Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm għall-Azzjoni favur l-Ambjent u l-Klima (LIFE) (2014-2020)

Dan ir-regolament jistabbilixxi l-ħames verżjoni tal-Programm LIFE, il-qafas prinċipali ta’ finanzjament għall-politika dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Dan jiffoka fuq il-prijoritajiet għall-politika ambjentali u għall-klima kif ukoll fuq oqsma għal azzjoni.

ATT

Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007

SOMMARJU

Il-Programm LIFE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) għall-2014 sal-2020 għandu l-għan illi jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-għanijiet u l-miri għall-Istrateġija ta’ Ewropa 2020, is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni u inizjattivi relevanti oħrajn tal-UE għall-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Il-programm joħloq 2 sub-programmi (Ambjent u Azzjoni Klimatika. Jintroduċi wkoll proġetti integrati, li joperaw fuq skala kbira, li jibdew fuq livell reġjonali jew fuq aktar minn belt waħda. Dawn għandhom il-għan illi jimplimentaw politika ambjentali u ta’ tibdil fil-klima billi japplikaw pjanijiet u strateġiji bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u jintegraw dawn il-politiki aktar f’oqsma oħrajn tal-politika. L-intenzjoni hija li jiġu mmobilizzati fondi kumplimentari, b’mod speċjali fondi tal-UE, sabiex isir dan.

Karatteristiċi ġodda oħrajn huma 2 strumenti finanzjarji innovattivi għall-iffinanzjar ta’ proġetti permezz ta’ self u ekwità : il-PF4EE (Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Enerġija) u l-NCFF (Faċilità ta’ Finanzjament ta’ Kapital Naturali), li hija ko-finanzjata mill-Kummissjoni u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fuq skala pilota.

B’mod ġenerali, tal-inqas 81 % tar-riżorsi LIFE għandhom jintnefqu fuq proġetti.

L-għanijiet prinċipali ta’ LIFE jinkludu:

  • l-użu bħala katalista għal bidliet fit-tfassil tal-politika dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika;
  • il-promozzjoni għall-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-għanijiet għall-ambjent u l-klima f’politiki oħrajn u fil-prattika tal-pajjiżi tal-UE;
  • governanza aħjar;
  • Rabta speċifika mal-prijoritajiet tal-UE: effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, telf tal-bijodiversità, u adattament għal u mitigazzjoni tal-klima.

Is-sub-programm tal-Ambjent (75 % tal-baġit) għandu 3 oqsma ta’ prijorità:

  • effiċjenza fl-ambjent u fir-riżorsi;
  • in-natura u l-bijodiversità (55 % tal-baġit għal għotjiet għall-azzjoni taħt is-sub-programm tal-ambjent);
  • governanza u informazzjoni ambjentali.

Dawn il-prijoritajiet ikopru 7 prijoritajiet tematiċi: in-natura u l-bijodiversità; l-ilma, inkluż l-ambjent marittimu; l-iskart; l-effiċjenza fir-riżorsi, inkluż il-ħamrija u l-foresti u l-ekonomija ambjentali u ċirkolari; l-ambjent u s-saħħa, inklużi l-kimiċi u l-ħoss; il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet, inkluż l-ambjent urban; u informazzjoni u governanza.

Is-sub-programm għall-Azzjoni Klimatika (25 % tal-baġit) għandu 3 oqsma ta’ prijorità:

  • il-mitigazzjoni (li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett serra);
  • l-adattament (li jappoġġja l-isforzi sabiex tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima);
  • il-governanza u informazzjoni dwar il-klima LIFE (eżempju billi jiżdied l-għarfien fuq kwistjonijiet relatati mal-klima).

Allokazzjonijiet Nazzjonali

Matul l-ewwel programm ta’ ħidma multi-annwali (2014-2017), l-allokazzjonijiet nazzjonali japplikaw biss għal proġetti “tradizzjonali” (jiġifieri tal-aqwa prattika, ta’ turija, pilota jew informazzjoni, għarfien u disseminazzjoni) u l-NCFF taħt is-sub-programm għall-Ambjent. Mill-2018, l-għażla ta’ dawn il-proġetti sejra tkun ibbażata b’mod esklussiv fuq il-mertu.

Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

Pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jipparteċipaw f’LIFE, skont ftehim speċifiku mal-Kummissjoni. L-attivitajiet tal-programm barra mill-UE huma possibbli taħt ċerti ċirkostanzi, kif inhi ukoll il-kooperazzjoni ma’ korpi internazzjonali.

Il-Programm LIFE 2014-20 għandu baġit totali ta’ kważi EUR 3,456.7 miljun.

Aktar informazzjoni:

Is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea dwar LIFE u preżentazzjoni

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1293/2013

1.1.2014

-

ĠU L 347 tal-20.12.2013

ATTI RELATATI

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/203/UE tad-19 ta’ Marzu 2014 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma multiannwali LIFE għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2017. (ĠU L 116 tas-17.4.2014).

l-aħħar aġġornament 16.06.2014

Top