EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura u l-kreattività

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Konklużjonijiet tal-Kunsill – kollegamenti kulturali u kreattivi

SOMMARJU

Is-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa jistgħu jistimulaw l-innovazzjoni f’partijiet oħrajn tal-ekonomija.

X’JAGĦMLU L-KONKLUŻJONIJIET?

Huma jistabbilixxu l-impatti ta’ benefiċċju reċiproku potenzjali li jista’ jkollhom is-setturi kulturali u kreattivi fuq setturi oħrajn tal-ekonomija, u jipprovdu rakkomandazzjonijiet li jgħinu għall-kisba tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Il-benefiċċji għal setturi oħrajn jistgħu jinkludu:

it-titjib tal-assistenza tal-klijenti, tas-sodisfazzjon tal-impjegati u tal-effikaċja organizzazzjonali

iż-żieda tal-attendenza fl-iskola u t-titjib tal-prestazzjoni, it-trawwim ta’ modi ġodda ta’ tagħlim u t-titjib tar-rwol tal-ġenituri fl-iskejjel

it-tnaqqis tal-ispejjeż mediċi u r-rati ta’ ospitalizzazzjoni

ir-riġenerazzjoni taż-żoni industrijali u tal-ispazji urbani u l-promozzjoni tat-turiżmu

iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni ambjentali fost il-pubbliku u l-industrija tal-manifattura u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-użu tar-riżorsi

l-għoti ta’ għajnuna sabiex tiġi żviluppata soċjetà aktar inklużiva u tittejjeb il-ħajja komunitarja.

Problemi attwali

Hemm bosta raġunijiet għaliex dawn il-benefiċċji għadhom ma bdewx jitgawdew, fosthom:

nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-valur li jirriżulta mill-għaqda tal-arti, il-kultura u l-kreattività max-xjenza, it-teknoloġija u n-negozju

struttura organizzazzjonali ristretta ta’ politiki u setturi li tagħmel il-kollegamenti f’setturi oħrajn aktar diffiċli

nuqqas ta’ dejta affidabbli u komparabbli li turi l-kontribut tas-setturi kulturali u kreattivi għall-ekonomija u għas-soċjetà b’mod ġenerali

perċezzjoni li s-setturi kulturali u kreattivi huma investimenti riskjużi u volatili.

X’jista’ jsir fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE?

Il-Konklużjonijiet jissuġġerixxu li tittieħed azzjoni, inklużi:

sensibilizzazzjoni tal-valur tal-kreattività u l-innovazzjoni mal-partijiet kollha interessati u affettwati

integrazzjoni aħjar tal-kreattività kulturali u artistika fl-istrateġiji f’oqsma ta’ politika oħrajn

il-ħolqien ta’ ambjenti fejn jistgħu jinteraġixxu setturi differenti, bħal ċentri tan-negozju u l-innovazzjoni u programmi ta’ netwerking

inkoraġġiment lis-setturi kulturali u kreattivi sabiex jibbenifikaw mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali.

X’jista’ jsir biss fil-livell nazzjonali?

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa sabiex jieħdu għadd ta’ passi, inkluż li:

jinkoraġġixxu l-kollegamenti fil-livell lokali u reġjonali

jippromwovu kundizzjonijiet li jippermettu lis-setturi kulturali u kreattivi jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom meta jaħdmu fi sħubiji ma’ setturi oħrajn.

U x’għandha tagħmel il-Kummissjoni weħidha?

Il-Kummissjoni hija mistiedna sabiex tieħu għadd ta’ miżuri, inkluż li:

tiżviluppa strateġija li tagħti spinta lill-kompetittività u l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi

tikkunsidra l-użu tal-finanzjament eżistenti mill-programmi attwali tal-UE, bħal Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, COSME u Ewropa Kreattiva għal għadd ta’ proġetti ta’ kollegamenti.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kollegamenti kulturali u kreattivi li jistimolaw l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13-16)

l-aħħar aġġornament 29.09.2015

Top