Use quotation marks to search for an "exact phrase". Append an asterisk (*) to a search term to find variations of it (transp*, 32019R*). Use a question mark (?) instead of a single character in your search term to find variations of it (ca?e finds case, cane, care).
Għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi bl-ajru tal-UE u t-trasportaturi bl-ajru li jinsabu f’pajjiżi mhux tal-UE billi jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea setgħat biex tinvestiga u tieħu miżuri kontra trasportaturi bl-ajru mhux tal-UE involuti fi prattiki kummerċjali inġusti.
Huwa jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 868/2004 filwaqt li jsaħħaħ ir-regoli li kien stabbilixxa r-regolament.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Ir-regolament jipprovdi għal regoli relatati ma’ prattiki li jgħawwġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi bl-ajru tal-UE u t-trasportaturi bl-ajru mhux tal-UE u li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, korriment1 lit-trasportaturi bl-ajru tal-UE.
Tnedija ta’ investigazzjoni
Wara ilment bil-miktub minn pajjiż tal-UE jew minn assoċjazzjoni ta’ trasportaturi bl-ajru tal-UE jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni se twettaq investigazzjoni jekk ikun hemm evidenza ċara (prima facie) taċ-ċirkostanzi li ġejjin:
prattika li tgħawweġ il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż mhux tal-UE jew minn entità mhux tal-UE;
korriment jew theddida ta’ korriment għal trasportatur bl-ajru tal-UE wieħed jew aktar; u
rabta kawżali bejn il-prattika allegata u l-allegat korriment jew theddida ta’ korriment.
L-investigazzjoni
Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tinvestiga fit-territorju ta’ pajjiż mhux tal-UE.
L-investigazzjoni tista’ tiġi sospiża jekk ikun jidher aktar xieraq li tiġi indirizzata l-prattika inġusta li tgħawweġ il-kompetizzjoni skont il-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti minn ftehim ta’ trasport bl-ajru jew minn servizzi bl-ajru applikabbli;
l-investigazzjoni tista’ terġa’ tibda jekk ma tkunx ittieħdet azzjoni korrettiva fil-pront jew
il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni ma ġietx eliminata fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha ġiet sospiża l-investigazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż, lill-entità jew lit-trasportatur bl-ajru mhux tal-UE kkonċernati kif ukoll lill-kwerelant, lill-partijiet interessati, lill-pajjiżi tal-UE u lit-trasportaturi bl-ajru tal-UE kkonċernati bir-raġunijiet tagħha għala ttieħdu jew għala ma ttiħdux miżuri biex jirrimedjaw il-kwistjoni mqajma.
L-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien 12-il xahar u l-proċeduri fi żmien 20 xahar mit-tnedija tagħha. It-tnejn jistgħu jiġu prolongati f’każijiet iġġustifikati.
Korriment jew riskju ta’ korriment
L-investigazzjoni tal-korriment hija bbażata fuq l-evidenza u tqis il-fatturi li ġejjin:
is-sitwazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-UE kkonċernati, b’mod partikolari f’termini ta’ aspetti bħal frekwenza tas-servizzi, użu tal-kapaċità, effett tan-netwerk, bejgħ, sehem tas-suq, profitti, redditu fuq il-kapital, investiment u impjiegi;
is-sitwazzjoni ġenerali fis-swieq affettwati tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, b’mod partikolari f’termini ta’ livell ta’ tariffi jew rati, kapaċità u frekwenza tas-servizzi tat-trasport bl-ajru jew l-użu tan-netwerk.
Determinazzjoni ta’ theddida ta’ korriment hija bbażata fuq evidenza ċara u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġettura jew possibbiltà remota.
Miżuri ta’ rimedju
Jekk l-investigazzjoni tiddetermina li prattika li tfixkel il-kompetizzjoni adottata minn pajjiż jew entità mhux tal-UE tkun ikkawżat ħsara lil trasportatur bl-ajru tal-UE, il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri ta’ rimedju permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu jew:
dmirijiet finanzjarji;
kwalunkwe miżura operattiva ta’ valur ekwivalenti jew inqas, bħas-sospensjoni tal-konċessjonijiet2, ta’ servizzi dovuti jew ta’ drittijiet oħra tat-trasportatur bl-ajru mhux tal-UE.
Il-Kummissjoni mhijiex ser timponi miżuri ta’ rimedju jekk:
xi waħda mit-3 kundizzjonijiet inizjali ma tiġix issodisfata;
huwa kontra l-interess tal-UE;
il-pajjiż jew l-entità mhux tal-UE eliminat il-prattika li tgħawweġ il-kompetizzjoni jew il-korriment jew it-theddida ta’ korriment għat-trasportaturi bl-ajru tal-UE.
Interess tal-UE
Issir determinazzjoni tal-interess tal-UE mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-apprezzament tal-interessi varji kollha, li huma relevanti għas-sitwazzjoni;
tingħata prijorità lill-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur u ż-żamma ta’ livell għoli ta’ konnettività għall-passiġġieri u għall-UE;
hija kkunsidrata wkoll il-ħtieġa li tiġi eliminata l-prattika li tgħawweġ il-kompetizzjoni, li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva u ġusta, u li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq intern.
L-interess tal-UE huwa ddeterminat abbażi ta’ analiżi ekonomika mill-Kummissjoni.
Korriment: f’dan il-kuntest, ħsara lil trasportatur bl-ajru tista’ tinvolvi ħsara li tirriżulta minn kompetizzjoni inġusta li twassal, pereżempju, għal telf fis-sehem tas-suq.
Ir-Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 (ĠU L 123, , pp. 4-17)