EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0009

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tat-18 ta' Marzu 2010.
Grupo Promer Mon Graphic, SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Disinji Komunitarji - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità- Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari - Disinn Komunitajru preċedenti - Raġuni ta’ invalidità - Kunflitt - Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti - Kunċett ta’ kunflitt - Prodott inkwistjoni - Grad tal-libertà tad-disinjatur - Utent informat - Artikolu 10 u Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Kawża T-9/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:96

Kawża T-9/07

Grupo Promer Mon Graphic, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari — Disinn Komunitajru preċedenti — Raġuni ta’ invalidità — Kunflitt — Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti — Kunċett ta’ kunflitt — Prodott inkwistjoni — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Utent informat — Artikoli 10 u 25(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Sommarju tas-sentenza

1.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Kunċett — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10 u 25(1)(d))

2.      Disinni Komunitarji — Applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Kundizzjonijiet — Indikazzjoni dwar il-prodotti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 36(2) u (6))

3.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Utent informat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10(1) u 25(1)(d))

4.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10 u 25(1)(d))

1.      L-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni Komunitarji għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju huwa f’kunflitt ma’ disinn preċedenti meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tal‑isemmi disinn Komunitarju, dan id-disinn ma jagħtix lill-utent informat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti invokat.

Din l-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu 25(1)(d) hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ disinn li jibbenefika minn preċedenza bħal dik deskritta f’din id-dispożizzjoni kontra kwalunkwe dannu għall-imsemmi disinn minħabba l-koeżistenza ta’ disinn Komunitarju sussegwenti li jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent informat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti jiċċaħħad mill-possibbiltà li jitlob l-invalidità ta’ tali disinn Komunitarju sussegwenti u mill-protezzjoni effettiva mogħtija mid-disinn tiegħu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 jew l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni.

(ara l-punti 52, 53)

2.      Disinn li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinni Komunitarji, id-dehra ta’ prodott, l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandha jkollha, skont l-Artikolu 36(2) tal‑imsemmi regolament, l-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom ikun maħsub li jiġi applikat. Madankollu, jekk l-indikazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn hija obbligatorja, din l-informazzjoni ma tikkawżax dannu, abbażi tal‑Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-firxa tal-protezzjoni tad‑disinn bħala tali.

Għaldaqstant, mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat il-prodott li fih id-disinn kkontestat ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑indikazzjoni li tirrigwardah fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal‑imsemmi disinn, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, dik li tirrigwarda d-disinn stess, sa fejn din tippreċiża n-natura tal‑prodott, id-destinazzjoni jew il-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-disinn innifsu jista’ jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott fi ħdan kategorija ta’ prodotti usa’ indikata waqt ir-reġistrazzjoni u konsegwentement, id‑determinazzjoni effettiva tal-utent informat u l-grad ta’ libertà tad‑disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

(ara l-punti 55, 56)

3.      L-utent informat, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id‑disinni Komunitarji, għandu viġilanza partikolari u jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, jew, jekk ikun il-każ, fid-data li fiha l-prijorità ntalbet.

(ara l-punt 62)

4.      Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir‑restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinni applikati fuq il-prodott ikkonċernat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni fuq l-utent informat, li għandu ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl‑iżvilupp tad-disinn ikkontestat. Għaldaqstant, sa fejn ix-xebh bejn id-disinni inkwistjoni jirrigwardaw karatteristiċi komuni, dan ix-xebh ikollu ftit importanza fuq l-impressjoni globali mogħtija mill-imsemmija disinni fuq l-utent informat. Barra minn hekk, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu suffiċjenti sabiex jagħtu impressjonai globali differenti lill-utent informat.

(ara l-punti 67, 72)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità– Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrapreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari – Disinn Komunitajru preċedenti – Raġuni ta’ invalidità – Kunflitt – Nuqqas ta’ impressjoni globali differenti – Kunċett ta’ kunflitt – Prodott inkwistjoni – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Utent informat – Artikoli 10 u 25(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑9/07,

Grupo Promer Mon Graphic, SA, stabbilita f’Sabadell (Spanja), irrappreżentata minn R. Almaraz Palmero, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

PepsiCo, Inc., stabbilita f’New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tas-27 ta’ Ottubru 2006 (Każ R 1001/2005‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Grupo Promer Mon Graphic, SA u PepsiCo, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2007,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2007

wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2009

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002

1        Ir-regoli dwar id-disinji Komunitarji huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        L-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolment:

a)      ‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu.”

3        Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002:

“1. L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.”

4        L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni jipprovdi:

“1. Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

a)      jekk id-disinn ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a);

b)      jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9;

ċ) jekk, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-pussessur tad-dritt ma jkunx intitolat għad-disinn Komunitarju skond l-Artikolu 14;

d)      jekk disinn Komunitarju jkun f'konflitt ma’ disinn minn qabel li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn Komunitarju, u li jkun protett minn data minn qabel id-data msemmija minn disinn Komunitarju rreġistrat jew minn applikazzjoni għal dan id-disinn, jew bi dritt rigward disinn irreġistrat ta’ Stat membru, jew b’applikazzjoni għal dan id-dritt;

e)      jekk jintuża sinjal distintiv f’disinn sussegwenti, u l-liġijiet Komunitarji jew il-liġijiet ta’ Stat Membru li jirregolaw dan is-sinjal jikkonferixxu fuq il-pussessur tad-dritt għas-sinjal id-dritt li jipprojbixxi dan l-użu;

f)      jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett bil-liġjiet tad-drittijiet ta’ l-awtur ta' Stat Membru;

g)      jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta' kull oġġett elenkat fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali minn issa 'l quddiem imsejħa bħala "il-Konvenzjoni ta' Pariġi", jew tal-badges, l-emblemi u l-armi tar-razza l-oħra għajr dawk koperti bl-Artikolu 6ter u li jkunu ta' interess pubbliku partikolari fi Stat Membru.

[…]

3. Ir-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafu (1)(d), (e) u (f) jistgħu jiġu invokati biss mill-applikant għad-dritt ta' iktar qabel jew mill-pussessur tiegħu.

[…]”

5        L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

“[…]

2. L-applikazzjoni għandu barra minn hekk ikun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat.

[…]

6. It-tagħrif li jkun jinsab fl-elementi msemmija fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3(a) sa (d) ma għandux jaffettwa l-iskop tal-protezzjoni tad-disinn bħala ta’ hekk.”

6        Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 6/2002, “d-data tal-prijorità għandha tgħodd bħala d-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għall-għanijiet ta’ l-Artikoli […] 25(1)(d)”.

7        L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li: “[b]la ħsara għall-Artikolu 25(3), (3) (4) u (5), kull persuna naturali jew legali, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa li tagħmel dan, jistgħu jissottomettu lill-[UASI] applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat.”

8        Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 6/2002: “[j]istgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-appelli”.

9        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002 tipprovdi li: “[i]d-deċiżjonijiet ta’ l-[UASI] għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa”.

2.     Id-Direttiva 98/71/KE

10      L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/71/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120) jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva: 

a)      ‛disinn’ tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, ta’ linji, kontorni, kuluri, għamla, nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu u/jew it-tiżjin tiegħu”

11      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71:

“1. L-għan tal-protezzjoni mogħtija minn dritt ta’ disinn għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq min jużah b'mod infurmat.

2. Meta jitqies l-għan tal-protezzjoni għandu jittieħed kont ta' kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Fid-9 ta’ Settembru 2003, l-intervenjenti, PepsiCo, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal disinn Komunitarju lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament Nru 6/2002. Waqt l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, intalbet il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157156, ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2003, u li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Novembru 2003.

13      Id-disinn Komuniterju ġie rreġistrat taħt in-numru 74463-0001 għall-prodotti li ġejjin: “Oġġetti promozzjonali tad-divertiment”. Huwa rrapreżentat kif ġej:

Image not found

14      Fl-4 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti, Grupo Promer Mon Graphic, SA, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Nru 74463‑0001 (iktar ’il quddiem “id-disinn ikkontestat”) skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002.

15      It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq id-disinn Komunitarju rreġistrat taħt in-numru 53186-0001 (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”), ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2003, u li għalih intalbet il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157098, ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2003, u li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu ġiet ippubblikata f-1 ta’ Novembru 2003. Id-disinn preċedenti huwa rreġistrat għall-prodotti li ġejjin “Fojl tal-metall għad-divertiment”. Huwa rrapreżentat kif ġej: 

Image not found

16      Il-motivi invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ dritt preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d) tal-imsemmi regolament.

17      Fl-20 ta’ Ġunju 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

18      Fit-18 ta’ Awwissu 2005, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l‑UASI, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

19      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2006, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Wara li ċaħad l-argument tar-rikorrenti dwar il-mala fide tal-intervenjenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li d-disinn ikkontestat ma huwiex f’kunflitt mad-dritt preċedenti tar-rikorrenti, u li għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 ma ġewx sodisfatti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti marbuta mad-disinji inkwistjoni jaqgħu taħt kategorija partikolari ta’ oġġetti promozzjonali, jiġiefieri it-“tazos” jew ir-“rappers”, u li, għaldaqstant, il-libertà tad-disinjatur responsabbli sabiex joħloq tali oġġetti promozzjonali kienet “ristretta b’mod serju”. Minn dan, il-Bord tal-Appell iddeduċa li d-differenza fil-profil tad-disinji inkwistjoni kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent informat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-UASI u l-intervenjenti għall-ispejjeż.tal-istanza preżenti kif ukoll dawk ta’ quddiem it-Tielet Bord tal-Appell.

21      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq id-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

22      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-dokumenti li jidhru fl-Annessi Nri 6 u 9 tar-rikors, li ma ġewx ippreżenti fi stadju preċedenti tal-proċeduri. Id-dokument Nru 6 jikkostitwixxi estratti mis-sit internet tal-UASI, li jirrigwardaw żewġ reġistrazzjonijiet ta’ disinji Komunitarji, ippubblikati fid-9 ta’ Marzu 2004, u li jirrapreżentaw biċċiet ta’ logħba eżgonali. Id-dokumenti Nru 7 huwa kopja parzjali ta’ ftehim privat konkluż bejn ir-rikorrenti u kumpannija oħra. Id‑dokumenti Nru 8 huwa estratt minn sit internet li fih l-informazzjoni dwar il-“pogs” u t-“tazos”. Id-dokumenti Nru 9 huwa dokument li juri s-sensiela ta’ prodotti tar-rikorrenti, imsemmija “BEYBLADETMSPINNERS”.

23      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermat li d-dokumenti Nru 6 sa 9 ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiemha, filwaqt li ppreċiżat li hija pproduċiet dawn id-dokumenti fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u tad-dispożittiv tagħha.

24      Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir‑rikors quddiem il-Qorti tal-Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod li l-funzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata]

25      Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mill‑argumenti tar-rikorrenti, waqt is-seduta, li hija kienet ippreżentat l-imsemmija dokumenti fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     Fuq il-mertu

26      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-mala fide tal-intervenjenti u fuq l-interpretazzjoni restrittiva tar-Regolament Nru6/2002 fid-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-mala fide tal-intervenjenti u fuq l-interpretazzjoni restrittiva tar-Regolament Nru 6/2002

27      Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal‑Appell interpreta b’mod restrittiv ir-Regolament Nru 6/2002, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-mala fide tal-intervenjenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-“iżvelar” tad-disinn preċedenti tagħha lill‑intervenjenti, “b’mod privat u kunfidenzjali”, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2003, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet kummerċjali, u l-ikkupjar tal-linji bażiċi tal-imsemmi disinn fid-disinn ikkontestat, ippreżentat sussegwentement. Għaldaqstant, id-data tal-iżvelar lill-pubbliku tad‑disinn preċedenti kellha ftit importanza u, minħabba n-natura aleatorja tad-dati ta’ pubblikazzjoni, hija importanti biss, fil-kawża preżenti, il‑kwistjoni sabiex isir magħruf jekk id-disinn preċedenti ġiex ippreżentat qabel id-disinn ikkontestat u jekk id-data tal-prijorità mitluba hijiex preċedenti.

28      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

29      Il-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra li l‑argument ibbażat fuq il-mala fide tal-proprjetarju tad-disinn ikkontestat ma kienx relevanti, peress li l-kwistjoni ma hijiex dwar jekk wieħed mid-disinji inkwistjoni kienx kopja tal-ieħor, iżda jekk dawn jagħtux l-istess impressjoni globali.

30      Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jistabilixxi raġunijiet ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju. Din il-lista għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti, peress li l-imsemmi artikolu jipprovdi li disinn jista’ jiġi ddikjarat invalidu biss għal waħda mir-raġunijiet previst minnha. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-mala fide ta’ proprjetarju ta’ disinn ma hijiex imsemmija.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti invokat, fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll l-eżistenza ta’ dritt preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d) tal-istess regolament. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn ir-raġunijiet ta’ invalidità, għandu jiġi kkunsidrat li l-kwistjoni tal‑mala fide allegata tal-intervenjenti hija nieqsa minn rilevanza, peress li ma tirrigwardax deċiżjoni fuq l-aġir tal-proprjetarju tad-disinn ikkontestat.

32      Fl-aħħar, b’mod kuntrarju għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, hija d‑data tal-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) u (d) tar-Regolament Nru 6/2002. Issa, ir-rikorrenti tindika li d-disinn preċedenti ġie “żvelat” lill‑intervenjenti “b’mod privat u kunfidenzjali” b’ittra tal-21 ta’ Frar 2003, u żvelat lill-pubbliku fil-1 ta’ Novembru 2003. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi disinn ma ġiex żvelat lill-pubbliku fil‑21 ta’ Frar 2003 u li dan l-“iżvelar” ma jistax jiġi invokat fid‑dawl tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) u (d) tar-Regolament Nru 6/2002.

33      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-mala fide tal-intervenjenti u fuq interpretazzjoni restrittiva tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi miċħud.

34      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002

 L-argumenti tal-partijiet

35      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-“tazos” jew ir-“rappers” ma jirrapreżentawx kategorija ta’ prodotti fihom infushom, iżda li jagħmlu parti mill-kategorija ta’ oġġetti promozzjonali għad-divertiment. Ir‑rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell irrefera , fil-punti 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prodotti magħrufa bl-ismijiet “tazos” u “pogs” jew “rappers”, bħalli kieku kienu prodotti identiċi, u kkunsidra li l-kelma “tazos” hija t-traduzzjoni Spanjola tal‑kelma Ingliża “rappers”. Issa, il-“pops”, li jiddataw mis-snin 1920, huma biċċiet bidimensjonali ċatti ħafna, tal-kartun, u ċ-ċaqliq u t-tidwir tagħhom huwa diffiċli ħafna. Min-naħa l-oħra, ir-“rappers” huma komposti b’wiċċ tal-metall li jippermetti ċ-ċaqliq u t-tidwir tagħhom b’mod faċli ħafna. Il-parti ċentrali tagħhom u l-kompożizzjoni metallika tagħhom tagħmilhom differenti ħafna mill-“pogs” jew mit-“tazos”, maħluqa fis-snin 1994-1998, u l-logħob tagħhom huwa differenti ħafna.

36      It-tieni nett, billi tirriferi għall-oġġetti promozzjonali għad-divertiment, ir-rikorrenti tikkontesta, għaldaqstant, l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat hija “ristretta b’mod serju”.

37      It-tielet nett, l-utent informat huwa tifel jew tifla ta’ bejn madwar 5 sa 10 snin, u mhux direttur tal-marketing kif indikat fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Tali direttur fl-industrija tal-ikel ma huwiex l-utent finali u jkollu livell ta’ speċjalizzazzjoni ogħla minn dik ta’ sempliċi utent.

38      Ir-raba’ nett, id-disinji inkwistjoni jagħtu l-istess impressjoni globali, peress li, b’mod kuntrarju għall-analiżi mwettqa fil-punti 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi tal-profil tad-disinji inkwistjoni ma humiex evidenti, peress li l-iskoperta tagħhom teħtieġ attenzjoni partikolari u osservazzjoni attentiva tad-disk. Issa, ir-rikorrenti tiddubita li tifel żgħira jew tifla żgħira ser jeżaminahom mill-profil b’mod attentiv ħafna sabiex jiskopru d-differenzi bejniethom.

39      L-ewwel nett, l-UASI jsostni li huma ż-żewġ partijiet li għandhom jipprovdu l-informazzjoni li tirrigwarda n-natura konkreta tal-prodott inkwistjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tas-suq ikkonċernat u l-perċezzjonijiet tad-disinji fuq is-suq mill-utent informat. Issa, quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti kienet ippreżentat xi informazzjoni fuq il-prodott inkwistjoni u “f’daqqa waħda sar ċar” li l-“pogs” jiffurmaw kategorija partikolari ta’ prodotti, li għandhom is-suq proprju tagħhom u li l-mod tal-użu partikolari tagħhom jinfluwenza l-forma u l-karatteristiċi tagħhom. Billi jirriferi għall-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, l-UASI jsostni li l-intervenjenti b’hekk ressqet prova li l-utent informat jaf il-biċċiet ta’ logħba ta’ forma ċirkulari u ċatta, eventwalment iddistribwiti bħala oġġetti promozzjonali, b’mod partikolari fis-settur tal-ikel.

40      It-tieni nett, l-UASI jfakkar li, skont il-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“pogs” ipprovduti mill-partijiet quddiem il-Bord tal-Appell, jikkonsistu kollha f’diski ċatti, tal-plastikk u tal-kartun, bi stampi fuqhom, u li l-parti ċentrali elevata tagħhom isservi sabiex tagħmel ħoss meta tingħafas il-parti ċentrali tal-“pog”. L-UASI jżid li din il-parti ċentrali elevata tad-disk għandha tkun tal-metall sabiex tagħmel ħoss, li sservi sabiex iżżid il-kapaċità ta’ tidwir tagħha sabiex iddaħħal element ta’ ażżard fil-logħba u li l-forma tagħha għandha tkun elementarja sabiex l-istampa li tkopri l-“pogs” ma tinbidilx. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, ix-xifer tagħhom għandu jkun tond u l-wiċċ ċentrali elevat m’għandux ikun ogħla mill-ġnub, sabiex il-“pogs” ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-libertà tad-disinjatur hija limitata minn ċerti restrizzjonijiet hija ġġustifikata. Fl-aħħar, l-UASI jżid li l-konklużjoni fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata hija fondata jekk il-Qorti Ġenerali taċċetta li, fid-data tal-prijorità tad-disinn preċedenti, l-utent informat jistenna minn prodott bħal “pog”, jew minn kwalunkwe oġġett ieħor f’din il-kategorija ta’ prodotti partikolari, li jkollu forma ta’ diska, peress li dan huwa l-istandard fis-suq industrijali inkwistjoni.

41      It-tielet nett, l-utent informat huwa informat, għaldaqstant attentiv, u jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-patrimonju tad-disinji, kif ukoll tat-tendenzi li jirrigwardaw il-prodott fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu, dan ma huwiex id-disinjatur u lanqas il-produttur tal-prodott inkwistjoni. B’mod partikolari huwa għandu l-possibbiltà li jipproċedi għal paragun dirett bejn id-disinji inkwistjoni. L-UASI indika, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li, fil-kawża preżenti, tifel jew tifla li għandhom 5 sa 10 snin huma osservanti daqs kwalunkwe kategorija ta’ adulti, jekk mhux iktar.

42      Ir-raba’ nett, skont l-UASI, ir-rikorrenti taqbel mal-analiżi mwettqa fil-punti 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-paragun bejn id-disinji għandu jkun limitat għar-rappreżentazzjonijiet grafiċi. Il-fatt li d-disinji inkwistjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati għal diski tal-metall huwa irrelevanti, fin-nuqqas ta’ tali speċifikazzjoni fir-reġistrazzjonijiet. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi d-differenzi ta’ profil, peress li l-projezzjoni tad-disinji kkontestati ma jidhrux meta wieħed iħares minn fuq. Fid-dawl tal-grad ta’ libertà limitata tad-disinjatur, anki d-differenzi relattivament żgħar huma suffiċjenti sabiex tinħoloq impressjoni globali differenti. Issa, id-disinji inkwistjoni jippreżentaw xi differenzi fir-rigward ta’ żewġ aspetti prinċipali li permezz tagħhom id-disinjatur jesprimi l-libertà tiegħu, jiġifieri l-għażla tal-motiv li jżejjen iċ-ċentru ta’ dawn il-“pogs” u l-konfigurazzjoni tiegħu fuq dan il-wiċċ elevat.

43      L-ewwel nett, skont l-intervenjenti, it-“tazos” jew ir-“rappers” jiffurmaw kategorija partikolari ta’ oġġetti promozzjonali, li fiha jagħmlu parti t-“tazos” jew ir-“rappers” tal-metall. Hija ilha tbigħ dan it-tip ta’ prodotti għal iktar minn 10 snin. Barra minn hekk, in-natura metallika hija irrelevanti, peress li hija natura funzjonali.

44      It-tieni nett, il-kampjuni ta’ “tazos” jew ta’ “rappers” ippreżentati mill-partijiet quddiem l-UASI juru li l-prodotti li r-rikorrenti u l-intervenjenti jbigħu huma ċatti, ċirkulari, b’tarf tond u mimlija bi stampi tal-kulur. Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur huwa dgħajjef ħafna għall-prodotti inkwistjoni u d-dettalji żgħar huma suffiċjenti sabiex joħolqu impressjoni globali differenti.

45      It-tielet nett, fir-rigward tal-utent informat, kemm jekk ikun tifel jew tifla jew direttur tal-marketing, l-essenzjal huwa li jkun informat bil-fenomenu tat-“tazos” jew tar-“rappers”, hekk kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punti 17 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-imsemmi utent huwa kapaċi jagħraf id-differenzi żgħar kollha bejn it-tipi differenti ta’ “tazos” jew ta’ “rappers” li huma differenti minn normal, il-kumpanniji tal-marketing ser ikomplu joffru verżjonijiet iktar perfezzjonati tagħhom fuq is-suq.

46      Ir-raba’ nett, id-disinji inkwistjoni jagħtu impressjoni globali differenti, kif il-Bord tal-Appell juri fil-punti 21 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-wiċċ superjuri tad-disinji inkwistjoni, jiġifieri l-parti l-iktar viżibbli mill-utenti, jippreżentaw differenzi sostanzjali, li jimplika li dawn id-differenzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux sinjifikattivi, b’mod partikolari għal utent informat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47      Skont l-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat bħala invalidu meta jkun f’konflitt ma’ disinn preċedenti, li jkun ġie żvelat lill-pubbliku wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn Komunitarju, u li jkun protett minn data preċedenti mir-reġistrazzjoni jew minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn jew mir-reġistrazzjoni ta’ disinn fi Stat Membru, jew minn applikazzjoni għall-kisba tad-dritt relatat.

48      Peress li l-kunċett ta’ kunflitt ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jiġi spjegat. Fil-punti 14 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kunflitt jeżisti bejn żewġ disinji meta dawn jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent informat u li hemm lok f’dan ir-rigward li jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat.

49      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 fir-rigward ta’ disinn Komunitarju, u skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71, fir-rigward ta’ disinn irreġistrat fi Stat Membru, il-protezzjoni mogħtija minn disinn testendi għal kull disinn li ma jagħtix lill-utent informat, impressjoni globali differenti u li, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ din il-protezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-kliem tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, bħal dawk tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/71, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, jindikaw li din tirrigwarda “impressjoni ġenerali differenti”. Żewġ verżjonijiet lingwistiċi (il-verżjoni Franċiża u l-verżjoni Rumena), fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, u waħda minnhom biss (il-verżjoni Franċiża), fir-rigward tal-Artikolu 9 tad‑Direttiva 98/71, jipprovdu li din hija “impressjoni viżiva globali differenti”. Madankollu, peress li disinn huwa biss, skont l-Artikolu 3(a) tar‑Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71, id-dehra ta’ prodott jew parti minn prodott, għandu jiġi kkunsidrat li l-impressjoni globali, li għaliha ssir riferenza fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll fl-artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/71, tista’ tkun biss viżiva. Għaldaqstant, id-differenza fil-kliem bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ma tagħtix, f’dan ir-rigward, sens differenti lil din id-dispożizzjoni.

51      Sussegwentement, mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/71 jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk disinn huwa f’kunflitt ma’ disinn preċedenti, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

52      Konsegwentement, l-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju huwa f’kunflitt ma’ disinn preċedenti meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tal-isemmi disinn Komunitarju, dan id-disinn ma jagħtix lill-utent informat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti invokat. Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell seta’ jżomm tali interpretazzjoni.

53      Għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 hija adatta biss sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ disinn li jibbenifika minn preċedenza bħal dik deskritta f’din id-dispożizzjoni kontra kwalunkwe dannu għall-imsemmi disinn minħabba l-koeżistenza ta’ disinn Komunitarju sussegwenti li jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent informat. Fil-fatt, f’nuqqas ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti jiċċaħħad mill-possibbiltà li jitlob l-invalidità ta’ tali disinn Komunitarju sussegwenti u mill-protezzjoni effettiva mogħtija mid-disinn tiegħu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 jew l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/71.

–       Fuq il-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa intiż biex jidher jew li fuqu huwa intiż li jiġi applikat

54      Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal‑Appell iddefinixxa l-kategorija tal-prodotti kkonċernati bid-disinji inkwistjoni bħala “pogs”, “rappers” jew “tazos”, filwaqt li l-prodotti ma jirrapreżentawx kategorija omoġenja ta’ prodotti. Skont ir-rikorrenti, il‑Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-kategorija tal-oġġetti promozzjonali tad-divertiment.

55      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi d-dehra ta’ prodott, l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandha jkollha, skont l-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, l-indikazzjoni tal-prodott li fih id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk l-indikazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn hija obbligatorja, din l-informazzjoni ma tikkawżax dannu, abbażi tal‑Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-firxa tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali.

56      Għaldaqstant, mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat il-prodott li fih id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-indikazzjoni li tirrigwardah fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal‑imsemmi disinn, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, dik li tirrigwarda d-disinn stess, sa fejn din tippreċiża n-natura tal-prodott, id-destinazzjoni jew il-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-disinn innifsu jista’ jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott fi ħdan kategorija ta’ prodotti usa’ indikata waqt ir-reġistrazzjoni u konsegwentement, id‑determinazzjoni effettiva tal-utent informat u l-grad ta’ libertà tad‑disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

57      Għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 16 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti li fihom id-disinji inkwistjoni huma intiżi sabiex jiġu inkorporati jew li magħhom ikun maħsub li jiġu applikati ġew imsemmija “pogs” jew “rappers”, bl-Ingliż, jew “tazos” bl-Ispanjol, filwaqt li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ħadet inkusinderazzjoni l-oġġetti promozzjonali tad-divertiment.

58      Fil-kawża preżenti, id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat għall-prodotti li ġejjin: “Oġġetti promozzjonali tad-divertiment”.

59      Jekk huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-disinn ikkontestat huwa intiż sabiex jiġi applikat, bħad-disinn preċedenti, għall-oġġetti promozzjonali tad-divertiment, l-eżami tal-imsemmi disinn juri huwa nnifsu li jirrigwarda kategorija partikolari ta’ oġġetti promozzjonali tad‑divertiment. Barra minn hekk, kif innota l-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti, quddiem il-Bord tal-Appell, ippreżentat xi elementi relattivi għall-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari xi elementi li jirrigwardaw it-“tazos”, li hija ilha tikkummerċjalizza mill-1995. B’hekk, il-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra b’mod validu li l-intervenjenti ppermettiet li jiġu ddeterminati b’mod konkret in-natura u l-funzjoni tal-prodotti, li huma biċċiet ta’ logħob magħrufa taħt l-ismijiet ta’ “pogs”, ta’ “rappers” jew ta’ “tazos”. Barra minn hekk, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża li l-oġġetti promozzjonali għal-logħob partikolari kienu intiżi għal tfal żgħar u kienu jservu b’mod ġenerali, sabiex jiżguraw il-promozzjoni tal-gallettini u tal-prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata, li huwa paċifiku bejn il-partijiet.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-prodott inkwistjoni jaqa’, fi ħdan il-kategorija wiesgħa ta’ oġġetti promozzjonali tad-divertiment, taħt kategorija partikolari, li hija dik tal-biċċiet tal-logħob magħrufa bl-ismijiet ta’ “pogs”, ta’ “rappers” jew ta’ “tazos”.

–       Fuq l-utent informat

61      Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal‑Appell ikkunsidra li l-utent informat seta’ jkun ukoll direttur tal‑marketing, filwaqt li f’dan il-każ huwa fil-verità, tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin.

62      Fir-rigward tal-utent informat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan ma huwiex prodottur u lanqas bejjiegħ tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom ikun maħsub li jiġi applikati. L-utent informat għandu viġilanza partikolari u jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinji li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, jew, jekk ikun il-każ, fid-data li fiha l-prijorità ntalbet.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-Bord tal-Appell ma ddefinixxix b’mod preċiż l-utent informat fil-kawża preżenti, huwa, b’mod kuntrarju għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, lanqas ma warrab l‑ipoteżi li dan seta’ jirrigwarda tifla jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin.

64      Huwa ġustament li l-Bord tal-Appell qies, fil-punti 16 u 17 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-utent informat seta’ jkun tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin jew direttur tal-marketing ta’ kumpannija li timmanifattura li l-promozzjoni tagħhom hija żgurata billi jiġu offerti “pogs”, “rappers” jew “tazos”. Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-utent informat, kif ġie ppreċiżat fil-punt 62 iktar ’il fuq, jirriżulta li, peress li l-prodotti li fihom id-disinn huwa intiż li jiġi applikat huma “pogs”, “rappers” jew “tazos”, għandu jiġi kkunsidrat li l-utent informat jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat tal-arti preċedenti fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-biċċijiet tal-logħob intiżi b’mod iktar preċiż għat-tfal, dan l-utent jista’ jkun, kif indika wkoll il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin, fatt li la l-UASI u lanqas l-intervenjenti ma jikkontestaw. Madankollu, fir-rigward ukoll ta’ oġġett promozzjonali, l-utent informat jista’ jkun ukoll, fil-kawża preżenti, direttur tal-marketing ta’ kumpannija li tuża dawn it-tipi ta’ prodott għall-promozzjoni tal-prodotti tagħha stess.

65      Hekk kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex importanti jekk l-utent informat huwa tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin jew direttur tal-marketing li timmanifattura prodotti li l-promozzjoni tagħhom hija żgurata bl-offerta ta’ “pogs”, ta’ “rappers” jew ta’ “tazos”, peress li dak li jgħodd huwa li ż-żewġ kategoriji ta’ persuni jafu bil-fenomenu ta’ “rappers”.

–       Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

66      Billi tibbaża ruħha fuq il-fatt li d-disinn ikkontestat jappartjeni għall‑kategorija ġenerali ta’ oġġetti promozzjonali, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 20 tagħha, li l-libertà tad-disinjatur kienet, fil‑kawża preżenti, “ristretta b’mod serju”.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir‑restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinji applikati fuq il-prodott ikkonċernat.

68      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li r‑“rappers” jew “tazos” kollha eżaminati fil-kawża preżenti jikkostitwixxu diski ċatti żgħar jew xi ftit konvessi, li jistgħu jkunu tal‑plastikk jew tal-metall. Minn dan huwa ddeduċa, fil-punt 20 ta’ din id-deċiżjoni, li l-libertà li minnha jgawdi d-disinjatur li għandu joħloq tali prodott hija “ristretta b’mod serju”, peress li, għal dan it-tip ta’ prodott, “il-mudell huwa llimitat għal disk ċatt żgħir jew kważi ċatt li fuqu xi stampi bil-kulur jistgħu jiġu stampati [u] spiss, id-disk huwa konvess lejn iċ-ċentru, tat-tip li jagħmel ħoss meta tifel jew tifla jafsu ċ‑ċentru tad-disk”, filwaqt li ppreċiża li “‛rapper’ li m’għandux dawn il‑karatteristiċi jkollu ftit ċans li jiġi aċċettat fuq is-suq”.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-“pogs”, ir-“rappers” jew it‑“tazos” għandhom forma ċirkulari u li, fid-data tal-preżentata tal‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, fil-kawża preżenti fid-data tal-prijorità mitluba għall-imsemmi disinn, il-“pogs”, ir-“rappers” jew it-“tazos” ippreżentaw dawn il-karatteristiċi komuni, li d-disinjatur kellu jieħu inkunsiderazzjoni, kif deskritti fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, u mfakkra fil-punt 68 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma daħħlitx inkwistjoni mill-partijiet.

70      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li huwa ġustament li l-Bord tal‑Appell qies fid-deċiżjoni kkontestata li, fid-data tal-prijorità mitluba għad-disinn ikkontestat, il-libertà tad-disinjatur kienet “ristretta b’mod serju” sa fejn dan kellu jdaħħal dawn il-karatteristiċi komuni fid-disinn tiegħu għall-prodott inkwistjoni. Barra minn hekk, hekk kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-libertà tad-disinjatur kienet limitata wkoll mill-ħtieġa li dawn l-oġġetti jkunu irħas, jissodisfaw l-istandards ta’ sigurtà għat-tfal u jkunu jistgħu jiżdiedu mal-prodotti li tagħhom jiżguraw il-promozzjoni.

–       Fuq l-impressjoni globali mogħtija mid-disinji inkwistjoni lill-utent informat

71      Ir-rikorrenti tikkontestata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li d-disinji inkwistjoni jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent informat.

72      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-impressjoni globali tad-disinji inkwistjoni mill-utent informat, li għandu ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat. Għaldaqstant, hekk kif l-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ix-xebh bejn id-disinji inkwistjoni jirrigwardaw karatteristiċi komuni, kif deskritti fil-punt 67 iktar ’il fuq, dan ix-xebh ikollu ftit importanza fuq l-impressjoni globali mogħtija mill-imsemmija disinji lill-utent informat. Barra minn hekk, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinji inkwistjoni jkunu suffiċjenti sabiex jagħtu impressjonai globali differenti lill-utent informat.

73      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 68 iktar ’il fuq, wara li ddetermina, fil‑punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjonijiet imposti fuq id‑disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-libertà tad-disinjatur kienet, fil-kawża preżenti, “ristretta b’mod serju”.

74      Fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża wkoll, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impressjoni globali mogħtija mid‑disinji inkwistjoni lill-utent informat, li dan tal-aħħar iwarrab b’mod awtomatiku l-elementi “li huma totalment banali u komuni għall‑eżempji kollha ta’ dan it-tip ta’ prodott inkwistjoni” u jikkonċentra fuq il-karatteristiċi “li huma arbitrarji jew li huma differenti min-norma”.

75      Fil-punti 21 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, sussegwentement qabbel id-disinji inkwistjoni, billi ddeskriva d-disinn preċedenti u wara d-disinn ikkontestat, qabel ma kkonkluda “differenza bejn il-parametri tal-parti elevata fiċ-ċentru tad-diski”. Minn dan huwa ddeduċa, fil-punt 24 ta’ din id-deċiżjoni, li minħabba l-grad ta’ liberta limitata tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat, din id-differenza fil-profil kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent informat.

76      Huwa fid-dawl tal-kriterji ppreċiżati fil-punt 72 iktar ’il fuq li għandu jsir paragun bejn id-disinji inkwistjoni, billi jiġi eżaminat ix-xebh u d-differenzi bejniethom, sabiex jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-grad ta’ liberta tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat, jekk il-Bord tal-Appell setax, mingħajr ma jwettaq żball, jikkonkludi dawn li joħolqu impressjoni globali differenti fuq l-utent informat.

77      Fir-rigward tax-xebh bejn id-disinji inkwistjoni, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tnejn jikkonsistu f’disk li huwa kważi ċatt. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress dan ix-xebh, fid-data tal-prijorità mitluba tad-disinn ikkontestat, kien jirrigwarda karatteristika komuni għad-disinji relattivi għall-prodotti tat-tip ta’ prodott inkwistjoni, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent informat mhux ser jiftakkar dan ix-xebh fl-impressjoni globali tad-disinji inkwistjoni.

78      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell irrileva wkoll fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata li d-disinji inkwistjoni fihom it-tnejn ċirku konċentriku viċin ħafna tat-tarf intiż sabiex jevoka l-idea li d-disk huwa ċirkulari mat-tarf kollu. Issa, għandu jiġi rrilevat li d-disinji inkwistjoni jistgħu jiġu applikati fuq prodott tal-metall, fatt li r-rikorrenti u l-intervenjenti ma jikkontestawx. Peress li l-prodott huwa intiż b’mod partikolari għat-tfal, it-tarf ċirkulari jista’ għaldaqstant jirrapreżenta, għad-disinjatur, ristrezzjoni marbuta mar-rekwiżiti ta’ sigurtà, sabiex ma jkollux tarf jaqta’, jekk il-prodott jiġi mmanifatturat bil-metall, jekk mhux bil-plastikk jew anki bil-kartun. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, dan ix-xebh bejn id-disinji inkwistjoni fir-rigward ta’ waħda mill-karatteristiċi li taqa’ taħt restrizzjoni imposta fuq id-disinjatur, mhux ser jiġbed l-attenzjoni tal-utent informat.

79      It-tielet nett, id-disinji inkwistjoni fihom it-tnejn ċirku konċentriku li jinsab f’distanza ta’ madwar terz bejn it-tarf u ċ-ċentru ta’ disk. Fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell innota dan ix-xebh, billi indika li dan iċ-ċirku kien intiż sabiex jevoka l-idea li l-parti ċentrali hija xi ftit elevata. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din il-parti ċentrali setgħet ġiet iddefinita minn forma oħra barra ċirku. Dan huwa evidenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li tidher mill-atti tal-proċess tal-UASI, mibgħuta lill-Qorti Ġenerali, li d-disinn ikkontestat qed jitlob il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157156 li fih tliet varjanti u li l-parti ċentrali elevata hija, skont il-varjanti, iddefinita minn ċirku, trijanglu jew eżagonu. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument imressaq mill-UASI waqt is-seduta, li jipprovdi li l-forma kellha tkun elementarja sabiex ma tiġix distorta l-istampa li tista’ tkopri d-disk, peress li forma trijangulari, eżagonali jekk mhux kwadra jew ovali, minnflok forma ċirkulari, ma kinitx tikkawża distorzjoni tal-istampa. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni lanqas ma tista’ tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tal-UASI li jipprovdi li l-forma għandha tkun dik ta’ ċirku sabiex din il-parti ċentrali elevata tkun tista’ tkun konvessa, peress setgħet tkun, b’mod partikolari, forma ovali.

80      Ir-raba’ nett, id-disinji inkwistjoni jippreżentaw xebh sa fejn it-tarf ċirkulari tad-disk huwa elevat meta mqabbel mal-parti intermedjarja tad-disk, li tinsab bejn it-tarf u l-parti ċentrali elevata.

81      Il-ħames nett, id-disinji inkwistjoni jippreżentaw xebh fil-proporzjonijiet rispettivi tal-parti ċentrali elevata u tal-parti intermedjarja tad-disk, li tinsab bejn it-tarf u l-parti ċentrali elevata.

82      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe restrizzjoni partikolari imposta fuq id-disinjatur, ix-xebh innotat fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq jirrigwarda xi elementi li fir-rigward tagħhom teżisti libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat. Minn dan jirriżulta li dawn jiġbdu l-attenzjoni tal-utent informat, u dan iktar u iktar meta, kif indikat l-intervenjenti stess, il-wiċċ ta’ fuq huwa, f’dan il-każ, l-iktar viżibbli minn dan l-utent.

83      Fir-rigward tad-differenzi bejn id-disinji inkwistjoni, hekk kif indika l-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disinn ikkontestat fih, meta wieħed iħares lejħ minn fuq, żewġ ċirki konċentriċi iktar mid-disinn preċedenti. Min-naħa tal-profil, iż-żewġ disinji huma differenti sa fejn id-disinn ikkontestat fih konvessità iktar qawwija. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-grad ta’ konvessità huwa dgħajjef ħafna, u peress li dawn id-diski huma rqaq ħafna, l-utent informat ma jistax jinnota faċilment din il-konvessità, b’mod partikolari meta jħares minn fuq, kif ikkonfermat mill-prodotti realment ikkummerċjalizzati, kif jidhru mill-atti tal-proċess tal-UASI mibgħuta lill-Qorti Ġenerali.

84      Fid-dawl tax-xebh irrilevat fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-differenzi kkonstatati mill-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), ma humiex suffiċjenti sabiex id-disinn jagħti lill-utent informat, impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti.

85      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jirriżulta li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda fid-deċiżjoni kkontestata li d-disinji inkwistjoni jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent informat u li ma kinux f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u għandha għaldaqstant tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-aħħar motiv għal annullament imqajjem mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

87      F’dan il-każ, peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tar-rikorrenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kif mitlub minn din tal-aħħar.

88      Barra minn dan, ir-rikorrenti talbet li l-UASI u l-intervenjenti jiġu ordnati jbati l-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Għalhekk, peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tar-rikorrenti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-27 ta’ Ottubru 2006 (Każ R 1001/2005-3) hija annullata.

2)      L-UASI u PepsiCo, Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk ta’ Grupo Promer Mon Graphic, SA fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

3)      L-UASI u PepsiCo, Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk ta’ Grupo Promer Mon Graphic, SA fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Marzu 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top