Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Deċiżjoni 2012/245/UE – reviżjoni tal-Istatuti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
PUNTI EWLENIN
Il-KEF oriġinarjament ġie stabbilit fl-1992 taħt it-Trattat ta’ Maastricht. Għandu l-kompiti li ġejjin:
-
li jagħti opinjonijiet fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, sabiex dawn jiġu sottomessi lil dawk l-istituzzjonijiet;
-
li jżomm is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi tal-UE u tal-UE taħt reviżjoni u li jirrapporta b’mod regolari minn hemm ’il quddiem lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fuq relazzjonijiet finanzjarji ma’ pajjiżi mhux tal-UE u istituzzjonijiet internazzjonali.
-
li jikkontribwixxi għat-tħejjija tax-xogħol tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-UE (magħruf bħala l-Ecofin), u li jwettaq kompiti konsultattivi u preparatorji oħrajn assenjati lilu mill-Kunsill;
-
li jeżamina, għallinqas darba fis-sena, is-sitwazzjoni dwar il-moviment tal-kapital u l-libertà tal-pagamenti, hekk kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-Kunsill;
-
li jżomm is-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja taħt reviżjoni kif ukoll is-sistema tal-pagamenti ġenerali tal-pajjiżi tal-UE b’deroga (dawk li fir-rigward tagħhom, il-Kunsill ma ddeċidiex li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-euro) u jirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Kompożizzjoni
-
Il-Kumitat huwa magħmul minn uffiċjali anzjani minn amministrazzjonijiet nazzjonali u mill-banek ċentrali, mill-BĊE u mill-Kummissjoni. Kull pajjiż tal-UE jaħtar 2 rappreżentanti (1 mis-servizz ċivili nazzjonali u 1 mill-bank ċentrali nazzjonali) kif ukoll 2 membri supplenti. Il-Kummissjoni u l-BĊE jaħtru, kull wieħed, 2 membri sħaħ u 2 supplenti.
-
Il-KEF jiltaqa’ f’2 konfigurazzjonijiet jiġifieri b’membri tal-bank ċentrali nazzjonali kif ukoll mingħajrhom jiddependi mill-punti fuq l-aġenda tal-ECOFIN.
-
Il-KEF jiltaqa’ wkoll f’konfigurazzjoni taż-żona euro, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Eurogroup (EWG). F’dan il-kuntest, il-membri taż-żona euro biss jiltaqgħu mal-Kummissjoni u mal-BĊE sabiex iħejju x-xogħol tal-Eurogroup. Ir-rappreżentanti tal-bank ċentrali nazzjonali mhumiex preżenti.
-
President full-time jiġi elett minn fost ir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali għal perjodu li jiġġedded ta’ sentejn. Huwa megħjun mis-Segretarjat li jgħin ukoll lill-Kumitat għall-Politika Ekonomika u lill-Eurogroup.
Tħaddim
L-opinjonijiet u r-rapporti tal-KEF huma normalment adottati b’kunsens jew fil-laqgħat jew bi proċedura bil-miktub. Fejn jittieħed vot, kull membru sħiħ (jew fin-nuqqas tiegħu, is-supplenti tiegħu) għandu vot. Jekk l-opinjoni tal-KEF tkun fuq kwistjoni li tirriżulta f’deċiżjoni tal-ECOFIN, ir-rappreżentanti tal-bank ċentrali nazzjonali u tal-Kummissjoni ma jiħdux sehem fil-vot.
Gruppi ta’ ħidma u sottokumitati
F’Mejju 2013, ġie stabbilit Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli biex jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq aċċess dejjem ikbar għal swieq kapitali għal SME u finanzjament ta’ infrastruttura fit-tul fl-Ewropa. Il-KEF għandu wkoll sottokumitati u gruppi ta’ ħidma sabiex ikopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti kemm fuq bażi permanenti kif ukoll fuq bażi ad-hoc, fosthom:
-
swieq tad-dejn sovran tal-UE (jiġifieri swieq għat-titoli, bonds, eċċ. mibjugħin mill-gvernijiet sabiex jiffinanzjaw is-self tagħhom);
-
l-istabblità finanzjarja u kwistjonijiet ta’ servizzi finanzjarji (bħal żviluppi f’setturi tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni);
-
il-Fond Monetarju Internazzjonali u kwistjonijiet relatati;
-
ċirkolazzjoni u ħruġ tal-muniti tal-euro
-
statistiċi.
MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Din ilha tapplika mid-9 ta’ Mejju 2012.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/245/UE tas- 26 ta’ April 2012 dwar reviżjoni tal-Istatuti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 22–24).
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/743/KE tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-komposizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 109–110).
Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/8/KE tal-31 ta’ Diċembru 1998 li jaddotta l-Istatuti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (ĠU L 5, 9.1.1999, p. 71).
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 1999/8/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 29.03.2017