ sigurtà f’ajruport; jew

(b) il-miżuri kollha ta’ sigurtà implimentati minn ajruport, terminal ta’ ajruport, operatur jew entità individwali, jew

(c) parti partikolari tal-Programm Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili.

6.2. Il-metodoloġija biex titwettaq verifika ta’ sigurtà għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a) notifikazzjoni tal-verifika ta’ sigurtà u komunikazzjoni ta’ kwestjonarju ta’ qabel il-verifika, jekk xieraq;

(b) fażi ta’ preparazzjoni li tinkludi eżami tal-kwestjonarju kkompletat ta’ qabel il-verifika u ta’ dokumentazzjoni rilevanti oħra;

(c) stħarriġ introduttorju tal-fatti ma’ rappreżentanti ta’ ajruport/operatur/entità qabel il-bidu tal-attività ta’ monitoraġġ fil-post;

(d) attività fil-post;

(e) stħarriġ u rappurtar;

(f) meta jiġu identifikati xi nuqqasijiet, il-proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat ma’ dak il-proċess.

6.3. Sabiex issir konferma tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà, it-twettiq ta’ verifika ta’ sigurtà għandha ssir abbażi ta’ ġabra sistematika ta’ tagħrif minn waħda jew aktar mit-tekniki li ġejjin:

(a) eżami tad-dokumenti;

(b) osservazzjonijiet;

(c) intervisti;

(d) verifiki.

6.4. L-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali akbar minn 10 miljun passiġġier għandhom jiġu soġġetti għall-verifika ta’ sigurtà li tkopri l-istandards kollha ta’ sigurtà tal-avjazzjoni tal-anqas kull 4 snin. L-eżami għandu jinkludi kampjun rappreżentattiv tat-tagħrif.

7.   SPEZZJONIJIET

7.1. L-ambitu ta’ spezzjoni għandu jkopri tal-anqas sett wieħed ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament tal-Anness I għal dan ir-Regolament u l-monitoraġġ tal-atti implimentattivi li jikkorrispondu bħala attività waħda jew f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, normalment mhux aktar minn tliet xhur. L-eżami għandu jinkludi kampjun rappreżentattiv tat-tagħrif.

7.2. Sett ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament huwa sett ta’ żewġ rekwiżiti jew aktar kif imsemmi fl-Anness I għal dan ir-Regolament u tal-atti implimentattivi li jikkorrispondu li għandhom impatt fuq xulxin tant mill-qrib li ma tistax issir valutazzjoni xierqa tal-kisba tal-objettiv sakemm mhumiex meqjusa flimkien. Dawn is-settijiet għandhom jinkludu dawk imniżżla fl-Appendiċi I għal dan l-Anness.

7.3. Spezzjonijiet ma għandhomx jitħabbru bil-quddiem. Meta l-awtorità xierqa tqis li dan mhuwiex prattiku, l-ispezzjonijiet jistgħu jitħabbru minn qabel. Il-metodoloġija biex titwettaq spezzjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a) fażi ta’ preparazzjoni;

(b) attività fil-post;

(c) stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;

(d) rappurtar/reġistrazzjoni;

(e) proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ tiegħu.

7.4. Sabiex issir konferma li l-miżuri ta’ sigurtà huma effikaċi, it-twettiq tal-ispezzjoni għandha ssir abbażi ta’ ġbir sistematiku ta’ tagħrif b’waħda jew aktar mit-tekniki li ġejjin:

(a) eżami ta’ dokumenti;

(b) osservazzjonijiet;

(c) intervisti;

(d) verifiki.

7.5. Fl-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali aktar minn 2 miljun passiġġier, il-frekwenza minima ta’ spezzjonijiet tas-settijiet kollha ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament stabbiliti fil-Kapitoli 1 sa 6 tal-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tkun tal-anqas kull 12-il xahar, sakemm ma tkunx twettqet verifika fl-ajruport matul dak iż-żmien. Il-frekwenza biex jiġu spezzjonati l-miżuri ta’ sigurtà kollha koperti mill-Kapitolu 7 sa 12 tal-Anness I għandha tiġi determinata mill-awtorità xierqa abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

7.6. Jekk Stat Membru ma jkollux ajruport b’volum ta’ traffiku annwali akbar minn 2 miljun passiġġier, ir-rekwiżiti ta’ punt 7.5 ma għandhomx japplikaw għall-ajruport fuq it-territorju tiegħu bl-akbar volum ta’ traffiku annwali.

8.   TESTIJIET

8.1. It-testijiet għandhom jitwettqu biex jeżaminaw l-effikaċja tal-implimentazzjoni għall-inqas tal-miżuri ta’ sigurta li ġejjin:

(a) kontroll ta’ aċċess għaż-żoni ta’ sigurtà ristretti;

(b) protezzjoni tal-ajruplani;

(c) tgħarbil tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina;

(d) tgħarbil tal-persunal u l-oġġetti trasportati;

(e) protezzjoni tal-bagalji tal-istiva;

(f) tgħarbil ta’ merkanzija jew posta;

(g) protezzjoni ta’ merkanzija u posta.

8.2. Għandu jiġi żviluppat protokoll ta’ test li jinkludi l-metodoloġija waqt li jitqiesu r-rekwiżiti legali, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u dawk operattivi. Il-metodoloġija għandha tindirizza l-elementi li ġejjin:

(a) fażi ta’ preparazzjoni;

(b) attività fil-post;

(c) stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;

(d) rappurtar/reġistrazzjoni;

(e) proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat miegħu.

9.   STĦARRIĠ

9.1. L-istħarriġ għandu jitwettaq kull meta l-awtorità xierqa tħoss il-ħtieġa li tivvaluta mill-ġdid l-operazzjonijiet sabiex jiġu identifikati u indirizzati kwalunkwe vulnerabbiltà. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà, l-awtorità xierqa għandha teħtieġ l-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi proporzjonati mat-theddida.

10.   RAPPURTAR

10.1. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom jiġu rrapurtati jew irreġistrati f’format standardizzat li jippermetti għal analiżi kontinwa tax-xejriet.

10.2. Dawn l-elementi għandhom jiġu inklużi:

(a) tip ta’ attività;

(b) ajruport, operatur jew entità mmonitorjata;

(c) data u ħin tal-attività;

(d) isem l-awditur li qed iwettaq l-attività;

(e) ambitu tal-attività;

(f) sejbiet mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Programm Nazzjonali ta’ Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili;

(g) klassifikazzjoni tal-konformità;

(h) rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi, fejn xieraq;

(i) perjodu ta’ żmien għall-korrezzjoni, fejn xieraq.

10.3. Meta jiġu identifikati xi nuqqasijiet, l-awtorità xierqa għandha tirraporta s-sejbiet rilevanti lill-ajruport, operaturi jew entitajiet soġġetti għal monitoraġġ.

11.   KLASSIFIKAZZJONI KOMUNI TAL-KONFORMITÀ

11.1. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili permezz tas-sistema armonizzata ta’ klassifikazzjoni tal-konformità stipulata fl-Appendiċi II.

12.   KORREZZJONI TAN-NUQQASIJIET

12.1. Il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet identifikati għandha tiġi implimentata fil-pront. Meta l-korrezzjoni ma tkunx tista’ titwettaq fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens.

12.2. L-awtorità xierqa għandha titlob lill-ajruporti, operaturi jew entitajiet soġġetti għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità biex iressqu għall-qbil pjan ta’ azzjoni li jindirizza kwalunkwe nuqqas imniżżel fir-rapporti flimkien ma’ perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi u biex jipprovdu konferma meta jitlesta l-proċess ta’ korrezzjoni.

13.   ATTIVITAJIET TA’ SEGWITU RELATATI MAL-VERIFIKA TAL-KORREZZJONI

13.1. Wara l-konferma li tkun ittieħdet kull azzjoni korrettiva meħtieġa mill-ajruport, operatur jew entità soġġetti għall monitoraġġ, l-awtorità xierqa għanda tivverifika l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi

13.2. Attivitajiet ta’ segwitu għandhom jużaw il-metodu ta’ monitoraġġ rilevanti.

14.   DISPONIBBILTÀ TAL-AWDITURI

14.1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li hemm għadd biżżejjed ta’ awdituri disponibbli għall-awtorità xierqa direttament jew taħt is-superviżjoni tagħha biex jitwettqu l-attivitajiet ta’ kontroll ta’ konformità kollha.

15.   KRITERJI TA’ KWALIFIKA GĦALL-AWDITURI

15.1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awdituri li jwettqu l-funzjonijiet f’isem l-awtorità xierqa:

(a) huma ħielsa minn kwalunkwe obbligu kuntrattwali jew pekunjarju lill-ajruport, operatur jew entità li se tiġi mmonitorjata; u

(b) għandhom il-kompetenzi xierqa, li jinkludu esperjenza teoretika u prattika suffiċjenti fil-qasam rilevanti.

L-awdituri għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni, jew approvazzjoni oħra ekwivalenti maħruġa mill-awtorità xierqa.

15.2. L-awdituri għandu jkollhom il-kompetenzi li ġejjin:

(a) fehim tal-miżuri ta’ sigurtà attwalment applikabbli u kif jiġu applikati għall-operazzjonijiet li jiġu eżaminati fosthom:

— fehim tal-prinċipji ta’ sigurtà;

— fehim tal-kompiti superviżorji;

— fehim tal-fatturi li jaffetwaw il-prestazzjoni umana;

(b) għarfien prattiku tat-teknoloġiji u t-tekniki tas-sigurtà;

(c) għarfien tal-prinċipji, il-proċeduri u t-tekniki tal-monitoraġġ ta’ konformità;

(d) għarfien prattiku tal-operazzjonijiet soġġetti għal eżami;

(e) fehim tar-rwol u s-setgħat tal-awditur.

15.3. L-awdituri għandhom jgħaddu minn taħriġ rikorrenti bi frekwenza suffiċjenti biex jiġi żgurat li jżommu l-kompetenzi eżistenti u jakkwistaw kompetenzi ġodda sabiex iqisu l-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà.

16.   SETGĦAT TAL-AWDITURI

16.1. L-awdituri li jwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ għandhom jiġu pprovduti b’awtorità suffiċjenti biex ikollhom aċċess għat-tagħrif meħtieġ biex iwettqu l-ħidmiet tagħhom.

16.2. L-awdituri għandhom iġorru dokument tal-identità li jawtorizzahom li jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa u li jippermetti l-aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa.

16.3. L-awdituri għandhom ikunu intitolati li:

(a) jingħataw aċċess immedjat għaż-żoni rilevanti kollha inklużi l-ajruplani u l-bini għall skopijiet ta’ monitoraġġ; u

(b) jesiġu l-implimentazzjoni korretta jew li ssir repetizzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà.

16.4. Bħala konsegwenza tas-setgħat mogħtija lill-awdituri, l-awtorità xierqa għandha taġixxi skont il-punt 2.3 fil-każijiet li ġejjin:

(a) tfixkil jew impediment intenzjonali għal awditur;

(b) nuqqas jew rifjut ta’ forniment ta’ tagħrif mitlub minn awditur;

(c) meta jingħata tagħrif falz jew qarrieqi lill-awditur bil-ħsieb ta’ qerq; u

(d) impersonifikazzjoni ta’ awditur bil-ħsieb ta’ qerq.

17.   L-AĦJAR PRATTIKI

17.1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-aħjar prattiki fir-rigward tal-programmi ta’ kontroll tal-kwalità, tal-metodoloġiji ta’ verifiki u tal-awdituri. Il-Kummissjoni għandha taqsam dan it-tagħrif mal-Istati Membri.

18.   RAPPURTAR LILL-KUMMISSJONI

18.1. Kull sena l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti li jinstabu fit-territorju tagħhom. Il-perjodu ta’ referenza għar-rapport għandu jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Ir-rapport għandu jingħata tliet xhur wara li jkun għadda l-perjodu ta’ referenza.

18.2. Il-kontenut tar-rapport għandu jkun skont l-Appendiċi III permezz ta’ mudell fornut mill-Kummissjoni.

18.3. Il-Kummissjoni għandha taqsam il-konklużjonijiet ewlenin li ħarġu minn dawn ir-rapporti mal-Istati Membri.




Appendiċi I

Elementi għall-inklużjoni fis-sett ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament

Is-settijiet ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament kif imsemmija fil-punt 7.1 tal-Anness II għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin tal-Anness I għal dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-atti implimentattivi tiegħu:

Għall-punt 1 – Sigurtà tal-ajruport:

(i) punt 1.1; jew

(ii) punt 1.2 (ħlief dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti tal-identifikazzjoni u mal-permess tal-vetturi); jew

(iii) punt 1.2 (dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti tal-identifikazzjoni); jew

(iv) punt 1.2 (dispożizzjonijiet relatati mal-permess tal-vetturi); jew

(v) punt 1.3 u l-elementi rilevanti għall-punt 12; jew

(vi) punt 1.4; jew

(vii) punt 1.5.

Għall-punt 2 – Żoni demarkati tal-ajruporti:

il-punt kollu

Għall-punt 3 – Sigurtà tal-ajruport:

(i) punt 3.1; jew

(ii) punt 3.2.

Għall-punt 4 – Bagalji tal-passiġġieri u bagalji li jiddaħħlu fil-kabina:

(i) punt 4.1 u l-elementi rilevanti ta’ punt 12; jew

(ii) punt 4.2. jew

(iii) punt 4.3.

Għall-punt 5 – Bagalji tal-istiva:

(i) punt 5.1 u l-elementi rilevanti ta’ punt 12; jew

(ii) punt 5.2; jew

(iii) punt 5.3.

Għall-punt 6 – Merkanzija u posta:

(i) id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ kontrolli ta’ tgħarbil u ta’ sigurtà applikati minn aġent regolat, ħlief fejn hemm imniżżel fil-punti (ii) sa (v) hawn isfel; jew

(ii) id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ kontrolli ta’ sigurtà applikati minn konsenjaturi magħrufa; jew

(iii) id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ konsenjaturi tal-kont; jew

(iv) id-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u posta; jew

(v) id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni ta’ merkanzija u posta fl-ajruporti.

Għall-punt 7 – Posta u materjali tat-trasportaturi bl-ajru:

il-punt kollu

Għall-punt 8 – Provvisti għat-titjira:

il-punt kollu

Għall-punt 9 – Provvisti għall-ajruport:

il-punt kollu

Għall-punt 10 – Miżuri ta’ sigurtà għal matul it-titjira:

il-punt kollu

Għall-punt 11 – Reklutaġġ u taħriġ tal-persunal:

(i) id-dispożizzjonijiet kollha relatati mar-reklutaġġ tal-persunal għal ajruport, trasportatur tal-ajru jew entità; jew

(ii) id-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-taħriġ tal-persunal f’ajruport, trasportatur tal-ajru jew entità;




Appendiċi II

Sistema ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-konformità

Il-klassifikazzjoni tal-konformità li ġejja għandha tapplika sabiex biex issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.



 

Verifika ta’ sigurtà

Spezzjoni

Test

Konformi totalment

image

image

image

Konformi, iżda hu mixtieq xi titjib

image

image

image

Mhux konformi

image

image

image

Mhux konformi, b’nuqqasijiet serji

image

image

image

Mhux applikabbli

image

image

 

Mhux ikkonfermat

image

image

image




Appendiċi III

KONTENUT TAR-RAPPORT LILL-KUMMISSJONI

1.    Struttura ta’ organizzazzjoni, responsabbiltajiet u riżorsi

(a) Struttura ta’ organizzazzjoni tal-kontroll ta’ kwalità, responsabbiltajiet u riżorsi, inklużi l-emendi ppjanati għall-ġejjieni (ara punt 3.2 a)

(b) Għadd ta’ awdituri - attwali u ppjanati (ara punt 14)

(c) Taħriġ imwettaq mill-awdituri (ara punt 15.2).

2.    Attivitajiet ta’ monitoraġġ operattiv

L-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ imwettqa, fejn hemm speċifikat:

(a) tip (verifika ta’ sigurtà, spezzjoni inizjali, spezzjoni ta’ segwitu, test, oħrajn);

(b) ajruporti, operaturi jew entitajiet immonitorjati;

(c) ambitu;

(d) frekwenza; u

(e) total ta’ jiem ta’ xogħol minn persuna fil-qasam.

3.    Attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqasijiet

(a) Status tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqasijiet.

(b) Attivitajiet ewlenin imwettqa jew ippjanati (eż. ħolqien ta’ karigi ġodda, tagħmir mixtri, ħidma ta’ kostruzzjoni) u l-progress miksub għall-korrezzjoni.

(c) Miżuri ta’ infurzar użati (ara l-punt 3.2 (f)).

4.    Dejta u xejriet ġenerali

(a) L-għadd nazzjonali annwali tat-traffiku ta’ passiġġieri u merkanzija u l-għadd ta’ moviment tal-ajruplani.

(b) Il-lista tal-ajruporti skont il-kategorija.

(c) L-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru li joperaw mit-territorju skont il-kategorija (nazzjonali, UE, pajjiż terz).

(d) L-għadd ta’ aġenti regolati.

(e) L-għadd ta’ kumpaniji tal-kejtering.

(f) L-għadd ta’ kumpaniji tat-tindif.

(g) L-għadd approssimattiv ta’ etitajiet oħra b’responabbiltajiet ta’ sigurtà tal-avjazzjoni (konsenjaturi, kumpaniji għas-servizzi fuq l-art magħrufa).

5.    Sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti

Kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Istat Membru.



( 1 ) ĠU C 185, 8.8.2006, p. 17.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2006 (ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 463), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2006 (ĠU C 70 E, 27.3.2007, p. 21) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Marzu 2008.

( 3 ) ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1.) Verżjoni kkoreġuta bil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 3.)

( 4 ) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

( 5 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

( 6 ) ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.

Top