Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Governanza tad-data

Id-data hija riżorsa ewlenija li tgħin biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-progress soċjali. Minħabba li l-volum tad-data huwa mistenni li jikber b’mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, qed jiġu stabbiliti regoli biex joħolqu l-kundizzjonijiet tajba għal individwi u għal kumpaniji biex ikunu jistgħu jafdaw li meta jikkondividu d-data tagħhom (altruwiżmu tad-data), din ser tiġi mmaniġġjata minn organizzazzjonijiet affidabbli bbażati fuq il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea (UE).

Sabiex nisfruttaw il-potenzjal tad-data u nibnu suq għal data personali u mhux personali, l-UE adottat l-att dwar il-governanza tad-data.

L-att dwar il-governanza tad-data ser:

  • joħloq mekkaniżmu biex jgħin l-użu mill-ġdid u sigur ta’ ċertu kategoriji ta’ data tas-settur pubbliku li huma soġġetti għad-drittijiet ta’ ħaddieħor, pereżempju sigrieti tal-kummerċ, data personali u data protetta minn drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali (korpi tas-settur pubbliku li jippermettu dan it-tip ta’ użu mill-ġdid ser jeħtieġu li jkunu mgħammra sew, f’termini tekniċi, sabiex jassiguraw li l-privatezza u l-kunfidenzjalità jkunu ppreservati kompletament);
  • jgħin lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi punt uniku għall-aċċess Ewropew b’reġistru elettroniku li jista’ jitfittex ta’ data tas-settur pubbliku, li tkun disponibbli permezz ta’ ċentri nazzjonali uniċi ta’ informazzjoni;
  • joħloq qafas għal mudell ta’ negozju ġdid — servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data — li ser jipprovdi ambjent sigur fejn il-kumpaniji u l-individwi jistgħu jikkondividu d-data;
  • jagħmilha iktar faċli għall-individwi u għall-kumpaniji biex jagħmlu d-data volontarjament disponibbli għall-ġid komuni, bħal proġetti ta’ riċerka medika;
  • jintroduċi ċertifikazzjoni volontarja f’forma ta’ logo biex jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ fornituri konformi ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni għad-data u organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu tad-data;
  • iħalli struttura ġdida, il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-data, li se tinħoloq biex tagħti pariri u tassisti l-Kummissjoni biex ittejjeb l-interoperabilità ta’ servizzi għall-intermedjazzjoni tad-data u l-ħruġ ta’ linji gwida dwar kif l-iżvilupp ta’ spazji għad-data jiġi żviluppat, fost attivitajiet oħrajn;
  • joħloq salvagwardji għal data tas-servizz pubbliku, servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet għall-altruwiżmu tad-data kontra t-trasferiment internazzjonali illegali ta’, jew aċċess tal-gvern għal, data mhux personali (għal data personali, l-UE diġà għandha salvagwardji simili taħt ir-regolament ġenerali tal-protezzjoni tad-data).

ARA WKOLL

Top