EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0491

Kawża C-491/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fl-24 ta’ Settembru 2020 – W.Ż. vs A. S., Sąd Najwyższy

ĠU C 44, 8.2.2021, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fl-24 ta’ Settembru 2020 – W.Ż. vs A. S., Sąd Najwyższy

(Kawża C-491/20)

(2021/C 44/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: W.Ż.

Konvenuti: A. S., Sąd Najwyższy

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll b’rabta mal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt 1 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2020, fil-Kawża C-791/19 R, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika tal-Polonja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-President tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma jistax, sakemm tiġi deċiża l-Kawża C-791/19 R, jitlob it-trasferiment tal-atti tal-proċess sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ relazzjoni professjonali ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema minħabba s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 73(1) tal-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema) (test ikkonsolidat: Dz.U. 2019, pożizzjoni 825 kif emendata)?

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll mad-dritt għal proċess ġudizzjarju għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi kawża dwar l-assenza ta’ relazzjoni professjonali ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali wara li jkunu ġew ikkonstatati nuqqasijiet sostanzjali fir-rigward tal-proċeduri ta’ ħatra, għandha obbligu li tordna miżuri interim u tipprojbixxi lill-konvenut f’tali kawża milli jiddeċiedi l-kawżi l-oħra kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni taħt piena li jsiru ineffettivi l-atti adottati jew id-deċiżjonijiet mogħtija minn tali mħallef kif ukoll li tordna lil organi oħra biex jastjenu milli jassenjaw kawżi lil tali konvenut u milli jaħtruh f’kulleġġ ġudikanti?

3)

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(2) moqrija flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ dritt għal proċess ġudizzjarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)

il-qorti nazzjonali għandha tastjeni lura milli tapplika l-projbizzjoni ta’ “tqegħid inkwistjoni tal-awtorità tal-qrati” u “stabbiliment jew evalwazzjoni mill-qrati tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tad-dritt li jirriżulta minn din il-ħatra li jwettaq kompiti fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja”, kif previst fl-Artikolu 29(2) u (3) tal-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema) inkwantu r-rispett mill-Unjoni tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri ma jagħtix dritt lil-leġiżlatur nazzjonali jintroduċi soluzzjonijiet li jippreġudikaw il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni?

b)

l-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru ma tistax tipprekludi d-dritt għal qorti indipendenti stabbilita mil-liġi, meta l-proċedura ta’ ħatra li tippreċedi n-notifika tal-att ta’ ħatra kienet ivvizzjata bin-nuqqasijiet elenkati fid-domandi preliminari fil-Kawżi C-487/19 u C-508/19 u l-istħarriġ ġudizzjarju li jippreċediha ġie eskluż intenzjonalment u b’mod li kjarament huwa kontra l-kostituzzjoni nazzjonali?

4)

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(2) moqrija flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ dritt għal proċess ġudizzjarju u mal-Artikolu 267 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kontenut tal-kunċett ta’ identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru fir-rigward tad-dritt għal proċess ġudizzjarju jista’ jiġi ddeterminat b’mod vinkolanti għall-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru unikament fil-kuntest ta’ djalogu mal-Qorti tal-Ġustizzja mmexxi minn din il-qorti jew minn qrati nazzjonali oħra (pereżempju l-Qorti Kostituzzjonali) permezz tal-użu tal-proċedura preliminari?

5)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ dritt għal proċess ġudizzjarju preċedentement stabbilit bil-liġi għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tiċħad talba għat-trasferiment tal-atti tal-proċess fir-rigward ta’ kawża li fiha ressqet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fejn din it-talba tkun saret minn persuna maħtura bħala mħallef fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u f’ċirkustanzi li jagħtu lok għall-kostituzzjoni ta’ qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità u li ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi, mingħajr il-ħtieġa li l-ewwel teżawrixxi l-proċeduri msemmija fid-domanda preliminari fil-Kawża C-508/19 jew fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019 A.K. et (C-585/18, C-624/18 u C-625/18)?


Top