This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea (PESK), l-Artikolu 29, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi — spiss imsejħa wkoll sanzjonijiet — kontra pajjiżi mhux tal-UE, entitajiet jew individwi mhux statali.
Dawn il-miżuri mhumiex punittivi u huma imposti biex iwasslu għal bidla fil-politika jew fl-attività mill-parti (jew mill-partijiet) fil-mira responsabbli għall-imġieba involuta (eż. li ma jiġix rispettat id-dritt internazzjonali jew id-drittijiet tal-bniedem, jew it-twettiq ta’ politiki jew azzjonijiet li ma jikkonformawx mal-istat tad-dritt jew mal-prinċipji demokratiċi). Il-miżuri jridu jkunu konsistenti mal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-TUE.
Skont l-Artikolu 29 tat-TUE, il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet biex jadotta, iġedded jew ineħħi r-reġimi ta’ sanzjonijiet b’unanimità, abbażi ta’ proposti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. L-aspetti ekonomiċi u finanzjarji ta’ tali deċiżjonijiet (eż. ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni/l-esportazzjoni u l-iffriżar tal-assi) huma implimentati permezz ta’ regolamenti adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE (maġġoranza kwalifikata), fuq proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni Ewropea.
Is-sanzjonijiet tal-UE jistgħu jiġu imposti jew fl-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew fuq bażi awtonoma, jiġifieri fuq inizjattiva proprja tal-UE.
Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu:
Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura, permezz ta’ monitoraġġ, li r-regolamenti li jimponu miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-TFUE jiġu implimentati u infurzati mill-Istati Membri. Hija tappoġġa wkoll lill-individwi, lin-negozji, lill-operaturi umanitarji u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex japplikaw sanzjonijiet, billi tippubblika noti ta’ gwida u twieġeb mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni mqajma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.