Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni OSPAR

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 98/249/KE — dwar il-konklużjoni ta’ konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku

Konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KONVENZJONI?

  • Id-deċiżjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni OSPAR, f’isem l-Unjoni Ewropea (UE) — li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Komunità Ewropea.
  • Il-Konvenzjoni OSPAR timmira li tevita jew telimina t-tniġġis marittimu u għalhekk li tipproteġi ż-żona tal-Grigal tal-Atlantiku kontra l-effetti ħżiena tal-attivitajiet umani;

PUNTI EWLENIN

  • Il-Komunità Ewropea hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni għall-ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Atlantiku tal-Grigal, li ġiet iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Settembru 1992.
  • Il-konvenzjoni tistabbilixxi diversi definizzjonijiet bħal:
    • żona marittima*,
    • ilmijiet interni*,
    • tniġġis*.
  • Il-partijiet tal-konvenzjoni ħadu l-impenn li jieħdu l-passi kollha possibbli biex:
    • jipprevjenu u jeliminaw it-tniġġis,
    • jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-Atlantiku tal-Grigal kontra l-effetti negattivi tal-attivitajiet tal-bniedem.
  • Dawn il-miżuri jfittxu li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-bniedem, li jikkonservaw l-ekosistemi marittimi u, meta jkun prattiku, li jirrestawraw iż-żoni tal-baħar li tkun saritilhom ħsara. Għal dan il-għan, il-partijiet (individwalment u b’mod konġunt) ser:
    • jadottaw programmi u miżuri,
    • jarmonizzaw il-politiki u l-istrateġiji tagħhom.
  • Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, il-partijiet jeħtieġ li josservaw 2 prinċipji.
    • Il-prinċipju ta’ prekawzjoni: għandhom jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli għal tħassib li s-sustanzi jew l-enerġija introdotti, direttament jew indirettament, fl-ambjent tal-baħar jistgħu jagħmlu kwalunkwe minn dawn li ġejjin, anki meta ma jkunx hemm evidenza konklużiva ta’ relazzjoni każwali bejn l-inputs u l-effetti;
      • Iġibu perikli għas-saħħa tal-bniedem.
      • Jagħmlu ħsara lil riżorsi ħajjin u lil ekosistemi tal-baħar.
      • Jagħmlu ħsara lil kumditajiet.
      • Jinterferixxu ma’ użi leġittimi oħrajn tal-baħar.
    • Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas: l-ispejjeż tal-miżuri tal-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġis għandhom jiġġarrbu minn min iniġġes.
  • Il-programmi li l-partijiet jistabbilixxu jeħtieġ li jikkunsidraw l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u l-aħjar prassi ambjentali.
  • Il-miżuri li jittieħdu jeħtieġ li ma jżidux it-tniġġis tal-baħar barra ż-żona marittima jew f’partijiet oħra tal-ambjent.
  • Il-partijiet, individwalment jew b’mod konġunt, jaqblu li jieħdu l-passi kollha possibbli biex jipprevjenu u jeliminaw:
    • it-tniġġis taż-żona marittima minn għejun u attivitajiet terrestri;
    • it-tniġġis mid-dumping jew l-inċinerazzjoni ta’ skart jew materja oħra fl-oċean;
    • it-tniġġis minn sorsi lil hinn mill-kosta (installazzjonijiet u pajpijiet lil hinn mill-kosta li minnhom is-sustanzi jew l-enerġija jilħqu ż-żona marittima).
  • Jista’ jiġi negozjat ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet biex jiġi indirizzat it-tniġġis transkonfinali.

Kummissjoni OSPAR

  • Il-konvenzjoni tistabbilixxi Kummissjoni li hija l-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-konvenzjoni u li tikkonsisti minn rappreżentanti tal-partijiet. Il-kummissjoni tiddiskuti u tadotta diversi deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjonijiet isiru vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti wara pejodu ta’ 200 ġurnata, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet mhumiex vinkolanti.
  • Id-dmirijiet tagħha huma li:
    • tissorvelja l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni;
    • tirrevedi l-kundizzjoni taż-żona marittima;
    • tiċċekkja l-effettività tal-miżuri li qegħdin jiġu adottati;
    • tfassal programmi u miżuri għall-prevenzjoni u għall-eliminazzjoni tat-tniġġis marittimu;
    • tistabbilixxu l-programm ta’ ħidma tagħha;
    • toħloq l-istrumenti meħtieġa biex jiġi eżegwit dak il-programm.

il-ħidma ta’ OSPAR

  • Valutazzjoni tal-progress fir-rigward tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Radjuattivi ta’ OSPAR turi li l-partijiet kisbu tnaqqis sostanzjali fit-tnixxijat mis-settur nukleari.
  • Il-partijiet adottaw ukoll miżuri għall-ħarsien u l-konservazzjoni ta’ speċi (is-salamun Atlantiku) u ħabitat ulterjuri (mudflats intermareali), li t-tnejn ġew identifikati minn OSPAR bħala li huma partikolarment vulnerabbli fl-Atlantiku tal-Grigal.
  • Fl-2016, OSPAR ħabbar li kienu żdiedu 10 Żoni Protetti tal-Baħar ġodda man-netwerk tiegħu, għal total ta’ 423.
  • OSPAR kompla jżid l-isforz internazzjoni biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar bil-ħolqien ta’ netwerk ta’ sajd għall-iskart fl-Atlantiku tal-Grigal li ser jippermetti lill-bastimenti jħottu skart fi kwalunkwe port minn fost aktar minn 40 port involuti. Il-partijiet ta’ OSPAR qablu wkoll li jindirizzaw sorsi ta’ tniġġis tal-mikroplastiċi tal-ambjent tal-baħar.
  • OSPAR isevi wkoll bħala forum għall-implimentazzjoni koordinata tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) tal-UE mill-pajjiżi tal-UE u għall-kooperazzjoni interreġjonali bbażata fuq il-kunċetti u l-metodi tal-MSFD.

Riċerka

  • Il-konvenzjoni teħtieġ l-istabbiliment ta’ programmi kumplementari jew konġunti ta’ riċerka xjentifika jew teknika, li għandha tintbagħat lill-kummissjoni.

Proċedura ta’ arbitraġġ

  • Hemm proċedura ta’ arbitraġġ stabbilita għas-solvien ta’ tilwim bejn il-partijiet kontraenti.

Annessi

Il-Konvenzjoni OSPAR fiha Annessi li jindirizzaw l-oqsma speċifiċi li ġejjin

  • Anness I: Il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis minn għejun terrestri
  • Anness II: Il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis mid-dumping jew l-inċinerazzjoni
  • Anness III: Il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tniġġis minn sorsi lil hinn mill-kosta
  • Anness IV: Valutazzjoni tal-kwalità tal-ambjent tal-baħar
  • Anness V: Dwar il-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ekosistemi u d-diversità bijoloġika taż-żona marittima.

Strateġija tal-UE dwar l-Artiku

Komunikazzjoni konġunta tal-2016 tirrakkomanda l-

  • impenn kontinwu tal-UE fi ftehimiet ambjentali multilaterali li għandhom ukoll rilevanza partikolari wkoll għall-Artiku, bħal OSPAR;
  • l-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Artiku sabiex tiġi ppreservata l-bijodiversità;
  • il-ħidma mal-istati tal-Artiku u ma’ sħab internazzjonali oħra biex jiġi żviluppat strument taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-KONVENZJONI?

  • Id-deċiżjoni tapplika mis-7 ta’ Ottubru 1997.
  • Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Marzu 1998. Hi tieħu post il-Konvenzjonijiet ta’ Oslo (1972) u ta’ Pariġi (1974).
  • Il-konvenzjoni ġiet iffirmata u rattifikata mill-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit ( 1 ) li, flimkien mal-UE, jikkooperaw għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar tal-Atlantiku tal-Grigal.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Żona marittima:

dawn kollha li ġejjin:

L-ilmijiet interni u l-ibħra territorjali tal-partijiet kontraenti.

Il-baħar lil hinn u biswit il-baħar territorjali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istat kostali sa fejn rikonoxxut mil-liġi internazzjonali.

L-ibħra internazzjonali, inkluż il-qiegħ ta’ dawk l-ilmijiet kollha u s-sottoswol tiegħu, li jinsabu fi ħdan il-limiti li ġejjin:

  • Dawk il-partijiet tal-Oċeani Atlantiku u Artiku u l-ibħra li hemm fihom li jinsabu fit-Tramuntana tal-latitudni 36° Tramuntana u bejn il-lonġitudni 42° Punent u l-lonġitudni 51° Lvant, imma jeskludu:
    • il-Baħar Baltiku u l-Belts li jinsabu fin-Nofsinhar u fil-Lvant ta’ linji maqtugħa minn Hasenore Head sa Gniben Point, minn Korshage sa Spodsbierg u minn Gilbierg Head sal-Kullen, u
    • il-Baħar Mediterran u l-ibħra dipendenti tiegħu sal-ponta ta’ intersezzjoni tal-parallel ta’ latitudni 36° u l-meridjan tal-lonġitudni 5°36’ Punent.
  • dik il-parti tal-Oċean Atlantiku fit-Tramuntana tal-latitudni 59° Tramuntana u bejn il-lonġitudnijiet 44° Punent u 42° Punent.

Ilmijiet interni: l-ilmijiet tan-naħa tal-art tal-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali (li, fil-każ ta’ korsiji tal-ilma, testendi sal-limitu tal-ilma ħelu (il-post f’kanal tal-ilma fejn, f’ilma baxx u f’perjodu ta’ fluss baxx tal-ilma ħelu, ikun hemm żieda apprezzabbli fis-salinità minħabba l-preżenza ta’ ilma baħar)).
Tniġġis:

l-introduzzjoni mill-bniedem, diretta jew indiretta, ta’ sustanzi jew enerġija fiż-żona marittima li tirriżulta, jew li aktarx tirriżulta, fi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

  • periklu għas-saħħa tal-bniedem,
  • ħsara lil riżorsi ħajjin u lil ekosistemi tal-baħar,
  • ħsara lil kumditajiet,
  • interferenza ma’ użi leġittimi oħra tal-baħar.

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE tas-7 ta’ Ottubru 1997 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1)

Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 104, 3.4.1998, pp. 2-21)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, pp. 19-40)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/56/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku (JOIN(2016) 21 final, 27.4.2016)

l-aħħar aġġornament 26.11.2017



( 1 ) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top