EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D1023

Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Settembru 2009 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, kif ukoll tal-Anness tagħha

ĠU L 353, 31.12.2009, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/1023/oj

31.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Settembru 2009

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, kif ukoll tal-Anness tagħha

(2009/1023/ĠAI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Islanda, b'ittra lill-President tal-Kunsill fl-24 ta' Settembru 2008, u n-Norveġja, b'ittra lill-President tal-Kunsill fis-7 ta' Lulju 2008, talbu li jkunu assoċjati mal-mekkaniżmi ta' koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (2), kif ukoll tal-Anness tagħha.

(2)

Konsegwentement għall-awtorizzazzjoni mogħtija fl-24 ta' Ottubru 2008 lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni u mid-delegazzjoni li tirrappreżenta l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza li jmiss, ġew iffinalizzati n-negozjati mal-Islanda u n-Norveġja dwar Ftehim dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha (“il-Ftehim”).

(3)

Suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, il-Ftehim li ġie inizjalat fit-28 ta’ Novembru 2008 fi Brussell għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjoni mehmuża ġhandha tiġi approvata.

(4)

Il-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja sa meta jitlestew il-proċeduri formali għall-konklużjoni tal-Ftehim u sa meta dan jidħol fis-seħħ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjoni mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim, f'isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BILLSTRÖM


(1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.


FTEHIM

Bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-Koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, kif ukoll tal-Anness tagħha

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-ISLANDA

u

N-NORVEĠJA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,

FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-libertà individwali,

FILWAQT LI JQISU li r-relazzjonijiet attwali bejn il-Partijiet Kontraenti, b'mod partikolari l-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, juru koperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità,

FILWAQT LI JIĠBDU L-ATTENZJONI lejn l-interess komuni tal-Partijiet Kontraenti fl-iżgurar li l-koperazzjoni tal-pulizija bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja titwettaq b'mod rapidu, effiċjenti u kompatibbli mal-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali nazzjonali tagħhom, u f'konformità mad-drittijiet individwali u l-prinċipji tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (1) diġà tistabbilixxi regoli li bihom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja jistgħu jiskambjaw informazzjoni u intelligence malajr u effettivament għall-finijiet li jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta’ intelligence kriminali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, sabiex tiġi stimolata l-koperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, huwa ta’ importanza fundamentali li tkun tista' tiġi skambjata informazzjoni preċiża malajr u b'mod effiċjenti. L-għan huwa li jiġu introdotti proċeduri għall-promozzjoni ta’ mezzi rapidi, effiċjenti u rħas għall-iskambju ta’ data. Għall-użu konġunt ta’ din id-data, dawn il-proċeduri għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi u jipprevedu garanziji adegwati rigward il-preċiżjoni u s-sigurtà tad-data waqt it-trasmissjoni u l-ħżin kif ukoll proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-iskambju tad-data u restrizzjonijiet fuq l-użu tal-informazzjoni skambjata,

FILWAQT LI JQISU li l-Islanda u n-Norveġja esprimew ix-xewqa tagħhom li jidħlu fi ftehim li bih ikunu jistgħu japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u l-Anness tagħha, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin u mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JQISU li l-Unjoni Ewropea tqis ukoll li jeħtieġ li jikkonkludu ftehim bħal dan,

FILWAQT LI JIĠBDU L-ATTENZJONI li dan il-Ftehim fih dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, u tal-Anness tagħha, u huma mfasslin biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni li bih l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja jagħtu lil xulxin drittijiet ta’ aċċess għall-fajls kompjuterizzati tagħhom tal-analiżi tad-DNA, is-sistemi kompjuterizzati tagħhom ta’ identifikazzjoni dattiloskopika u d-data tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Fil-każ ta’ data mill-fajls nazzjonali dwar l-analiżi tad-DNA u s-sistemi kompjuterizzati ta’ identifikazzjoni dattiloskopika, sistema “hit/no hit” (ta' konkordanza - ebda konkordanza) għandha tippermetti lill-Istat li jkun qed iwettaq tfittxija biex, aktar tard, jitlob data personali mill-Istat li jamministra l-fajl u, fejn meħtieġ, biex jitlob aktar informazzjoni permezz ta’ proċeduri ta’ asistenza reċiproka, inklużi dawk adottati skont il-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI,

FILWAQT LI JQISU li dawn id-dispożizzjonijiet iħaffu b'mod konsiderevoli l-proċeduri eżistenti li jippermettu lill-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja jiskopru jekk Stat ieħor, u jekk ikun il-każ, liema, għandu l-informazzjoni li huma jeħtieġu,

FILWAQT LI JQISU li t-tqabbil ta’ data transkonfinali ser jiftaħ dimensjoni ġdida fil-ġlieda kontra l-kriminalità. L-informazzjoni miksuba mit-tqabbil tad-data ser tiftaħ prospettivi investigattivi ġodda u b'hekk ikollha rwol kruċjali fl-assistenza lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati,

FILWAQT LI JQISU li r-regoli huma bbażati fuq in-netwerking tal-bażi ta’ data nazzjonali tal-Istati,

FILWAQT LI JQISU li, suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, l-Istati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu data personali u mhux personali sabiex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni bil-ħsieb tal-prevenzjoni ta’ reati kriminali u ż-żamma tal-ordni pubbliku u s-sigurtà b'rabta ma’ avvenimenti kbar b'dimensjoni transkonfinali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li minbarra t-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni, jeħtieġ li jiġu rregolati forom oħra ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, b'mod partikolari permezz ta’ operazzjonijiet konġunti tas-sigurtà (p. eż. pattulji konġunti),

FILWAQT LI JQISU li koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja eqreb f'materji kriminali għandha timxi pass pass mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali, li għandhom jiġu garantiti permezz ta’ arranġamenti speċjali għall-protezzjoni tad-data, li għandhom ikunu mfassla skont in-natura speċifika tal-forom differenti ta’ skambju ta’ data. Tali dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tad-data għandhom jieħdu kont partikolari tan-natura speċifika tal-aċċesss transkonfinali online għall-bażi ta’ data. Peress li bl-aċċess online, mhuwiex possibbli għall-Istat li jkun qed jamministra l-fajl li jagħmel kontrolli minn qabel, għandha tiġi stabbilita sistema li tiżgura monitoraġġ ulterjuri,

FILWAQT LI JQISU li s-sistema “hit/no hit” (konkordanza - ebda konkordanza) tipprovdi struttura biex jitqabblu profili anonimi, fejn data personali addizzjonali tiġi skambjata biss wara konkordanza, il-provvista u r-riċeviment tad-data huma rregolati bil-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli ta’ assistenza legali. Dan il-mekkaniżmu jiggarantixxi sistema adegwata ta’ protezzjoni tad-data, bl-intendiment li l-għoti ta’ data personali lil Stat ieħor jeħtieġ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data min-naħa tal-Istati riċeventi,

KONXJI TAL-iskambju komprensiv ta’ informazzjoni u data li jirriżulta minn koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja eqreb, dan il-Ftehim jimmira li jiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data. Huwa jirrispetta l-livell ta’ protezzjoni previst għall-ipproċessar tad-data personali fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, il-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta’ Novembru 2001 għall-Konvenzjoni u l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kunsill tal-Ewropa li Tirregola l-Użu ta’ Data Personali fis-Settur tal-Pulizija,

FILWAQT LI JIBBAŻAW RUĦHOM fuq il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim bilaterali u multilaterali jibqgħu applikabbli għall-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

Artikolu 1

Objettiv u fini

1.   Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kontenut tal-Artikoli 1-24, 25(1), 26-32 u 34 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, għandu jkun applikabbli fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Islanda jew in-Norveġja u kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fir-relazzjonijiet bejn l-Islanda u n-Norveġja.

2.   Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kontenut tal-Artikoli 1-19 u 21 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, kif ukoll l-Anness tagħha minbarra l-punt 1 tal-Kapitolu 4 tagħha, għandhom ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.   Id-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet 2008/616/ĠAI u 2008/615/ĠAI għandhom ukoll ikunu applikabbli fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Islanda u n-Norveġja.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Partijiet Kontraenti” tfisser l-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja.

2.

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

3.

“Stat” tfisser Stat Membru, l-Islanda jew in-Norveġja.

Artikolu 3

Applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi

1.   Sabiex jiksbu l-objettiv li jaslu għal applikazzjoni u interpretazzjoni kemm jista' jkun uniformi tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1, il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu jirrevedu b'mod kostanti l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-qrati kompetenti tal-Islanda u tan-Norveġja fir-rigward ta’ tali dispożizzjonijiet. Għal dan l-għan għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura l-iskambju reċiproku regolari ta’ tali ġurisprudenza.

2.   L-Islanda u n-Norveġja għandhom ikunu intitolati jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja f'każijiet fejn kwistjoni tkun ġiet irreferuta lilha minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru għal sentenza preliminari rigward l-interpretazzjoni ta’ xi dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Kwalunkwe disputa bejn l-Islanda jew in-Norveġja u Stat Membru rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 kif ukoll tal-emendi tagħhom tista' tiġi riferita minn Parti involuta fid-disputa għal laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-Islanda u n-Norveġja, bil-ħsieb li din tiġi riżolta rapidament.

Artikolu 5

Emendi

1.   Fejn ikun meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI imsemmija fl-Artikolu 1(1), u/jew id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI inkluż l-Anness tagħha, imsemmija fl-Artikolu 1(2), u fejn l-emenda tkun applikabbli għalihom, l-Unjoni Ewropea għandha tinforma mill-aktar fis possibbli lill-Islanda u lin-Norveġja u tilqa' kwalunkwe kumment eventwali tagħhom.

2.   L-Islanda u n-Norveġja għandhom jiġu notifikati bi kwalunkwe emenda tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI imsemmija fl-Artikolu 1(1), u bi kwalunkwe emenda tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI inkluż l-Anness tagħha, imsemmija fl-Artikolu 1(2), mid-depożitarju hekk kif tiġi adottata l-emenda.

L-Islanda u n-Norveġja għandhom jiddeċiedu indipendentement jekk jaċċettawx il-kontenut tal-emenda u jekk jimplimentawhiex fis-sistema ġuridika interna tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu notifikati lid-depożitarju fi żmien tliet xhur tan-notifika.

3.   Jekk il-kontenut tal-emenda ma jistax jorbot lill-Islanda jew lin-Norveġja għajr wara li jiġu sodisfatti esiġenzi kostituzzjonali, l-Islanda jew in-Norveġja għandha tinforma lid-depożitarju b'dan waqt in-notifika. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinformaw mingħajr dewmien u bil-miktub lid-depożitarju, u sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara n-notifika, dwar is-sodisfazzjon tal-esiġenzi kostituzzjonali kollha. Mid-data ffissata għad-dħul fis-seħħ tal-emenda fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja u sa meta ssir in-notifika dwar is-sodisfazzjon tal-esiġenzi kostituzzjonali, l-Islanda u n-Norveġja għandhom japplikaw il-kontenut tal-att jew id-dispożizzjoni in kwistjoni, provviżorjament u safejn ikun possibbli.

4.   Jekk l-Islanda jew in-Norveġja, jew it-tnejn li huma, ma jaċċettawx l-emenda, dan il-Ftehim għandu jiġi sospiż mid-data prevista għall-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri, għal perijodu ta’ sitt xhur fir-rigward tal-Istat jew Stati li ma aċċettawx l-emenda. Għandha tissejjaħ laqgħa tal-Partijiet Kontraenti sabiex tiġi eżaminata kull possibbiltà biex il-Ftehim ikun jista' jibqa' jiffunzjona, jekk meħtieġ billi tiġi kkunsidrata ekwivalenza tal-leġislazzjonijiet. Is-sospensjoni għandha tintemm hekk kif l-Istat jew l-Istati kkonċernati jinnotifikaw l-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda jew jekk il-Partijiet Kontraenti jiddeċiedu bejniethom li jerġgħu japplikaw dan il-Ftehim.

5.   Jekk, ladarba jkun skada l-perijodu ta’ sospensjoni ta’ sitt xhur, il-Partijiet Kontraenti ma jkunux aċċettaw li jerġgħu japplikawh, dan il-Ftehim għandu jieqaf milli japplika għall-Istat li ma jkunx aċċetta l-emenda.

6.   Il-paragrafi 4 u 5 ma japplikawx għall-emendi tal-Kapitoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI jew tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, li l-Islanda jew in-Norveġja jew it-tnejn li huma, ikunu indikaw lid-depożitarju li ma jistgħux jaċċetawhom u r-raġunijiet għal dan. F'dan il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-verżjoni tagħhom ta’ qabel ġew emendati, ikompli japplika bl-Istat jew l-Istati li jkunu pproċedew bl-emenda.

Artikolu 6

Reviżjoni

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jwettqu reviżjoni komuni ta’ dan il-Ftehim sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-reviżjoni għandha tindirizza, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni prattika, l-interpretazzjoni u l-iżvilupp tal-Ftehim u għandha tinkludi wkoll kwistjonijiet bħall-konsegwenzi tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea rigward is-suġġett ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Relazzjoni ma’ strumenti oħra

1.   L-Islanda u n-Norveġja jistgħu jkomplu japplikaw kull ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar koperazzjoni transkonfinali ma’ Stati Membri li jkunu fis-seħħ fid-data li fiha jiġi adottat dan il-Ftehim safejn tali ftehim jew dawn l-arranġamenti ma jkunux inkompatibbli mal-objettivi ta’ dan il-Ftehim. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bi kwalunkwe tali ftehim jew arranġament li ser ikomplu japplikaw.

2.   L-Islanda u n-Norveġja jistgħu jikkonkludu jew idaħħlu fis-seħħ kull ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali addizzjonali dwar koperazzjoni transkonfinali ma’ Stati Membri wara li jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim safejn tali ftehim jew dawn l-arranġamenti jipprevedu l-estensjoni jew l-allargament tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid fi żmien tliet xhur mill-iffirmar tiegħu jew, fil-każ ta’ strumenti li ġew iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom.

3.   Kull ftehim jew l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux jinċidu fuq ir-relazzjonijiet ma’ Stati li mhumiex Parti għalihom.

4.   Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim eżistenti dwar l-assistenza legali jew ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi tal-qrati.

Artikolu 8

Notifiki, dikjarazzjonijiet u dħul fis-seħħ

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dan il-Ftehim.

2.   L-Unjoni Ewropea tista' tagħti l-kunsens tagħha li tkun marbuta b'dan il-Ftehim anke jekk id-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI ma jkunux għadhom ittieħdu mill-Istati Membri kollha li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni.

3.   L-Artikolu 5(1) u (2) japplika provviżorjament mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-perijodu ta’ tliet xhur previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) dwar emendi li jsiru wara l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim iżda qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jibda jgħodd mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

5.   Meta jagħtu n-notifika tagħhom skont il-paragrafu 1 jew, jekk hekk previst, fi kwalunkwe ħin ieħor, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jagħmlu d-dikjarazzjonijiet previsti minn dan il-Ftehim.

6.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-jum li fih is-Segretarju Ġenrali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li jkunu twettqu r-rekwiżiti formali kollha rigward l-espressjoni tal-kunsens mill-Unjoni Ewropea u l-Islanda, jew f'isimhom, li jintrabtu mill-Ftehim.

7.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-jum li fih is-Segretarju Ġenrali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li jkunu twettqu r-rekwiżiti formali kollha rigward l-espressjoni tal-kunsens mill-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, jew f'isimhom, li jintrabtu mill-Ftehim.

8.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim fl-Unjoni Ewropea u l-Islanda u fl-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, huwa jidħol ukoll fis-seħħ bejn l-Islanda u n-Norveġja.

9.   L-għoti ta’ data personali taħt dan il-Ftehim ma jistax iseħħ sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI ma jiġux implimentati fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati involuti f'tali għoti.

10.   Bil-ħsieb li jiġi vverifikat jekk dan hux il-każ tal-Islanda u n-Norveġja, għandha ssir żjara ta’ evalwazzjoni u jitwettqu serje ta’ testijiet f'konformità mal-kondizzjonijiet u l-arranġamenti maqbulin ma’ dawn l-Istati u li huma identiċi għal dawk li l-Istati Membri huma suġġetti għalihom bl-applikazzjoni tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI.

Abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni globali, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament, għandu jiddetermina d-data/i minn meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jibagħtu d-data personali tagħhom lill-Islanda u lin-Norveġja f'konformità ma’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Adeżjoni

L-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea għandha toħloq drittijiet u obbligi taħt dan il-Ftehim bejn dawk l-Istati Membri l-ġodda u l-Islanda u n-Norveġja.

Artikolu 10

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat fi kwalunkwe mument minn waħda mill-Partijiet Kontraenti. Fil-każ tat-tmiem mill-Islanda jew in-Norveġja, dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li għalih ma jkunx ġie terminat. Fil-każ ta’ terminazzjoni mill-Unjoni Ewropea, il-Ftehim m'għandux jibqa' japplika.

2.   It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim taħt il-paragrafu 1 għandha sseħħ b'effett sitt xhur wara li tkun ġiet ddepożitata n-notifika tat-terminazzjoni.

Artikolu 11

Depożitarju

1.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.

2.   Id-depożitarju għandu jippubblika l-informazzjoni dwar kwalunkwe notifika li ssir rigward dan il-Ftehim.

Magħmul fi Stokkolma fis-26 Novembru 2009 u fi Brussell, fit-30 Novembru 2009 f'eżemplari uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Islandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Norveġiża, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b'kull verżjoni ugwalment awtentika.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Thar ceann an Aontais Eorpaigh

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā

Europos Sajungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

På Europeiska unionens vägnar

Fyrir hönd Evrópusambandsins

For Den europeiske union

Image

За Република Исландия

Por la República de Islandia

Za Islandskou republiku

For Republikken Island

Für die Republik Island

Islandi Vabariigi nimel

Για την Δημοκρατία της Ισλανδίας

For the Republic of Iceland

Pour la République d'Islande

Thar ceann Phoblacht na hĺoslainne

Per la Repubblica d'Islanda

Islandes Republikas vārdā

Islandijos Respublikos vardu

Az Izlandi Köztársaság részéről

Għar-Repubblika ta' l-Islanda

Voor de Republiek Ijsland

W imieniu Republiki Islandii

Pela República da Islândia

Pentru Republica Islanda

za Islandskú republiku

Za Republiko Islandijo

Islannin tasavallan puolesta

På Republiken Islands vägnar

Fyrir hönd lýðveldisins Íslands

For Republikken Island

Image

За Кралство Норвегия

Por el Reino de Noruega

Za Norské království

For Kongeriget Norge

Für das Königreich Norwegen

Norra Kuningriigi nimel

Για το Βασίλειο της Νορβηγίας

For the Kingdom of Norway

Pour le Royaume de Norvège

Thar ceann Ríocht na hIorua

Per il Regno di Norvegia

Norvēģijas Karalistes vārdā

Norvegijos Karalystės vardu

A Norvég Királyság részéről

Għar-Renju tan-Norvegia

Voor het Koninkrijk Noorwegen

W imieniu Królestwa Norwegii

Pelo Reino da Noruega

Pentru Regatul Novegiei

Za Nórske kráľovstvo

Za Kraljevino Norveško

Norjan kuningaskunnan puolesta

På Konungariket Norges vägnar

Fyrir hönd Konungsríkisins Noregs

For Kongeriket Norge

Image


(1)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.

DIKJARAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA META JIĠI FFIRMAT IL-FTEHIM NO/IS

L-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja, firmatarji tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, kif ukoll tal-Anness tagħha, (“il-Ftehim”),

jiddikjaraw:

 

L-implimentazzjoni ta' skambji ta' data dwar profili DNA, marki dattiloskopiċi u reġistrazzjonijiet ta' vetturi, teħtieġ li l-Islanda u n-Norveġja jistabbilixxu konnessjonijiet bilaterali għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ma' kull wieħed mill-Istati Membri.

 

Sabiex dan jiġi ffaċilitat, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jingħataw id-dokumenti disponibbli kollha, software speċifiku u lista ta' kuntatti utli.

 

L-Islanda u n-Norveġja jistgħu jibbenefikaw minn sħubija informali mal-Istati Membri li diġà implimentaw tali skambji, bil-ħsieb li jikkondividu esperjenzi miksubin u hekk jiksbu assistenza prattika u teknika.

 

Il-modalitajiet ta' sħubiji bħal dawn huma suġġetti għal ftehim dirett bejn l-Istati kkonċernati.

 

L-esperti Islandiżi u Norveġiżi jistgħu f'kull mument jidħlu f'kuntatt mal-Presidenza tal-Kunsill, u/jew mal-Kummissjoni u/jew ma' esperti rikonoxxuti fl-oqsma li dwarhom huma jixtiequ jiksbu informazzjoni, kjarifika jew tip ieħor ta' assistenza.

 

Bl-istess mod il-Kummissjoni tista' wkoll tavviċina lill-Islanda u lin-Norveġja, meta tkun qed tħejji proposti jew komunikazzjonijiet li għalihom hi tkun f'kuntatt mal-Istati Membri.

 

L-esperti Islandiżi u Norveġiżi jistgħu jiġu mistednin jieħdu sehem fil-laqgħat ta' grupp ad hoc li fih l-esperti tal-Istati Membri jiddiskutu aspetti tekniċi differenti tal-iskambji ta' data dwar profili DNA, marki dattiloskopiċi jew reġistrazzjonijiet ta' vetturi, li jirriżultaw direttament mill-applikazzjoni, mill-Islanda u/jew in-Norveġja, tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmijin hawn fuq.


Top