Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Skart perikoluż

Skart perikoluż huwa skart b’wieħed jew iktar mill-proprjetajiet perikolużi mniżżla fl-Anness III tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart tal-UE, Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart. Dawn il-proprjetajiet perikolużi huma:

  • Splussivi — skart li permezz ta’ reazzjoni kimika jipproduċi gass f’tali temperatura, pressjoni u veloċità li jikkawża dannu fl-inħawi. Dan jinkludi skart pirotekniku, skart ta’ perossidu organiku splussiv u skart splussiv awtoreattiv;
  • Ossidanti — skart li, ġeneralment meta jipprovdi l-ossiġenu, jikkawża jew jikkontribwixxi għall-kombustjoni ta’ materjali oħra;
  • Jieħu n-nar;
  • Irritanti — irritazzjoni tal-ġilda u ħsara lill-għajn — skart li meta jiġi f’kuntatt jista’ jikkawża irritazzjoni tal-ġilda jew ħsara lill-għajn;
  • Tossiċità speċifika għal organi ta’ mira (TOMS)/Tossiċità mill-aspirazzjoni — skart li jista’ jikkawża tossiċità speċifika għal organi ta’ mira jew minħabba espożizzjoni ta’ darba jew ripetutament, jew li jikkawża effetti tossiċi akuti wara li sseħħ l-inalazzjoni;
  • Tossiċità akuta — skart li jista’ jikkawża effetti tossiċi akuti jekk jinbela’, ikun f’kuntatt mal-ġilda jew inalazzjoni;
  • Karċinoġeniku — skart li jwassal għall-kanċer jew iżid l-inċidenza tiegħu;
  • Korrożiv — skart li jikkawża l-korrożjoni tal-ġilda meta jiġi f’kuntatt;
  • Infettiv — skart li fih mikroorganiżmi vijabbli jew it-tossini tagħhom, li huma magħrufa jew maħsuba b’mod affidabbli li jikkawżaw mard fil-bnedmin jew f’organiżmi ħajjin oħrajn;
  • Tossiku għar-riproduzzjoni — skart li jkollu effetti ħżiena fuq il-funzjoni sesswali u l-fertilità fl-adulti u tossiċità fl-iżvilupp tan-nisel tiegħu;
  • Mutaġeniku — skart li jista’ jikkawża mutazzjoni — bdil permanenti fl-ammont jew fl-istruttura tal-materjal ġenetiku ġewwa ċellola;
  • Ir-rilaxx ta’ gass tossiku akut — skart li jerħi gassijiet tossiċi akuti fil-kuntatt mal-ilma jew ma’ aċidu;
  • Sensitizzanti — skart li jkollu sustanza waħda jew iktar magħrufa li jikkawżaw effetti sensitizzanti lill-ġilda jew lill-organi respiratorji;
  • Ekotossiku — skart li jippreżenta jew jista’ jippreżenta riskji immedjati jew li jieħdu żmien għal settur wieħed jew iktar tal-ambjent;
  • Skart li jista’ jkollu proprjetà perikoluża mniżżla hawn fuq li ma tkunx direttament murija mill-iskart oriġinali.

ARA WKOLL

Top