EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0508

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta' Ottubru 2011.
Bang & Olufsen A/S vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali - Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker - Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu - Artikolu 63(6) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009) - Raġuni assoluta għal rifjut - Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott - Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009).
Kawża T-508/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-06975

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:575

Kawża T-508/08

Bang & Olufsen A/S

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker — Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu — Artikolu 63(6) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Raġuni assoluta għal rifjut — Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell — Eżami ġdid tal-appell — Eżami ex officio tal-fatti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1), 38(3), 63(6) u 74(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 216/96, Artikolu 1quinquies (1))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Eċċezzjoni — Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b) sa (e) u (3))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(iii))

1.      Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex toħroġ ordnijiet lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), u huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeduċi, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi tal-parti operattiva u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.

F’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1quinquies tar-Regolament Nru 216/96, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji), kif emendat, jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda r-rinviju ta’ kawża wara sentenza mill-qrati tal-Unjoni, jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, il-miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qrati tal-Unjoni li tannulla b’mod totali jew parzjali d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell jew tal-Awla Manja tal-Uffiċċju jinkludu eżami ġdid mill-Bordijiet tal-Appell tal-kawża li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, il-Presidium għandu jiddeċiedi jekk il-kawża tiġix rinvijata quddiem il-Bord li ħa din id-deċiżjoni, quddiem Bord ieħor jew quddiem l-Awla Manja tal-Uffiċċju.

F’dan ir-rigward, jekk jitqies li sinjal, suġġett ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jitqies mill-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li kien iddeċieda l-Uffiċċju, li ma jaqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tar-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-UASI li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark twassal neċessarjament lill-Uffiċċju, li jkollu joħroġ il-konsegwenzi mill-parti operattiva u mir-raġunijiet tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiftaħ mill-ġdid il-proċedura tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni u sabiex jirrifjutaha jekk jikkunsidra li s-sinjal ikkonċernat jaqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut ieħor skont din l-istess dispożizzjoni.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, matul l-evalwazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-UASI għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh sabiex japplika raġuni assoluta għal rifjut. Jekk l-Uffiċċju jikkonstata l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut, huwa għandu l-obbligu li jinforma l-applikant b’dan u li jippermetti lil dan tal-aħħar li jirtira jew li jemenda l-applikazzjoni tiegħu jew li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 38(3) tar-Regolament Nru 40/94.

(ara l-punti 31-34)

2.      Sinjal li jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ma jista’ qatt jikseb karattru distintiv, skont l-Artikolu 7(3) tal-istess regolament, permezz tal-użu li jkun sar minnu, filwaqt li din il-possibbiltà teżisti, skont din l-aħħar dispożizzjoni, għas-sinjali milquta mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fl-Artikolu 7(1)(ċ) u (d) tal-imsemmi regolament.

Konsegwentement, l-evalwazzjoni ta’ sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, jekk twassal għall-konstatazzjoni li wieħed mill-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun sodisfatta, ma jkunx hemmx bżonn ta’ evalwazzjoni tal-istess sinjal skont l-Artikolu 7(3) tal-istess regolament, peress li l-impossibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal hija, f’din l-ipoteżi, ikkaratterizzata. Din l-eżenzjoni tispjega l-interess li wieħed jipproċedi għal evalwazzjoni bil-quddiem tas-sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 fl-ipoteżi fejn tkun possibbli applikazzjoni ta’ diversi raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-imsemmi paragrafu 1, madankollu mingħajr ma tali eżenzjoni neċessarjament tkun tista’ tiġi interpretata bħala li timplika obbligu ta’ evalwazzjoni bil-quddiem tal-istess sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94.

(ara l-punti 43, 44)

3.      Tikkonsisti esklużivament minn forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott, skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, trade mark tridimensjonali li tikkonsisti minn forma ta’ loudspeaker magħmula minn kolonna vertikali fil-forma ta’ “lapes”, li magħha hemm imwaħħal wiċċ rettangolari twil fuq naħa waħda, li l-ponta tal-“lapes” tmiss ma’ bażi ċatta, fejn ir-reġistrazzjoni hija mitluba għal “Apparat u strumenti elettriċi u elettroniċi għar-riċezzjoni analoġika, diġitali jew ottika, it-trattament, ir-riproduzzjoni, ir-regolament jew id-distribuzzjoni ta’ sinjali tal-ħoss, loudspeakers” u għal “Għamara hi-fi”, li jifformaw parti, rispettivament, mill-klassijiet 9 u 20 skont il-Ftehim ta’ Nice.

Id-disinn, għall-prodott inkwistjoni, huwa element li huwa importanti ħafna fl-għażla tal-konsumatur, anki jekk il-konsumatur jieħu wkoll inkunsiderazzjoni karatteristiċi oħra tal-prodott. Fil-fatt, il-forma turi disinn totalment partikolari li huwa element essenzjali tal-istrateġija tat-trade mark tal-proprjetarju u li jżid l-attrazzjoni tal-prodott, jiġifieri l-valur tiegħu.

Il-fatt li l-forma tiġi kkunsidrata bħala li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti ma jeskludix li karatteristiċi oħra tal-prodott, bħall-kwalitajiet tekniċi, jistgħu jagħtu wkoll valur importanti lill-prodott inkwistjoni.

(ara l-punti 73, 74, 76, 77)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

6 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker – Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu – Artikolu 63(6) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009) – Raġuni assoluta għal rifjut – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009)”

Fil-Kawża T-508/08,

Bang & Olufsen A/S, stabbilita fi Struer (id-Danimarka), inizjalment irrappreżentata minn K. Wallberg, sussegwentement minn J. Glaesel, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Settembru 2008 (Każ R 497/2005-1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali li jirrappreżenta loudspeaker bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2009,

wara s-seduta tas-7 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-17 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti, Bang & Olufsen A/S, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jinsabu fil-klassijiet 9 u 20 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti elettriċi u elettroniċi għar-riċezzjoni analoġika, diġitali jew ottika, it-trattament, ir-riproduzzjoni, ir-regolament jew id-distribuzzjoni ta’ sinjali tal-ħoss, loudspeakers”;

–        klassi 20: “Għamara hi-fi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2005, l-eżaminatur, skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 207/2009) irrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja għat-totalità tal-prodotti elenkati fil-punt preċedenti, wara li qies li t-trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni tidħol fl-ambitu tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009). Sostanzjalment, huwa kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ta’ karattru distintiv u li hija ma kinitx akkwistat karattru distintiv permezz tal-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009).

5        Fis-27 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2005, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell minħabba li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni, peress li dan ma kellux karattru distintiv intrinsiku. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li, għalkemm il-forma tal-prodott, li tikkostitwixxi t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u li hija essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, kienet tinkludi karatteristiċi mhux tas-soltu, ir-rikorrenti ma tatx prova li din kienet distintiva u li b’hekk kienet tissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark fil-fehma tal-konsumaturi kkonċernati.

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ippreżentat rikors, irreġistrat taħt ir-referenza T-460/05, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija u bbażat fuq żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti enfasizzat, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell kien naqas milli jevalwa l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

8        B’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2006, il-Bord tal-Appell għamel rettifika għad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2005 permezz ta’ corrigendum. Dan indika li kien wettaq żball manifest peress li kien naqas milli jevalwa l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa kkunsidra li tali żball kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola 53 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), u b’applikazzjoni ta’ din ir-regola, huwa evalwa l-imsemmija applikazzjoni. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell għamel rettifika għad-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2005 billi ppreċiża li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 xorta kienet miċħuda, minħabba li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jagħtu prova tal-karattru distintiv akkwistat mill-użu tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

9        Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontenut tal-corrigendum permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2006.

10      Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2007, Bang & Olufsen vs UASI (Forma ta’ lawdspiker) (T‑460/05, Ġabra p. II-4207), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti abbażi tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret l-argumenti żviluppati minn kull parti u, f’din iċ-ċirkustanza, irrilevat, fil-paragrafu 24 tas-sentenza tagħha, li l-UASI jqis li ma huwiex ċert jekk il-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell hijiex korretta, u li b’hekk, l-UASI talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi jekk forma essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, iżda li ma tagħti l-ebda valur sostanzjali lill-prodott skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009) u li hija differenti b’mod sinjifikanti minn forma normalment użata fil-kummerċ, tistax tissodisfa funzjoni ta’ trade mark.

12      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, waqt l-evalwazzjoni tagħha, ikkunsidrat fil-paragrafi 40 sa 45 tas-sentenza tagħha, dan li ġej:

“40      L-evalwazzjoni ġenerali ta’ l-elementi tal-preżentazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li jifformaw it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, tippermetti li jingħad li l-forma tat-trade mark hija verament speċifika u bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala komuni. B’hekk, il-loudspeaker huwa fformat minn kon li jixbah lapes jew tubu ta’ orgni u li l-ponta tiegħu tmiss ma’ bażi kwadra. Barra minn hekk, wiċċ rettangolari twil huwa mwaħħal fuq naħa waħda ta’ dan il-kon u jqiegħed aċċent fuq l-impressjoni li l-piż tal-prodott sħiħ jistrieħ biss fuq il-ponta li bilkemm tmiss il-bażi kwadra. B’dan il-mod, dan il-prodott jifforma disinn rimarkabbli u jiġi mmemorizzat faċilment.

41      Dawn il-karatteristiċi kollha jifirdu t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha mill-forom komuni tal-prodotti li jifformaw parti mill-istess kategorija li wieħed isib komunement fil-kummerċ u li ġeneralment ikollhom forom regolari b’angoli ċatti. F’dan ir-rigward, qabel kollox jingħad, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li ‛m’hemm l-ebda dubju li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija rimarkabbli minn ċerti aspetti’. Wara jingħad li:

‛[…] meta mqabbel ma’ loudspeaker normali, dan huwa eċċessivament twil u dejjaq. Barra minn hekk, iċ-ċentru tal-loudspeaker jikkonsisti f’tubu li jmiss ma’ kon bil-maqlub, ħaġa li mhijiex tas-soltu. Il-quċċata tal-kon hija mwaħħla ma’ bażi kwadra.’

42      Għaldaqstant, għandu jingħad li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija differenti, b’mod sinifikanti, mid-drawwiet tas-settur. Fil-fatt, din għandha karatteristiċi speċifiċi biżżejjed u arbitrarji li huma kapaċi jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur medju u li jippermettu li dan jagħraf il-forma tal-prodotti tar-rikorrenti. B’hekk, dan mhuwiex każ ta’ forom komuni tal-prodotti tas-settur ikkonċernat jew inkella ta’ sempliċi varjanti tagħhom, iżda huwa każ ta’ forma li għandha dehra partikolari, li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni wkoll ir-riżultat estetiku ġenerali, hija kapaċi tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u li tippermetti lil dan li jiddistingwi l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra […]

43      Fil-fatt, anki jekk l-eżistenza ta’ karatteristiċi partikolari jew oriġinali ma tikkostitwixxix kundizzjoni sine qua non għar-reġistrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-preżenza tagħhom tista’, għal kuntrarju, tipprovdi l-livell meħtieġ ta’ distinzjoni lil trade mark li kieku tkun nieqsa minn tali karattru distintiv.

44      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Bord ta’ l-Appell li l-forma tal-prodott li tikkostitwixxi t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma tistax tissodisfa funzjoni ta’ trade mark fil-ħsieb tal-konsumaturi rilevanti minħabba li t-trade mark hija essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi […], huwa biżżejjed li jingħad li, safejn il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, il-fatt li fl-istess ħin dan is-sinjal jissodisfa jew le funzjoni differenti minn dik ta’ indikatur ta’ l-oriġini kummerċjali m’għandu l-ebda effett fuq il-karattru distintiv tiegħu […]

45      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li, billi qies li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma kinitx ta’ karattru distintiv, il-Bord ta’ l-Appell interpreta ħażin it-termini ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minn fejn jirriżulta li livell minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni ta’ rifjut stabbilita f’dan l-Artikolu ma tkunx applikabbli […]”

13      Fid-19 ta’ Novembru 2007, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI rrinvija l-każ quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell.

14      Permezz tal-komunikazzjonijiet tas-26 ta’ Frar u tat-22 ta’ April 2008, il-Bord tal-Appell stieden lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 u ppreċiża li l-forma stabbilita fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala sinjal li jikkonsisti esklużivament fil-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott.

15      Permezz tal-ittri tal-31 ta’ Marzu u tat-28 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, fejn qieset li l-Bord tal-Appell ma kellux il-kompetenza sabiex jeżamina raġunijiet assoluti għal rifjut ġodda peress li l-każ ġie rrinvijat quddiemu mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, hija qieset li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 japplika unikament fil-każ fejn il-forma tal-prodott tiddetermina b’mod esklużiv il-valur tiegħu, u mhux meta din tkun meqjusa essenzjalment bħala indikatur tal-oriġini jew sempliċement bħala waħda mid-diversi karatteristiċi li setgħu jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur.

16      Permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-1 ta’ Marzu 2005 peress li din ikkonkludiet li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma kellhiex karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Min-naħa l-oħra, dan ikkunsidra li kien kompetenti sabiex jeżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, ċaħad l-applikazzjoni msemmija, billi qies li s-sinjal inkwistjoni kien jikkonsisti esklużivament minn forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

18      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

19      Fis-seduta tas-7 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentat deċiżjonijiet mogħtija mill-UASI fi tliet każijiet, li minnhom tnejn kienu diġà msemmija fir-rikors u jirrigwardaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li jinvolvu sinjali tridimensjonali. Ir-rikorrenti indikat li tixtieq tinvoka dawn id-deċiżjonijiet sabiex tiddeskrivi s-sottomissjonijiet tagħha. Hija ppreżentat ukoll estratt minn studju ta’ istitut fir-rigward tad-dritt tat-trade marks Komunitarji. Meta ġie mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, l-UASI indika, waqt is-seduta, li ma kienx qiegħed jopponi li dawn id-dokumenti jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża.

 Id-dritt

20      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-estratt mill-istudju tal-istitut prodott mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, kif indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, fih proposti fformulati mill-imsemmi istitut sabiex iwasslu, fil-futur, għal bidla fl-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94. Mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dokument bħal dan, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan huwa nieqes minn kull rilevanza għall-finijiet tal-kawża preżenti.

21      Barra minn hekk, l-UASI kkonstata li l-Anness A 4 tar-rikors, li jikkonsisti f’opinjoni ġuridika dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 mogħtija minn terz lejn l-aħħar ta’ din il-proċedura, kienet inammissibbli, peress li din ma kinitx ġiet ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell.

22      Dan id-dokument, li tressaq għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, dan id-dokument għandu jitwarrab għaliex huwa inammissibbli, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T-346/04, Ġabra p. II-4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fir-rikors, ir-rikorrenti invokat żewġ raġunijiet ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009) u fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjonijiet tal-eżaminatur tal-1 ta’ Marzu 2005 u tal-Bord tal-Appell tat-22 ta’ Settembru 2005, kif ukoll fis-sentenza Forma ta’ loudspeaker, imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, diġà ġie deċiż li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx applikabbli għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, din tikkunsidra b’mod partikolari li fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet estetiċi ma kinux jirrigwardaw il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, tul il-proċedura li wasslet għas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq, l-UASI sostna b’mod ċar li s-sinjal inkwistjoni kien ikkostitwit minn forma essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, iżda li ma kienx jagħti valur sostanzjali lill-prodott skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94. B’hekk, il-Bord tal-Appell ma setax jipproċedi għal eżami ġdid fir-rigward ta’ tali dispożizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI diġà awtorizza r-reġistrazzjoni, bħala trade marks Komunitarji, ta’ sinjali tridimensjonali li għandhom ċertu disinn.

25      Sussidjarjament, fil-każ fejn jiġi kkunsidrat li la l-UASI u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jkunu diġà ddeċidew dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kellu japplika s-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10, billi jipproċedi unikament bir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, mingħajr ma kellu l-possibbiltà li jqajjem raġuni assoluta għal rifjut oħra. L-ebda dispożizzjoni regolamentari ma tipprevedi li, f’każ bħal dak fil-kawża preżenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ terġa’ tiġi eżaminata mill-Bord tal-Appell fuq il-bażi ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut ġodda. Qabel kollox, eżami bħal dan ma jkunx possibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza, peress li dik iċċitata fid-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-applikazzjoni tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-raġuni assoluta għal rifjut li tirriżulta mill-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 kellha tkun invokata sa mill-bidu tal-proċedura, l-istess bħar-raġunijiet assoluti għal rifjut l-oħra kollha. Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu (1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17 Vol. 1 p. 221), hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004, tas-6 ta’ Diċembru 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti L 183M, p. 345).

26      Fl-aħħar nett, meta invokat is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C-299/99, Ġabra p. I-5475), u tat-8 ta’ April 2003, Linde et. (C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161), ir-rikorrenti żiedet tgħid li, peress li r-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 tikkostitwixxi ostakolu preliminari li jista’ jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal u peress li ma ġietx invokata qabel l-evalwazzjoni tar-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tal-istess Regolament għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, din ma tistax tiġi eżaminata u invokata iktar għal din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

27      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-motiv invokat mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li la l-eżaminatur, fid-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2005, u lanqas il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2005, ma ppronunzjaw ruħhom fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha. Bl-istess mod, permezz tas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 10, u b’mod partikolari fil-paragrafi 40 sa 45 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar il-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 għas sinjal imsemmi.

29      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord tal-Appell ma setax jeżamina t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward ta’ tali dispożizzjoni, peress li l-imsemmija sentenza kienet diġà ddeċidiet il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-imsemmija trade mark, ma huwiex fondat.

30      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, dan tal-aħħar għandu, skont l-Artikolu 233 KE u l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, jieħu l-miżuri sabiex jeżegwixxi eventwali sentenzi ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni.

31      Skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex toħroġ ordnijiet lill-UASI, u huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeduċi, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi tal-parti operattiva u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T-441/05, Ġabra p. II-1937, punt 13).

32      F’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1quinquies tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda r-rinviju ta’ kawża wara sentenza mill-qrati tal-Unjoni, jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, il-miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qrati tal-Unjoni li tannulla b’mod totali jew parzjali d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell jew tal-Awla Manja tal-UASI jinkludu eżami ġdid mill-Bordijiet tal-Appell tal-kawża li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, il-Presidium għandu jiddeċiedi jekk il-kawża tiġix rinvijata quddiem il-Bord li ħa d-deċiżjoni, quddiem Bord ieħor jew quddiem l-Awla Manja tal-UASI.

33      F’dan ir-rigward, jekk jitqies li sinjal, suġġett ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jitqies mill-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li kien iddeċieda l-UASI, li ma jaqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tar-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-UASI li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark twassal neċessarjament lill-UASI, li jkollu joħroġ il-konsegwenzi mill-parti operattiva u mir-raġunijiet tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiftaħ mill-ġdid il-proċedura tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni u sabiex jirrifjutaha jekk jikkunsidra li s-sinjal ikkonċernat jaqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut ieħor skont din l-istess dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2007, Ekabe International vs UASI – Ebro Puleva (OMEGA3), T-28/05, Ġabra p. II-4307, punt 50).

34      Fil-fatt, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009), matul l-evalwazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-UASI għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh sabiex japplika raġuni assoluta għal rifjut. Jekk l-UASI jikkonstata l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut, huwa għandu l-obbligu li jinforma l-applikant b’dan u li jippermetti lil dan tal-aħħar li jirtira jew li jemenda l-applikazzjoni tiegħu jew li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 38(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 37(3) tar-Regolament Nru 207/2009) (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T-129/04, Ġabra p. II-811, punti 16 u 17, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Hartmann vs UASI (E), T-302/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

35      Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza ferm stabbilta, huwa biżżejjed li tkun tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut enumerati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29 u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2007, RheinsfeldsQuellen H. Hövelmann vs UASI (VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN), T-28/06, Ġabra p. II-4413, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, permezz tas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2005 għar-raġunijiet esposti fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. Abbażi tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn din is-sentenza, fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-1 ta’ Marzu 2005 peress li dan tal-aħħar kien ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

37      Barra minn hekk, peress li l-Bord tal-Appell qies li seta’ jkun hemm riskju li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark imressqa mir-rikorrenti taqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut oħra enumerata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa pproċeda ġustament għal evalwazzjoni ġdida ta’ din l-applikazzjoni.

38      Madakollu, ir-rikorrenti ssostni li r-raġuni assoluta għal rifjut abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 ma setgħetx tiġi applikata iktar fil-kuntest ta’evalwazzjoni ġdida mwettqa mill-UASI, sa fejn, skont ir-rikorrenti, din ir-raġuni kellha tiġi evalwata sa mill-bidu tal-proċedura, qabel l-evalwazzjoni tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jelenka r-raġunijiet assoluti għal rifjut differenti li setgħu jopponu r-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark, mingħajr madankollu ma jippreċiża l-ordni li fih dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu evalwati.

40      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mis-sentenzi Phillips u Linde et., iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 26, ma jirriżultax li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 tikkostitwixxi raġuni relattiva għal rifjut li għandha tkun evalwata bil-quddiem minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tal-istess Regolament.

41      Fis-sentenza Linde et., iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26 (punt 67), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat li mill-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92 dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94), jirriżulta b’mod ċar li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija indipendenti mill-oħrajn u tirrikjedi evalwazzjoni separata.

42      Fis-sentenzi Philips u Linde et., iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 26, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104 jikkostitwixxi ostakolu preliminari li jista’ jfixkel milli sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott jiġi rreġistrat, minn dan isegwi li jekk jiġi sodisfatt wieħed biss mill-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni, tali sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark (sentenza Linde et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Hija żiedet li din ma tista’ qatt tikseb karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnha skont il-paragrafu 3 tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26, punti 74 sa 76 u s-sentenza Linde et., iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26, punt 44).

43      Peress li l-Artikolu 3(1)(e) u (3) tad-Direttiva 89/104 huma essenzjalment identiċi għall-Artikolu 7(1)(e) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, mis-sentenzi Philips u Linde et., iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 26, jirriżulta li sinjal li jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 ma jista’ qatt jikseb karattru distintiv, skont l-Artikolu 7(3) tal-istess regolament, permezz tal-użu li jkun sar minnu, filwaqt li din il-possibbiltà teżisti, skont din l-aħħar dispożizzjoni, għas-sinjali milquta mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fl-Artikolu 7(1)(ċ) u (d) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 7(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 207/2009).

44      Konsegwentement, l-evalwazzjoni ta’ sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, jekk twassal għall-konstatazzjoni li waħda mill-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun sodisfatta, ma jkunx hemmx bżonn ta’ evalwazzjoni tal-istess sinjal skont l-Artikolu 7(3) tal-istess regolament, peress li l-impossibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal hija, f’din l-ipoteżi, kkaratterizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, Benetton Group, C-371/06, Ġabra p. I-7709, punt 26). Din l-eżenzjoni tispjega l-interess li wieħed jipproċedi għal evalwazzjoni bil-quddiem tas-sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 fl-ipoteżi fejn tkun possibbli applikazzjoni ta’ diversi raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-imsemmi paragrafu 1, madankollu mingħajr ma tali eżenzjoni neċessarjament tkun tista’ tiġi interpretata bħala li timplika obbligu ta’ evalwazzjoni bil-quddiem tal-istess sinjal skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94.

45      Issa, f’din il-kawża, il-kwistjoni jekk il-forma tal-loudspeaker inkwistjoni tistax, permezz tal-użu li jkun sar minnha, takkwista karattru distintiv, għalkemm dan diġà ġie diskuss fl-istadju tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2005 u tal-kawża li wasslet għas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma ġietx diskussa fil-proċedura preżenti.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma teżisti l-ebda raġuni li tipprekludi milli l-evalwazzjoni tar-raġuni skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 tkun tista’ ssir mill-Bord tal-Appell wara l-evalwazzjoni tar-raġuni skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament, peress li għandu jiġi mfakkar li din l-evalwazzjoni l-ġdida ma hijiex relatata mal-kwistjoni jekk il-forma tal-loudspeaker inkwistjoni tistax, permezz tal-użu li jsir minnha, takkwista karattru distintiv.

47      B’hekk, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi f’dan il-każ meta, wara li qies li setgħet tiġi applikata raġuni assoluta għal rifjut ġdida f’dan il-każ, ipproċeda għall-evalwazzjoni tas-sinjal fir-rigward tar-raġuni skont l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

48      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-UASI diġà awtorizza r-reġistrazzjoni, bħala trade marks Komunitarji, ta’ sinjali tridimensjonali li għandhom ċertu disinn, ir-rikorrenti kkomunikat deċiżjonijiet mogħtija mill-UASI, kif indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, iżda l-argument tagħha ma jistax jirnexxi.

49      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet tal-Appell huma marbuta li jadottaw, skont ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-UASI (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T-304/06, Ġabra p. II-1927, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Finalment, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-UASI diġà rrikonoxxa, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10, li s-sinjal inkwistjoni f’dan il-każ ma setax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-indipendenza tal-President u tal-membri tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, stabbilita fl-Artikolu 131(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 136(4) tar-Regolament Nru 207/2009), dawn ma humiex marbuta mill-pożizzjoni adottata mill-UASI f’kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T-402/07, Ġabra p. II-737, punt 99).

51      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut mal-pożizzjoni li adotta l-UASI quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-karattru estetiku tal-forma inkwistjoni f’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 24 tas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kellux l-obbligu li jesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom huwa injora din il-pożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza ARCOL, iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 50, punt 100).

52      Min dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-rikorrenti tfakkar l-oriġini tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-ratio tar-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade mark iwassal sabiex il-proprjetarju tat-trade mark jakkwista monopolju fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-konsumatur fost il-prodotti tal-kompetituri (sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26, punt 78). Skont ir-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma tiħux inkunsiderazzjoni l-forom li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tal-imsemmi regolament.

54      Hija ssostni li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, peress li tuża l-kelma “esklużivament”. Skont ir-rikorrenti, il-valur sostanzjali tal-prodott għandu jiġi mill-elementi kollha tal-forma tiegħu u, jekk il-valur tal-prodott jiġi minn elementi oħra li ma humiex il-forma, dawn l-elementi għandhom jittieħu inkunsiderazzjoni. Il-fatt li l-imsemmija forma tippreżenta apparenza distinta, partikolari, li tikkontribwixxi eventwalment sabiex tirrendi l-prodott iktar attraenti u b’valur ikbar f’għajnejn il-konsumaturi, ma huwiex biżżejjed għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

55      Fir-rigward tal-valur tal-prodott inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni qabel kollox li, fis-settur ta’ attività tagħha, hemm elementi oħra minbarra l-forma li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-konsumatur, jiġifieri l-karatteristiċi funzjonali tal-prodott, it-trade mark tiegħu u l-promozzjoni kummerċjali tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata peress li, fil-punti 27 u 28 tagħha, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx partikolarment determinanti li wieħed ikun jaf bil-kwalità tal-ħoss tal-loudspeaker inkwistjoni, bil-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott jew bl-immaġni tal-fabbrikant.

56      Sussegwentement, il-valur tal-prodott ma għandux jaspira għall-forom kollha li għandhom disinn rimarkabbli, li jattira l-attenzjoni jew li huwa meħtieġ minn kusiderazzjonijiet estetiċi, peress li, f’każ bħal dan, ikunu l-prodotti li għandhom forom banali biss li jkunu jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade mark Komunitarja. L-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda lil forom bħal ġojjellerija, skulturi jew operi tal-arti oħra li għalihom ikun naturali li l-valur tal-prodott ikun jiddependi ħafna mill-forma tiegħu.

57      Finalment, is-sempliċi fatt li l-forma ta’ prodott, bħal kaxxa tal-ispeakers, ġiet irreġistrata f’wieħed jew iktar mill-Istati Membri bħala disinn u tista’ tkun protetta fl-Unjoni permezz tad-dritt tal-awtur ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni jekk din il-forma tistax tkun ukoll protetta bħala trade mark.

58      F’dak li jirrigwarda l-forma tal-prodott inkwistjoni f’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-konsumatur ikkonċernat jiġi ggwidat mill-funzjonament jew mill-prestazzjoni tal-prodott, jiġifieri l-kwalitajiet tekniċi tal-kaxxa tal-ispeakers, in-notorietà u l-karattru lussuż tat-trade mark Bang & Olufsen, il-promozzjoni kummerċjali tal-prodott kif ukoll id-disinn tiegħu.

59      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-motiv tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

60      Il-forma ta’ prodott hija fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Dan jirriżulta, f’dak li jikkonċerna t-trade mark Komunitarja, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009), li jgħid li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, bħall-kliem, id-disinni, il-forma tal-prodott u l-imballaġġ tiegħu, sa kemm dawn is-sinjali jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C-48/09 P, Ġabra p. I‑8403, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, is-sinjali li huma kkostitwiti esklużivament mill-forma meħtieġa min-natura stess tal-prodott jew mill-forma tal-prodott meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku jew mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott, jiġu rifjutati waqt il-proċedura għar-reġistrazzjoni.

62      Skont il-ġurisprudenza, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħha (ara s-sentenza Lego Juris vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 60, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għalhekk, għal ċerti sinjali tridimensjonali kkostitwiti mill-forma ta’ prodott u li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009), il-qorti tal-Unjoni diġà rrilevat li r-ratio tar-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tikkonsisti f’li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade mark twassal sabiex il-proprjetarju tagħha jingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu rriċerkati mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri (sentenzi Philips, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26, punt 78; Linde et., iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26, punt 72, u Lego Juris vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 60, punt 43) filwaqt li ppreċiżat li r-reġistrazzjoni tal-forom inkwistjoni tista’ tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jwaqqaf lill-impriżi l-oħra mhux biss milli jużaw l-istess forma, iżda wkoll milli jużaw forom simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

64      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li dan ir-ratio ma jirrigwardax il-forom li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, xejn ma jippermetti li jitqies li r-ratio tar-raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni stabbilita f’din l-aħħar dispożizzjoni hija ta’ natura differenti minn dik adottata mill-ġurisprudenza għar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii), b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti.

65      F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 26 (Ġabra p. I-5478) fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, li sostanzjalment huwa identiku għall-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, l-għan immedjat tar-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-forom purament funzjonali jew li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott huwa li jiġi evitat li d-dritt esklużiv u permanenti li tagħti trade mark jista’ jservi biex joħloq drittijiet oħra li l-leġiżlatur ried jissottometti għal “skadenza taż-żmien”.

66      Abbażi tar-raġuni għal rifjut għar-reġistrazzjoni dwar il-forom tal-prodotti meħtieġa għall-kisba ta’ riżultat tekniku, dak li jirrifjuta r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament minn forom li jagħtu valur sostanzjali lill-prodotti tipprova tevita milli jingħata monopolju fuq tali forom.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-forma inkwistjoni ma setgħetx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

68      Issa, min-naħa waħda, is-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit esklużivament mill-forma hekk kif ġiet riprodotta fil-punt 2 ta’ din is-sentenza.

69      Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 40 tas-sentenza Forma ta’ loudspeaker, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 10, li ma huwiex ikkontestat, l-imsemmija farma tirrappreżenta l-forma ta’ loudspeaker, li tikkonsisti minn kon li jixbah lapes jew tubu ta’ orgni, u li l-ponta tiegħu tmiss ma’ bażi kwadra, u minn wiċċ rettangolari twil li huwa mwaħħal fuq naħa waħda ta’ dan il-kon u li jqiegħed aċċent fuq l-impressjoni li l-piż tal-prodott sħiħ jistrieħ biss fuq il-ponta li bilkemm tmiss il-bażi kwadra, b’tali mod li dan il-prodott jifforma disinn rimarkabbli u huwa mmemorizzat faċilment.

70      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra l-forma, b’mod partikolari l-kwalitajiet tekniċi tal-prodott inkwistjoni, u kellu jikkonstata li l-forma ma tagħtix valur sostanzjali lil dan il-prodott, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

71      F’dan ir-rigward, din iddeċidiet, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fejn il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha imperattivament tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li hija essenzjali sabiex ikun iddeterminat jekk is-sinjal ippreżentat sabiex ikun irreġistrat bħala trade mark jippermettix li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala provenjenti minn impriża partikolari, li tali obbligu ma jistax ikun impost fil-kuntest tal-paragrafu 1(e) ta’ dan l-artikolu (ara s-sentenza Lego Juris vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 60, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 iżda tista’, l-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal (sentenza Lego Juris vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 60, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’din il-kawża, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi rrilevat li d-disinn, għall-prodott inkwistjoni, huwa element li huwa importanti ħafna fl-għażla tal-konsumatur, anki jekk il-konsumatur jieħu wkoll inkunsiderazzjoni karatteristiċi oħra tal-prodott inkwistjoni.

74      Fil-fatt, il-forma li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni turi disinn totalment partikolari u r-rikorrenti stess tammetti, b’mod partikolari fil-punt 92 tar-rikors, li dan id-disinn huwa element essenzjali tal-istrateġija tat-trade mark tagħha u li jżid l-attrazzjoni tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-valur tiegħu.

75      Barra minn hekk, mill-elementi ċċitati fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri mill-estratti mis-siti tal-Internet tad-distributuri, mill-bejgħ bl-irkant jew mill-bejgħ ta’ prodotti użati, jirriżulta li l-karatteristiċi estetiċi ta’ din il-forma huma enfasizzati mill-ewwel u li tali forma hija pperċepita bħala tip ta’ skultura pura, irqiqa u bla żmien għar-riproduzzjoni tal-mużika, li jirrenduha element sostanzjali bħala argumentazzjoni għall-promozzjoni tal-bejgħ.

76      Għalhekk, f’dan il-każ, ma jidhirx li l-Bord tal-Appell wettaq xi żball meta kkunsidra li, indipendentement mill-karatteristiċi l-oħra tal-prodott inkwistjoni, il-forma li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħti valur sostanzjali lill-imsemmi prodott.

77      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-fatt li jitqies li l-forma tagħti valur sostanzjali lill-prodott ma jeskludix li karatteristiċi oħra tal-prodott, bħall-kwalitajiet tekniċi f’dan il-każ, jistgħu jagħtu wkoll valur importanti lill-prodott inkwistjoni.

78      B’hekk, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkonkludi li s-sinjal inkwistjoni kien jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94.

79      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

80      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bang & Olufsen A/S hija kkundannata għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’Ottubru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top