EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0079

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-25 ta' Marzu 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' l-Olanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 13 u 132 – Organi rregolati mid-dritt pubbliku – Vesti ta’awtoritajiet pubbliċi – Attivitajiet – Nuqqas ta’ ssuġġettar – Eżenzjonijiet – Setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim – ‘Ewroreġjuni’ – Promozzjoni tal-mobilità professjonali – Provvista ta’ persunal – Oneru tal-prova.
Kawża C-79/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:171

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Marzu 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 13 u 132 – Organi rregolati mid-dritt pubbliku – Vesti ta’awtoritajiet pubbliċi – Attivitajiet – Nuqqas ta’ ssuġġettar – Eżenzjonijiet – Setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim – ‘Ewroreġjuni’ – Promozzjoni tal-mobilità professjonali – Provvista ta’ persunal – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑79/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels kif ukoll minn D. J. M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemegħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ta eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għall-provvista ta’ persunal fis-settur soċjo-kulturali, fis-settur tas-saħħa, fis-settur tat-tagħlim, lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(1)(ċ), 13, 24(1) u 132 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU L 335, 20.12.2007, p. 60).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Id-Direttiva 2006/112 ħassret u ssostitwixxiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

3        Skont l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttiva 2006/112, it-tfassil mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kien neċessarju sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali fi struttura u b’diċitura riveduti mingħajr ma, fil-prinċipju, ikun hemm bidla sostantiva.

4        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi kif ġej:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

5        Skont l-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

6        L-Artikolu 13 tad-direttiva msemmija jipprovdi li:

“1.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunisdraw attivitajiet, eżenti skond l-Artikoli 132 [...], li jitwettqu minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala attivitajiet li dawk il-korpi jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi.”

7        L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/112 huwa fformulat kif ġej:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

8        L-Artikolu 132, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Eżenzjonijiet”, jipprovdi:

1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]

(g)      il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali;

[…]

(i)      il-provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inkluża l-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija li hija relatata mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti simili;

[…]

(n)      il-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

o) il-provvista ta’ servizzi u merkanzija, minn organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom huma eżenti skond il-punti (b), (g), ([…], (i), ([…] u (n), in konnessjoni ma’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi organizzati esklussivament għall-benefiċċju tagħhom, sakemm dik l-eżenzjoni x’aktarx li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni;

[…]

2.      Għall-finijiet tal-punt (o) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kwalunkwe restrizzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru ta’ avvenimenti jew l-ammonti ta’ rċevuti li jagħtu dritt għal eżenzjoni.

9        L-Artikolu 134 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fl-istess kapitolu, jipprovdi kif ġej:

“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

(b)      fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

10      Il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Qafas Ewropea dwar il-kooperazzjoni transkonfinali tal-kollettivitajiet jew l-awtoritajiet territorjali, konkluż fid-9 ta’ Novembru 1995 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa intiż sabiex jiffaċilita u jiżviluppa l-kooperazzjoni msemmija fir-reġjuni transkonfinali, b’mod partikolari, permezz tal-ħolqien, mill-kollettivitajiet jew mill-awtoritajiet territorjali, ta’ korpi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, komunement imsejħa “ewroreġjuni”.

11      Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-protokoll, dawn il-korpi għandhom iwettqu l-kompiti fdati lilhom mill-kollettivitajiet jew mill-awtoritajiet nazzjonali skont l-għan tagħhom u taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Skont l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Wet op de omzetbelasting), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nru 329):

“1.      Huma eżentati mill-VAT taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ppreċiżati permezz ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika:

[…]

c.      il-kura pprovduta lill-persuni mqiegħda f’istituzzjonijiet kif ukoll l-atti kollha marbuta magħhom, b’mod partikolari l-provvista ta’ ikel u ta’ xorb, ta’ prodotti mediċinali u ta’ faxex;

[…]

f.      il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi ta’ natura soċjali u kulturali indikati mir-regolament tal-amministrazzjoni pubblika bil-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma jkollhiex skop ta’ lukru u ma jkunx hemm distorsjoni serja tal-kompetizzjoni meta mqabbla mal-persuni taxxabbli li għandhom skop ta’ lukru;

g.      1       il-kura medika pprovduta fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi rregolati minn jew skont il-liġi dwar il-professjonijiet ta’ kura tas-saħħa individwali (Wet op de beroepen in de individuele gezondheidszorg) kif ukoll il-kura medika pprovduta minn psikologi; [...];

2       is-servizzi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) sa (e) inklużi u (h) tad-digriet dwar id-drittijiet għall-kura [skont il-liġi ġenerali dwar l-ispejjeż tal-mard partikolari] (Besluit zorgaanspraken [Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten]) li huma pprovduti lil persuni li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat f’rapport imfassal fuq il-bażi tal-liġi ġenerali fuq l-ispejjeż tal-mard partikolari li huma għandhom bżonn il-kura msemmija f’dawn l-ittri (a) sa (e) inklużi u (h) kif ukoll l-għajnuna fid-dar skont il-liġi dwar l-assistenza soċjali (Wet maatschappelijke ondersteuning) pprovduta lil persuni li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li għandhom bżonn din l-għajnuna konformement ma’ din il-liġi. […];

[…]

o.      il-provvista ta’:

1       tagħlim, inklużi s-servizzi u l-provvisti marbuta mill-qrib miegħu, minn istituzzjonijiet edukattivi maħtura minn jew skont il-liġijiet dwar it-tagħlim li huma suġġetti permezz ta’ preskrizzjoni legali għas-sorveljanza tal-Edukazzjoni nazzjonali jew għal sorveljanza oħra mill-Ministru inkarigat mill-kwistjonijiet tat-tagħlim ikkonċernat;

2       tagħlim magħżul permezz ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika, inklużi s-servizzi u l-provvisti marbuta mill-qrib miegħu, [...];

[…]

2.      [...] Il-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi marbuta mill-qrib fis-sens tal-punti (o)(1) u (2) tal-paragrafu 1 initio, huma esklużi mill-eżenzjoni:

a.      fejn dawn ma humiex indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attivitajiet eżenti;

b.      meta dawn ikunu prinċipalment intiżi sabiex jiġġeneraw dħul addizzjonali lill-istituzzjoni permezz tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet eżerċitati f’kompetizzjoni diretta ma’ attivitajiet taxxabbli ta’ impriżi kummerċjali.”

13      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Marzu 2007 intitolat “Taxxa fuq il-valur miżjud: Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal” (Nru CPP 2007/347M, Staatscourant 2007, Nru 57, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2007”), is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi stabbilixxa r-regoli applikabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal f’ċerti setturi partikolari. Dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“1.      Introduzzjoni

Dan id-digriet jikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġi għal dak li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal. Dan is-servizz huwa bħala prinċipju suġġett għall-ġbir tal-VAT. F’ċerti sitwazzjonijiet, ikkunsidrajt li ma kienx meħtieġ li tinġabar il-VAT. Dawn is-sitwazzjonijiet huma deskritti f’dan id-digriet. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ġbir tal-VAT skont dan id-digriet, ma jistax jiġi allegat it-tnaqqis tat-taxxa tal-input.

[…]

2.      Informazzjoni ġenerika

Fil-kuntest ta’ dan id-digriet, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal ifisser is-sitwazzjoni li fiha persuna li timpjega tqiegħed lil ħaddiem għad-dispożizzjoni ta’ persuna li timpjega oħra sabiex jeżerċita attivitajiet taħt is-superviżjoni jew taħt it-tmexxija ta’ din tal-aħħar. F’dan il-każ wieħed jitkellem, fost oħrajn, dwar kollokament, dwar provvista, dwar tqegħid għad-dispożizzjoni, eċċ. Il-fatt li ħaddiem għandu konoxxenzi tekniċi speċifiċi, assoċjati jew le mar-responsabbiltajiet professjonali marbuta mal-professjoni tiegħu, ma jeskludix li dan il-ħaddiem jista’ jeżerċita attivitajiet taħt is-superviżjoni jew id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega oħra. […]

3.      Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur soċjokulturali

3.1.      Informazzjoni ġenerika

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur soċjokulturali jista’ jiġi eżentat mill-VAT jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      Il-persunal għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ operatur (korp) imsemmi fit-taqsima (b) tal-Anness B jew irrikonoxxut mill-ispettur bħala korp ta’ natura soċjali jew kulturali (taqsima (c) tal-Anness B).

b)      It-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkun ta’ natura strutturali, li għandu jidher mill-kuntratt ta’ xogħol li l-ħaddiem ikkonkluda mal-persuna li timpjega formali. Dan il-kuntratt għandu bħala prinċipju jkun ġie konkluż għal żmien indeterminat. F’każ ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, mill-fatti u miċ-ċirkustanzi għandu jkun jista’ jiġi dedott li l-intenzjoni kemm tal-ħaddiem kif ukoll tal-persuna li timpjega kienet li l-kuntratt għal żmien determinat jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat mal-iskadenza tal-ewwel wieħed.

c)      Il-korp jew il-korpi li fihom il-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet tiegħu għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċedura ta’ reklutaġġ ta’ dan il-ħaddiem. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-każijiet fejn, wara li qabel kollox ikun ħadem xi żmien biss fis-servizz tal-persuna li timpjega formali, il-ħaddiem ikun strutturalment imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ korp ieħor għal parti mill-ħin tax-xogħol disponibbli jew kollu kemm hu.

d)      Il-ħaddiem għandu bħala prinċipju jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’organizzazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt ta’ xogħol. It-tranżazzjoni tista’ tiġi eżentata mill-VAT anki meta ħaddiem jaħdem ma’ iktar minn korp wieħed bil-kundizzjoni li, strutturalment, huwa jaħdem ma’ dawn il-korpi l-oħra, li għandhom jissemmew fil-kuntratt. Madankollu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem ma jistax jiġi eżentat mill-VAT meta dan ikun għadu jaħdem mal-korpi differenti għal perijodu ta’ żmien relattivament qasir.

e)      Il-ftehim kollettiv ta’ xogħol li taħtu jaqa’ l-korp jew il-korpi fejn il-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet tiegħu għandu japplika għall-ħaddiem ikkonċernat.

f)      Ir-remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal għandha tkun limitata għall-ispejjeż tas-salarji totali tal-ħaddiem/a kkonċernat/i. Il-kalkolu ta’ remunerazzjoni raġonevoli għax-xogħlijiet marbuta mal-intervent bħala persuna li timpjega formali ma jipprekludix li t-tranżazzjoni tal-VAT tiġi eżentata. Madankollu, il-provvista ta’ persunal ma tistax issir bi skop ta’ lukru u lanqas ma tista’ tiġġenera dħul. Barra minn hekk, eċċess ta’ użu inċidentali ma jwassalx direttament għall-ġbir tal-VAT.

g)      Meta r-relazzjoni bejn min iqiegħed il-persunal għad-dispożizzjoni (il-fornitur) u dak li miegħu dan il-persunal effettivament jeżerċita l-attivitajiet tiegħu (il-persuna li tissellef) tintemm, il-persuna li tissellef hija responsabbli għall-konsegwenzi tat-tmiem ta’ din ir-relazzjoni fuq il-kuntratt/i ta’ xogħol eżistenti konkluż/i bejn il-fornitur u l-persuni li jaħdmu mal-persuna li tissellef sad-data tat-tmiem tar-relazzjoni. […]

Il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-paragrafi (b) sa (g) inklużi għandhom bħala essenza li, minn perspettiva materjali, il-persuna li tissellef tokkupa l-pożizzjoni ta’ persuna li timpjega, kif tindika b’eċċellenza l-kundizzjoni (g) li tgħid li l-persuna li tissellef għandha tkun responsabbli għall-kundizzjonijiet finanzjarji tal-waqfien tas-self tal-persunal. Fil-prattika jidher li, meta din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, il-[kundizzjonijiet l-oħra previsti fis-subparagrafi (b) sa (f)] huma ġeneralment sodisfatti wkoll. [...] [M]eta l-persuna li tissellef ma tkunx responsabbli għall-konsegwenzi li kellu jew jista’ jkollu l-waqfien tas-self ta’ persunal [...], ikun hemm possibbiltà kbira li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-uffiċċji ta’ kollokament kummerċjali. Għalhekk, il-fatt li ma tiġix issodisfatta l-kundizzjoni g) għandu bħala konsegwenza awtomatika li t-tranżazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal tkun suġġetta għall-VAT.

[…]

4.      Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tas-saħħa

4.1.      Informazzjoni ġenerika

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tas-saħħa jista’ jiġi eżentat mill-VAT jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet huma globalment l-istess bħal dawk li japplikaw għas-settur soċjokulturali. Il-kundizzjonijiet ippreżentati fit-taqsima 3.1 ta’ dan id-digriet taħt l-ittri b), c), d), (f) u (g) japplikaw ukoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tas-saħħa. Minbarra dawn il-kundizzjonijiet, għandhom japplikaw ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-persunal għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni minn operatur li, fir-rigward tal-attivitajiet primarji tiegħu, jista’ jitlob l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(c) jew (g) tal-Liġi [dwar il-VAT];

b)      il-persunal għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ operatur li, fir-rigward tas-servizzi li għalihom ikun mobilizzat il-persunal ikkonċernat, jista’ jitlob l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(c), (f), (g) jew (o) tal-Liġi [dwar il-VAT];

c)      il-ħaddiem ikkonċernat għandu jaqa’ taħt ftehim kollettiv ta’ xogħol jew taħt statut ġeneriku li japplika għall-korpi/operaturi li jistgħu jitolbu l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(c), (f), (g) jew (o) tal-Liġi [dwar il-VAT].

Għal dak li jikkonċerna l-essenza u l-portata tal-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, nirreferi għall-aħħar paragrafu tal-punt 3.1 ta’ dan id-digriet.

[…]

5.      Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim

Il-kollokament ta’ persunal tat-tagħlim bi ħlas huwa servizz suġġett għall-VAT. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-impożizzjoni tal-VAT fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim tista’ tiġi rrinunzjata. Din l-eżenzjoni hija possibbli jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. […]

5.1      Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal xjentifiku;

It-tqegħid għad-dispożizzjoni reċiproka ta’ persunal xjentifiku minn stabbilimenti ta’ tagħlim xjentifiku jista’ jiġi eżentat mill-VAT jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet huma globalment l-istess bħal dawk li japplikaw għall-eżenzjoni mill-VAT mogħtija għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur soċjokulturali. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ippreżentati fit-taqsima 3.1 ta’ dan id-digriet taħt l-ittri b), c), d), (f) u (g) japplikaw ukoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni reċiproka ta’ persunal xjentifiku minn stabbilimenti ta’ tagħlim xjentifiku. Minbarra dawn il-kundizzjonijiet, għandhom japplikaw ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-persunal għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni minn operatur li, fir-rigward tal-attivitajiet primarji tiegħu, jista’ jitlob l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(o) tal-Liġi [dwar il-VAT];

b)      il-persunal għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ operatur li, fir-rigward tas-servizzi li għalihom ikun ġie kkollokat il-persunal ikkonċernat, jista’ jitlob l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(o) tal-Liġi [dwar il-VAT];

c)      il-ħaddiem ikkonċernat għandu jaqa’ taħt ftehim kollettiv ta’ xogħol jew taħt statut ġeneriku li japplika għall-korpi/operaturi li jistgħu jitolbu l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(o) tal-Liġi [dwar il-VAT]. […]

5.2      Attivitajiet tal-persunal ta’ tagħlim fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet sindakali

[...] L-istabbilimenti tat-tagħlim li jimpjegaw persunal sabiex jissostitwixxu persunal li jeżerċita, fuq bażi temporanja, attivitajiet fil-kuntest ta’ organizzazzjoni sindakali jistgħu jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż marbuta ma’ dan il-persunal ta’ sostituzzjoni. F’tali sitwazzjoni, l-istabbiliment ta’ tagħlim ma jħallas l-ebda VAT fuq ir-remunerazzjoni li huwa jirċievi fir-rigward tar-reklutaġġ (temporanju) ta’ persunal ta’ sostituzzjoni. Din ir-regola ma tapplikax meta stabbiliment jirċievi r-remunerazzjoni indipendentement mis-sostituzzjoni (temporanja) ta’ membru tal-persunal tiegħu. F’każ bħal dan, l-istabbiliment ikkonċernat għandu jħallas il-VAT fuq ir-remunerazzjoni rċevuta.

6.      Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku lill-‘ewroreġjuni’

Sabiex tiġi promossa l-kollaborazzjoni transkonfinali fuq livell reġjonali, l-[Unjoni Ewropea] stabbilixxiet ftehim qafas, li abbażi tiegħu l-Pajjiżi l-Baxxi kkonkludew ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Belġju u mal-Ġermanja. […]

Attwalment jeżistu diversi forom strutturati ta’ kollaborazzjoni. L-attivitajiet ta’ dawn is-sħubiji (iktar ’il quddiem l-“ewroreġjuni”) jirrigwardaw, inter alia, it-turiżmu, ir-rikreazzjoni, l-ekonomija, it-traffiku tat-triq, il-kultura u l-benesseri. [...] L-organizzazzjoni u l-istruttura tal-ewroreġjuni huma diversi. Ċerti ewroreġjuni huma ta’ natura informali. Oħrajn għandhom status ta’ dritt privat. L-ewroreġjuni l-oħrajn huma organizzazzjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku jew għandhom l-intenzjoni li jsiru hekk.

Bħall-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, l-entitajiet pubbliċi transkonfinali jistgħu jimpjegaw uffiċjali jew jimpjegaw persunal skont ir-regoli tad-dritt privat, peress li r-regola prinċipali hija għalhekk li fil-konfront tal-persunal kollu jiġi applikat id-dritt tal-pajjiż li fih tkun stabbilita l-entità pubblika. Għall-persunal tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-servizz ta’ ewroreġjun li s-sede tiegħu tinsab fil-Belġju jew fil-Ġermanja, dan iwassal għal problemi dwar il-pożizzjoni legali tiegħu (sigurtà soċjali skont id-dritt Belġjan jew id-dritt Ġermaniż, interruzzjoni tal-kostituzzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, eċċ.). Dawn il-problemi jistgħu wkoll jiġu solvuti permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal.

Fis-sitwazzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, jiena favur l-eżenzjoni tal-VAT għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal. Din l-eżenzjoni hija possibbli bil-kundizzjoni li l-provvista tkun ta’ natura strutturali u li l-ewroreġjun ikkonċernat jintervjeni materjalment bħala persuna li timpjega. Dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti:

a)      meta r-relazzjoni ta’ impjieg mal-persuna li timpjega formali jew ir-reklutaġġ tiegħu japplika għal żmien indeterminat;

b)      meta l-ewroreġjun li fih ħaddiem jew uffiċjal ser iwettaq l-attivitajiet tiegħu huwa (jew kien) intrinsikament involut fil-proċedura ta’ reklutaġġ ta’ dik il-persuna;

c)      meta l-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fi ħdan l-ewroreġjun, li għandu jiġi ppreċiżat fil-kuntratt ta’ xogħol li jkun għaddej mal-persuna li timpjega formali;

d)      meta r-remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tibqa’ limitata għall-ispejjeż tas-salarju gross tal-ħaddiema jew tal-uffiċjali kkonċernati;

e)      u meta l-ewroreġjun ikun responsabbli għall-konsegwenzi tat-tmiem tar-relazzjoni bejn l-entità rregolata mid-dritt pubbliku li tagħmel il-persunal disponibbli u l-ewroreġjun. [...] Ir-responsabbiltà msemmija hawnhekk tirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji li t-terminazzjoni tar-relazzjoni msemmija jkollha għall-ewroreġjun. […].

[…]

8.      Promozzjoni tal-mobbiltà professjonali

8.1.      Promozzjoni tal-mobbiltà professjonali tal-persunal tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku

Il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jiffavorixxu dejjem iktar il-mobbiltà tal-persunal tagħhom billi jqiegħdu, bi ħlas, uħud mill-ħaddiema tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni oħra li fiha dawn il-ħaddiema jistgħu jiksbu għarfien ġdid u jiżviluppaw l-esperjenza tagħhom.

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku li fir-rigward tagħhom il-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali tifforma parti integrali mill-politika tal-persunal huwa ta’ natura partikolari. Għal din ir-raġuni, nippermetti l-eżenzjoni ta’ din il-prattika tal-VAT taħt ċerti kundizzjonijiet:

a)      It-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jsir fil-kuntest tal-miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu l-mobbiltà professjonali u li jindirizzaw lill-ħaddiema kollha tal-korp irregolat mid-dritt pubbliku kkonċernat.

b)      It-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jiġi rreġistrat fi ftehim bil-miktub bejn il-korp irregolat mid-dritt pubbliku li jqiegħed għad-dispożizzjoni lill-persunal tiegħu, il-membru tal-persunal ikkonċernat u d-destinatarju kkonċernat. Il-ftehim bil-miktub għandu jispeċifika:

1.      li dan huwa tqegħid għad-dispożizzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali;

2.      il-perijodu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni. L-eżenzjoni għandha tingħata biss jekk dak il-perjodu ma jeċċedix it-tnax-il xahar.

c)      Qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-ħaddiema kkonċernati għandhom ikunu effettivament ħadmu fil-korp irregolat mid-dritt pubbliku għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tliet snin.

d)      Kull membru tal-persunal jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni mhux iktar minn darbtejn. It-tqegħid għad-dispożizzjoni jibqa’ eżentat mill-VAT biss jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat ma jkunx tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istess organizzazzjoni t-tieni darba.

e)      Kull pożizzjoni li ssir — provviżorjament — vakanti fil-korp irregolat mid-dritt pubbliku li, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, tqiegħed għad-dispożizzjoni lil persuni għandha bħala prinċipju tibqa’ ‘vakanti’. […]

f)      Il-korp irregolat mid-dritt pubbliku li jqiegħed il-persunal għad-dispożizzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali għandu l-obbligu li jieħu lura fis-servizz tiegħu, wara ċertu perijodu, lill-persuni mqiegħda għad-dispożizzjoni jekk dawn ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

g)      Ir-remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni għandha tkun limitata għall-ispejjeż tas-salarji totali tal-membru tal-persunal ikkonċernat. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żieda (għal spejjeż ġenerali) mill-korp irregolat mid-dritt pubbliku jostakola l-eżenzjoni.

L-eżenzjoni mill-VAT tapplika biss għall-ewwel perijodu ta’ tnax-il xahar mit-tqegħid għad-dispożizzjoni. Jekk, fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu, l-istess partijiet jikkonkludu kuntratt ġdid li permezz tiegħu l-membru tal-persunal ikkonċernat jerġa’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet għal perijodu massimu ta’ sena, il-VAT għandha tiġi ffatturata. Jekk jidher ulterjorment li t-tqegħid għad-dispożizzjoni dam iktar milli l-perijodu massimu ta’ tnax-il xahar, l-awtorizzazzjoni ma tapplikax. F’każ bħal dan, il-korp irregolat mid-dritt pubbliku għandu jħallas il-VAT għall-perijodu kollu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni (jiġifieri anki għall-ewwel tnax-il xahar).

8.2.      Promozzjoni tal-mobbiltà tal-membri tal-persunal tat-tagħlim

Kull tqegħid għad-dispożizzjoni:

a)      li sseħħ fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali,

b)      li jirrigwarda lil persuni li jeżerċitaw attività fis-settur tat-tagħlim (iktar ’il quddiem il-“persunal tat-tagħlim”),

c)      iżda li ma jikkonċernax lill-persunal ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku

huwa eżentat mill-VAT jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti (a) sa (g) tat-Taqsima 8.1.

[…]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

14      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 226 KE, indirizzat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ittra ta’ intimazzjoni, li fiha indikat li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-digriet tal-2007 jidhru inkompatibbli mal-Artikoli 2(1)(ċ), 13, 24 u 132 tad-Direttiva 2006/112, sa fejn dawn jagħtu eżenzjoni mill-VAT għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa, tat-tagħlim, kif ukoll lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali.

15      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2008. Fir-risposta tiegħu, dan spjega li l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 u l-għan imfittex minnha jħallu marġni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mill-VAT it-tqegħid għad-dispożizzjoni reċiproku ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim fil-każijiet deskritti minn din id-deċiżjoni tal-2007. Kull interpretazzjoni oħra twassal, fil-fehma tiegħu, għal żieda fl-ispejjeż li tista’ tillimita l-aċċessibbiltà għall-kura tas-saħħa u għat-tagħlim. F’dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lill-“ewroreġjuni”, dan indika li l-integrazzjoni fir-relazzjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku hija tali li huwa ġġustifikat li jitqies li l-muniċipalitajiet u l-provinċji kkonċernati jaġixxu f’dan il-qasam bħala awtoritajiet pubbliċi.

16      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni, fis-27 ta’ Ġunju 2008, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

17      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2008, dan wieġeb għal din l-opinjoni, u żamm l-argumenti tiegħu u stieden lill-Kummissjoni temenda l-evalwazzjoni tagħha.

18      Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposta mogħtija minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

19      Mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li din tqajjem żewġ ilmenti kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-ewwel ilment huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, sa fejn dan l-Istat Membru jeżenta mill-VAT it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim. It-tieni lment huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, sa fejn l-imsemmi Stat jipprevedi n-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali.

20      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika l-fatt li r-rikors tal-Kummissjoni sempliċement jirriproduċi t-termini tal-opinjoni motivata mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti pprovduti b’risposta għal din l-opinjoni. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma segwietx wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-proċedura prekontenzjuża, li huwa li tiġi ddelimitata l-kawża bil-għan li tiġi eventwalment adita l-Qorti tal-Ġustizzja.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li l-Istat Membru jingħata l-possibbiltà li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni jew li jinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra p. I-9989, punt 53).

22      B’hekk, il-proċedura prekontenzjuża ssegwi t-tliet għanijiet li ġejjin: tippermetti lill-Istat Membru jtemm il-ksur eventwali, tpoġġih f’pożizzjoni li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu u tiddelimita s-suġġett tal-kawża bil-għan li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑362/01, Ġabra p. I-11433, punt 18).

23      Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ma qegħditx lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-impossibbiltà li jtemm il-ksur allegat u ma ppreġudikax id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

24      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fir-rikors tagħha l-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru b’risposta għall-opinjoni motivata, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, dan ma kellu ebda effett fuq id-delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża peress li, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi żamm, essenzjalment, l-argumenti ppreżentati fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tivverifika l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑408/97, Ġabra p. I-6417, punt 15, u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑246/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52).

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, dwar l-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim

 L-argumenti tal-partijiet

27      Il-Kummissjoni ssostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim, inkluż, fir-rigward ta’ dan l-aħħar settur, fil-kuntest tal-mobbiltà professjonali, għandu jiġi ntaxxat skont l-Artikoli 2, 9 u 24 tad-Direttiva 2006/112 u li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1)(b), (ċ), (g), (i) u (n) ma japplikawx għal din il-provvista ta’ servizzi.

28      Fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim, il-Kummissjoni ssostni li dan ma jistax jitqies bħala provvista “marbuta mill-qrib” mat-tagħlim li, għaldaqstant, huwa suġġett, skont l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, għall-istess sistema fiskali bħall-provvista prinċipali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C‑308/96 u C‑94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24), jirriżulta li servizz jista’ jitqies bħala servizz anċillari għal provvista prinċipali jekk ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda mezz sabiex wieħed jibbenefika mill-provvista prinċipali fl-aħjar kundizzjonijiet. Issa, jidher li dan ma huwiex il-każ fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-realtà, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal jikkostitwixxi l-provvista prinċipali u s-servizzi ta’ tagħlim għandhom natura aċċessorja. L-għan tad-Digriet tal-2007 huwa barra minn hekk muri mit-titolu tiegħu, li għandu t-titolu “Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal”.

29      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College (C‑434/05, Ġabra p. I-4793), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim jista’ jitqies li huwa marbut mill-qrib mat-tagħlim, il-provvista deskritta fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tikkonċernax tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju iżda, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-digriet tal-2007, għandu jkollha natura strutturali. Għalkemm huwa minnu li l-kwistjoni li tqum f’din il-kawża kienet limitata għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti ta’ tagħlim b’mod temporanju, l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja jmur lil hinn. Fil-fatt, mill-motivazzjoni mogħtija minn din is-sentenza jirriżulta li t-tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali ta’ persunal ma jaqax taħt l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, fid-dawl tal-fatt li kemm in-natura strutturali tas-servizz kif ukoll it-tul tiegħu jimmodifikaw in-natura ta’ dan is-servizz. Peress li provvista mhux strutturali u ta’ żmien limitat tista’ titqies bħala servizz aċċessorju, provvista strutturali għal żmien twil għandha titqies bħala l-provvista prinċipali.

30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li t-tieni kundizzjoni ddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li t-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkun ta’ natura jew ta’ kwalità tali li, mingħajr il-provvista ta’ tali servizz, ma jistax jiġi żgurat li t-tagħlim ipprovdut mill-istabbilimenti benefiċjarji jkollu valur ekwivalenti, ma tidhirx fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

31      Skont il-Kummissjoni, din l-analiżi tapplika mutatis mutandis għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali u tas-saħħa. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni speċifika tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ għalliema fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, mid-digriet tal-2007 jirriżulta li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa qabel kollox strument ta’ ġestjoni tal-persunal, u mhux mezz sabiex jiġi żgurat l-aħjar tagħlim possibbli. Il-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali hija għalhekk l-għan prinċipali.

32      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jispjega li, fis-settur soċjokulturali, li jkopri biss l-“għajnuna u s-sigurtà soċjali” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, bl-esklużjoni tas-servizzi kulturali kif ukoll is-setturi tas-saħħa u tat-tagħlim, l-istabbilimenti spiss jgħinu lil xulxin reċiprokament, inkluż sabiex jimlew bżonnijiet ta’ persunal. Din l-assistenza reċiproka tista’ tkun ta’ natura temporanja, bħal fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, jew ta’ natura iktar strutturali, li huwa prinċipalment il-każ meta żewġ stabbilimenti jirreklutaw flimkien. Il-vantaġġ ta’ tali relazzjoni strutturali huwa li, minn perspettiva formali, il-ħaddiem għandu persuna li timpjega waħda biss, ħaġa li tipproteġih mill-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw għalih minn diversi relazzjonijiet ta’ xogħol simultanji.

33      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li dawn is-servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal huma strettament marbuta mas-servizzi prinċipali korrispondenti. B’hekk, fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju ta’ persunal minn stabbiliment ta’ tagħlim għal ieħor ma huwiex għan fih innifsu, iżda mezz sabiex jiġi żgurat li s-servizz prinċipali, jiġifieri l-provvista ta’ tagħlim mill-istabbiliment li jissellef, jingħata fl-aħjar kundizzjonijiet.

34      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm il-Kummissjoni tqis manifestament li dan ir-raġunament ma japplikax meta l-persunal ma jkunx iktar imqiegħed għad-dispożizzjoni temporanjament iżda strutturalment, hija madankollu tibqa’ lura milli tippreċiża f’liema rigward din in-natura strutturali tbiddel il-provvista sal-punt li ma tkunx iktar servizz anċillari, iżda provvista prinċipali awtonoma. Issa, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienx effettivament ħati ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li jiġġustifika l-affermazzjoni li tgħid li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal b’mod strutturali ma huwiex mezz sabiex jiġi żgurat li s-servizz prinċipali jiġi pprovdut fl-aħjar kundizzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew, tal-inqas, din il-parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

35      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa tal-fehma li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex limitat għat-tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju ta’ persunal, iżda japplika wkoll għat-tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma fformulat l-ebda kundizzjoni dwar it-tul tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-provvista ta’ tagħlim fuq bażi temporanja, dan kien biss għaliex il-fatti inkwistjoni f’dik il-kawża kienu jikkonċernaw effettivament tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju ta’ persunal. Minn din is-sentenza jirriżulta biss li, sabiex jikkostitwixxi servizz anċillari, it-tqegħid għad-dispożizzjoni previst mid-digriet tal-2007 għandu jkun mezz sabiex jiġi żgurat li s-servizz prinċipali jiġi pprovdut fl-aħjar kundizzjonijiet.

36      Issa, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali fis-setturi soċjo-kulturali, tat-tagħlim u tas-saħħa jissodisfa din il-kundizzjoni. Għalhekk, pereżempju, fis-settur tat-tagħlim, tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa mezz xieraq sabiex jiġu attirati u jinżammu l-għalliema t-tajbin. Sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità u, għaldaqstant, il-kwalità tal-edukazzjoni, huwa għalhekk importanti li l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mis-servizzi tal-istess għalliem għal ċertu perijodu ta’ żmien. Fil-fatt, huwa evidenti li tqegħid għad-dispożizzjoni fuq perijodu itwal jikkontribwixxi iktar sabiex is-servizz prinċipali jiġi pprovdut fl-aħjar kundizzjonijiet milli tqegħid għad-dispożizzjoni matul perijodu qasir. It-titolu tad-digriet tal-2007 huwa f’dan ir-rigward irrilevanti peress li dan jirreferi biss għall-attività li għaliha hemm stabbiliti regoli ta’ applikazzjoni tal-VAT.

37      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkonstata li, la matul din il-proċedura u lanqas matul il-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma sostnietx li l-eżenzjonijiet eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-ilment jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Apparti dan, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi qatt ma rċevew, matul din il-proċedura, ilment jew kwalunkwe sinjal ieħor li jindika tali distorsjoni tal-kompetizzjoni.

38      Finalment, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li t-tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali inkwistjoni huwa indispensabbli wkoll għat-twettiq tas-servizzi prinċipali eżentati. Dawn il-forom ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni huma fil-fatt ta’ natura u ta’ kwalità tali li, mingħajr il-provvista ta’ tali servizz, xejn ma jippermetti li jiġi ggarantit li s-servizz prinċipali pprovdut mill-istabbiliment ikkonċernat ikollu valur ekwivalenti. L-eżenzjonijiet previsti mid-digriet tal-2007 jissodisfaw għalhekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 134 tad-Direttiva 2006/112 li tipprovdi li s-servizzi għandhom ikunu indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżenti. Il-Kummissjoni ma allegatx, u wisq inqas ipprovat, li dan ma kienx il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni, skont ir-rikors tagħha, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-digriet tal-2007 fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim, inkluż, fir-rigward ta’ dan l-aħħar settur, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, ma jistax jaqa’ taħt l-eżenzjonijiet tal-VAT previsti fl-Artikolu 132(1)(b), (ċ), (g), (i) u (n) tad-Direttiva 2006/112, u li, għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għall-VAT skont l-Artikoli 2(1)(ċ), 9 u 24(1) ta’ din id-direttiva.

40      Sabiex turi l-fondatezza ta’ dan l-ilment u, konsegwentement, jiġi stabbilit l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinvoka l-uniku argument li jgħid li l-imsemmija każijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet “marbuta mill-qrib” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112.

41      Minn dan isegwi li dan l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni jirrigwarda esklużivament il-punt dwar jekk il-każijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previsti mid-digriet tal-2007 fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim, inklużi, fir-rigward ta’ dan l-aħħar settur, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, jikkostitwixxux operazzjonijiet “marbuta mill-qrib” fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Artikolu 132(1).

42      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-imsemmi lment, li jikkonċerna l-“provvediment tal-kura medika”, ma jinkludix il-kunċett ta’ operazzjoni “marbuta mill-qrib” li fuqha l-Kummissjoni tibbaża dan l-ilment u li din tal-aħħar ma ressqet ebda argument jew element speċifiku ieħor sabiex turi li l-imsemmija dispożizzjoni hija ta’ natura rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ dan l-istess ilment.

43      Issa, mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi mressqa, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirrizulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑195/04, Ġabra p. I-3351, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, Ġabra p. I-619, punt 103).

44      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 132(1)(n) tad-Direttiva 2006/112, invokat ukoll mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel ilment, għandu jiġi osservat li, fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreċiża, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li s-settur soċjo-kulturali msemmi mid-Digriet tal-2007 kellu jinftiehem fis-sens li jirreferi biss għal “servizzi ta’ għajnuna u ta’ sigurtà soċjali” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva, u mhux għal “provvista ta’ servizzi kulturali” fis-sens tal-imsemmi paragrafu (1)(n).

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ewwel ilment, għandu jiġi eżaminat biss jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, fir-rikors tagħha, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-Digriet tal-2007 fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim ma jaqax taħt il-kunċett ta’ tranżazzjoni “marbuta mill-qrib” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(b), (g) u (i) tad-Direttiva 2006/112.

46      Id-Direttiva 2006/112 tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT billi tinkludi l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-produttur, tal‑kummerċjant jew tal-fornitur ta’ servizzi. L-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva madankollu jeżenta ċerti attivitajiet mill-VAT. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club, C‑253/07, Ġabra p. I-7821, punt 15, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, C‑473/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112, jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex teżenta mill-VAT ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, din l-eżenzjoni ma tikkonċernax l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha, iżda biss dawk li huma elenkati u deskritti b’mod dettaljat ħafna (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Horizon College, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Eulitz, punt 26).

48      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Horizon College, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Eulitz, punt 25).

49      It-termini użati sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tħares ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed, C‑461/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, kif ukoll Eulitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

50      L-Artikolu 132(1)(b), (g) u (i) tad-Direttiva 2006/112 ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ tranżazzjonijiet “marbuta mill-qrib” li jinsabu fih. Madankollu, mill-kliem stess tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmi Artikolu 132 jirriżulta li dawn ma jkoprux il-provvisti ta’ servizzi li ma għandhom ebda rabta ma’, rispettivament, “il-kura fl-isptar u l-kura tas-saħħa”, “l-għajnuna u s-sigurtà soċjali” kif ukoll “edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid”. Għaldaqstant, provvisti ta’ servizzi jistgħu jitqiesu li huma “marbuta strettament” ma’ dawn is-servizzi tal-aħħar biss meta effettivament jiġu pprovduti bħala servizzi anċillari għalihom, li jikkostitwixxu s-servizzi prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li provvista tista’ titqies li hija anċillari għal provvista prinċipali meta ma tikkostitwixxix għan fiha nnifisha, iżda l-mezz sabiex jittieħed benefiċċju fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Madgett u Baldwin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C‑349/96, Ġabra p. I-973, punt 30; tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, Ġabra p. I-12911, punt 34, kif ukoll Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

52      F’dak li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 30 tas-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, li, kif sostniet il-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-fatt li stabbiliment ta’ tagħlim iqiegħed għad-dispożizzjoni lil għalliem għal stabbiliment ta’ tagħlim ieħor sabiex iwettaq b’mod temporanju kompiti ta’ tagħlim taħt ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxi tranżazzjoni li, bħala prinċipju, hija ta’ natura li tiġi kkwalifikata bħala “provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mat-tagħlim” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva, peress li, f’każ ta’ nuqqas temporanju ta’ għalliema f’ċerti stabbilimenti ta’ tagħlim, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-aħħar għalliema kkwalifikati li jaqgħu taħt stabbilimenti ta’ tagħlim oħra huwa tali li jippermetti li studenti jibbenefikaw taħt l-aħjar kundizzjonijiet mit-tagħlim mogħti mill-istabbilimenti destinatarji.

53      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni madankollu ssostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-digriet tal-2007 fis-settur tat-tagħlim ma jistax jitqies bħala tali attività “marbuta mill-qrib” mat-tagħlim ipprovdut mill-korpi destinatarji peress li, b’differenza mis-sitwazzjoni fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkollu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan id-digriet fil-punt 3(1)(b) tiegħu, natura mhux temporanja iżda strutturali. F’każ bħal dan, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal ma jistax, skont il-Kummissjoni, jitqies bħala “servizz anċillari” fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112, iżda jikkostitwixxi, għall-kuntrarju, għan fih innifsu u, għaldaqstant, huwa fih innifsu l-provvista prinċipali. Barra minn hekk, peress li d-digriet tal-2007 jinkludi, fil-punti 4(1) u 5(1) tiegħu, l-istess rekwiżit strutturali fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali u tas-saħħa, l-istess analiżi tapplika mutatis mutandis għal dawn il-każijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li s-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju ta’ persunal, in-natura temporanja jew strutturali ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal ma tistax, fiha nnifisha, tiddetermina jekk din tistax titqies bħala tranżazzjoni “marbuta mill-qrib” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(b), (g) u (i) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, u kif ddeċidiet b’mod espliċitu l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 29 u 30 tas-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, huwa importanti biss għal dan il-għan li jiġi eżaminat jekk l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni jikkostitwixxix mhux għan fih innifsu, iżda l-mezz sabiex jittieħed benefiċċju taħt l-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali.

55      Issa, insostenn tal-argument tagħha li jgħid li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-Digriet tal-2007 fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim ma jikkostitwixxix tali operazzjoni “marbuta mill-qrib”, il-Kummissjoni sempliċement tenfasizza n-natura strutturali ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, li jimplika neċessarjament, fil-fehma tagħha, li tali tqegħid għad-dispożizzjoni fl-ebda każ ma jista’ jitqies bħala provvista anċillari għal provvista prinċipali.

56      Madankollu, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova konkreta intiża li turi kif it-tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali tal-persunal bħal dak organizzat bid-Digriet tal-2007 fis-setturi inkwistjoni jikkostitwixxi għan fih innifsu u mhux il-mezz sabiex jittieħed benefiċċju taħt l-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, li tindika li “jidher” li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim jikkostitwixxi għan fih innifsu. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjonijiet.

57      Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega fid-dettall fin-noti tiegħu r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni strutturali previst mid-Digriet tal-2007 fis-setturi soċjo-kulturali, tas-saħħa u tat-tagħlim jippermetti li jiġi żgurat li s-servizz prinċipali jiġi pprovdut fl-aħjar kundizzjonijiet. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 32 u 36 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi enfasizza f’dan ir-rigward li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jippermetti lill-korpi attivi f’dawn is-setturi li jgħinu lil xulxin reċiprokament f’dak li jikkonċerna bżonnijiet personali u jikkostitwixxi mezz tajjeb sabiex jattira l-persunal ta’ kwalità u li dan jinżamm, u b’hekk jiggarantixxi l-kontinwità tiegħu u, għaldaqstant, il-kwalità tas-servizzi, rispettivament, ta’ għajnuna u ta’ sigurtà soċjali, ta’ saħħa u ta’ tagħlim. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la kkonfutat u lanqas ipprovat tirribatti dawn l-ispjegazzjonijiet fir-replika tagħha.

58      Ċertament, f’dak li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ għalliema fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, li hija s-suġġett ta’ regoli speċifiċi fid-Digriet tal-2007, il-Kummissjoni affermat fir-rikors tagħha li din essenzjalment tikkostitwixxi strument ta’ ġestjoni tal-persunal u mhux mezz sabiex jiġi żgurat l-aħjar tagħlim possibbli, b’tali mod li t-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jitqies bħala l-għan prinċipali.

59      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tirrileva li dan l-għan “jirriżulta” mill-imsemmi digriet mingħajr ma ssostanzjat b’ebda mod din l-affermazzjoni, u b’mod partikolari mingħajr ma tispjega kif tali tqegħid għad-dispożizzjoni, li jseħħ bejn stabbilimenti ta’ tagħlim, ma jistax ikun ta’ natura li jippermetti li t-tagħlim jiġi pprovdut fl-aħjar kundizzjonijiet, u dan filwaqt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza b’mod qawwi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-settur tat-tagħlim jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-kwalità tiegħu u li l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda espressament it-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib mat-“taħriġ” u mar-“taħriġ mill-ġdid”.

60      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ppreżentatx il-prova li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-Digriet tal-2007 fis-setturi inkwistjoni jikkostitwixxi għan fih innifsu, u mhux il-mezz sabiex jittieħed benefiċċju taħt l-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali.

61      Ċertament, fil-punti 34 sa 43 u 46 tas-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal bħala tranżazzjoni “marbuta mill-qrib”, f’dan il-każ, mat-tagħlim hija, fi kwalunkwe każ, suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, riflessi parzjalment fl-Artikoli 132 u 134 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri, essenzjalment, l-ewwel nett, li kemm dan is-servizz prinċipali kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni li huwa marbut mill-qrib ma’ din tal-aħħar isiru minn korpi msemmija fl-Artikolu 132(1)(i) ta’ din id-direttiva, it-tieni nett, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni msemmi jkun ta’ natura jew ta’ kwalità tali li, mingħajr il-provvista ta’ tali servizz, ma jkunx jista’ jiġi żgurat li t-tagħlim mogħti mill-istabbiliment destinatarju u, għalhekk, dak li jibbenefikaw minnu l-istudenti ta’ dan tal-aħħar, ikollu valur ekwivalenti, u, it-tielet nett, li tali tqegħid għad-dispożizzjoni ma jkunx essenzjalment intiż biex jinkiseb dħul supplimentari permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjoni mwettqa f’kompetizzjoni diretta ma’ impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

62      Madankollu, il-Kummissjoni lanqas ma pprovat turi li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma nieqsa fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-digriet tal-2007 fis-settur tat-tagħlim. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fis-setturi soċjo-kulturali u tas-saħħa, hija lanqas ma pprovat turi li l-imsemmija kundizzjonijiet kienu wkoll nieqsa f’dawn l-aħħar każijiet.

63      Huwa minnu li t-tieni kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Horizon College, iċċitata iktar ’il fuq, ma tinsabx espliċitament fit-test tad-Digriet tal-2007. Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax, bħala tali, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ikun biżżejjed sabiex jiġi pprovat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst minn din il-leġiżlazzjoni fis-setturi inkwistjoni ma huwiex ta’ natura jew ta’ kwalità tali li, mingħajr il-provvista ta’ tali servizz, ma jistax jiġi żgurat li s-servizzi pprovduti mill-istabbiliment destinatarju jkollhom valur ekwivalenti.

64      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112, dwar l-eżenzjoni mill-VAT tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali

 L-argumenti tal-partijiet

65      Il-Kummissjoni ssostni li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jqiegħdu għad-dispożizzjoni persunal fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali u għall-“ewroreġjuni” għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112.

66      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, Ġabra p. I-6251, punt 40), li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jiddependi qabel kollox mill-mod kif l-attivitajiet huma eżerċitati, peress li l-attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi huma dawk imwettqa mill-imsemmija korpi fil-kuntest tas-sistema legali partikolari għalihom, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li huma jwettqu fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati, u li, konformement ma’ dak li ġie deċiż fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C‑446/98, Ġabra p. I-11435, punt 21), għal dan il-għan għandha ssir evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni.

67      Skont il-Kummissjoni, din l-analiżi tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi twassalha sabiex tikkonkludi li l-eżenzjoni tal-korpi pubbliċi fil-każijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni msemmija hawnhekk ma huwiex konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112. Peress li n-nuqqas ta’ ssuġġettar jiddependi mill-mod kif l-attivitajiet huma eżerċitati, il-fatt li r-relazzjoni bejn l-uffiċjal imqiegħed għad-dispożizzjoni u l-komuni kkonċernati tkun irregolata mir-regoli tad-dritt pubbliku ma jfissirx awtomatikament li l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni jsir mill-imsemmija komuni bħala awtoritajiet pubbliċi. In-numru għoli ta’ uffiċċji ta’ kollokament fl-Ewropa juri b’mod ċar li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal huwa wkoll suġġett għar-regoli tad-dritt privat.

68      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li hija “assolutament ma hijiex konvinta” li l-kundizzjonijiet li għalihom id-digriet tal-2007 jissuġġetta l-eżenzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal għal “ewroreġjun” jippermettu li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-VAT għal parti mis-suq tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal tirriskja li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-bqija tas-suq ma jistax jibbenefika minnha. Barra minn hekk, mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, Ġabra p. I-7203, punti 63 u 64), jirriżulta li l-effett tal-kompetizzjoni potenzjali huwa rilevanti wkoll.

69      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, it-tqegħid għad-dispożizzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, iqis li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn hija ma taqax taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112. Issa, l-eżenzjoni ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għall-“ewroreġjuni”. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew, tal-inqas, din il-parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

70      Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal inkwistjoni huwa eżerċitat bħala awtorità pubblika peress li l-uffiċjal imqiegħed għad-dispożizzjoni jkompli f’dan il-kuntest it-twettiq ta’ atti tal-awtorità pubblika u li d-digriet tal-2007 jissuġġetta dawn it-tqegħid għad-dispożizzjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi li ma japplikawx għall-individwi u li għandhom bħala għan li jiżguraw li huma biss it-tqiegħed għad-dispożizzjoni effettivament intiżi sabiex jippermettu lil uffiċjal jikseb konoxxenzi u esperjenza mingħand korp pubbliku ieħor li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

71      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-Kummissjoni ma allegatx u wisq inqas uriet li n-nuqqas ta’ ssuġġettar inkwistjoni jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, dawn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ma jitwettqux sabiex iwieġbu għal talba għal persunal li operaturi ekonomiċi privati, bħall-aġenziji ta’ kollokament, ikunu jistgħu eventwalment jissodisfaw, peress li r-raġuni għalihom hija li jiġi żgurat li l-persunal ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku jikseb konoxxenzi u esperjenza ma’ organu ieħor li huwa jkun jista’ sussegwentement iqiegħed fis-servizz tal-istituzzjoni tiegħu stess.

72      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-“ewroreġjuni” ta’ persunal ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni la turi li l-attivitajiet inkwistjoni ma humiex attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi, u lanqas li l-eżenzjoni twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

73      Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-attivitajiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal għall-“ewroreġjuni” huma eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, skont il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Qafas Ewropea dwar il-kooperazzjoni transkonfinali tal-kollettivitajiet jew l-awtoritajiet territorjali, l-uffiċjali nazzjonali huma għal dan il-għan imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ kooperazzjoni transkonfinali mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tagħhom sabiex jeżerċitaw fiha kompiti ta’ awtorità pubblika li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ddelegaw lil din l-assoċjazzjoni. Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ uffiċjali ma huwiex għalhekk intiż sabiex jimla bżonn f’persunal, iżda jikkostitwixxi mezz importanti sabiex jippermetti l-kooperazzjoni tal-kollettivitajiet jew tal-awtoritajiet territorjali inkwistjoni fi ħdan l-“ewroreġjuni” u jiżgura l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp tal-funzjonijiet pubbliċi fdati lilhom. Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mhux taxxabbli huwa suġġett għal kundizzjonijiet legali li ma japplikawx għall-operaturi ekonomiċi partikolari.

74      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li d-Digriet tal-2007 jinkludi kundizzjonijiet stretti intiżi sabiex jimpedixxihom u li l-attivitajiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal inkwistjoni ma jidħlux f’kompetizzjoni ma’ dawk tal-operaturi privati, bħall-uffiċċji ta’ kollokament, peress li dawn jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-“ewroreġjuni” ta’ persunal speċifiku minn komun sabiex jipparteċipa b’mod attiv fil-kooperazzjoni fi ħdanhom. L-ingaġġ ta’ persunal ġdid mis-sistema tal-uffiċċji ta’ kollokament ma huwiex għażla li tippermetti li jiġi ssodisfatt dan il-bżonn. Fir-rigward tar-riskju ta’ distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tagħti ebda informazzjoni ta’ dritt jew ta’ fatt li minnha jidher li l-attivitajiet eżenti huma eżerċitati, effettivament jew potenzjalment, fis-sens ta’ possibbiltà reali, f’kompetizzjoni ma’ operaturi ekonomiċi partikolari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, kif prevista mid-Digriet tal-2007, ma jaqax taħt is-sistema ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, peress li din l-attività ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ma titwettaqx minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku “bħala awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u li, f’kull każ, tali eżenzjoni “[t]ikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni. Il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni għandhom għalhekk jitqiesu bħala “persuni taxxabbli” fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkun suġġett għall-VAT skont l-Artikoli 2(1)(ċ) u 24(1) tal-imsemmija direttiva.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll mill-pożizzjoni tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva fis-sistema komuni tal-VAT stabbilita mis-Sitt Direttiva, kull attività ta’ natura ekonomika hija, bħala prinċipju, taxxabbli. Huma suġġetti għall-VAT, bħala regola ġenerali u konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112, il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas, inklużi dawk ipprovduti mill-korpi rregolati bid-dritt pubbliku. L-Artikoli 9 u 13 tad-Direttiva 2006/112 b’hekk jallokaw kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Isle of Wight Council et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28 u 38, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑554/07, punt 39).

77      Madankollu, b’deroga minn din ir-regola ġenerali, ċerti attivitajiet ta’ natura ekonomika ma humiex suġġetti għall-VAT. Tali deroga hija prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, li jipprovdi li l-attivitajiet imwettqa minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtorità pubblika ma humiex suġġetti għal din it-taxxa. Madankollu, anki meta dawn il-korpi jeżerċitaw tali attività fil-vesti ta’ awtoritajiet pubbliċi, huma għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli, b’mod konformi, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, sa fejn l-eżenzjoni tagħhom tikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Isle of Wight Council et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, SALIX Grundstücks-Vermietungsgesellschaft, C‑102/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 62 u 63).

78      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-Digriet tal-2007 għall-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali ma jsirx minn “ korpi [...] rregolati bid-dritt pubbliku [...] bħala awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-eżenzjoni mill-VAT ta’ dawn il-korpi “[t]ikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 13(1).

79      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp irregolat mid-dritt pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet imwettqa bħala awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Isle of Wight Council et, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41)

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal previst mid-Digriet tal-2007 għall-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali huwa eżerċitat minn “korpi rregolati mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ma huwiex eżerċitat minn dawn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku “bħala awtoritajiet pubbliċi” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

82      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza dwar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu s-sitwazzjoni li fiha korpi rregolati mid-dritt pubbliku jeżerċitaw bħala suġġetti rregolati mid-dritt pubbliku, fil-kuntest tas-sistema legali partikolari tagħhom, attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jistgħu wkoll jitwettqu f’kompetizzjoni magħhom minn individwi taħt sistema tad-dritt privat jew abbażi ta’ konċessjonijiet amministrattivi. Min-naħa l-oħra, meta dawn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jaġixxu fl-istess kundizzjonijiet legali bħal operaturi ekonomiċi privati, huma ma jistgħux jitqiesu bħala li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet “bħala awtoritajiet pubbliċi” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, 231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 16, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle, C‑430/04, Ġabra p. I-4999, punt 24).

83      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tal-argument tagħha fuq dan il-punt, il-Kummissjoni sempliċement tfakkar, fir-rikors tagħha, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr bl-ebda mod ma tapplikaha għal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi inkwistjoni, billi tistabbilixxi jew tipprova tistabbilixxi li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jqiegħdu persunal għad-dispożizzjoni tal-“ewroreġjuni” jew fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali skont id-Digriet tal-2007 jaġixxu fl-istess kundizzjonijiet legali bħal operatur ekonomiku privat fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

84      F’dan ir-rigward, il-fatt, imsemmi fil-qosor mill-Kummissjoni, li fl-Ewropa jeżisti numru kbir ta’ operaturi privati, bħal uffiċċji ta’ kollokament, li jqiegħdu persunal għad-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ regoli tad-dritt privat, huwa irrilevanti. Fil-fatt, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma turi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali prevista mid-Digriet tal-2007 hija eżerċitata mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet legali bħal dawn l-operaturi ekonomiċi privati u mhux fil-kuntest tas-sistema legali partikolari għalihom, iżda tikkonferma l-iktar li l-attivitajiet imwettqa minn tali korpi “bħala awtoritajiet pubbliċi” jistgħu jitwettqu f’kompetizzjoni ma’ individwi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt id-dritt privat.

85      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 70 u 73 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega b’mod iddettaljat u argumentat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali huwa eżerċitat mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku inkwistjoni bħala awtoritajiet pubbliċi.

86      B’mod partikolari, dan l-Istat Membru enfasizza f’dan ir-rigward li d-Digriet tal-2007, hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, jissuġġetta dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal għal kundizzjonijiet speċifiċi li ma japplikawx għall-individwi u li għandhom bħala għan, fir-rigward tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali, li jiggarantixxu li huwa biss it-tqegħid għad-dispożizzjoni intiż sabiex jippermetti lil uffiċjal li jikseb konoxxenzi u esperjenza ma’ korp ieħor irregolat mid-dritt pubbliku li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT.

87      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega wkoll li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lill-“ewroreġjuni” ma kienx intiż sabiex ikopri bżonn ta’ persunal, iżda kien jikkostitwixxi biss mezz importanti sabiex jippermetti lill-komuni u lill-provinċji parteċipanti li jikkooperaw fi ħdan l-“ewroreġjuni” u sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-missjonijiet pubbliċi fdati lilhom.

88      Il-Kummissjoni la rribattiet u lanqas fittxet li tirribatti dawn l-ispjegazzjonijiet li diġà jirriżultaw parzjalment mit-test stess tad-Digriet tal-2007.

89      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi li jippermettulha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività bħala “awtoritajiet pubbliċi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

90      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika għandu jitqies bħala “persuna taxxabbli” meta l-eżenzjoni tiegħu tista’ tagħti lok għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. B’hekk huwa previst il-każ ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jeżerċitaw attivitajiet li jistgħu jkunu eżerċitati wkoll, fl-istess ħin, minn operaturi ekonomiċi privati. L-għan huwa li jiġi żgurat li dawn tal-aħħar ma jkunux żvantaġġati mill-fatt li huma ntaxxati filwaqt li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku ma jkunux (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

91      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li d-distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni li twassal għalihom l-eżenzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, bħala tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq partikolari, kif ukoll fir-rigward mhux biss mal-kompetizzjoni attwali, iżda wkoll mal-kompetizzjoni potenzjali, sakemm il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun reali, u mhux purament ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Isle of Wight Council et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 65).

92      Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sempliċement tindika li hija “assolutament ma hijiex konvinta” li l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tissuġġetta l-eżenzjoni mill-VAT jippermettu li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, hija ma tressaq ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni, b’mod partikolari sabiex turi li l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni allegata mal-attivitajiet eżerċitati minn operaturi privati, bħall-uffiċċji ta’ kollokament, ma hijiex biss teoretika iżda reali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑276/98, Ġabra p. I-1699, punt 28).

93      Issa, għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punti 71 u 74 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega b’mod iddettaljat u argumentat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal lill-“ewroreġjuni” u fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobbiltà professjonali organizzata mid-Digriet tal-2007 ma jistax jitqies li huwa eżerċitat f’kompetizzjoni mal-attivitajiet ta’ kollokament eżerċitati mill-operaturi privati. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru sostna f’dan ir-rigward li, essenzjalment, fid-dawl tan-natura speċifika tal-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti fil-kuntest tal-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni, ir-reklutaġġ ta’ persunal mill-uffiċċju privat ma jikkostitwixxix għażla possibbli. Il-Kummissjoni la rribattiet u lanqas fittxet li tirribatti dawn l-ispjegazzjonijiet.

94      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi li jippermettulha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ “distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top