Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

Ir-Rappreżentant Għoli (RGħ):

  • jifforma u jmexxi l-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) tal-UE, inkluża l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tagħha,
  • jippresjedi fuq il-Kunsill Affarijiet Barranin,
  • imexxi l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u
  • huwa wieħed mill-Viċi presidenti tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-RGħ jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE. Huwa inkarigat, fi ħdan il-Kummissjoni, b'responsabbiltajiet eżistenti għall-missjoni tiegħu fir-relazzjonijiet esterni u bil-koordinazzjoni ta’ aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-UE.

Ir-RGħ jinħatar mill-Kunsill Ewropew li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, bi qbil mal-President tal-Kummissjoni għal mandat ta’ 5 snin.

Fit-twettiq tal-missjoni tiegħu, ir-RGħ huwa appoġġat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) — is-servizz diplomatiku tal-UE. Is-SEAE jaħdem f'kooperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-pajjiżi tal-UE. Dan jinkludi uffiċjali u aġenti mill-UE kif ukoll persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali.

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), li jinkludi ambaxxaturi mis-27 pajjiż tal-UE, jaġixxi wkoll taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Huwa jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali fl-oqsma koperti mill-PESK u għandu rwol ewlieni fid-definizzjoni u s-segwitu tar-rispons tal-UE għal kriżi.

Il-kariga ta’ RGħ kienet oriġinarjament maħluqa fl-1997 taħt it-Trattat ta’ Amsterdam u l-ewwel detentur tal-kariga kien Javier Solana, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2009, żamm il-funzjoni tar-RGħ, għalkemm b’mandat usa’ bbażat fuq it-trattat, inklużi l-presidenza tal-Kunsill Affarijiet Barranin u r-rwol tal-viċi president tal-Kummissjoni.

ARA WKOLL

Top