Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 — regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-UE

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament finanzjarju jistabbilixxi l-prinċipji operazzjonali u r-regoli bażiċi li jirregolaw il-baġit tal-UE.
  • Id-dettalji tekniċi huma stabbiliti fir-regoli tal-applikazzjoni adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament finanzjarju li, flimkien mar-regoli tal-applikazzjoni, ilu japplika mill-1 ta' Jannar 2013, jirrevedi regoli preċedenti sabiex jagħmel il-fondi tal-UE aktar sempliċi, aktar responsabbli u aktar effettivi għall-benefiċjarji bħan-negozji, l-NGOs, ir-riċerkaturi u oħrajn.

B'mod ġenerali, it-tibdil jiffokaw fuq 3 oqsma:

  • 1.

    Simplifikazzjoni: tnaqqis tal-burokrazija, tħaffif tal-proċeduri u qlib tal-fokus minn xogħol fuq karti għall-prestazzjoni, pereżempju, skadenzi iktar qosra għall-pagamenti lill-benefiċjarji, skedi ta' żminijiet aktar ċari u skadenzi indikattivi għall-applikazzjonijiet ta' finanzjament, u programmii ta' ħidma multiannwali minflok annwali dwar kif għandhom jintnefqu fondi tal-UE futuri.

  • 2.

    Kontabilità : l-iżgurar li ġestjoni finanzjarja soda mtejba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, pereżempju, l-iżgurar li l-pajjiżi tal-UE jieħdu responsabilità akbar għall-ġestjoni tagħhom tal-fondi tal-UE, u s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE minn, fost oħrajn, l-aġenziji nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE, il-pajjiżi mhux tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

  • 3.

    Innovazzjoni: użu ta' mekkaniżmi finanzjarji varji bħal self, ekwita, u garanziji li jgħinu jimmultiplikaw l-impatt tal-fondi tal-UE. Innovazzjonijiet oħrajn jinkludu premjijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea għal soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi, u l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-fondi fiduċjarji kemm minn donaturi tal-UE kif ukoll minn dawk mhux tal-UE.

Ir-Regoli ta' applikazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 u jkopru firxa ta' aspetti tal-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju inkluż il-prinċipji baġitarji u l-istabbiliment u l-istruttura tal-baġit.

Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 sabiex jallinja l-proċeduri tal-akkwisti tal-istituzzjonijiet tal-UE applikabbli għall-pajjiżi tal-UE li huma stabbiliti fid-Direttivi 2014/23/UE u 2014/24/UE. Fost affarijiet oħra, ir-regolament jeħtieġ li:

  • l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jissodisfaw ċerti obbligi fir-rigward tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol billi jagħmlu dawn parti mir-rekwiżiti minimi tagħhom fil-kuntratti li huma jiffirmaw,
  • li l-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' kxif u esklużjoni bikrija għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Japplika mill-1 ta' Jannar 2013.

SFOND

Regolamentazzjoni finanzjarja u regoli ta' applikazzjoni

ATT

Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1–96)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1–111). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.02.2016

Top