This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0807
Commission Decision (EU) 2024/807 of 29 February 2024 confirming the participation of Poland in the enhanced cooperation on the establishment of the European Public Prosecutor’s Office
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/807 tad-29 ta’ Frar 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/807 tad-29 ta’ Frar 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
C/2024/1444
ĠU L, 2024/807, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/807/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/807 |
29.2.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/807
tad-29 ta’ Frar 2024
li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1),
Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Polonja dwar l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Jannar 2024, issupplimentata b’ittra tas-6 ta’ Frar 2024,
Billi:
|
(1) |
Fit-3 ta’ April 2017 il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja nnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa rigward l-istabbiliment tal-UPPE. Barra minn hekk, permezz tal-ittri ddatati d-19 ta’ April 2017, l-1 ta’ Ġunju 2017, id-9 ta’ Ġunju 2017 u t-22 ta’ Ġunju 2017 rispettivament, il-Latvja, l-Estonja, l-Awstrija u l-Italja indikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa. |
|
(2) |
Fit-3 ta’ April 2017, l-awtorizzazzjoni biex titkompla l-kooperazzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tqieset li ngħatat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 86(1) TFUE. |
|
(3) |
Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE. |
|
(4) |
Fl-20 ta’ Novembru 2017, ir-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 (2) tal-1 ta’ Awwissu 2018 ikkonfermat il-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 (3) tas-7 ta’ Awwissu 2018 ikkonfermat il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 (4) tas-26 ta’ Mejju 2021, l-UPPE assuma l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021. |
|
(8) |
Fil-5 ta’ Jannar 2024, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2017/1939 ma jippreskrivi l-ebda kundizzjoni partikolari ta’ parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-UPPE. |
|
(10) |
F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kull reat taħt il-kompetenza tiegħu li jseħħ wara d-data li fiha r-Regolament (UE) 2017/1939 jkun daħal fis-seħħ. F’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) TFUE, ir-Regolament (UE) 2017/1939 għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 331 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, meta tikkonferma l-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru f’kooperazzjoni msaħħa, jenħtieġ li tadotta kwalunkwe miżura tranżizzjonali meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-atti diġà adottati fil-qafas ta’ dik il-kooperazzjoni msaħħa. |
|
(12) |
Fis-6 ta’ Frar 2024, il-Polonja ssupplimentat l-ittra tagħha tal-5 ta’ Jannar 2024 b’talba sabiex ir-Regolament (UE) 2017/1939 japplika fil-Polonja mill-20 ta’ Novembru 2017, id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2017/1939. Skont il-Polonja, tali applikazzjoni tilħaq aħjar l-għanijiet ta’ prosekuzzjoni effettiva u imparzjali għar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Polonja ċċarat ukoll li l-biċċa l-kbira tar-reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE għadhom mhumiex preskritti. |
|
(13) |
Kif enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm b’mod ġenerali l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li miżura tal-Unjoni tidħol fis-seħħ minn mument partikolari qabel il-pubblikazzjoni tagħha, jista’ jkun eċċezzjonalment mod ieħor meta l-għan li għandu jintlaħaq jitlob dan u meta l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jkunu rispettati kif xieraq. |
|
(14) |
Il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huwa l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) 2017/1939, jinkisbu l-aħjar jekk ir-Regolament (UE) 2017/1939 japplika fil-Polonja mill-1 ta’ Ġunju 2021, id-data li fiha l-UPPE assuma l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tiegħu. |
|
(15) |
L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1939 fil-Polonja mill-20 ta’ Novembru 2017 tkun teħtieġ li l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu għal reati kriminali li twettqu diversi snin qabel il-bidu tal-operazzjonijiet fil-Polonja. Dan ikollu valur miżjud limitat f’termini ta’ effettività, peress li jista’ jkun mistenni li l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti rilevanti se jkunu magħluqin jew ikunu pjuttost avvanzati. |
|
(16) |
L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1939 fil-Polonja mill-1 ta’ Ġunju 2021 tikkonċerna każijiet aktar reċenti li l-UPPE jista’ jikkunsidra li jevoka, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet biex isir dan. Barra minn hekk, se tiżgura bidu aktar effettiv tal-operazzjonijiet tal-UPPE fil-Polonja, peress li l-UPPE ser ikun ukoll f’pożizzjoni li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mwettqa fil-Polonja wara l-1 ta’ Ġunju 2021, u għalhekk se jkun operazzjonali mill-bidu. |
|
(17) |
Għal reati msemmija fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2017/1939 li mhumiex diġà soġġetti għall-kompetenza tal-UPPE mid-dħul fis-seħħ inizjali ta’ dak ir-Regolament, l-UPPE għandu għalhekk jeżerċita l-kompetenza tiegħu, fir-rigward tat-territorju jew taċ-ċittadini tal-Polonja, dment li dawn ir-reati jkunu twettqu wara l-1 ta’ Ġunju 2021. Din id-data tirrappreżenta punt tat-tluq ċar u xieraq għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE fil-Polonja u tiżgura ċ-ċertezza legali. |
|
(18) |
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE fil-Polonja għal reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mwettqa wara l-1 ta’ Ġunju 2021 huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/1939, inkluż l-Artikolu 26 dwar il-bidu ta’ investigazzjonijiet u l-Artikolu 27 dwar id-dritt ta’ evokazzjoni. |
|
(19) |
Fil-prinċipju, deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, inkluż dawk adottati minħabba l-iskadenza tal-perjodi ta’ preskrizzjoni, jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn dik il-kompetenza, sakemm il-liġi nazzjonali applikabbli ma tippermettix, f’ċirkostanzi partikolari, li jinfetħu mill-ġdid każijiet u investigazzjonijiet magħluqa. |
|
(20) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 49 tagħha. Kif enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju li r-reati u l-pieni jridu jiġu definiti mil-liġi jirrikjedi li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat kif ukoll tad-determinazzjoni tal-piena. Barra minn hekk, il-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Madankollu, ir-regoli li skonthom is-servizzi tal-prosekuzzjoni jinvestigaw, iħarrku u jressqu kawżi quddiem il-ġustizzja huma regoli ta’ natura proċedurali li jikkonċernaw l-organizzazzjoni ta’ dawn il-korpi u l-proċedimenti rilevanti, u ma jikkonċernawx id-definizzjoni ta’ reati u pieni. Għalhekk, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta. Ir-regoli sostantivi rilevanti tal-liġi kriminali, li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, kif trasposti fil-liġi Pollakka, jibqgħu l-istess u mhumiex affettwati minn din id-Deċiżjoni. |
|
(21) |
L-awtoritajiet Pollakki, il-Kunsill u l-UPPE jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja li hija strettament meħtieġa biex l-UPPE jkun jista’ jopera b’mod effettiv fil-Polonja. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-UPPE jkun jista’ jibda malajr l-attivitajiet operazzjonali tiegħu fil-Polonja, inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet transfruntieri, b’mod partikolari billi jibda investigazzjonijiet, jekk ikun meħtieġ minn rapportar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, jew billi jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni. Dan jirrikjedi mill-inqas il-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Polonja, li jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jieħu deċiżjoni motivata biex iwettaq l-investigazzjoni personalment, f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Sabiex jiġi evitat li jsiru notifiki lill-UPPE meta dan ma jkunx jista’ jittrattahom jew li jiskadu l-limiti ta’ żmien, jenħtieġ li l-Artikoli 24 sa 27 u 31 tar-Regolament (UE) 2017/1939 japplikaw fil-Polonja mill-għoxrin jum tal-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Polonja f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-parteċipazzjoni tal-Polonja fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew hija kkonfermata.
Artikolu 2
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/1939 għandu japplika fil-Polonja fir-rigward ta’ kwalunkwe reat fil-kompetenza tal-UPPE li jseħħ wara l-1 ta’ Ġunju 2021. |
|
(2) |
L-Artikoli 24 sa 27 u 31 tar-Regolament (UE) 2017/1939 għandhom japplikaw fil-Polonja mill-għoxrin jum tal-ħatra tal-Prosekutur Ewropew mill-Polonja f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 tal-1 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 196, 2.8.2018, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 tas-7 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 201, 8.8.2018, p. 2).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 tas-26 ta’ Mejju 2021 li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 100).
(5) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/807/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)