This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015H1184
Council Recommendation (EU) 2015/1184 of 14 July 2015 on broad guidelines for the economic policies of the Member States and of the European Union
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/27 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1184
tal-14 ta' Lulju 2015
dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Billi:
(1) |
It-Trattat jipprevedi li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fil-Kunsill. It-Trattat jipprevedi wkoll il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika u l-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu adottati mill-Kunsill biex jiggwidaw il-politiki tal-Istati Membri u tal-Unjoni. |
(2) |
Skont it-Trattat, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali integrata. Is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tas-Semestru Ewropew, kif jistipula l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 tal-Kummissjoni, għandhom ikomplu jtejjbu l-funzjonament tiegħu. |
(3) |
Il-kriżi finanzjarja u ekonomika żvelat u enfasizzat dgħufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Barra minn hekk, iż-żieda qawwija fil-livelli ta' dejn pubbliku ħolqot riskji għas-sostenibbiltà fiskali. L-isfida ewlenija tal-lum hija li l-Unjoni timxi lejn stat ta' tkabbir u ħolqien tal-impjiegi li jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-Unjoni u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi tgħaqqad flimkien miżuri min-naħa tal-provvista ma' dawk min-naħa tad-domanda, dik l-azzjoni ta' politika għandha tagħti spinta lill-investiment, iġġedded l-impenn għal riformi strutturali u tħaddem ir-responsabbiltà fiskali. |
(4) |
L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà koeżiva fejn il-persuni jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Għandhom jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jingħelbu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha. |
(5) |
Azzjoni konformi mal-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u ta' impjieg tal-Istati Membri hija kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (“Strateġija Ewropa 2020”). L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun sostnuta b'ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw, biex ir-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr ostakli tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, annessi għal din ir-Rakkomandazzjoni, u l-linji gwida rilevanti għall-politiki ta' impjieg jiffurmaw flimkien il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (“linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020”). |
(6) |
Għalkemm il-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020 huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jiġu implimentati bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, filwaqt li jiġu involuti aktar mill-qrib kemm il-parlamenti kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
(7) |
Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi, u jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Dawn huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn il-linji gwida għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jagħmel lill-Istati Membri, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li fil-politiki ekonomiċi tagħhom l-Istati Membri, u meta rilevanti, anke l-Unjoni, iqisu l-linji gwida stabbiliti fl-Anness, li jagħmlu parti mil-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
ANNESS
Linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
Parti I tal-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020
Linja gwida 1: Nippromwovu l-investiment
Hu tassew meħtieġ li jiżdied il-livell ta' investiment produttiv fl-Ewropa biex tingħata spinta lid-domanda u jitjiebu l-kompetittività u l-potenzjal għal tkabbir fit-tul fl-Ewropa. L-isforzi għandhom jiffokaw fuq il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għal proġetti ta' investiment vijabbli, il-modi biex il-finanzjament jilħaq l-ekonomija reali u t-titjib fl-ambjent tal-investiment. Sabiex l-Unjoni tibqa' lok attraenti għall-investiment fis-settur privat, inkluż l-investiment barrani, huwa kruċjali li jkun hemm stabbiltà makroekonomika u finanzjarja, kif ukoll prevedibbiltà regolatorja, u ftuħ u trasparenza fis-settur finanzjarju tagħha.
Għandu jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-fondi tal-Unjoni, fosthom il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-fondi strutturali, u tal-fondi nazzjonali biex jiġu ffinanzjati investimenti li jtejbu t-tkabbir f'oqsma ewlenin. Għal dak il-għan, fejn adatt, hemm bżonn li l-ġestjoni tal-fondi tkun orjentata lejn ir-riżultati u li jintużaw aktar strumenti finanzjarji innovattivi.
Sabiex il-finanzjament jilħaq l-ekonomija reali jeħtieġ li jiżdiedu t-trasparenza u l-għoti ta' informazzjoni, b'mod partikolari billi jinħolqu ċentru ta' konsulenza dwar investiment Ewropew fl-awspiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment u sensiela ta' proġetti trasparenti. Hemm bżonn ukoll li l-partijiet konċernati rilevanti kollha jaħdmu id f'id mill-qrib biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet isiru bla intoppi, jittieħed riskju adegwat u jinkiseb l-akbar valur miżjud.
Linja gwida 2: Inżidu t-tkabbir permezz tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali tal-Istati Membri
Sabiex jissaħħaħ u jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku, u jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli, titjieb il-kompetittività, jiġu impediti u jissewwew l-iżbilanċi makroekonomiċi li jkunu ta' ħsara f'konformità mal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku u jiżdied il-potenzjal tal-ekonomiji tal-Unjoni għat-tkabbir huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali ambizzjużi kemm fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u dawk tal-pensjonijiet. Dan jgħin ukoll biex tinkiseb aktar koeżjoni ekonomika u soċjali. B'riformi li jsaħħu l-kompetizzjoni, b'mod partikolari fis-settur mhux kummerċjabbli, funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u ambjent aħjar għan-negozji, tkun qed tingħata għajnuna biex jingħelbu l-ostakli għat-tkabbir u għall-investiment u tiżdied il-kapaċità ta' aġġustament tal-ekonomija. L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' tħassib komuni, u għandhom jikkoordinawhom sabiex jitjiebu s-sinerġiji pożittivi u jiġu evitati konsegwenzi negattivi.
Għandhom isiru riformi tas-sistema soċjali u tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jkun żgurat aċċess għal kulħadd għal servizzi soċjali u benefiċċji li jkunu ta' kwalità tajba ħafna, affordabbli u sostenibbli. Għandha tittieħed azzjoni fil-qasam tar-riformi tas-suq tax-xogħol, pereżempju b'mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi u biż-żieda fir-rata ta' parteċipazzjoni, li tkun konformi mal-gwida aktar dettaljata stipulata fil-linji gwida dwar l-impjiegi.
Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex l-Unjoni ssir destinazzjoni attraenti għat-talenti u l-ħiliet. Għandu jitkompla l-proċess ta' riforma u aktar integrazzjoni fis-swieq tal-prodotti biex ikun żgurat li l-konsumaturi u n-negozji tal-Unjoni jgawdu minn prodotti u servizzi bi prezzijiet orħos u varjetà usa'. Bi swieq integrati aħjar, il-kumpaniji jkollhom aċċess għal suq ferm akbar mis-suq domestiku tagħhom, u b'hekk ikollhom aktar opportunitajiet biex jikbru. Swieq tal-prodotti li jkunu aktar kompetittivi u integrati aħjar ser jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jistgħu jgħinu biex l-aġġustament għax-xokkijiet ekonomiċi isir aktar malajr u tiżdied ir-reżiljenza kontrihom fi Stati Membri individwali u għall-Unjoni kollha.
Għandhom jitkomplew l-isforzi sabiex jittejjeb l-ambjent regolatorju fejn joperaw l-intrapriżi, biex jingħata appoġġ partikolarment lill-intrapriżi żgħar u medji, u għandhom jinkludu l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, aktar trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u x-xogħol mhux iddikjarat, it-titjib tal-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, kif ukoll permezz tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti u proċeduri ta' insolvenza li jaħdmu tajjeb.
It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ekonomija diġitali huma xprun importanti għall-produttività, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-setturi kollha tal-ekonomija. Filwaqt li jiġi promoss l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom isiru riformi mill-qiegħ biex jiġu modernizzati s-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni, titjieb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-qafas usa' biex il-kumpaniji jissaħħu fl-għarfien. Filwaqt li jiżdiedu l-kwalità u l-effiċjenza tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni, tkompli titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u tista' titjieb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
Linja gwida 3: Negħlbu l-ostakli ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli fil-livell tal-Unjoni
Sabiex l-Ewropa tibqa' lok attraenti kemm għan-negozji domestiċi kif ukoll għal dawk barranin huwa kruċjali li tkompli ssir integrazzjoni tas-suq uniku, inkluż billi jingħelbu l-ostakli li fadal, tiżdied il-kompetizzjoni u jitjieb l-ambjent tan-negozju. Sabiex jitwessa' l-limitu tal-produttività tal-Ewropa hemm bżonn li jiżdiedu l-innovazzjoni u l-formazzjoni tal-kapital uman u li jkun żgurat suq uniku diġitali integrat u li jaħdem sew. Jekk in-negozji u l-konsumaturi jużaw aktar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, dan jgħin biex tissawwar Ewropa diġitali mingħajr fruntieri u tiżdied il-produttività.
Settur finanzjarju li jaħdem sew huwa kruċjali biex l-ekonomija timxi mingħajr ostakli. Fil-qasam tas-swieq finanzjarji u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu implimentati għalkollox id-dispożizzjonijiet regolatorji u superviżorji msaħħa u r-regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex fl-Ewropa jinbena suq tat-titolizzazzjoni sostenibbli għax dan ser jgħin biex titjieb il-kapaċità ta' finanzjament effettiv tal-banek tal-Unjoni. Filwaqt li ssir ħidma msejsa fuq il-kisbiet tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji u l-kapital jeħtieġ li tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali ġenwina.
Il-ħolqien ta' Unjoni tal-enerġija b'saħħitha għandu jiżgura enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. Għandha ssir implimentazzjoni kosteffettiva, li tinkludi kemm riformi tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, tal-qafas tal-2030 għall-klima u l-enerġija u ssir it-transizzjoni għal ekonomija kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jiġu promossi impjiegi ekoloġiċi, teknoloġiji ekoloġiċi u soluzzjonijiet innovattivi. F'dak ir-rigward, jibqa' jkun meħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-enerġija u dak tat-trasport, inkluż fir-rigward tal-interkonnessjonijiet u l-infrastruttura.
Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tiffoka fuq dawk il-kwistjonijiet, li l-aħjar mod kif jistgħu jiġu indirizzati huwa fil-livell Ewropew, u għandha titfassal b'tali mod li tqis l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tagħhom. Jekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-fruntieri, b'aktar prevedibbiltà regolatorja u f'konformità sħiħa mar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn ikomplu jattiraw l-investiment. Ambjent tan-negozju aħjar u aktar prevedibbli hu partikolarment importanti għal industriji li jużaw netwerk għax dawn iħarsu lejn investimenti fit-tul u jagħmlu investimenti inizjali fuq skala kbira. Għandha tiġi żviluppata aktar id-dimensjoni esterna tas-suq intern.
Linja gwida 4: Intejbu s-sostenibbiltà u l-finanzi pubbliċi li jiffavorixxu t-tkabbir
Finanzi pubbliċi sodi huma kruċjali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-sostenibbiltà fiskali hija essenzjali biex ikunu żgurati l-fiduċja tal-investituri u l-ispazju fiskali meħtieġ biex jingħelbu l-iżviluppi mhux mistennija u jiżdied kemm jista' jkun l-effett pożittiv li jħallu l-finanzi pubbliċi fuq l-ekonomija. Dan joħloq ukoll il-kondizzjonijiet adegwati biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-investiment. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kontroll fit-tul fuq il-livelli tad-defiċit u tad-dejn. Il-politiki fiskali għandhom jitmexxew fi ħdan il-qafas tal-Unjoni bbażat fuq ir-regoli, b'mod partikolari l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u magħhom għandhom isiru arranġamenti baġitarji nazzjonali sodi. Il-politiki fiskali għandhom jirriflettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u r-riskji għas-sostenibbiltà fil-livell ta' Stat Membru, filwaqt li jkunu jiżguraw li ssir koordinazzjoni tajba tal-politiki ekonomiċi. L-Istati Membri taż-żona tal-euro huma mistiedna biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib u jiddiskutu s-sitwazzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro inkluża l-pożizzjoni fiskali.
Waqt li jkunu qed ifasslu u jwettqu l-konsolidazzjoni baġitarja, l-istrateġiji għandhom jagħtu prijorità lil partiti tan-nefqa li jżidu t-tkabbir f'oqsma bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjegabbiltà, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-investiment f'netwerks b'impatti pożittivi fuq il-produttività. Ir-riformi tan-nefqa għandhom jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika; dawn ir-riformi jistgħu jitħejjew b'mod partikolari b'analiżi tal-infiq bil-ħsieb li tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul.
Ir-riformi tan-nefqa li jippromwovu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tinżamm l-ekwità għandhom jiġu kkomplementati, fejn meħtieġ, bil-modernizzazzjoni tas-sistemi tad-dħul. Għandhom tibqa' tiġi esplorata l-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva. Bidliet għal taxxi li jiffavorixxu aktar it-tkabbir, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, jistgħu jgħinu biex jissewwew l-ineffiċjenzi tas-suq u jħejju s-sisien għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Fl-istess ħin huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi bi kwalunkwe bidla fit-tassazzjoni. L-effiċjenza tas-sistema fiskali tista' titjieb billi jitwessgħu l-bażijiet tat-taxxa, pereżempju jitneħħew jew jitnaqqsu l-użu u l-ġenerożità tal-eżenzjonijiet u l-iskemi preferenzjali, jiġu vverifikati l-ambitu u l-effiċjenza tan-nefqa fiskali u billi tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa, tiġi ssimplifikata s-sistema fiskali u billi jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.