EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0033

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) tad-29 ta' Novembru 2005.
Britannia Alloys & Chemicals Ltd vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kompetizzjoni - Artikolu 81 KE - Akkordju - Suq tal-fosfat taż-żingu - Ammenda - Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 - Fatturat relevanti - Rikors għal annullament.
Kawża T-33/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:428

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

29 ta' Novembru 2005

(*)

" Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordju – Suq tal-fosfat taż-żingu – Ammenda – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Fatturat relevanti – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T-33/02

Britannia Alloys & Chemicals Ltd, stabbilita f'Gravesend (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Mobley, H. Bardell u M. Commons, solicitors,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/437/KE tal-11 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura implimentata skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1), jew, alternattivament, talba għal tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn  P. Lindh, President,  R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1       Britannia Alloys & Chemicals Ltd (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti" jew "Britannia"), kumpannija rreġistrata skond il-liġi Ingliża, hija sussidjarja ta' M.I.M. Holdings Ltd (iktar 'il quddiem "MIM"), kumpannija rreġistrata skond il-liġi Awstraljana. F'Ottubru 1993, Pasminco Europe (ISC Alloys) Ltd biegħet in-negozju tagħha fis-settur taż-żingu lil MIM, li ttrasferiethom lil Brittania. Din l-impriża kienet tipproduċi u tbiegħ prodotti bbażati fuq iż-żingu, inkluż il-fosfat taż-żingu. F'Marzu 1997, Trident Alloys Ltd (iktar 'il quddiem "Trident"), kumpannija awtonoma kkostitwita mill-amministrazzjoni ta' Britannia, xtrat in-negozju ta' Britannia fis-settur taż-żingu għal 14 359 072 Lira Sterlina (GBP). Din ta' l-aħħar għadha teżisti bħala sussidjarja ta' MIM, imma waqqfet milli teżerċita kull attività ekonomika u għaldaqstant m'għandha ebda fatturat.

2       Għalkemm il-formuli kimiċi tagħhom jistgħu jvajraw xi ftit, l-ortofosfati taż-żingu jikkostitwixxu prodott kimiku omoġenju, imsejjaħ bl-isem ġeneriku "fosfat taż-żingu". Il-fosfat taż-żingu, li jinkiseb mill-ossidu taż-żingu u mill-aċidu fosforiku, huwa ta' spiss użat bħala pigment minerali kontra l-korrużjoni fl-industrija taż-żebgħa. Huwa kkummerċjalizzat fis-suq kemm bħala fosfat taż-żingu standard, kif ukoll bħala fosfat taż-żingu mmodifikat jew "attivat".

3       Fl-2001 il-ħames produtturi Ewropej li ġejjin kellhom f'idejhom l-akbar parti tas-suq dinji tal-fosfat taż-żingu: Dr Hans Heubach GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Heubach"), James M. Brown Ltd (iktar 'il quddiem "James Brown"), Société Nouvelle des Couleurs Zinciques SA (iktar 'il quddiem "SNCZ"), Trident (li qabel kienet Britannia) u Union Pigments AS (li qabel kienet Waardals AS) (iktar 'il quddiem "Union Pigments").

4       Fit-13 u l-14 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni pproċediet, simultanjament u mingħajr notifikazzjoni, għal verifiki fl-uffiċċji ta' Heubach, SNCZ u Trident, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Mit-13 sal-15 ta' Mejju 1998, fuq talba sussegwenti tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim Ekonomiku Ewropew (ŻEE), l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) ipproċediet, simultanjament u mingħajr notifikazzjoni, għal verifiki fl-uffiċċji ta' Union Pigments, skond l-Artikolu 14(2) tal-Kapitlu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar l-istabbiliment ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti ta' Ġustizzja.

5       Fil-11 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/437/KE rigward proċediment mibdi skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1). Id-deċiżjoni li ġiet ikkunsidrata għall-finijiet ta' din is-sentenza hija dik li ġiet innotifikata lill-impriżi kkonċernati u lil hija annessa mar-rikors (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din id-deċiżjoni hija, taħt ċerti aspetti, differenti minn dik li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

6       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li akkordju li għaqqad lil Britannia (Trident sa mill-15 ta' Marzu 1997, Heubach, James Brown, SNCZ u Union Pigments eżista bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998. L-akkordju kien illimitat għall-fostat taż-żingu standard. Primarjament, il-membri ta' l-akkordju kienu stabbilixxew ftehim ta' tqassim tas-suq b'kwoti ta' bejgħ għall-produtturi. Fit-tieni lok, huma kienu ffissaw prezzijiet "minimi" jew "rakkomandati" f'kull laqgħa li kienu ġeneralment segwiti. Fit-tielet lok, kien hemm ukoll fih, sa ċertu punt, it-tqassim tal-klijenti.

7       Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid kif ġej:

"L-Artikolu 1

Britannia[…], Heubach […], James […] Brown, [is-SNCZ], Trident […] u [Unioni Pigments] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw f'ftehim kontinwu u/jew f'prattika miftehma fis-settur tal-fosfat taż-żingu.

It-tul ta' żmien tal-ksur kien is-segwenti:

[...]

b) għal dak li jikkonċerna Britannia […]: mill-24 ta' Marzu 1994 sal-15 ta' Marzu 1997.

a)     […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Artikolu 3

L-ammendi li ġejjin huma imposti għall-ksur previst fl-Artikolu 1:

a) Britannia […] : 3.37 miljun EUR;

b) […]Heubach […] : 3.78 miljun EUR;

c) James […] Brown […] : 940 000 EUR

d) [is-SNCZ] : 1.53 miljun EUR

e) Trident […] : 1.98 miljun EUR

f)[Union Pigments] : 350 000 EUR

[…] " [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija inkluża fil-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida") u l-komunikazzjoni tat-18 ta' Lulju 1996 dwar in-non impożizzjoni ta' ammendi u t-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni").

9       Il-Kummissjoni mall-ewwel ikkunsidrat li l-ammont bażi xieraq għar-rikorrenti kien ta' 3.75 miljun EUR (premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija fakkret il-limitu li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammenda li għandha tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma setgħetx tissupera. Għall-finijiet ta' l-iffissar tal-limitu ta' 10% tal-fatturat magħmul matul is-sena ta' negozju preċedenti previst minn din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni, fil-każ tar-rikorrenti, "ikkunsidrat il-fatturat globali tagħha għas-sena ta' negozju li ntemmet fit-30 ta' Ġunju 1996, li jirrappreżenta l-figuri disponibbli l-iktar reċenti li jirriflettu sena sħiħa ta' attività normali" (premessa 345, nota 196 fil-qiegħ tal-paġna). Peress illi dan il-fatturat kien ta' 55.7 miljun EUR (premessa 50), l-għola limitu ta' l-ammenda kien ġie ffissat għal madwar 5.5 miljun EUR. Peress li l-ammont ta' l-ammenda qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kien inqas minn dan il-limitu, il-Kummissjoni ma naqqsitux fuq dan il-bażi.

10     Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis ta' 10% skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (premessa 366). L-ammont finali ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrrenti kien għaldaqstant ta' 3.37 miljun EUR (premessa 370).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11     Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

12     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċideiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi bil-miktub għal domanda li tikkonċerna d-definizzjoni tas-suq u tipprovdi l-verżjoni kompluta tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 1999 ta' Trident li tikkonċerna l-akkordju. Il-Kummissjoni laqgħet dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

13     Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza instemgħu matul is-seduta li nżammet fil-1 ta' Lulju 2004.

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       primarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jikkonċernaha;

–       alternattivament, tbiddel l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata b'tali mod li jitnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqha.

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

15     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

16     Ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda. Din ir-raġuni hija komposta minn tliet partijiet li fihom ir-rikorrenti ssostni li, billi użat il-fatturat li hija kienet għamlet matul is-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1996 sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat, il-Kummissjoni kissret:

–       l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipju ta' proporzjonalità;

–       il-prinċipju ta' trattament ugwali;

–       il-prinċipju ta' ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti ssosntni li l-Kummisjsoni kissret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 f'dak illi, sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat, hija kkunsidrat il-fatturat li hija għamlet matul sena ta' negozju minflok dak li kien jippreċedi d-deċiżjoni kkontestata.

18     Skond ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni toffri żewġ possibbiltajiet sabiex jiġi ffissat l-ammont ta' l-ammenda li għandha tiġi imposta fuq impriża. Il-Kummissjoni tista' timponi kemm ammenda ta' bejn 1 000 u 1 miljun EUR, kif ukoll ammenda li tissupera 1 miljun EUR, bil-kundizzjoni madankollu li l-ammont finali ma jissuperax l-10% tal-fatturat magħmul matul is-"sena ta' negozju preċedenti", jiġifieri s-sena ta' negozju li tippreċedi d-deċiżjoni li timponi l-ammenda. Ir-rikorrenti tenfasizza li t-test ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa ċar u mingħajr ambigwità, f'dak illi l-Kummissjoni għandha tirreferi għas-sena ta' negozju preċedenti meta hija tiddetermina l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat. Il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa diskrezzjonali li tirreferi għal sena ta' negozju oħra sabiex tiffissa dan il-limitu. Ir-rikorrenti żżid tgħid li, meta l-fatturat ta' l-impiriża kkonċernata ma jissuperax 10 miljun EUR, il-Kummissjoni ma tistax timponi ammenda akbar minn miljun EUR skond it-tieni parti ta' l-Artikolu 15(2), peress illi l-ammont ta' tali ammenda bilfors jissupera l-limitu ta' 10%.

19     Ir-rikorrenti ssostni li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni b'mod żbaljat użat il-fatturat magħmul matul is-sena ta' negozju li intemmet fit-30 ta' Ġunju 1996 sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat applikabbli għall-ammenda tagħha (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, nota 196 fil-qiegħ tal-paġna). Peress illi d-deċiżjoni kkontestata kienet datata l-11 ta' Diċembru 2001, wara is-sena ta' negozju preċedenti, li kellha tiġi użata sabiex jiġi determinat dan il-limitu, hija dik li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2001. Ir-rikorrenti tressaq li hija kienet kumpannija mhux f'attività kummerċjali f'dak iż-żmien u li l-fatturat tagħha għaldaqstant kien xejn. Hija tikkunsidra li l-Kummisjoni għaldaqstant ma kinitx awtorizzata timponi fuqha ammenda ta' aktar minn miljun EUR skond it-tieni parti ta' l-Aritkolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hija kien imissha applikat l-ewwel parti ta' din id-dispożizzjoni u imponietilha ammenda ta' bejn 1 000 u miljun EUR. Ir-rikorrenti tisħaq li l-fatt li l-fatturat tagħha għas-sena ta' negozju preċedenti kien ta' xejn m'għandux bħala konsegwenza li jbiddel ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tirreferi ruħha għall-istess sena ta' negozju meta hija tiffissa l-limitu ta' 10%. Jekk il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li timponi ammenda ta' miljun EUR, hija kien imissha naqqset bil-perċentwali li hija kkunsidrat xieraq fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri 10% u tiffissa l-ammenda għal 900 000 EUR.

20     Jirrizulta mill-ġurisprudenza li s-"sena ta' negozju preċedenti" skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tirreferi għall-"aħħar sena ta' negozju kompluta" ta' l-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/05, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 5009). Il-linji gwida jużaw bl-istess mod l-espressjonijiet "sena ta' negozju" u "sena ta' kontabbiltà" [punt 5(a)], it-tifsira naturali ta' l-espressjoni "l-aħħar sena ta' negozju kompluta" użata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha Cimenteries et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar' il fuq, hija l-aħħar sena finanzjaraja kompluta għall-finijiet tal-kontijiet.

21     Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tillimita ruħha għal interpretazzjoni letterali ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, imma għandha tirrikorri wkoll għall-metodi storiċi u teleoloġiċi ta' interpretazzjoni. Skond ġurisprudenza kostanti l-metodu ta' interpretazzjoni letterali jipprevali meta t-test ta' dispożizzjoni huwa ċar u mingħajr ambigwità u b'mod ċar jirreferi għas-sitwazzjoni in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-245/97, Ġabra p. I-11261, punt 72, u ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Bowden et, C-133/00, Ġabra p. I-7031, punti 38 sa 44; Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Mayras fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Frar 1980, Fellinger, 67/79, Ġabra p. 535, 547). F'dan il-każ, il-Kummissjoni stess tammetti li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa ċar meta hija tafferma, fir-risposta tad-difiża tagħha, li "ir-referenza għas-sena ta' negozju preċedenti fl-Artikolu 15(2) tidher loġikament tirreferi għas-sena ta' negozju li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta ammenda.

22     Minbarra dan, l-interpretazzjoni letterali ta' l-Aritkolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 hija konformi ma' l-għanijiet li l-leġiżlatur Komunitarju ried jilħaq. Ir-referenza għas-sena ta' negozju preċedenti f'din id-dispożizzjoni, iktar milli għall-fatturat ta' l-aħħar sena tal-ksur, turi li l-leġiżlatur ried li tiġi garantita per eżempju evalwazzjoni ta' l-impatt probabbli fuq l-impriża u b'hekk il-proporzjonalità ta' l-ammenda fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-impriża fiż-żmien li fih l-ammenda hija imposta. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkontempla preċiżament il-każ, bħal f'din il-kawża, fejn l-impriża responsabbli għall-ksur tkompli teżisti, imma ħafna anqas jkollha setgħa ekonomika meta mqabbel ma' dik li hija kellha fiż-żmien tal-ksur u, għaldaqstant, m'għandhiex tiġi imposta fuqħa ammenda eċċessiva u disproporzjonata.

23     Ir-rikorrenti tikkritika l-argument tal-Kummissjoni li l-interpretazzjoni tagħha ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 hija neċessarja sabiex tiggarantixxi li l-ammenda imposta jkollha effett biżżejjed dissważiv. Qabel kollox hija tikkontesta li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-fatturat magħmul minn impriża matul is-sena ta' negozju li tippreċedi deċiżjoni tirrifletti b'mod sodisfaċenti l-fatturat tagħha fil-mument li fih isir il-ksur. Hija ssostni li xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-leġiżlatur jibbaża ruħu fuq tali ipoteżi u li l-għażla tas-sena ta' negozju preċedenti iktar milli, per eżempju, ta' l-aħħar sena tal-ksur, tindika li l-għan li jrid jintlaħaq huwa li jiġi evalwat l-impatt probabbili fuq l-impriża, u għaldaqstant il-karattru proporzjonali ta' l-ammenda, fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjara ta' l-impriża fid-data li fiha l-ammenda hija imposta. Sussegwentement, b'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li ammenda ta' miljun EUR hija żgħira wisq, ir-rikorrenti tirrileva li tali ammont ġie kkunsidrat bħala suffiċjentement dissważiv fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE tad-9 ta' Diċembru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/34.466 – Laneċ Griegi) (ĠU 1999, L 109, p. 24, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Laneċ Griegi"). Barra minn hekk, hija tafferma li l-argument tal-Kummissjoni li jikkonċerna r-riskju li impriża tbiddel il-fatturat sabiex tevita l-impożizzjoni ta' ammenda iktar għoja mhuwiex relevanti f'dan il-każ, minħabba li ma kienx ġie ssuġġerit li r-rikorrenti aġixxiet b'dan il-mod. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tillimati l-eżami tagħha għall-fatti hekk kif jirriżultaw mill-faxxikolu f'din il-kawża.

24     Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija interpretat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 sabiex tiggarantixxi l-effettività tiegħu, skond il-ġurisprudenza. Hija tikkunsidra l-ġursiprudenza invokata mill-Kummissjoni bħala mhux relevanti u tistabbilixxi li ammenda meta tkun qed tiġi imposta fuq assoċjazzjoni ta' impriżi jew fuq impriża li tkun qed taġixxi f'isem il-membri tagħha, il-limitu ta' 10% għandu jiġi kkalkulat fir-rigward tal-fatturat totali tal-membri. Is-sinifikat li ingħata, f'din il-ġurisprudenza, għat-terminu "fatturat" hija relevanti biss fil-kuntest tal-kawżi kkonċernati.

25     Fil-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kienet irrispettat il-prinċipju li l-iffissar ta' l-ammont bażi u l-applikazzjoni tal-limitu ta' 10% huma stadji distinti fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda u hija ma kkunsidratx bħala neċesarju li tapplika dan il-limitu għas-sena li hija l-iktar qrib possibbli ta' dik, li matulha l-impriża kkommettiet il-ksur meta jkun hemm differenza sinifikanti bejn il-fatturat tas-sena ta' negozju preċedenti u d-daqs tagħha fil-mument tal-ksur. Għaldaqstant, fid-Deċiżjoni 2002/271/KE tagħha, tat-18 ta' Lulju 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita) (ĠU L 100, p. 1), il-Kummissjoni iffissat l-ammont abbażi tal-fatturat ta' UCAR International, jiġifieri 1 022 miljun EUR fl-1998, sena qabel it-tmiem tal-ksur. Għalkemm il-fatturat ta' UCAR fl-2000, is-sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, kien 181 miljun EUR inqas mill-fatturat tagħha ta' l-1998, il-Kummissjoni kienet applikat il-limitu ta' 10% għall-fatturat ta' l-2000.

26     Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-Kummissjoni, billi tirreferi għal sena ta' negozju oħra mis-sena ta' negozju preċedenti sabix tikkalkola l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat, ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Dan il-prinċipju jirrikjedi li kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq għan leġittimu [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 1985, Man (Sugar), 181/84, Ġabra p. 2889, punt 20]. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, f'dan il-każ, li tapplika l-limitu ta' 10% għal sena ta' negozju tar-rikorrenti li ma kellha ebda rabta mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ikkalkulata skond il-fatturat, fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, jkollha bħala riżultat li l-ammenda imposta ma tirriflettix is-setgħa ekonomika tagħha u għaldaqstant ma tkunx proporzjonata. Ir-rikorrenti tfakkar li hija ma kellha ebda fattuarat fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni u li, minbarra dan, l-ammenda in kwistjoni hija sostanzjalment ikbar mill-attiv kurrenti tagħha, jiġifieri madwar 1.9 miljun EUR skond il-kontijiet riveduti tagħha għas-sena finanzjara li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2001.

27     Primarjament, il-Kummissjoni tfakkar, min-naħa tagħha, li r-rikorrenti kienet responsabbli tal-ksur in kwistjoni u li, meta d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata, hija kienet għadha teżisti. B'konsegwenza ta' dan, kien hemm lok li tiġi imposta fuqha ammenda (premessa 242 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata) (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Enichem Anic vs il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II-1623, punt 236).

28     Il-Kummissjoni tammetti li r-referenza għas-sena ta' negozju preċedenti li tinstab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 "tidher loġikament li tirrelata mas-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta ammenda". Madankollu, hija tikkunsidra li, meta l-fatturat tas-sena ta' negozju preċedenti jagħti viżjoni totalment distorta tad-daqs ta' l-impriża in kwistjoni, hija awtorizzata tikkunsidra l-fatturat magħmul mill-impriża kkonċernata matul sena preċedenti.

29     Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni totalment letterali ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li r-rikorrenti tagħmel. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, anki jekk il-kliem ta' dispożizzjoni jidhru ċari, huwa neċessarju li ssir referenza għall-ispirtu, l-istruttura ġenerali u l-kuntest tad-dispożizzjoni in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Frar 1963, van Gend en Loos, 26/62, Ġabra p. 3, u tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215).

30     F'dak li jikkonċerna dan il-każ, fejn il-fatturat ta' l-impriża kien xejn, il-Kummissjoni tikkunsidra li, sabiex tevalwa d-daqs u s-setgħa ekonomika ta' din l-impriża, hija tista' tikkunsidra kemm il-fatturat tal-grupp li minnu tifforma parti din l-impriża, kif ukoll il-fatturat ta' l-aħħar sena fejn li fiha hija kellha attività ekonomika normali. Peress illi r-Regolament jirreferi għal "l-impriża kkonċernata", il-Kummissjoni kkunsidrat li għandha tintgħażel it-tieni possibbiltà. Iż-żewġ għażliet ma jsegwux eżattament il-kliem tar-Regolament Nru 17, iżda dan kien diġa ġie aċċettat mill-Qorti Komunitarja, u t-tieni possibbiltà hija probabbilment l-iktar favorevoli għall-impriża kkonċernata.

31     Sussegwentement, il-Kummissjoni tinvoka diversi argumenti sabiex tiġġustifika l-interpretazzjoni tagħha ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. B'mod partikolari, hija ssostni li l-interpretazzjoni tagħha hija meħtieġa jiġi garantit effett dissważiv suffiċjenti ta' l-ammenda. F'dan ir-rigward, hija tindika li, meta impriża tibqa tagħmel negozju sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, hija stess u r-Regolament Nru 17 jibbażaw ruħhom fuq l-ipoteżi li s-sena ta' negozju preċedenti tirrifletti b'mod sodisfaċenti l-ordni tal-kobor tal-fatturat ta' l-impriża fil-mument li fih il-ksur ikun sar. L-interpretazzjoni tar-rikorrenti trendi null l-għan ta' dissważjoni suffiċjenti u, għaldaqstant, il-possibbiltà li jiġu imposti ammendi tkun totalment nieqsa minn effett utli.

32     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-interpretazzjoni li hija tagħti ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 hija kollha kemm hi konformi mal-ġurisprudenza. Minn naħa, il-Qorti Komunitarja kienet interpretat dan ir-Regolament b'mod li jiggwaratixxi l-effett utli tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn din id-dispożizzjoni u l-evalwazzjoni tad-daqs reali ta' l-impriża fil-mument tal-ksur hija kkonfermata fil-ġurisprudenza (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Finnboard vs il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 66; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Finnboard vs il-Kummissjoni, C-388/94, Ġabra p. II-1617, p unt 282, u tat-23 ta' Frar 1994, CB u Europay vs il-Kummissjoni, T-39/921 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punti 136 u 137).

33     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

34     Għandu jiġi mfakkar, primarjament, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, lanqas il-ksur ta' l-Artikolu 81KE li bih qed tiġi akkużata u lanqas l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq il-gravità u tat-tul ta' żmien tal-ksur. Hija trid biss tieħu l-annullament ta' l-ammenda imposta jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħha, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi imponiet fuqha ammenda li tissupera l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat magħmul matul is-sena ta' negozju preċedenti previst minn din id-dispożizzjoni.

35     Skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista' timponi fuq l-impriżi "multi (ammendi) min 1000 sa 1 000 000 unit ta' rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10% tat-turnover (fatturat) fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impirża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur […]"

36     Skond il-ġurisprudenza, il-limitu ta' 10% previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa intiż sabiex jevita li l-ammendi jkunu disproporzjonali meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriża u, b'mod partikolari, huwa intiż sabiex jevita li jiġu imposti ammendi li huwa prevedibbli li l-impriżi ma jkunux jistgħu jħallsuhom. Peress illi l-fatturat globali biss jista' effettivament jagħti indikazzjoni approssimattiva f'dan ir-rigward, dan il-perċentwali għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-fatturat globali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119).

37     Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu bħala għan li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi ammendi sabiex tkun tista' twettaq id-dover ta' sorveljanza mogħti lilha mid-dritt Komunitajru (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 35 iktar 'il fuq, punt 105, s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 105). Dan id-dover jinkludi d-dmir li tinvestiga u li tikkastiga l-ksur individwali kif ukoll l-obbligu li ssegwi politka ġenerali intiża sabiex tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni il-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex tmexxi f'dan is-sens l-aġir ta' l-impriżi. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammendi jkollhom l-element dissważiv (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq, punti 105 u 106).

38     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, li mhuwiex ikkontestat mill-partijiet, li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolamennt Nru 17, is-"sena ta' negozju preċedenti" tirrefri in prinċipju għall-aħħar sena kompluta ta' kull waħda mill-impriżi kkonċernati fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, punt 5009; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2001, Sarrió vs il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 85).

39     Jirriżulta, madankollu, kemm mill-għanijiet tas-sistema li minnha din id-dispożizzjoni tifforma parti (ara punti 35 u 36 hawn fuq), kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 hawn fuq, li l-applikazzjoni tal-limitu ta' 10% jippreżupponi, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha fatturat għall-aħħar sena ta' negozju li jippreċedi d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tirrappreżenta sena kompluta ta' attività ekonomika normali matul perijodu ta' tnax-il xahar.

40     Għaldaqstant, per eżempju, jekk is-sena ta' negozju intemmet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni iżda l-kontijiet annwali ta' l-impriża in kwistjoni ma jkunux ġew stabbilti jew ma jkunx għadhom ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar għandha d-dritt, kif ukoll l-obbligu, li tirreferi għall-fatturat magħmul matul sena ta' negozju preċedenti sabiex tapplika l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Bl-istess mod, jekk, minħabba organizzazzjoni mill-ġdid jew bidla fil-prattika tal-kontijiet, impriża tkun, għas-sena ta' negozju preċedenti, ippreżentat kontijiet li jikkonċernaw perijodu ta' inqas minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirreferi għall-fatturat magħmul matul sena kompluta preċedenti sabiex tapplika din id-dispożizzjoni.

41     Għaldaqstant, mhijiex sempliċi kwistjoni ta' għażla bejn ammenda massima ta' miljun EUR u limitu ffissat b'referenza biss għall-fatturat għas-sena ta' negozju li tippreċedi d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

42     F'dan il-każ, peress illi d-deċiżjoni kkontestata hija ddatata l-11 ta' Diċembru 2001, is-sena ta' negozju preċedenti kienet dik mill-1 ta' Lulju 2000 sat-30 ta' Ġunju 2001. Madankollu, ir-rikorrenti kienet ċediet in-negozju tagħha fis-settur taż-żingu fl-1997 u kienet, sussegwentement, waqfet milli teżerċita kull attività ekonomika (ara l-punt 1 iktar 'il fuq). B'mod iktar partikolari, hija ma kienet għamlet ebda negozju matul il-perijodu bejn l-1 ta' Lulju 2000 u t-30 ta' Ġunju 2001 u għaldaqstant ma kienet għamlet ebda fatturat matul dan il-perijodu.

43     B'konsegwenza ta' dan, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex f'idejha, għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti, fatturat li jirrappreżenta attività ekonomika eżerċitata minnha matul is-sena ta' negozju preċedenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din is-sitwazzjoni mhijiex fondamentalment differenti minn dawk imsemmija fil-punt 39 iktar 'il fuq. Jekk impriża ma eżerċitatx attività ekonomika matul is-sena ta' negozju preċedenti, il-fatturat għal dan il-perijodu ma jagħti ebda indikazzjoni tal-valur ta' din l-impriża, kuntrarjament għal dak li teħtieġ il-ġurisprudenza (ara l-punt 35 iktar 'il fuq), u, għaldaqstant, ma jistax iservi bħala bażi għad-determinazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

44     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-għan imsegwi minn dan il-limitu huwa li jiġi evalwat l-impatt probabbli ta' l-ammenda fuq l-impriża b'rigward tad-daqs tagħha fid-data meta din ġiet imposta u li skond liema l-Kummisjsoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità (ara punti 22 u 26 hawn fuq), għandu jiġi mfakkar li l-għan speċifiku ta' l-imsemmi limitu huwa li jiġi evitat li l-ammendi jkunu sproprozjonati meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriża u, b'mod partikolari, li jiġi evitat li l-impriżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jħallsu l-ammendi imposti (ara punt 35 hawn fuq). L-applikazzjoni tal-limitu ta' 10% sabiex jintlaħaq dan il-għan tippreżupponi li l-impriża kkonċernata tkun qed twettaq attività kummerċjali fid-data li fiha l-ammenda hija imposta. Issa, f'dan il-każ, deċiżjoni kummerċjali ttieħdet fl-1997 li l-impriża taż-żingu tar-rikorrenti tiġi ċeduta lil Trident, jintemm in-negozju tar-rikorrenti fis-suq in kwistjoni u li jiġi mqassam id-dħul ta' din iċ-ċessjoni minflok ma tinbeda attività kummerċjali ġdida. Peress illi r-rikorrenti kienet irrealizzat il-valur ta' l-attività kummerċjali tagħha permezz ta' din iċ-ċessjoni, hija ma sostnietx li ma setgħetx tħallas l-ammenda minħabba n-nuqqas ta' attività kummerċjali kurrenti (ara l-punt 1 iktar 'il fuq). F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li ma kienx sproporzjonat li jiġi ddeterminat il-limitu ta' l-ammenda b'referenza għad-daqs tar-rikorrenti qabel iċ-ċessjoni ta' l-operazzjonijiet kummerċjali.

45     L-argument tar-rikorrenti li mill-interpretazzjoni tagħha ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirriżulta li l-Kummissjoni dejjem tista' timponi ammenda ta' miljun EUR, ammont li barra minn hekk hija kkunsidrat bħala suffiċjentement dissważiv, ma jistax jiġi aċċettat. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, u minbarra dan, f'ċirkustanzi differenti tagħhom minn dawk f'dan il-każ, li ammenda ta' miljun EUR kellha effett suffiċjentement dissważiv ma jimplikax li din hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni fid-deċiżjonijiet sussegwenti tagħha. Għandu jingħad ukoll li l-linji gwida jindikaw li l-ammonti applikabbli għall-ksur "gravi ħafna" jistgħu jissuperaw l-20 miljun EUR u li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-ksur in kwistjoni f'din il-kawża huwa "gravi ħafna". Il-Kummissjoni għaldaqstant kellha d-dritt li tikkunsidra li ammenda ta' miljun EUR ma kinitx suffiċjenti.

46     Jirriżzulta minn dan kollu li ntqal li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, sabiex tiffissa limitu ta' 10% previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li tirreferi għall-fatturat ineżistenti tar-rikorrenti relatat mas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2001.

47     Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellhiex id-dritt li tuża l-fatturat magħmul mir-rikorrenti matul is-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1996 u, għaldaqstant, li ma tikkunsidrax is-snin ta' negozju aktar reċenti.

48     Il-Kummissjoni tgħid, fid-deċiżjoni kkontestata, li sabiex tiffissa l-limitu ta' 10%, hija kkunsidrat il-fatturat globali tar-rikorrenti għas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1996, li jirrappreżenta "il-fatturat disponibbli l-aktar reċenti li jirrifletti sena kompluta ta' attività normali" (ara l-punt 9 iktar 'il fuq). Il-fatturat tar-rikorrenti għas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1996 kien ta' 55.7 miljun EUR. Jirriżulta mill-fajl, li ġie kkonfermat mill-partijiet matul is-seduta, li r-rikorrenti, fil-fatt, segwiet normalment in-negozju tagħha sa Marzu 1997, data li fiha hija ċediet lil Trident l-impriża taż-żingu tagħha (ara l-punt 11 iktar 'il fuq). Minbarra dan, jirriżulta mill-kontijiet tar-rikorrenti għas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1997 li, wara din iċ-ċessjoni, ir-rikorrenti eżerċitat inqas attivitajiet kummerċjali, li kienu jikkonsistu fix-xiri taż-żingu mingħand fornitur fil-kuntest ta' ftehim li kien diġa jeżisti u fil-bejgħ sussegwenti tiegħu bil-prezz kemm sewa lil Trident. Għaldaqstant, il-fatturat tar-rikorrenti għas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1997 kien ta' 34.8 miljun GBP. Matul is-sena segwenti, hija temmet din l-attività residwali, b'tali mod li, għas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1998, hija kellha biss fatturat ta' 7.3 miljun GBP. Hija m'għamlet ebda fatturat matul is-snin ta' negozju segwenti.

49     Kif indikat fil-punt 38 iktar 'il fuq, sabiex tiffissa l-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandu jkollha fatturat li jirrappreżenta sena sħiħa ta' attività ekonomika normali matul perijodu ta' tnax-il xahar.

50     Għandu jiġi kkonstat li, anki matul sena ta' attivitajiet ekonomiċi normali, il-fatturat ta' impriża jista' jonqos b'mod sinifikanti, saħansitra sostanzjali, meta mqabbel mas-snin preċedenti, għal diversi raġunijiet differenti bħal kuntest ekonomiku diffiċli, kriżi fis-settur in kwistjoni, inċident jew strajk. Madankollu, sakemm impriża fil-fatt tkun għamlet fatturat matul sena kompluta li matulha attivitajiet ekonomiċi, għalkemm imnaqqsa, ikunu ġew eżerċitati, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-impriża kif tkun sabiex tiddetermina l-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, għall-inqas fis-sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li impriża waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew biddlet il-fatturat tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta' ammenda kbira, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni hija obbligata li tiffissa l-limitu massimu ta' l-ammenda f'referenza għall-fatturat l-iktar reċenti li jirrifletti sena kompluta ta' attività ekonomika.

51     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fir-rigward tar-rikorrenti, is-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1996 hija l-aħħar sena "kompluta" skond is-sentenza Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq (punt 5009). Ir-rikorrenti eżerċitat l-attivitajiet normali tagħha matul disa' xhur biss tas-sena ta' negozju li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1997 saċ-ċessjoni lil Trident f'Marzu 1997. Fil-fatt, sa mit-tmiem tax-xahar ta' Marzu 1997, ir-rikorrenti kienet fil-proċess li ttemm l-attiviatjiet kummerċjali tagħha. Sakemm hija kompliet tagħmel negozju matul l-aħħar trimestru ta' 1997, hija llimitat ruħha għax-xiri taż-żingu fil-kuntest ta' ftehim li kien diġa jeżisti u għall-bejgħ sussegwenti tiegħu bil-prezz kemm sewa. Dan l-aħħar negozju tar-rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala attività ekonomika normali f'dak illi, fil-kuntest tal-ftehim tagħha ta' ċessjoni ta' l-impriża tagħha taż-żingu, ir-rikorrenti aġixxiet bħala konnessjoni bejn il-fornitur u Trident. Dawn l-attivitajiet għandhom għaldaqstant, mix-xahar ta' Marzu 1997, jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-arranġamenti finanzjari li jagħmlu parti miċ-ċessjoni ta' l-impriża taż-żingu.

52     Minn dan isegwi li s-sena ta' negozju li għalqet fit-30 ta' Ġunju 1996 kienet l-aħħar seba' kompluta li ppreċediet id-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni meta ffissat il-limitu skond din is-sena.

53     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet indikati fil-punt 43 iktar 'il fuq.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

54     Ir-rikorrenti tressaq żewġ argumenti sabiex isostnu it-tieni parti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

55     Fl-ewwel lok hija ssostni li, billi tirreferi għal sena ta' negozju oħra għajr milli għas-sena ta' negozju preċedenti sabiex tikkalkula l-limitu ta' 10%, il-Kummissjoni ma segwietx il-prassi preċedenti tagħha u għaldaqstant kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali. Skond ir-rikorrenti, fil-passat, il-Kummissjoni dejjem użat is-sena ta' negozju preċedenti għall-finijiet ta' dan il-kalkolu. Hija tindika b'mod partikolari li meta l-impriża kkonċernata kienet biegħet in-negozju relevanti tagħha lil entità oħra matul il-perijodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma kinitx applikat il-limitu tal-fatturat relatat ma' sena li matulha xi negozju kien għadu qed isir minn din l-impriża, imma hija kkunsdirat il-fatturat magħmul minn din l-impriża matul is-sena ta' negozju li tippreċedi d-deċiżjoni tagħha [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE tat-23 ta' April 1986, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polipropelin) (ĠU L 230, p. 1) u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE tas-27 ta' Lulju 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14)]. Ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, li hija ma kellhiex setgħa diskrezzjonali li tapplika l-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat b'kunsiderazzjoni għal sena ta' negozju oħra għajr milli dik li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata.

56     Ir-rikorrenti tosserva li, fid-deċiżjoni tagħha Laneċ Griegi, punt 23 iktar 'il fuq, fejn il-fatturat ta' Karageorgis, waħda mill-impriżi kkonċernati, għas-sena ta' negozju preċedenti ma kienx disponibbli, il-Kummissjoni invokat l-ewwel parti ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 sabiex timponi ammenda ta' miljun EUR fuq din l-impriża. Skond ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni tagħha tixbaħ ħafna lil dik ta' din l-impriża f'dak illi t-tnejn li huma kienu rtiraw mis-suq ħafna żmien qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tagħha.

57     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi ma ttrattathiex bl-istess mod, f'dak li jikkonċerna l-iffissar tal-limitu ta' l-ammenda, bħal Union Pigments u SNCZ, għalkemm hija kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dawn l-impriżi. Sabiex tiddetermina l-limitu ta' l-ammendi imposti fuq Union Pigments u SNCZ, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-fatturat li huma kienu għamlu skond is-sena ta' negozju preċedenti u kienet għaldaqstant naqqset l-ammendi tagħhom. Min-naħa l-oħra, f'dak li jikkonċerna r-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet irreferiet għal sena ta' negozju preċedenti u għaldaqstant ma kinitx naqqset l-ammenda tagħha. Filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' Union Pigments u ta' SNCZ skond il-fatturat fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet ikkunsidrata, dan ma kienx il-każ f'dak li jikkonċerna r-rikorrenti.

58     Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti relatati ma' l-allegat ksur allegat tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

59     Fl-ewwel lok, hija ssostni li ma biddlitx il-prassi preċedenti tagħha f'sens kuntrarju għal dan il-prinċipju. Hija tammetti li hija normalment użat, sabiex tiffissa l-limitu ta' 10%, il-fatturat magħmul mill-impriża kkonċernata matul is-sena ta' negozju li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Hija tressaq li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija aġixxiet b'dan il-mod mhux minħabba li hija kkunsidrat li hija ma kellhiex id-dritt li tuża' sena ta' negozju oħra, iżda minħabba li hija ma kinitx sabet ruħha quddiem is-sitwazzjoni eżistenti f'dan il-każ, li fiha membru ta' l-akkordju kien ċeda n-negozju kollu tiegħu filwaqt li kompla legalment jeżisti fuq livell ġuridiku. Il-Kummissjoni tfakkar, f'dan ir-rigward, li l-prassi preċedenti tagħha ma tistax isservi bħala kuntest legali għall-ammendi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress illi dan il-kuntest huwa definit biss mir-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 234).

60     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta' l-argument tar-rikorrenti li hija kienet ġiet ittrattata b'mod differenti mill-impriżi l-oħra li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punt 69, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

62     L-ewwel argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwitx il-prassi preċedenti tagħha, huwa infondat. Hija fil-fatt ma ssibx ruħha f'sitwazzjoni li tista' tiġi mqabbla ma' dik ta' l-impriżi fil-kawżi ċċitati fil-punt 54 iktar 'il fuq minħabba li hija ma kienet għamlet ebda fatturat matul is-sena ta' negozju li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hija ma tistax tirrikjedi li tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-impriżi f'kawżi preċedenti.

63     It-tieni argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq diskriminazzjoni bejnha, min-naħa, u SNCZ u Union Pigments, min-naħa l-oħra, għandu wkoll jiġi miċħud. B'rigward għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti tinsab b'mod ċar f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' SNCZ u Union Pigments. Dawn ta' l-aħħar, bid-differenza tar-rikorrenti, kienu dejjem preżenti fis-settur tal-fosfat taż-żingu fil-mument li fih id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, b'tali mod li l-fatturat tagħhom matul is-sena ta' negozju preċedenti kien jikkostitwixxi indikazzjoni żgħira tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom. Peress illi fatturat ineżistenti jagħti xbieha distorta tal-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha d-dritt tirreferi għal sena preċedenti u, għaldaqstant, li titratta r-rikorrenit b'mod differenti minn SNCZ u Union Pigments.

64     Għandu jingħad ukoll li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali jittraskura l-fatt li kieku l-Kummissjoni ma kellhiex rikors għal fatturat magħmul matul is-sena ta' negozju preċedenti, kien ikun hemm diskriminazzjoni ċara u inġustifikata favur ir-rikorrenti, speċjalment meta mqabbla ma' Trident. Kieku l-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li timponi fuq ir-rikorrenti ammenda ta' miljun EUR, għal ksur li kien dam tliet snin (mill-24 ta' Marzu 1994 sal-15 ta' Marzu 1997), din l-ammenda kienet tirrappreżenta biss in-nofs ta' dik imposta fuq Trident, li kienet xtrat in-negozju tar-rikorrenti fis-settur taż-żingu u li kienet ipparteċipat għall-ksur bħala "l-aventi kawża" tagħha matul perijodu ta' erbatax-il xahar (mill-15 ta' Marzu 1997 sat-13 ta' Mejju 1998).

65     Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti ta' l-unika raġuni.

  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

66     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi tirreferi għal sena ta' negozju oħra għajr milli għal dik li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata sabiex tiffissa l-limitu ta' 10% tal-fatturat, kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali. Skond dan il-prinċipju, l-impriżi għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jwettqu n-negozju tagħhom b'mod prevedibbli. Il-miżuri li għandhom effetti legali għandhom ikunu ċerti u l-applikazzjoni tagħhom prevedibbli. Dan il-prinċipju għandu jiġi osservat b'mod partikolarment strett fir-rigward ta' miżuri li għandhom konsegwenzi finanzjarji, bħall-impożizzjoni ta' ammendi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1997, Olanda vs il-Kummissjoni, 326/95, Ġabra p. 5091, punt 24). Skond ir-rikorrenti, il-prinċipju ta' ċertezza legali jeħtieġ li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jkun interpretat b'mod strett f'dak illi l-limitu ta' 10% għandu dejjem jiġi applikat għas-sena ta' negozju li tippreċedi immedjatament l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi ammenda. Kieku l-Kummissjoni kellha s-setgħa diskrezzjonali li tapplika dan il-limitu għas-snin ta' negozju preċedenti, l-impriżi ma jkunux iktar fil-pożizzjoni li jantiċipaw is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqhom.

67     Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, sabiex tiġi awtorizzata li tagħżel sena li tirrifletti bejn wieħed u ieħor is-setgħa ekonomika ta' l-impriża in kwistjoni fiż-żmien tal-ksur meta l-fatturat magħmul matul is-sena ta' negozju preċedenti jagħti dehra totalment distorta ta' din l-impriża, twassal għal livell inaċċettabbli ta' inċertezza legali fil-każ ta' impriża li l-fatturat tagħha jinżel matul is-sena ta' negozju li tippreċedi deċiżjoni. Hija ma tkunx tista' tiddetermina bl-ebda mod jekk il-Kummissjoni tikkunsidrax il-fatturat magħmul matul sena differenti mis-sena ta' negozju preċedenti u liema sena hija tikkunsidra bħala aċċettabbli. L-uniku mod li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali huwa li tuża s-sena ta' negozju preċedenti bħala referenza għad-determinazzjoni tal-limitu skond it-test ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

68     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li hija allegatament ma qajmitx din il-kwistjoni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li hija kienet ipprevediet l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni. Hija tfakkar li hija kienet enfasizzat, fir-risposta tagħha, li hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata responsabbli għal ammenda u li l-Kummissjoni kellha timponi ammenda relattiva għall-perijodu kollu tal-ksur fuq Trident, li kienet ħaditilha postha minn punt ekonomiku. Ir-rikorrenti kienet dejjem ikkunsidrat li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi ammenda fuqha, l-ammont massimu ta' din l-ammenda jkun ta' miljun EUR qabel tnaqqis għall-kooperazzjoni. Tali ammenda ma tistax tiġi kkwalifikata bħala "simbolika" għal impriża li, bħala, ma kellha ebda fatturat u kellha biss ftit attiv. Hija ma tagħtix l-opinjoni tagħha fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, minħabba li hija kkunsidrat li t-test ta' din id-dispożizzjoni kienu assolutament ċari u vinkolanti.

69     Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi. Min-naħa, hija tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li l-interpretazzjoni li hija tagħat ta' din id-dispożizzjoni kienet prevedibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

70     Il-prinċipju ta' ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli ta' dritt ikunu ċari u preċiżi, u jkunu intiżi sabiex jiggarantixxu l-previdibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-Dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 113).

71     Għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 81KE, u b'mod partikolari r-Regolament Nru 17 u l-linji gwida, jippermettu lill-impriżi jipprevedu b'ċertezza li ammenda tkun imposta f'każ ta' ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u li l-ammont ta' l-ammenda jkun determinat abbażi tal-gravità u tat-tul ta' żmien tal-ksur.

72     L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jiggarantixxi li meta l-ammont ta' l-ammenda jkun iktar minn miljun EUR, dan ma jissuperax il-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat magħmul mill-impriża kkonċernata matul is-sena ta' negozju preċedenti. Madankollu, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni tiddependi miċ-ċirkostanzi ta' kull kawża u, kif indikat fil-punt 39 iktar 'il fuq, tad-disponibbiltà u tal-kompletezza tal-kontijiet annwali li juru l-fatturat in kwistjoni.

73     Barra minn hekk, il-konsegwenzi ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandhom jassiguraw l-effett utli tar-Regolament Nru 17.

74     F'dan il-każ, kien perfettament prevedibbli li ammenda tkun imposta fuq ir-rikorrenti peress illi hija kienet ipparteċipat fi ksur li l-ġurisprudenza tikkwalifika bħala "ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni" (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfilunion vs il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109, u BPB de Eendracht vs il-Kummissjoni, punt 60 iktar 'il fuq, punti 303 u 338). Kien ukoll prevedibbli li din l-ammenda ser tkun determinata abbażi tal-gravità u tat-tul ta' żmien tal-ksur u li din tkun abbażi taċ-ċirkustanzi stess ta' l-impriża kkonċernata, inklużi d-daqs tagħha, il-kapaċitajiet ekonomiċi tagħha, u ċirkostanzi eventwali aggravanti u attenwanti. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta' ċertezza legali ma tax lir-rikorrenti l-garanzija li ċ-ċessjoni ta' l-attivitajiet kummerċjali tagħha jkollha bħala konsegwenza li tevita ammenda.

75     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa diskrezzjonali li tapplika l-limitu ta' 10% għas-snin ta' negozju ta' qabel is-sena ta' negozju li tippreċedi d-data ta' adozzjoni tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista' tuża tali sena ta' negozju preċedenti biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Minbarra dan, kif ingħad fil-punt 49 hawn fuq, hija m'għandhiex, anki f'każ bħal dan, marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni fl-għażla tas-sena ta' negozju li għandha tintuża sabiex jiġi ffissat il-limitu massimu ta' l-ammenda. Fil-fatt hija obbligata tirreferi għall-aħħar sena ta' negozju kompluta li tirrifletti sena kompluta ta' attivitajiet ekonomiċi normali.

76     F'dawn iċ-ċirkurstanzi, għandha wkoll tiġi miċħuda t-tielet parti ta' l-unika raġuni u, għaldaqstant, din ir-raġuni.

77     Jirriżulta minn dan kollu li jippreċedi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

78     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Novembru 2005

Reġistratur

 

il-President

E. Coulon

 

P. Lindh


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top